EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D0593

Deċiżjoni (UE) 2024/593 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2024 li tagħti s-setgħa lil Franza biex tinnegozja ftehim bilaterali mal-Alġerija dwar kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali

PE/65/2023/REV/1

ĠU L, 2024/593, 16.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/593/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/593/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/593

16.2.2024

DEĊIŻJONI (UE) 2024/593 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Frar 2024

li tagħti s-setgħa lil Franza biex tinnegozja ftehim bilaterali mal-Alġerija dwar kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 81(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Diċembru 2016, Franza talbet li tingħata s-setgħa mill-Unjoni biex tinnegozja ftehim bilaterali mal-Alġerija dwar kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali. L-għan kien li jiġu mmodernizzati u kkonsolidati t-tliet ftehimiet bilaterali tal-1962, l-1964 u l-1980 li huma fis-seħħ.

(2)

Franza pprovdiet informazzjoni lill-Kummissjoni li turi li minħabba r-rabtiet ekonomiċi, kulturali, storiċi, soċjali u politiċi eċċezzjonali li għandha mal-Alġerija, Franza għandha interess speċifiku li tinnegozja ftehim bilaterali mal-Alġerija, li l-abbozz tiegħu ġie trażmess lill-Kummissjoni.

(3)

B’mod partikolari, Franza pprovdiet data dwar l-għadd kbir ta’ ċittadini Alġerini li jgħixu fit-territorju tagħha u dwar l-għadd ta’ ċittadini Franċiżi li jgħixu fl-Alġerija kif ukoll dwar l-importanza speċifika tal-iskambji kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi.

(4)

Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Alġerija huma bbażati fuq il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra (2) (il-“Ftehim Ewro-Mediterranju”), li daħal fis-seħħ fl-2005. Il-Ftehim Ewro-Mediterranju jikkostitwixxi l-qafas legali li jirregola r-relazzjonijiet bejn il-partijiet fi kwistjonijiet ekonomiċi, kummerċjali, politiċi, soċjali u kulturali.

(5)

L-Artikolu 85 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju jistipula li l-kooperazzjoni fl-oqsma legali u ġudizzjarji hija essenzjali u hija żieda meħtieġa mal-forom l-oħra ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Alġerija previsti fil-Ftehim Ewro-Mediterranju, u li tali kooperazzjoni tista’ tinkludi, fejn xieraq, in-negozjar ta’ ftehimiet f’dawk l-oqsma.

(6)

Ir-relazzjoni tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi fir-rigward tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali tiddependi fuq il-qafas legali żviluppat mill-Konferenza ta’ The Hague dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (l-“HCCH”), f’konformità mal-prinċipju tal-multilateraliżmu. Madankollu, l-Alġerija mhijiex membru tal-HCCH u s’issa rrifjutat li taderixxi mal-konvenzjonijiet ewlenin tagħha.

(7)

Għalkemm l-Alġerija mhijiex membru tal-HCCH u ma aderixxietx mal-konvenzjonijiet ewlenin tagħha, l-abbozz ta’ ftehim jidher li huwa fil-biċċa l-kbira ispirat mis-sistema stabbilita mill-Konvenzjonijiet ta’ The Hague u mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni adottata dwar l-istess kwistjonijiet.

(8)

Uħud mill-kwistjonijiet li għandhom jiġu ttrattati fl-abbozz ta’ ftehim bejn Franza u l-Alġerija jaffettwaw l-acquis rilevanti tal-Unjoni dwar kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. Konsegwentement, il-kwistjonijiet koperti minn tali impenji internazzjonali jaqgħu taħt il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jinnegozjaw tali impenji jew jidħlu fihom biss jekk jingħataw setgħa, skont l-Artikolu 2(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), mil-leġiżlatur tal-Unjoni biex jagħmlu dan, f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva msemmija fl-Artikolu 81(2) TFUE.

(9)

Minħabba l-kompetenza tal-Unjoni fil-maġġoranza tal-kwistjonijiet li għandhom jiġu ttrattati fl-abbozz ta’ ftehim bejn Franza u l-Alġerija, jenħtieġ li Franza tirrapporta regolarment lill-Kummissjoni dwar it-tmexxija tan-negozjati dwar il-ftehim bilaterali. Kemm Franza kif ukoll il-Kummissjoni ser iżommu lill-Kunsill infurmat regolarment bl-iżviluppi.

(10)

Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-ftehim futur bejn Franza u l-Alġerija neċessarjament jaffettwa l-acquis tal-Unjoni b’mod negattiv. Madankollu, huwa xieraq li jkunu previsti linji gwida ta’ negozjar bl-għan li jiżguraw li jiġi minimizzat ir-riskju ta’ effetti negattivi bħal dawn.

(11)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(12)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Franza hija b’dan mogħtija s-setgħa li tinnegozja ftehim bilaterali mal-Alġerija dwar kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali, dment li jiġu segwiti l-linji gwida ta’ negozjar li ġejjin:

(a)

Franza tinforma lill-Alġerija li l-Kummissjoni tista’ tieħu sehem fin-negozjati bħala osservatur, u li l-Kummissjoni ser tiġi infurmata bi kwalunkwe progress u bir-riżultati miksuba matul id-diversi stadji tan-negozjati;

(b)

Franza tħeġġeġ lill-Alġerija biex tikkunsidra taderixxi mal-konvenzjonijiet ewlenin żviluppati mill-Konferenza ta’ The Hague dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (il-“Konvenzjonijiet ta’ The Hague”) u tibda analiżi tal-modi l-aktar adegwati biex jitneħħew l-ostakoli li żammew lill-Alġerija milli taderixxi mal-Konvenzjonijiet ta’ The Hague;

(c)

Franza tinforma lill-Alġerija li, wara l-konklużjoni tan-negozjati, huwa meħtieġ l-għoti tas-setgħa mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill qabel ma Franza titħalla tikkonkludi l-ftehim;

(d)

Franza tinforma lill-Alġerija li l-għoti tas-setgħa mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill biex jiġi konkluż il-ftehim, wara proposta mill-Kummissjoni, jista’ jipprevedi li l-ftehim ikollu validità limitata fiż-żmien, bil-possibbiltà li jiġi indikat mekkaniżmu ta’ tiġdid taċitu fid-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim;

(e)

tiddaħħal dispożizzjoni fil-ftehim li tipprevedi denunzja sħiħa jew parzjali tal-ftehim jew sostituzzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim fil-każ tal-konklużjoni ta’ ftehim sussegwenti bejn l-Unjoni, jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Alġerija, min-naħa l-oħra, jew l-adeżjoni tal-Alġerija mal-Konvenzjonijiet rilevanti ta’ The Hague;

(f)

tiddaħħal dispożizzjoni fil-ftehim li tgħid li kwalunkwe deċiżjoni rikonoxxuta fi Franza skont il-ftehim ma tistax sussegwentement tiċċirkola fi Stati Membri oħra skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

(g)

id-dispożizzjonijiet tal-ftehim jikkonformaw mal-acquis rilevanti tal-Unjoni u mal-Konvenzjonijiet ta’ The Hague rilevanti;

(h)

Franza tinforma lill-Alġerija li, skont l-iżvilupp tan-negozjati, jistgħu jkunu meħtieġa linji gwida ta’ negozjar oħra fi żmien debitu.

Artikolu 2

Franza għandha twettaq in-negozjati f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

Franza għandha tirrapporta regolarment lill-Kummissjoni dwar il-passi meħuda skont din id-Deċiżjoni u tikkonsultaha fuq bażi regolari. Kull meta l-Kummissjoni titlobha, Franza għandha tirrapportalha bil-miktub dwar it-twettiq u l-eżitu tan-negozjati.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Strasburgu, is-7 ta’ Frar 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Diċembru 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Jannar 2024.....

(2)   ĠU L 265, 10.10.2005, p. 2.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/593/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top