Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1225

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1225 tat-22 ta’ Ġunju 2023 dwar miżuri temporanji eċċezzjonali li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jindirizzaw id-disturb tas-suq fis-settur tal-inbid f’ċerti Stati Membri u li jidderogaw mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149

    C/2023/4035

    ĠU L 160, 26.6.2023, p. 12–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/06/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/1225/oj

    26.6.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 160/12


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/...

    tat-22 ta’ Ġunju 2023

    dwar miżuri temporanji eċċezzjonali li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jindirizzaw id-disturb tas-suq fis-settur tal-inbid f’ċerti Stati Membri u li jidderogaw mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 219 flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Is-sitwazzjoni ekonomika kurrenti hija kkaratterizzata minn għoli tal-ħajja li b’mod ġenerali huwa wieħed għoli, li jaffettwa l-konsum u l-bejgħ tal-inbid, u kostijiet tal-input akbar għall-produzzjoni agrikola u għall-ipproċessar tal-inbid, li jaffettwaw il-prezzijiet tal-inbid. Dawn iċ-ċirkostanzi jheddu li jfixklu b’mod sinifikanti s-suq tal-inbid tal-Unjoni peress li jaffettwaw diversi Stati Membri produtturi ewlenin billi jżidu l-ħażniet tal-inbid disponibbli għal livelli li jirriskjaw li jsiru mhux sostenibbli fid-dawl tal-istaġun tal-ħsad u tal-produzzjoni li ġej u billi jikkawżaw diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ fluss tal-flus għall-produtturi tal-inbid.

    (2)

    L-inflazzjoni globali u t-tnaqqis relatat fis-saħħa tax-xiri tal-konsumaturi qed ikomplu jaggravaw ix-xejra ġenerali ta’ tnaqqis osservata fil-konsum tal-inbid fl-aħħar snin. It-tnaqqis apparenti fil-konsum fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li għaddejja bħalissa huwa stmat għal 7 % fl-Italja, 10 % fi Spanja, 15 % fi Franza, 22 % fil-Ġermanja u 34 % fil-Portugall meta mqabbel mas-sitwazzjoni tas-suq ta’ qabel il-COVID-19. Din ix-xejra taffettwa b’mod partikolari ċerti segmenti tas-suq tal-inbid, jiġifieri l-inbejjed ħomor u rożè.

    (3)

    Iċ-ċifri disponibbli juru tnaqqis fil-bejgħ tal-inbid fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kurrenti, konsistenti mad-domanda domestika mnaqqsa osservata, eż. tnaqqis fil-bejgħ li jammonta għal 5,3 % fi Spanja u fi Franza, b’xi żoni affettwati ħafna fejn il-bejgħ naqas b’25 % sa 35 % meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti. Sadanittant, l-esportazzjonijiet tal-inbid tal-Unjoni għall-perjodu minn Jannar sa April 2023 huma 8,5 % inqas milli għall-istess perjodu tal-2022.

    (4)

    Iż-żieda ġenerali tal-kostijiet tal-input ewlenin għall-produzzjoni agrikola bħall-kostijiet għall-fertilizzanti, l-enerġija u l-fliexken meħtieġa għall-produzzjoni tal-inbid, li hija parzjalment dovuta wkoll għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, wasslet għal żieda eċċezzjonali fil-kostijiet tal-produzzjoni li f’xi Stati Membri laħqet żieda medja stmata ta’ 30 % sa 40 %. Dawn iċ-ċirkostanzi qed jagħmlu pressjoni ulterjuri fuq il-produtturi tal-inbid tal-Unjoni u jnaqqsu l-kapaċità tagħhom għal azzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni u investimenti. Barra minn hekk, minkejja ż-żieda fil-kostijiet tul iċ-ċiklu sħiħ tal-produzzjoni tal-inbid, id-data disponibbli tissuġġerixxi tnaqqis f’daqqa fil-prezzijiet għal ċerti nbejjed fl-aktar reġjuni affettwati mill-kriżi, meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta’ qabel il-COVID-19, pereżempju, tnaqqis fil-prezzijiet fil-medda ta’ bejn 10 % u 26 % għal xi reġjuni fi Franza.

    (5)

    Flimkien, dawn il-fatturi jindikaw tnaqqis ġenerali fid-domanda u fil-bejgħ tal-inbejjed tal-Unjoni, f’kuntest fejn il-produzzjoni fl-Unjoni żdiedet b’4 % meta mqabbla mas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti, u dan iżid ma’ livell diġà għoli ta’ ħażniet inizjali (+ 2 % meta mqabbla mal-aħħar medja ta’ 5 snin). Jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni malajr biex titnaqqas il-provvista żejda li qed tikber, is-sitwazzjoni thedded li tfixkel is-suq b’mod sever billi tikkawża żbilanċ kbir u ġenerali fis-suq sa mhux aktar tard mill-wasla tal-ħsad il-ġdid meta l-produtturi tal-inbid jitħallew mingħajr kapaċità ta’ ħżin għall-produzzjoni l-ġdida u jkunu mġiegħla jbigħu bi prezzijiet saħansitra aktar baxxi.

    (6)

    F’dan l-istadju, iċ-ċirkostanzi kurrenti tas-suq qed jiġġeneraw disturb differenti fis-suq għas-settur tal-inbid f’reġjuni ta’ produzzjoni differenti, minħabba l-fatt li s-suq tal-inbid tal-Unjoni huwa segmentat ħafna. Dawn huma sinifikanti f’ċerti reġjuni ta’ diversi Stati Membri, u jaffettwaw b’mod partikolari s-segmenti tas-suq tal-inbejjed ħomor u rożè. Eżempji li juru din il-frammentazzjoni tas-suq huma, pereżempju, 27 % ħażniet ogħla mill-medja ta’ 5 snin f’Extremadura fi Spanja, 24 % u 14 % ħażniet ogħla milli fis-sena preċedenti fir-reġjuni ta’ Liżbona u Alentejo fil-Portugall, rispettivament, u 26 % ħażniet ogħla għall-inbejjed rożè fil-bidu tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kurrenti milli fil-bidu ta’ dik preċedenti f’Languedoc-Roussillon fi Franza.

    (7)

    Fl-istess ħin, is-suq tal-inbid tal-Unjoni diġà kien soġġett għal kundizzjonijiet aggravanti, b’mod partikolari matul is-snin 2019, 2020 u 2021 bħala konsegwenza ta’ restrizzjonijiet kummerċjali tal-passat, ta’ tnaqqis fil-konsum matul il-pandemija tal-COVID-19 u ta’ diversi avvenimenti estremi tat-temp. Iċ-ċirkostanzi diffiċli kurrenti qed jagħtu daqqa ulterjuri lil settur diġà fraġli u qed iwasslu għal telf sinifikanti ta’ introjtu għall-atturi kollha fih. Il-vitikulturi fir-reġjuni l-aktar affettwati tal-Istati Membri jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ fluss tal-flus. Għalhekk, f’dan ir-rigward ukoll hija meħtieġa azzjoni immedjata biex twieġeb b’mod effiċjenti għal sitwazzjoni tas-suq eteroġenja bħal din billi tippermetti lill-Istati Membri jorjentaw mill-ġdid parti mir-riżorsi finanzjarji allokati għall-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom fis-settur tal-inbid u joffru appoġġ aktar imfassal apposta lill-atturi differenti fis-settur.

    (8)

    It-tneħħija mis-swieq tar-reġjuni l-aktar affettwati ta’ xi wħud mill-kwantitajiet ta’ nbid li ma humiex qed isibu żbokki xierqa tas-suq għandha tgħin biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi tas-suq u biex jiġi evitat li d-disturb kurrenti jinbidel f’disturb aktar sever jew fit-tul tas-settur kollu tal-inbid tal-Unjoni. Fejn tkun iġġustifikata, id-distillazzjoni tal-inbid jenħtieġ li tiġi introdotta temporanjament bħala miżura eliġibbli skont il-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid biex tgħin fit-titjib tal-bilanċ tas-suq u tas-sitwazzjoni ekonomika tal-produtturi tal-inbid fir-reġjuni tal-produzzjoni l-aktar affettwati. Sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-użu tal-alkoħol miksub jenħtieġ li ma jkunx permess għall-industrija tal-ikel u x-xorb u jenħtieġ li jkun limitat għall-użu għal skopijiet industrijali, inklużi d-diżinfezzjoni u l-farmaċewtika, u għal skopijiet ta’ enerġija. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe abbuż jew kumpens żejjed wara l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura eċċezzjonali, huwa pertinenti li l-Istati Membri jintalbu jimmiraw il-miżura lejn ir-reġjuni bi żbilanċ fis-suq, jibbażawha fuq kriterji oġġettivi u jillimitaw il-kumpens li se jipprevedu għall-prezzijiet reċenti tas-suq.

    (9)

    Il-miżura tal-“ħsad bikri”, kif previst fl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, tintuża bħala miżura ta’ ġestjoni tas-suq meta tkun mistennija produzzjoni eċċessiva ta’ għeneb. Sabiex l-operaturi jiġu megħjuna jwieġbu għaċ-ċirkostanzi kurrenti tas-suq u sabiex jitnaqqas ir-riskju li s-sitwazzjoni terġa’ tirriproduċi fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li jmiss, huwa xieraq li tiġi permessa ċerta flessibbiltà fl-implimentazzjoni ta’ din il-miżura matul is-sena finanzjarja 2023. B’mod partikolari, huwa meħtieġ, bħala miżura eċċezzjonali, li jiġu previsti derogi mill-Artikolu 47(1) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 biex tiġi permessa l-qerda sħiħa jew it-tneħħija ta’ għenieqed ta’ għeneb immaturi f’parti minn azjenda, diment li dan jitwettaq fuq irqajja’ sħaħ, u li tiġi prevista ż-żieda temporanja tal-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għal din il-miżura.

    (10)

    Iż-żieda ta’ “distillazzjoni ta’ kriżi” ma’ miżuri eliġibbli kif ukoll il-flessibbiltà introdotta għall-“ħsad bikri” jirrappreżentaw forma ta’ appoġġ finanzjarju, li, madankollu, ma teħtieġx finanzjament addizzjonali mill-Unjoni peress li l-limiti baġitarji għall-programmi ta’ appoġġ nazzjonali fis-settur tal-inbid għas-sena finanzjarja 2023 stabbiliti fl-Anness VII tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) għadhom japplikaw. L-Istati Membri jistgħu għalhekk jiddeċiedu li jallokaw ammonti ogħla għall-miżuri inkwistjoni biss fil-baġit annwali previst f’dak l-Anness. Għalhekk, l-appoġġ finanzjarju għaż-żewġ miżuri ta’ kriżi msemmija hawn fuq huwa mmirat biex jiġi pprovdut appoġġ lis-settur fis-sitwazzjoni tas-suq instabbli partikolari mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu mmobilizzati iżjed fondi fl-ewwel lok.

    (11)

    Sabiex tiżdied l-effettività tar-riżorsi finanzjarji tal-Unjoni li jistgħu jiġu allokati għal dawn il-miżuri ta’ kriżi, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jikkomplementaw l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni b’pagamenti nazzjonali li jkopru sa 50 % tal-appoġġ mogħti għaż-żewġ miżuri ta’ kriżi previsti f’dan ir-Regolament.

    (12)

    L-iżvilupp negattiv tas-suq, iż-żieda fil-kostijiet u l-problemi konsegwenti tal-fluss tal-flus tal-operaturi fis-settur tal-inbid qed jagħmluha diffiċli li jiġu eżegwiti l-miżuri tal-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tal-inbid fi żmien meta t-titjib tal-orjentazzjoni tas-suq tas-settur ikun fil-biċċa l-kbira meħtieġ. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-implimentazzjoni tal-programmi fil-kuntest prevalenti ekonomiku u tas-suq tas-settur tal-inbid, huwa pertinenti li tiżdied temporanjament il-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għall-miżuri “promozzjoni”, “ristrutturar u konverżjoni tal-vinji”, “ħsad bikri” u “investimenti”.

    (13)

    Barra minn hekk, huwa importanti wkoll li l-benefiċjarji jiġu pprovduti bi flessibbiltajiet xierqa għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tagħhom skont il-programmi ta’ appoġġ nazzjonali sabiex ikunu jistgħu jirreaġixxu għall-inċertezzi kurrenti tas-suq u jadattaw l-operazzjonijiet kull meta jkun meħtieġ. Tali flessibbiltajiet jirrappreżentaw miżuri ulterjuri ta’ appoġġ għas-suq biex jiġi evitat li d-disturb ekonomiku kurrenti jinbidel f’disturb aktar sever jew fit-tul tas-suq tal-inbid tal-Unjoni u qed jiżguraw li l-miżuri eċċezzjonali l-oħrajn stabbiliti f’dan ir-Regolament, ladarba jiġu deċiżi minn Stat Membru, jistgħu jiġu implimentati b’mod effiċjenti wkoll fil-livell tal-benefiċjarji. Għalhekk, bħala miżura eċċezzjonali oħra, huwa meħtieġ li ssir deroga mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 (3) u li l-Istati Membri jitħallew jipprovdu xi flessibbiltajiet lill-benefiċjarji sabiex jadattaw l-operazzjonijiet ippjanati skont proċedura simplifikata u biex jippermettu l-implimentazzjoni parzjali tagħhom f’każijiet debitament ġustifikati.

    (14)

    Dment li r-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ rati finanzjarji miżjuda tal-Unjoni għal ċerti miżuri u biex jiġu permessi ċerti flessibbiltajiet fil-ġestjoni tal-programmi huma relatati mas-sitwazzjoni ekonomika kurrenti tas-settur tal-inbid u minħabba li l-miżuri huma temporanji, huwa pertinenti li l-ambitu tagħhom jiġi limitat għall-operazzjonijiet li bdew jiġu implimentati matul is-sena finanzjarja 2023. B’kuntrast għal dan, dawn il-miżuri jenħtieġ li ma japplikawx, pereżempju, għal operazzjonijiet implimentati fis-snin finanzjarji preċedenti u mħallsa biss fis-sena finanzjarja 2023.

    (15)

    Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, meta jitqies id-disturb li għaddej fis-suq kif ukoll iż-żmien qasir disponibbli għall-Istati Membri biex jimplimentaw il-miżuri inklużi f’dan ir-Regolament fis-sena finanzjarja kurrenti, u biex jiġi evitat aktar deterjorament fis-suq, huwa meħtieġ li tittieħed azzjoni immedjata. Minn naħa waħda, fir-reġjuni l-aktar affettwati, l-eċċess tal-provvista jeħtieġ li jitneħħa mis-suq mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ qabel il-bidu tal-ħsad il-ġdid, sal-aħħar ta’ Awwissu jew qabel il-bidu ta’ Settembru 2023, inkella, s-sitwazzjoni tas-suq tkompli tiddeterjora u l-iżbilanċ kurrenti jiġi riportat fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni l-ġdida li jhedded li jikkawża kriżi fit-tul tas-suq tal-inbid kollu tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-miżuri kollha inklużi f’dan ir-Regolament iridu jiġu implimentati qabel tmiem il-programmi ta’ appoġġ nazzjonali kurrenti tal-inbid, li japplikaw biss sal-15 ta’ Ottubru 2023 kif previst fl-Artikolu 5(7) tar-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Skont dik id-dispożizzjoni, l-Artikoli 39 sa 54 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ikomplu japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2022 fir-rigward tan-nefqa mġarrba u l-pagamenti magħmula għall-operazzjonijiet implimentati qabel is-16 ta’ Ottubru 2023. Għalhekk, id-dewmien fl-azzjoni jirriskja li jagħmilha diffiċli jew saħansitra impossibbli għall-Istati Membri affettwati li jimplimentaw il-miżuri fis-sena finanzjarja 2023, li hija l-aħħar sena ta’ implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ appoġġ kurrenti fis-settur tal-inbid.

    (16)

    Fid-dawl tar-raġunijiet imperattivi ta’ urġenza msemmija hawn fuq, dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi adottat skont il-proċedura ta’ urġenza stabbilita fl-Artikolu 228 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    (17)

    Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Derogi temporanji mill-Artikolu 43 u l-Artikolu 44(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

    1.   B’deroga mill-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-miżura stabbilita fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament tista’ tiġi ffinanzjata skont programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 44(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw b’pagamenti nazzjonali sa 50 % tal-appoġġ mogħti skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament u skont l-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    Artikolu 2

    Distillazzjoni temporanja ta’ kriżi tal-inbid

    1.   Jista’ jingħata appoġġ għad-distillazzjoni tal-inbid f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. Tali appoġġ għandu jkun proporzjonat, iġġustifikat kif xieraq mill-Istat Membru u mmirat lejn l-inbejjed u r-reġjuni ta’ produzzjoni l-aktar affettwati, f’konformità mat-tieni subparagrafu. Dan jista’ jiġi implimentat fil-livell nazzjonali jew reġjonali għall-inbejjed ħomor jew rożè, separatament jew għaż-żewġ kuluri flimkien, li jistgħu jkunu nbejjed b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta jew inbejjed mingħajr denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta.

    L-Istati Membri, li jiddeċiedu li jimplimentaw din il-miżura, għandhom juru għal kull tip u kulur ta’ inbid eliġibbli, jew fil-livell reġjonali jew nazzjonali, kif xieraq, l-okkorrenza ta’ waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi tas-suq li ġejjin:

    (a)

    żieda sostanzjali fuq l-aħħar ħażniet tal-inbid disponibbli fil-livell tal-produzzjoni meta mqabbla mal-ammont medju ta’ ħażniet għall-istess żmien fil-5 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti, jew meta mqabbla mal-ammont medju ta’ ħażniet għall-istess żmien fil-5 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti esklużi l-ogħla u l-inqas valuri;

    (b)

    tnaqqis sostanzjali tal-prezz medju tas-suq fil-livell tal-produzzjoni għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li għaddejja meta mqabbel mal-prezz medju tat-3 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti, jew meta mqabbel mal-prezz medju matul il-5 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti esklużi l-ogħla u l-aktar valuri baxxi tal-medji annwali;

    (c)

    tnaqqis sostanzjali tal-bejgħ tas-suq kumulattiv fil-livell tal-produzzjoni għas-sena tas-suq li għaddejja meta mqabbel mal-medja tat-3 snin tas-suq preċedenti għall-istess perjodu, jew meta mqabbel mal-medja matul il-5 snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti, esklużi l-ogħla u l-inqas valuri ta’ bejgħ akkumulat għall-istess perjodu, u sakemm tali tnaqqis ma jirriżultax minn tnaqqis fil-produzzjoni.

    2.   L-alkoħol li jirriżulta mid-distillazzjoni appoġġata msemmija fil-paragrafu 1 għandu jintuża esklużivament għal skopijiet industrijali, inklużi d-diżinfezzjoni jew il-farmaċewtika, jew għal skopijiet ta’ enerġija sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    3.   Il-benefiċjarji tal-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom ikunu intrapriżi tal-inbid li jipproduċu jew li jikkummerċjalizzaw il-prodotti msemmija fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-inbid, assoċjazzjonijiet ta’ żewġ produtturi jew aktar, organizzazzjonijiet interprofessjonali jew distillaturi ta’ prodotti tad-dwieli.

    4.   Huma biss il-kostijiet tal-provvista tal-inbid lid-distillaturi u tad-distillazzjoni ta’ dan l-inbid li għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ. L-inbid li għandu jiġi distillat skont din il-miżura għandu joriġina fl-Unjoni u għandu jikkonforma mar-rekwiżiti biex jiġi kkummerċjalizzat fl-Unjoni u mal-ispeċifikazzjonijiet rilevanti tal-prodott għall-inbejjed li għandhom denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta.

    5.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom kriterji ta’ prijorità għall-benefiċjarji. Tali kriterji ta’ prijorità għandhom ikunu bbażati fuq l-istrateġija u l-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-programm ta’ appoġġ u għandhom ikunu oġġettivi u mhux diskriminatorji.

    6.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-proċedura ta’ applikazzjoni għall-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1, li għandha tinkludi regoli dwar:

    (a)

    il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jistgħu jippreżentaw l-applikazzjonijiet;

    (b)

    il-preżentazzjoni u l-għażla tal-applikazzjonijiet, li għandhom jinkludu mill-inqas l-iskadenzi għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, għall-eżami tal-adegwatezza ta’ kull azzjoni proposta u għan-notifika tar-riżultati tal-proċedura tal-għażla lill-operaturi;

    (c)

    il-verifika tal-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-azzjonijiet eliġibbli u l-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 4 u l-kriterji ta’ prijorità fejn jiġu applikati kriterji ta’ prijorità;

    (d)

    l-għażla tal-applikazzjonijiet, li għandha tal-anqas tinkludi l-piż attribwita għal kull kriterju ta’ prijorità fejn jiġu applikati kriterji ta’ prijorità;

    (e)

    arranġamenti għall-pagament ta’ avvanzi u l-għoti ta’ titoli.

    7.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ammont ta’ appoġġ lill-benefiċjarji abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji. L-ammont ta’ appoġġ għandu jiġi stabbilit fil-livell reġjonali jew nazzjonali, kif xieraq, għal kull tip u kulur ta’ inbid eliġibbli kif imsemmi fil-paragrafu 1. L-ammont ta’ appoġġ ma jistax jaqbeż it-80 % tal-prezz medju l-aktar baxx fix-xahar irreġistrat fil-livell tal-produzzjoni fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2022/2023 għal kull tip u kulur ta’ inbid eliġibbli, li għalih tapplika l-miżura, fir-reġjun partikolari jew fit-territorju tal-Istat Membru. Meta l-prezzijiet tas-suq irreġistrati ma jkunux disponibbli, dawn jistgħu jiġu stmati minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat abbażi tal-aħjar data disponibbli.

    8.   L-Artikoli 1 u 2, l-Artikolu 43 u l-Artikoli 48 sa 54 u l-Artikolu 56 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 (5) u l-Artikoli 1, 2 u 3, l-Artikoli 19 sa 23, l-Artikoli 25 sa 31, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1), u l-Artikoli 33 sa 40 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 (6) għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-appoġġ għad-distillazzjoni ta’ kriżi tal-inbid.

    9.   Sal-31 ta’ Awwissu 2023, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni t-tipi u l-kulur tal-inbid eliġibbli u r-reġjuni li fihom għandha tapplika l-miżura, kif ukoll il-ġustifikazzjoni tagħha f’konformità mal-paragrafu 1, l-ammonti ta’ kumpens li għandhom jiġu applikati skont il-paragrafu 7 u l-ġustifikazzjoni tagħhom u l-volumi mistennija li jiġu distillati.

    Artikolu 3

    Deroga temporanja mill-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 dwar il-ħsad bikri

    B’deroga mill-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, matul is-sena finanzjarja 2023, “ħsad bikri” jfisser il-qerda jew it-tneħħija totali ta’ għenieqed tal-għeneb filwaqt li jkunu għadhom fl-istadju immatur tagħhom, fl-azjenda kollha jew f’parti mill-azjenda dment li l-ħsad bikri jitwettaq fuq irqajja’ sħaħ.

    Artikolu 4

    Derogi temporanji mill-Artikolu 45(3), l-Artikolu 46(6), l-Artikolu 47(3) u l-Artikolu 50(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 dwar ir-rati finanzjarji

    1.   B’deroga mill-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, matul is-sena finanzjarja 2023, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal miżuri ta’ informazzjoni jew promozzjoni ma għandhiex taqbeż is-60 % tan-nefqa eliġibbli.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 46(6) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, matul is-sena finanzjarja 2023, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-kostijiet attwali tar-ristrutturar u l-konverżjoni tal-vinji ma għandhiex taqbeż is-60 %. F’reġjuni inqas żviluppati, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-kostijiet tar-ristrutturar u tal-konverżjoni ma għandhiex taqbeż it-80 %.

    3.   B’deroga mit-tieni sentenza tal-Artikolu 47(3), tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, matul is-sena finanzjarja 2023, l-appoġġ mogħti għall-ħsad bikri ma għandux jaqbeż is-60 % tas-somma tal-kostijiet diretti tal-qerda jew tat-tneħħija ta’ għenieqed tal-għeneb u t-telf ta’ dħul relatat ma’ tali qerda jew tneħħija.

    4.   B’deroga mill-Artikolu 50(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, matul is-sena finanzjarja 2023, ir-rati massimi ta’ għajnuna li ġejjin f’dak li jirrigwarda l-kostijiet ta’ investiment eliġibbli għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni:

    (a)

    60 % f’reġjuni inqas żviluppati;

    (b)

    50 % f’reġjuni għajr ir-reġjuni inqas żviluppati;

    (c)

    80 % fir-reġjuni ultraperiferiċi msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat;

    (d)

    75 % fil-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew kif definit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

    Artikolu 5

    Derogi temporanji mir-Regolament Delegat (UE) 2016/1149

    1.   B’deroga mill-Artikolu 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149, matul is-sena finanzjarja 2023, il-ħsad bikri jista’ jiġi applikat fuq l-istess roqgħa għal sentejn konsekuttivi jew aktar.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 53(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149, matul is-sena finanzjarja 2023:

    (a)

    l-Istati Membri jistgħu jippermettu bidliet mill-benefiċjarji għall-operazzjoni approvata inizjalment li jseħħu mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2023, li jridu jiġu implimentati mingħajr approvazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti dment li ma jaffettwawx l-eliġibbiltà ta’ kwalunkwe parti tal-operazzjoni u l-objettivi ġenerali tagħha u dment li l-ammont totali ta’ appoġġ approvat għall-operazzjoni ma jinqabiżx. Tali bidliet għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità kompetenti mill-benefiċjarji sal-iskadenzi stabbiliti mill-Istati Membri;

    (b)

    l-Istati Membri jistgħu, f’każijiet debitament ġustifikati, jippermettu lill-benefiċjarji jissottomettu bidliet li jseħħu mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2023 u li jimmodifikaw l-objettiv tal-operazzjoni ġenerali diġà approvata skont il-miżuri msemmija fl-Artikoli 45, 46, 50 u 51 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, sakemm titlesta kwalunkwe azzjoni individwali li tkun għaddejja li tkun parti minn operazzjoni ġenerali. Dawn il-bidliet għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità kompetenti mill-benefiċjarji sal-iskadenza stabbilita mill-Istati Membri, u għandhom jirrikjedu l-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti.

    3.   B’deroga mill-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149, meta bidla ta’ operazzjoni diġà approvata tkun ġiet notifikata lill-awtorità kompetenti u approvata minnha f’konformità mal-paragrafu 2(b) ta’ dan l-Artikolu, għandu jingħata appoġġ għall-azzjonijiet individwali diġà implimentati taħt din l-operazzjoni jekk dawn l-azzjonijiet ikunu ġew implimentati bis-sħiħ u jkunu ġew soġġetti għal verifiki amministrattivi u, fejn applikabbli, fuq il-post, f’konformità mat-Taqsima 1 tal-Kapitolu IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150 (8).

    4.   B’deroga mit-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-sitt subparagrafi tal-Artikolu 54(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149, matul is-sena finanzjarja 2023, għat-talbiet għal ħlas sottomessi mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2023, meta l-operazzjonijiet appoġġati skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma jiġux implimentati fuq is-superfiċe totali li għaliha jkun intalab appoġġ, l-Istati Membri għandhom jikkalkulaw l-appoġġ li għandu jitħallas abbażi taż-żona ddeterminata mill-kontrolli fuq il-post wara l-implimentazzjoni.

    Artikolu 6

    L-applikazzjoni tal-miżuri temporanji eċċezzjonali tas-suq

    L-Artikoli 1, 2 u 3 għandhom japplikaw għall-operazzjonijiet magħżula mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u implimentati mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2023.

    L-Artikoli 4 u 5 għandhom japplikaw għal operazzjonijiet li bdew jiġu implimentati fis-sena finanzjarja 2023.

    Artikolu 7

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Ġunju 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 tal-15 ta’ April 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda l-programmi ta’ appoġġ nazzjonali fis-settur tal-inbid u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008, (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzati u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 262).

    (5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 tal-15 ta’ April 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda l-programmi ta’ appoġġ nazzjonali fis-settur tal-inbid u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 tal-15 ta’ April 2016 li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 23).

    (7)  Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41).

    (8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 tal-15 ta’ April 2016 li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 23).


    Top