Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D02348

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Marzu 2024 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/C 135/03 fir-rigward tal-applikabbiltà tagħha, il-kompiti tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI u t-trasparenza tal-operat tiegħu

    C/2024/1705

    ĠU C, C/2024/2348, 27.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2348/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2348/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje C


    C/2024/2348

    27.3.2024

    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-22 ta’ Marzu 2024

    li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/C 135/03 fir-rigward tal-applikabbiltà tagħha, il-kompiti tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI u t-trasparenza tal-operat tiegħu

    (C/2024/2348)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Il-Grupp Konsultattiv Ewropew għas-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS) twaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/C 135/03 (2). Dik id-Deċiżjoni tapplika sas-27 ta’ Awwissu 2017. Peress li d-Direttiva 2010/40/UE ma tispeċifika l-ebda limitu ta’ żmien għall-Grupp Konsultattiv, huwa meħtieġ li titneħħa dik il-limitazzjoni u mhuwiex xieraq li tiġi speċifikata xi limitazzjoni ta’ żmien.

    (2)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 final (3) tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-operat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni, inkluż mudell għad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-gruppi ta’ esperti. Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2011/C 135/03 tikkonforma mad-Deċiżjoni C (2016) 3301 final.

    (3)

    L-Artikolu 4a(1) tad-Direttiva 2010/40/UE, kif emendat mid-Direttiva (UE) 2023/2661 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jirrikjedi lill-Kummissjoni tikkonsulta lill-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI u lill-partijiet interessati rilevanti qabel tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi programm ta’ ħidma. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi stabbilit kompitu ġdid tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI fid-Deċiżjoni 2011/C 135/03.

    (4)

    Huwa għalhekk meħtieġ li d-Deċiżjoni 2011/C 135/03 tiġi emendata biex tinkludi dak il-kompitu l-ġdid, biex jiġi żgurat li tikkonforma mar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni C(2016) 3301 u biex jitneħħa l-limitu ta’ żmien dwar l-applikabbiltà tagħha,

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu Uniku

    Id-Deċiżjoni 2011/C 135/03 hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    li joħloq skambju ta’ esperjenza u ta’ prattika tajba relatati mal-varar u t-tħaddim tal-STI;”;

    (b)

    jiżdied il-punt (d) li ġej:

    “(d)

    li jassisti lill-Kummissjoni fit-tfassil tal-programmi ta’ ħidma li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f’konformità mad-Direttiva 2010/40/UE.”;

    (2)

    L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 3, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

    “Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għandha tiġi ppubblikata fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u entitajiet simili oħra. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għandha tiddeskrivi b’mod ċar il-kriterji tal-għażla, inkluż l-għarfien espert meħtieġ fir-rigward tax-xogħol li għandu jitwettaq. L-iskadenza minima għall-applikazzjonijiet għandha tkun ta’ erba’ ġimgħat.

    Ir-reġistrazzjoni fir-Reġistru tat-Trasparenza għandha tkun meħtieġa għall-ħatra ta’ individwi li jirrappreżentaw interess komuni u organizzazzjonijiet.”;

    (b)

    jitħassru l-paragrafi 7 u 8;

    (3)

    L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.   Il-laqgħat tal-gruppi u s-sottogruppi ta’ esperti għandhom isiru fil-bini tal-Kummissjoni jew virtwalment, kif meħtieġ. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi segretarjali. Uffiċjali oħrajn tal-Kummissjoni li għandhom interess fil-proċedimenti jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI u s-sottogruppi tiegħu.”

    ;

    (b)

    jiżdied il-paragrafu 8 li ġej:

    “8.   Kemm jista' jkun, il-grupp għandu jadotta l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti tiegħu b’kunsens. Fil-każ li jkun hemm votazzjoni, l-eżitu tal-votazzjoni għandu jiġi deċiż permezz ta' maġġoranza sempliċi tal-membri. Il-membri li jkunu vvutaw kontra jew li jkunu astjenew għandhom id-dritt li jkollhom dokument li jiġbor fil-qosor ir-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħhom mehmuż mal-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti.”

    ;

    (4)

    jiddaħħlu l-Artikoli 5a u 5b li ġejjin:

    “Artikolu 5 a

    Segretezza professjonali u trattament ta’ informazzjoni klassifikata

    Il-membri tal-grupp u tas-sottogruppi, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna, huma soġġetti għall-obbligu tas-segretezza professjonali, li bis-saħħa tat-Trattati u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom japplika għall-membri kollha tal-istituzzjonijiet u għall-persunal tagħhom, kif ukoll għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (*1) u (UE, Euratom) 2015/444 (*2). F’każ li dawn l-obbligi ma jiġux rispettati, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.

    Artikolu 5b

    Trasparenza

    1.   Il-grupp u s-sottogruppi tiegħu għandhom jiġu rreġistrati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u entitajiet oħra simili (‘ir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti’).

    2.   Id-data li ġejja dwar il-kompożizzjoni tal-grupp u tas-sottogruppi għandha tiġi ppubblikata fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti:

    (a)

    l-ismijiet tal-individwi li jinħatru fil-kapaċità personali tagħhom;

    (b)

    l-ismijiet tal-individwi maħtura biex jirrappreżentaw interess komuni; l-interess rappreżentat għandu jkun żvelat;

    (c)

    l-ismijiet tal-organizzazzjonijiet membri; l-interess rappreżentat għandu jkun żvelat;

    (d)

    l-ismijiet ta’ entitajiet pubbliċi oħrajn;

    (e)

    l-ismijiet tal-osservaturi.

    3.   Id-dokumenti rilevanti kollha, inkluż l-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti, għandhom ikunu disponibbli jew fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti jew permezz ta’ link mir-Reġistru għal sit web dedikat, fejn ikun hemm din l-informazzjoni. L-aċċess għal siti elettroniċi dedikati ma għandux ikun sottomess għal reġistrazzjoni tal-utent jew għal restrizzjoni oħra. B’mod partikolari, l-aġenda u dokumenti oħra ta’ sfond rilevanti għandhom jiġu ppubblikati fi żmien xieraq qabel il-laqgħa, segwiti mill-pubblikazzjoni f’waqtha tal-minuti. L-eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni għandhom ikunu possibbli biss meta l-iżvelar ta’ xi dokument ikun idgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (*3).

    (*1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41, ELI http://data.europa.eu/eli/dec/2015/443/oj?locale=MT)."

    (*2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53, ELI http://data.europa.eu/eli/dec/2015/444/oj?locale=mt)."

    (*3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43, ELI http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1049/oj?locale=mt).”;"

    (5)

    L-Artikolu 7 jitħassar.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Marzu 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Adina VĂLEAN

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)   ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/40/oj?locale=mt.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/C 135/03 tal-4 ta’ Mejju 2011 dwar l-istabbiliment ta’ Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI (ĠU C 135, 5.5.2011, p. 3).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 tat-30 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-operat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

    (4)  Id-Direttiva (UE) 2023/2661 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 li temenda d-Direttiva 2010/40/UE dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (ĠU L 2023/2661, 30.11.2023, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2661/oj?locale=mt).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2348/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top