This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023R1479
Council Regulation (Euratom) 2023/1479 of 14 July 2023 laying down rules for the exercise of the Community’s rights in the implementation of the Trade and Cooperation Agreement between the European Union and the European Atomic Energy Community, of the one part, and the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland, of the other part
Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2023/1479 tal-14 ta’ Lulju 2023 li jistabbilixxi r-regoli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità fl-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra
Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2023/1479 tal-14 ta’ Lulju 2023 li jistabbilixxi r-regoli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità fl-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra
ST/10818/2023/INIT
ĠU L 182, 19.7.2023, p. 86–89
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
19.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 182/86 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (Euratom) 2023/1479
tal-14 ta’ Lulju 2023
li jistabbilixxi r-regoli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità fl-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 7, Artikolu 47, punt (b) tar-raba’ paragrafu u l-Artikolu 48 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkonsulta lill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku,
Billi:
(1) |
Fid-29 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni kkonkludiet, f’isem il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (‘il-Komunità’), il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”). Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ġie applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2021 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021. Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jkopri kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Komunità, jiġifieri l-assoċjazzjoni mal-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità u mal-Impriża Konġunta Ewropea għar-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER) u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni rregolata mill-Ħames Parti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (Parteċipazzjoni fi programmi tal-Unjoni, ġestjoni finanzjarja tajba u dispożizzjonijiet finanzjarji). |
(2) |
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi li l-Partijiet jistgħu jadottaw miżuri unilaterali, b’mod partikolari fir-rigward tas-sospensjoni ta’ ċerti obbligi skont dak il-Ftehim, fil-każijiet speċifiċi u soġġett għall-kondizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fih. Fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (it-‘Trattat Euratom’), jistgħu jiġu adottati miżuri unilaterali mill-Komunità fil-każijiet u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 718 u 719 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Dawk il-miżuri unilaterali jikkonċernaw is-sospensjoni parzjali jew totali tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi tal-Unjoni kif ukoll it-terminazzjoni parzjali jew totali tagħha. |
(3) |
Jekk tinqala’ l-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi tagħha fl-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, jenħtieġ li l-Komunità tkun f’pożizzjoni li tagħmel użu xieraq mill-istrumenti disponibbli għaliha malajr u b’mod proporzjonat, effettiv u flessibbli, filwaqt li tinvolvi bis-sħiħ lill-Istati Membri. Għalhekk jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli u proċeduri li jirregolaw l-adozzjoni ta’ miżuri unilaterali fl-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. |
(4) |
Jenħtieġ li l-miżuri unilaterali jkunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tagħhom, b’kont meħud tal-ħsara attwali jew potenzjali għall-interessi Komunitarji li jirriżultaw mill-każ. Jenħtieġ li dawn jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 718 u 719 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. |
(5) |
Jenħtieġ li r-regoli u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament jieħdu preċedenza fuq kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja li tirregola l-istess suġġett. |
(6) |
Sabiex jiġi żgurat li dan ir-Regolament jibqa’ adatt għall-iskop tiegħu, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq, fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu, rieżami tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu u tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Jenħtieġ li dak ir-rieżami, fejn xieraq, ikun akkumpanjat bi proposti leġiżlattivi rilevanti. |
(7) |
Il-proċedura għall-adozzjoni ta’ miżuri awtonomi f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) skont dan ir-Regolament hija mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju kontinwu u permanenti mill-Kunsill tal-funzjonijiet tiegħu ta’ tfassil ta’ politika, koordinazzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet mogħtija mit-Trattati sa fejn hija kkonċernata l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. |
(8) |
Sabiex is-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 101 tat-Trattat tal-Euratom jingħataw effett, il-proċess intern tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’rabta mal-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni huwa rifless fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2020/135 (3) u (UE) 2021/689 (4). Sabiex il-Kunsill ikun f’pożizzjoni li jeżerċita b’mod sħiħ il-funzjonijiet tiegħu ta’ tfassil ta’ politika, koordinazzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet f’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-Kunsill jinżamm kontinwament infurmat fuq bażi permanenti u regolari dwar l-implimentazzjoni ta’ dawk il-Ftehimiet, inkluż dwar id-diffikultajiet kollha li jistgħu jinqalgħu, b’mod partikolari ksur possibbli ta’ dawk il-Ftehimiet u sitwazzjonijiet oħra li jistgħu jagħtu lok għal miżuri adottati skont dan ir-Regolament. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-Kunsill jiġi infurmat b’mod debitu u f’waqtu dwar ir-reazzjonijiet possibbli li l-Komunità għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura implimentazzjoni sħiħa u xierqa ta’ dawk il-Ftehimiet, kif ukoll dwar is-segwitu għal kwalunkwe miżura meħuda. |
(9) |
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju rapidu, effettiv u flessibbli tad-drittijiet korrispondenti tal-Komunità skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri unilaterali u biex tagħti effett lil dawk il-miżuri kif meħtieġ fl-ordni legali interna tal-Komunità. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jestendu wkoll għall-modifika, is-sospensjoni jew it-tħassir tal-miżuri adottati. Jenħtieġ li dawn ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Billi l-miżuri previsti jinvolvu l-adozzjoni ta’ atti ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali, jenħtieġ li l-proċedura ta’ eżami tintuża għall-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih fejn, f’każijiet debitament ġustifikati, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jirrikjedu dan għall-protezzjoni xierqa tal-interessi tal-Komunità, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri biex jiżgura eżerċizzju effettiv u f’waqtu tad-drittijiet tal-Komunità fl-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”).
2. Dan ir-Regolament japplika għall-miżuri li ġejjin adottati mill-Komunità f’konformità mal-Artikoli 718 u 719 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni:
(a) |
is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Protokoll I tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, fir-rigward ta’ programmi jew attivitajiet Komunitarji, jew partijiet minnhom; |
(b) |
it-terminazzjoni tal-applikazzjoni tal-Protokoll I tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, fir-rigward ta’ programmi jew attivitajiet Komunitarji, jew partijiet minnhom. |
Artikolu 2
Eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità
1. Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja adottata skont l-Artikoli 7, 47 u 48 tat-Trattat Euratom, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, u li tagħti effett lil dawk il-miżuri, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni.
2. Il-miżuri adottati skont dan ir-Regolament għandhom ikunu proporzjonati mal-objettivi segwiti u effettivi fiż-żamma tal-bilanċ tad-drittijiet u l-obbligi sottostanti għall-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi tal-Unjoni kif previst fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Dawn għandhom jikkonformaw mal-kriterji speċifiċi stabbiliti f’dak il-Ftehim.
3. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda, tissospendi jew tħassar il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2), il-punt (a), permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Fejn xieraq, dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jispeċifikaw it-tul ta’ żmien tas-sospensjoni.
4. Meta jkun hemm tħassib partikolari ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, dak l-Istat Membru jew dawk l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tissospendi l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programm jew programmi Komunitarji kkonċernati f’konformità mal-paragrafu 1. Jekk il-Kummissjoni ma tweġibx b’mod pożittiv għal tali talba, din għandha tinforma lill-Kunsill b’mod f’waqtu bir-raġunijiet tagħha.
5. L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 3(2).
6. Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 3(3).
Artikolu 3
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tar-Renju Unit. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.
Artikolu 4
Rieżami
Sad-9 ta’ Awwissu 2028, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposti leġiżlattivi rilevanti.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
N. CALVIÑO SANTAMARÍA
(1) ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2).