Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2798

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2798 tal-11 ta’ Diċembru 2023 li jimplimenta l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2017/1770 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali

    ST/13609/2023/INIT

    ĠU L, 2023/2798, 12.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2798/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2798/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2023/2798

    12.12.2023

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2798

    tal-11 ta’ Diċembru 2023

    li jimplimenta l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2017/1770 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1770 tat-28 ta’ Settembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(2) u (6) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-28 ta’ Settembru 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/1770.

    (2)

    Fit-13 ta’ Diċembru 2021, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2201 (2) sabiex jingħata effett lid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2208 (3), li emendat id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1775 (4) u li stabbiliet qafas ġdid li jipprevedi miżuri restrittivi addizzjonali kontra individwi u entitajiet responsabbli għal jew kompliċi fi, jew li involvew ruħhom, direttament jew indirettament, f’azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Mali, jew li jostakolaw jew idgħajfu t-twettiq b’suċċess tat-tranżizzjoni politika tal-Mali.

    (3)

    Il-Kunsill irrieżamina l-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fl-Anness Ia għar-Regolament (UE) 2017/1770. Abbażi ta’ dak ir-rieżami, jenħtieġ li persuna waħda titneħħa minn dik il-lista u jenħtieġ li r-raġunijiet fl-entrati għal żewġ persuni oħra jiġu emendati.

    (4)

    Għalhekk jenħtieġ li l-Anness Ia għar-Regolament (UE) 2017/1770 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness Ia għar-Regolament (UE) 2017/1770 huwa emendat f’konformità mal-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)   ĠU L 251, 29.9.2017, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2201 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1770 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (ĠU L 446, 14.12.2021, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2208 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (ĠU L 446, 14.12.2021, p. 44).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1775 tat-28 ta’ Settembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (ĠU L 251, 29.9.2017, p. 23).


    ANNESS

    Fl-Anness Ia għar-Regolament (UE) 2017/1770, il-“Lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2a” hija emendata kif ġej:

    (1)

    l-entrati 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

     

    Isem

    Informazzjoni ta’ Identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    “3.

    MAÏGA, Choguel

    Post tat-twelid: Tabango, Gao, Mali

    Data tat-twelid: 31.12.1958

    Nazzjonalità: Maljana

    Numru tal-Passaport: passaport siplomatiku DA0004473, maħruġ mill-Mali, viża ta’ Schengen maħruġa

    Sess: raġel

    Pożizzjoni: Prim Ministru

    Bħala Prim Ministru minn Ġunju 2021, Choguel Maïga jmexxi l-Gvern ta’ Tranżizzjoni tal-Mali stabbilit wara l-kolp ta’ stat tal-24 ta’ Mejju 2021.

    Għall-kuntrarju tal-iskeda għar-riforma u l-elezzjonijiet maqbula preċedentement mal-ECOWAS f’konformità mal-Karta ta’ Tranżizzjoni, f’Ġunju 2021 huwa ħabbar l-organizzazzjoni tal-Konsultazzjonijiet Nazzjonali għar-Rifondazzjoni (Assises nationales de la refondation, ANR) bħala proċess ta’ qabel ir-riforma u prekundizzjoni għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet skedati għas-27 ta’ Frar 2022.

    Kif imħabbar minn Choguel Maïga nnifsu, l-ANR imbagħad ġew posposti diversi drabi u kien hemm dewmien fl-elezzjonijiet. L-ANR, li eventwalment saru f’Diċembru 2021, kienu bbojkottjati minn diversi partijiet ikkonċernati. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet finali tal-ARN, il-Gvern ta’ Tranżizzjoni ppreżenta skeda ta’ żmien ġdida li tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet presidenzjali f’Diċembru 2025, biex b’hekk l-Awtoritajiet ta’ Tranżizzjoni jkunu jistgħu jibqgħu fil-poter għal aktar minn ħames snin. Wara skeda ta’ żmien riveduta ppreżentata f’Ġunju 2022, li tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet presidenzjali f’Marzu 2024, fil-21 ta’ Settembru 2023 il-Gvern ta’ Tranżizzjoni ħabbar posponiment ulterjuri tal-elezzjonijiet.

    L-ECOWAS adottat sanzjonijiet individwali kontra l-Awtoritajiet ta’ Tranżizzjoni (inkluż Choguel Maïga) f’Novembru 2021 għad-dewmien tagħhom fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u t-tlestija tat-tranżizzjoni politika tal-Mali. L-ECOWAS enfasizzat li l-Awtoritajiet ta’ Tranżizzjoni użaw il-ħtieġa li jimplimentaw riformi bħala pretest biex jiġġustifikaw l-estensjoni tat-tranżizzjoni politika tal-Mali u biex iżommu lilhom infushom fil-poter mingħajr elezzjonijiet demokratiċi. Fit-3 ta’ Lulju 2022, l-ECOWAS iddeċidiet li żżomm dawk is-sanzjonijiet individwali.

    Fil-pożizzjoni tiegħu bħala Prim Ministru, Choguel Maïga huwa direttament responsabbli għall-posponiment tal-elezzjonijiet previsti fil-Karta ta’ Tranżizzjoni, u għalhekk qed jostakola u jdgħajjef it-tlestija b’suċċess tat-tranżizzjoni politika fil-Mali, b’mod partikolari billi jostakola u jdgħajjef l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u t-trasferiment tal-poter lil awtoritajiet eletti.

    4.2.2022

    4.

    MAÏGA, Ibrahim Ikassa

    Post tat-twelid: Tondibi, Gao region, Mali

    Data tat-twelid: 5.2.1971

    Nazzjonalità: Maljana

    Numru tal-Passaport: passaport diplomatiku maħruġ mill-Mali

    Sess: raġel

    Pożizzjoni: Ministru għar-Rifondazzjoni

    Ibrahim Ikassa Maïga huwa membru tal-kumitat strateġiku tal-M5-RFP (Mouvement du 5 juin - Rassemblement des forces patriotiques), li kellu rwol ewlieni biex jitneħħa l-President Keita.

    Bħala Ministru għar-Rifondazzjoni minn Ġunju 2021, Ibrahim Ikassa Maïga ġie fdat bl-ippjanar tal-Konsultazzjonijiet Nazzjonali għar-Rifondazzjoni (Assises nationales de la Refondation, ANR) imħabbra mill-Prim Ministru Choguel Maïga.

    Kuntrarju għall-iskeda ta’ żmien għar-riforma u l-elezzjonijiet maqbula preċedentement mal-ECOWAS f’konformità mal-Karta ta’ Tranżizzjoni, l-ARN tħabbru mill-Gvern ta’ Tranżizzjoni bħala proċess ta’ qabel ir-riforma u prekundizzjoni għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet skedati għas-27 ta’ Frar 2022.

    Kif imħabbar minn Choguel Maïga, l-ANR imbagħad ġew posposti diversi drabi u kien hemm dewmien fl-elezzjonijiet. L-ANR, li eventwalment saru f’Diċembru 2021, kienu bbojkottjati minn diversi partijiet ikkonċernati. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet finali tal-ARN, il-Gvern ta’ Tranżizzjoni ppreżenta skeda ta’ żmien ġdida li tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet presidenzjali f’Diċembru 2025, biex b’hekk l-Awtoritajiet ta’ Tranżizzjoni jkunu jistgħu jibqgħu fil-poter għal aktar minn ħames snin. Wara skeda ta’ żmien riveduta ppreżentata f’Ġunju 2022, li tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet presidenzjali f’Marzu 2024, fil-21 ta’ Settembru 2023 il-Gvern ta’ Tranżizzjoni ħabbar posponiment ulterjuri tal-elezzjonijiet.

    L-ECOWAS adottat sanzjonijiet individwali kontra l-Awtoritajiet ta’ Tranżizzjoni (inkluż Ibrahim Ikassa Maïga) f’Novembru 2021 għad-dewmien tagħhom fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u t-tlestija tat-tranżizzjoni politika tal-Mali. L-ECOWAS issottolinjat li l-Awtoritajiet ta’ Tranżizzjoni użaw il-ħtieġa li jimplimentaw riformi bħala pretest biex jiġġustifikaw l-estensjoni tat-tranżizzjoni politika tal-Mali u biex iżommu lilhom infushom fil-poter mingħajr elezzjonijiet demokratiċi. Fit-3 ta’ Lulju 2022, l-ECOWAS iddeċidiet li żżomm dawk is-sanzjonijiet individwali.

    Fil-pożizzjoni tiegħu bħala Ministru għar-Rifondazzjoni, Ibrahim Ikassa Maïga qed jostakola u jdgħajjef it-tlestija b’suċċess tat-tranżizzjoni politika fil-Mali, b’mod partikolari billi jostakola u jdgħajjef l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u t-trasferiment tal-poter lil awtoritajiet eletti.

    4.2.2022”;

    (2)

    titħassar l-entrata 5.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2798/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top