Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1626

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1626 tad-19 ta’ April 2023 li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ penali għall-fallimenti tas-saldu relatati ma’ tranżazzjonijiet ikklerjati ppreżentati mis-CCPs għas-saldu (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2023/2484

    ĠU L 201, 11.8.2023, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/1626/oj

    11.8.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 201/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1626

    tad-19 ta’ April 2023

    li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ penali għall-fallimenti tas-saldu relatati ma’ tranżazzjonijiet ikklerjati ppreżentati mis-CCPs għas-saldu

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (1), u b'mod partikolari it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(15) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 7(11) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, ir-reġim tal-penali fi flus ma għandux japplika għal parteċipanti inadempjenti li huma CCPs.

    (2)

    L-Artikolu 19 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1229 (2) kif applikabbli bħalissa jipprevedi mekkaniżmu speċifiku dwar il-ġbir u d-distribuzzjoni mis-CCPs ta’ penali fi flus (“mekkaniżmu ta’ penali”) biex jiġi żgurat li, fir-rigward ta’ fallimenti tas-saldu relatati ma’ tranżazzjonijiet ikklerjati, fejn is-CCPs jinterponu lilhom infushom bejn il-kontropartijiet, il-penali fi flus ma jiġux applikati għas-CCPs.

    (3)

    Madankollu, minħabba l-multipliċità tal-partijiet involuti, l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ penali mis-CCPs iżżid ir-riskji operazzjonali, il-kumplessitajiet tekniċi u l-kostijiet mal-proċess tal-ġbir u d-distribuzzjoni ta’ penali fi flus għal fallimenti tas-saldu relatati ma’ tranżazzjonijiet ikklerjati. Il-penali għall-fallimenti tas-saldu relatati ma’ tranżazzjonijiet ikklerjati jistgħu jiġu kkalkulati, applikati, miġbura u distribwiti mill-ġdid mis-CSDs, minn u lill-parteċipanti kollha identifikati fl-istruzzjonijiet tas-saldu ppreżentati mis-CCPs, f’konformità mal-Artikoli 16, 17 u 18 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229, bħal kull penali oħra għal fallimenti tas-saldu relatata ma’ tranżazzjonijiet mhux ikklerjati.

    (4)

    Skont l-Artikolu 2(19) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, kwalunkwe istituzzjoni, kontroparti ċentrali, aġent tas-saldu, kamra tal-ikklerjar, operatur tas-sistema jew membru tal-ikklerjar ta’ CCP tista’ tikkwalifika bħala parteċipant.

    (5)

    Sabiex jiġu ffaċilitati l-kalkolu, il-ġbir u d-distribuzzjoni tal-penali fi flus għall-fallimenti tal-istruzzjonijiet ta’ saldu relatati mat-tranżazzjonijiet ikklerjati ppreżentati mis-CCPs, filwaqt li fl-istess ħin jitnaqqsu r-riskji u l-kost relatati ma’ tali proċess, jenħtieġ li, skont l-Artikoli 16, 17 u 18 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229, is-CSDs jikkalkulaw, jiġbru mingħand il-parteċipanti rilevanti tagħhom kif ukoll jiddistribwulhom il-penali fi flus relatati mal-istruzzjonijiet ta’ saldu ppreżentati mis-CCPs għal tranżazzjonijiet ikklerjati.

    (6)

    Meta s-CCPs jinterponu lilhom infushom bejn il-kontropartijiet, l-ammont nett ta’ penali li s-CSDs iridu jiġbru u jiddistribwixxu fir-rigward tal-istruzzjonijiet ta’ saldu ppreżentati minn CCP normalment ikun jammonta għal żero peress li l-istruzzjonijiet ta’ saldu ppreżentati mis-CCP jirrappreżentaw iż-żewġ komponenti tat-tranżazzjonijiet ikklerjati. Madankollu, f’ċerti każijiet bħall-konsenja tard ta’ titoli lil CCP mid-data tas-saldu prevista li ma tippermettix li jsir is-saldu tal-istruzzjonijiet ta’ konsenja mis-CCP, jew f’każijiet ta’ differenzi fil-penali kkalkulati minn CSDs differenti, jistgħu jibqgħu fil-kotba tas-CCPs pożizzjonijiet żbilanċjati fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ikklerjati u l-ammont nett ta’ penali li għandu jinġabar minn CCPs jew jitqassamilhom jista’ jkun differenti minn żero. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li s-CCPs jitħallew jallokaw lill-membri tal-ikklerjar tagħhom l-ammont nett li jifdal ta’ penali, kreditu jew debitu. Jenħtieġ li s-CCPs jistabbilixxu mekkaniżmu xieraq fir-regoli tagħhom għal dan il-għan.

    (7)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 jiġi emendat skont dan.

    (8)

    Sabiex jiġi żgurat li l-kalkolu tal-penali għall-fallimenti tas-saldu li jseħħu qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jiġix affettwat b’mod retroattiv, huwa xieraq li jiġu inklużi dispożizzjonijiet tranżizzjonali.

    (9)

    Sabiex is-CCPs u s-CSDs ikunu jistgħu jimplimentaw l-adattamenti teknoloġiċi meħtieġa bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konformità mal-mekkaniżmu ta’ penali emendat, huwa xieraq li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi differita.

    (10)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji żviluppati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u ppreżentati lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

    (11)

    L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229

    L-Artikolu 19 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 19

    Mekkaniżmu ta’ penali għal fallimenti tas-saldu relatati ma’ tranżazzjonijiet ikklerjati ppreżentati mis-CCPs għas-saldu

    Fir-rigward tal-fallimenti tas-saldu relatati mat-tranżazzjonijiet ikklerjati ppreżentati mis-CCPs għas-saldu, is-CSDs għandhom japplikaw l-Artikoli 16, 17 u 18.

    Is-CCPs jistgħu jallokaw lill-membri tal-ikklerjar tagħhom kwalunkwe ammont nett li jifdal ta’ penali, kreditu jew debitu, imħallas skont l-Artikolu 16 u distribwit skont l-Artikolu 17(2).

    Is-CCPs għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu xieraq fir-regoli tagħhom għal dan il-għan.”

    Artikolu 2

    Dispożizzjoni tranżitorja

    L-Artikolu 19 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 kif applikabbli fl-1 ta’ Settembru 2024 għandu jkompli japplika għall-fallimenti tas-saldu li seħħew qabel it-2 ta’ Settembru 2024.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mit-2 ta’ Settembru 2024.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ April 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1229 tal-25 ta’ Mejju 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar id-dixxiplina tas-saldu (ĠU L 230, 13.9.2018, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


    Top