EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1115

Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/82/2022/REV/1

ĠU L 150, 9.6.2023, p. 206–247 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1115/oj

9.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/206


REGOLAMENT (UE) 2023/1115 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-31 ta’ Mejju 2023

dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-foresti jipprovdu varjetà wiesgħa ta’ benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali, inkluż prodotti tal-injam u tal-foresti li ma humiex injam u servizzi ambjentali essenzjali għall-umanità, peress li fihom tinsab il-biċċa l-kbira tal-bijodiversità terrestri tad-dinja. Dawn isostnu l-funzjonijiet ta’ ekosistema, jgħinu fil-protezzjoni tas-sistema klimatika, jipprovdu arja nadifa u għandhom rwol vitali għall-purifikazzjoni tal-ilmijiet u tal-ħamrija kif ukoll għaż-żamma tal-ilma u għall-irriċarġjar. Żoni kbar tal-foresti jaġixxu bħala sors ta’ umdità u jgħinu fil-prevenzjoni tad-deżertifikazzjoni tar-reġjuni kontinentali. Barra minn hekk, il-foresti jipprovdu sussistenza u introjtu għal madwar terz tal-popolazzjoni tad-dinja u l-qerda tal-foresti għandha konsegwenzi serji għall-għajxien tal-persuni l-aktar vulnerabbli, inkluż il-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali li jiddependu ħafna mill-ekosistemi tal-foresti. Barra minn hekk, id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti jnaqqsu l-bjar tal-karbonju essenzjali. Id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti jżidu wkoll il-probabbiltà ta’ kuntatt bejn l-annimali selvaġġi, l-annimali mrobbija fl-irziezet u l-bnedmin, u b’hekk jiżdied ir-riskju ta’ firxiet ta’ mard ġdid u r-riskji ta’ epidemiji u pandemiji ġodda.

(2)

Id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti qegħdin iseħħu b’rata allarmanti. L-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tistima li 420 miljun ettaru ta’ foresta — madwar 10 % tal-foresti li fadal fid-dinja, daqs żona akbar mill-Unjoni Ewropea — intilfu madwar id-dinja bejn l-1990 u l-2020. Id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti huma, min-naħa tagħhom, xprunaturi importanti tat-tisħin globali u tat-telfien tal-bijodiversità — l-aktar żewġ sfidi ambjentali importanti ta’ żminijietna. Madankollu, kull sena d-dinja tkompli titlef 10 miljun ettaru ta’ foresti. Il-foresti huma affettwati ħafna wkoll mit-tibdil fil-klima u jenħtieġ li jiġu indirizzati ħafna sfidi biex jiġu żgurati l-adattabbiltà u r-reżiljenza tal-foresti fid-deċennji li ġejjin.

(3)

Id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti jikkontribwixxu għall-kriżi klimatika globali b’diversi modi. Tassew importanti, dawn iżidu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra permezz ta’ nirien fil-foresti assoċjati, filwaqt li jneħħu permanentement il-kapaċitajiet tal-bjar tal-karbonju, inaqqsu r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima taż-żona affettwata u jnaqqsu sostanzjalment il-bijodiversità tagħha u r-reżiljenza għal mard u pesti. Id-Deforestazzjoni waħedha tammonta għal 11 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra kif intqal fir-rapport speċjali tal-2019 tal-Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC) dwar it-tibdil fil-klima u l-art.

(4)

Id-deterjorament tal-klima jwassal għat-telfien tal-bijodiversità fuq livell globali u t-telfien tal-bijodiversità jaggrava t-tibdil fil-klima, li huma b’hekk marbuta inseparabbilment, kif ikkonfermaw studji reċenti. Il-bijodiversità u l-ekosistemi b’saħħithom huma fundamentali għall-iżvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima. L-insetti, l-għasafar u l-mammiferi jaġixxu bħala dakkara u jxerrdu ż-żrieragħ u jistgħu jgħinu sabiex il-karbonju jinħażen b’mod aktar effiċjenti, direttament jew indirettament. Il-foresti jiżguraw ukoll ir-rikostituzzjoni kontinwa tar-riżorsi tal-ilma u l-prevenzjoni tan-nixfiet u l-effetti dannużi tagħhom fuq il-komunitajiet lokali, inkluż il-popli indiġeni. It-tnaqqis drastiku tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti u r-restawr sistemiku tal-foresti u ta’ ekosistemi oħra huwa l-akbar opportunità unika bbażata fuq in-natura għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

(5)

Il-bijodiversità hija essenzjali għar-reżiljenza tal-ekosistemi u tas-servizzi tagħhom kemm fil-livell lokali kif ukoll f’dak globali. Aktar minn nofs il-prodott domestiku gross globali jiddependi min-natura u mis-servizzi li tipprovdi. Tliet setturi ekonomiċi ewlenin — il-kostruzzjoni, l-agrikoltura, u l-ikel u x-xorb — kollha jiddependu ħafna min-natura. It-telfien tal-bijodiversità jhedded ċikli tal-ilma sostenibbli u s-sistemi tal-ikel, u jqiegħed is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni f’riskju. Aktar minn 75 % tat-tipi tal-għelejjel tal-ikel madwar id-dinja jiddependu mid-dakkir mill-annimali. Barra minn hekk, diversi setturi industrijali jiddependu mid-diversità ġenetika u s-servizzi tal-ekosistema bħala inputs kritiċi għall-produzzjoni, b’mod partikolari għall-mediċini, inkluż l-antimikrobiċi.

(6)

It-tibdil fil-klima, it-telfien tal-bijodiversità u d-deforestazzjoni huma preokkupazzjonijiet tal-ogħla importanza globali, li jaffettwaw is-sopravivenza tal-umanità u l-kundizzjonijiet tal-għajxien sostnuti fid-Dinja. L-aċċellerazzjoni tat-tibdil fil-klima, it-telfien tal-bijodiversità u d-degradazzjoni ambjentali, flimkien ma’ eżempji tanġibbli tal-effetti devastanti tagħhom fuq in-natura, il-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-bniedem u l-ekonomiji lokali, wasslu għar-rikonoxximent tat-tranżizzjoni ekoloġika bħala l-objettiv fundamentali ta’ żminijietna u kwistjoni ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri u ta’ ekwità interġenerazzjonali.

(7)

Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ambjentali, li jistinkaw biex jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem relatati mal-ambjent, inkluż l-aċċess għal ilma nadif, arja nadifa u art nadifa huma ta’ spiss il-mira ta’ persekuzzjoni u attakki letali. Dawk l-attakki jaffettwaw b’mod sproporzjonat lill-popli indiġeni. Skont ir-rapporti tal-2020, aktar minn żewġ terzi tal-vittmi ta’ dawk l-attakki kienu qed jaħdmu biex jiddefendu l-foresti tad-dinja mid-deforestazzjoni u l-iżvilupp industrijali.

(8)

Il-konsum tal-Unjoni huwa xprunatur konsiderevoli tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fuq skala globali. Il-valutazzjoni tal-impatt ta’ dan ir-Regolament stmat li mingħajr intervent regolatorju xieraq, il-konsum u l-produzzjoni tal-Unjoni tas-sitt komoditajiet (bhejjem tal-ifrat, kawkaw, kafè, żejt tal-palm, sojja u njam,) waħedhom jiżdiedu għal madwar 248 000 ettaru ta’ deforestazzjoni kull sena sal-2030.

(9)

Fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-foresti fl-Unjoni, ir-rapport dwar l-Istat tal-Foresti tal-Ewropa għall-2020 jiddikjara li, bejn l-1990 u l-2020, iż-żona tal-foresti fl-Ewropa żdiedet b’9 %, il-karbonju maħżun fil-bijomassa kiber b’50 % u l-provvista tal-injam żdiedet b’40 %. Il-foresti primarji u l-foresti li jirriġeneraw b’mod naturali jinsabu f’riskju, inter alia, minħabba l-ġestjoni intensiva, u l-bijodiversità unika u l-karatteristiċi strutturali tagħhom jinsabu fil-periklu. Barra minn hekk, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent innotat li inqas minn 5 % taż-żoni forestali Ewropej huma meqjusa issa bħala mhux disturbati jew naturali, filwaqt li 10 % taż-żoni forestali Ewropej ġew ikklassifikati bħala ġestiti b’mod intensiv. L-ekosistemi tal-foresti jridu jlaħħqu ma’ pressjonijiet multipli kkawżati mit-tibdil fil-klima, li jvarjaw minn xejriet estremi tat-temp għal pesti, u ma’ attivitajiet relatati mal-bniedem li jaffettwaw b’mod negattiv l-ekosistemi u l-ħabitats. B’mod partikolari, il-foresti b’età ugwali ġestiti b’mod intensiv permezz ta’ tqaċċit totali tas-siġar u tneħħija ta’ injam mejjet jista’ jkollhom impatt sever fuq ħabitats sħaħ.

(10)

Fl-2019, il-Kummissjoni adottat diversi inizjattivi sabiex tindirizza l-kriżijiet ambjentali globali, inkluż azzjonijiet speċifiċi dwar id-deforestazzjoni. Fil-komunikazzjoni tagħha tat-23 ta’ Lulju 2019 dwar “It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja” (“il-Komunikazzjoni dwar It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja”), il-Kummissjoni identifikat bħala prijorità t-tnaqqis tal-impronta tal-konsum tal-Unjoni fuq l-art u inkoraġġiment il-konsum ta’ prodotti mill-ktajjen tal-provvista mingħajr deforestazzjoni fl-Unjoni. Fil-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, il-Kummissjoni stabbiliet strateġija ġdida għat-tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva, mibnija fuq kummerċ ħieles sostenibbli u bbażat fuq ir-regoli, fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti tal-gassijiet serra fl-2050, u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi u l-ebda persuna jew post ma jitħalla lura. Din għandha l-għan li tipproteġi, tikkonserva u ssaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni, u tipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini u tal-ġenerazzjonijiet futuri minn riskji u impatti relatati mal-ambjent. Barra minn hekk, il-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan li jipprovdi liċ-ċittadini u lill-ġenerazzjonijiet futuri, inter alia, arja friska, ilma nadif, ħamrija tajba u bijodiversità. Għal dak il-għan, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2020 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna (l-“Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030”), il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2020 dwar Strateġija mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (l-Istrateġija “mill-Għalqa sal-Platt”), il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2021 dwar Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti għall-2030, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Mejju 2021 dwar il-Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija” u strateġiji rilevanti oħra, bħall-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2021 dwar Viżjoni fit-tul għaż-Żoni Rurali tal-UE — Lejn żoni rurali aktar b’saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperi sal-2040, żviluppati skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew, ikomplu jenfasizzaw l-importanza tal-azzjoni fuq il-protezzjoni u r-reżiljenza tal-foresti. B’mod partikolari, l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 għandha l-għan li tipproteġi n-natura u treġġa’ lura d-degradazzjoni tal-ekosistemi. Fl-aħħar nett, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ottubru 2018 dwar Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa: Tisħiħ tal-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent ittejjeb il-protezzjoni tal-ambjent u tal-ekosistemi filwaqt li tindirizza d-domanda dejjem akbar għall-ikel, l-għalf, l-enerġija, il-materjali u l-prodotti billi tfittex modi ġodda għall-produzzjoni u l-konsum.

(11)

L-Istati Membri ripetutament esprimew it-tħassib tagħhom dwar id-deforestazzjoni persistenti u d-degradazzjoni tal-foresti. Huma enfasizzaw li peress li l-politiki u l-azzjoni attwali fil-livell globali dwar il-konservazzjoni, ir-restawr u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti ma humiex biżżejjed sabiex iwaqqfu d-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti u t-telfien tal-bijodiversità, hija meħtieġa azzjoni msaħħa tal-Unjoni sabiex tikkontribwixxi b’mod aktar effettiv għall-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), skont l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li ġiet adottata mill-Istati Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) fl-2015. Il-Kunsill appoġġa speċifikament it-tħabbira tal-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tiegħu dwar it-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja li ser tivvaluta miżuri regolatorji u mhux regolatorji addizzjonali u li ser tippreżenta proposti għaż-żewġ tipi ta’ miżuri. L-Unjoni u l-Istati Membri approvaw ukoll id-Deċennju ta’ Azzjoni tan-NU għall-SDGs, id-Deċennju tan-NU dwar ir-Restawr tal-Ekosistemi u d-Deċennju tal-Biedja mill-Familja tan-NU.

(12)

Il-Parlament Ewropew enfasizza li l-qerda kontinwa, id-degradazzjoni u l-konverżjoni tal-foresti tad-dinja u l-ekosistemi naturali, kif ukoll il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, huma marbuta, fil-biċċa l-kbira tagħhom, mal-espansjoni tal-produzzjoni agrikola — b’mod partikolari billi l-foresti jiġu kkonvertiti f’art agrikola ddedikata għall-produzzjoni ta’ għadd ta’ komoditajiet u prodotti li hemm domanda kbira għalihom. Fit-22 ta’ Ottubru 2020, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni, f’konformità mal-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li titlob lill-Kummissjoni tippreżenta, abbażi tal-Artikolu 192(1) TFUE, proposta għal “qafas legali tal-“UE biex titwaqqaf u titreġġa’ lura d-deforestazzjoni” globali li l-UE hija responsabbli għaliha” abbażi ta’ diliġenza dovuta obbligatorja.

(13)

Il-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti tikkostitwixxi parti importanti mill-pakkett ta’ miżuri meħtieġa sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u sabiex ikun hemm konformità mal-impenji tal-Unjoni skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew kif ukoll mal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (3) (il-“Ftehim ta’ Pariġi”), it-Tibdil fil-Klima, u t-Tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali adottat bid-Deċiżjoni (UE) 2022/591 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u mal-impenn legalment vinkolanti skont ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika l-aktar tard sal-2050 u jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mill-anqas 55 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990 sal-2030.

(14)

Il-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti tikkostitwixxi wkoll parti importanti mill-pakkett ta’ miżuri meħtieġa biex jiġi miġġieled it-telf tal-bijodiversità u biex ikun hemm konformità mal-impenji tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) (6), il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 u l-miri tal-Unjoni għar-restawr tan-natura.

(15)

Il-foresti primarji huma uniċi u insostitwibbli. Il-foresti tal-pjantaġġuni u l-foresti mħawla għandhom kompożizzjoni tal-bijodiversità differenti u jipprovdu servizzi ta’ ekosistemi differenti meta mqabbla mal-foresti primarji u dawk li jirriġeneraw b’mod naturali.

(16)

L-espansjoni agrikola tixpruna kważi 90 % tad-deforestazzjoni globali, b’aktar minn nofs it-telf tal-foresti dovut għall-konverżjoni tal-foresti f’raba’, filwaqt li r-ragħa tal-bhejjem huwa responsabbli għal kważi 40 % tat-telf tal-foresti.

(17)

Il-produzzjoni tal-għalf għall-bhejjem tista’ tikkontribwixxi għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti. Il-promozzjoni ta’ prattiki agrikoli alternattivi u sostenibbli tista’ tindirizza l-isfidi ambjentali u klimatiċi, u tipprevjeni d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti madwar id-dinja. L-inċentivi biex jiġu adottati dieti aktar bilanċjati, aktar tajbin għas-saħħa u aktar nutrittivi u stil ta’ ħajja aktar sostenibbli jistgħu jnaqqsu l-pressjoni fuq l-art u r-riżorsi.

(18)

Bejn l-1990 u l-2008, l-Unjoni importat u kkonsmat terz tal-prodotti agrikoli nnegozjati globalment assoċjati mad-deforestazzjoni. Matul dak il-perjodu, il-konsum tal-Unjoni kien responsabbli għal 10 % tad-deforestazzjoni madwar id-dinja assoċjata mal-produzzjoni ta’ oġġetti jew il-forniment ta’ servizzi. Anke jekk is-sehem relattiv tal-konsum tal-Unjoni qiegħed jonqos, il-konsum tal-Unjoni huwa xprunatur sproporzjonalment kbir tad-deforestazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tieħu azzjoni sabiex timminimizza d-deforestazzjoni globali u d-degradazzjoni tal-foresti xprunata mill-konsum tagħha ta’ ċerti komoditajiet u prodotti u b’hekk tfittex li tnaqqas il-kontribut tagħha għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra u t-telfien globali tal-bijodiversità kif ukoll tippromwovi xejriet sostenibbli ta’ produzzjoni u konsum fl-Unjoni u globalment. Sabiex ikun hemm l-akbar impatt, jenħtieġ li l-politika tal-Unjoni jkollha l-għan li tinfluwenza s-suq globali, mhux biss il-ktajjen tal-provvista lejn l-Unjoni. Is-sħubijiet u l-kooperazzjoni internazzjonali effiċjenti, inkluż il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, mal-pajjiżi produtturi u l-pajjiżi konsumaturi huma fundamentali f’dak ir-rigward.

(19)

L-Unjoni hija impenjata li tippromwovi u timplimenta politiki ambizzjużi dwar l-ambjent u l-klima madwar id-dinja, f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 37 tagħha li jipprevedi li livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent iridu jiġu integrati fil-politiki tal-Unjoni u żgurati f’konformità mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli. Bħala parti mid-dimensjoni esterna tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-azzjoni skont dan ir-Regolament jenħtieġ li tqis l-importanza ta’ ftehimiet, impenji u oqfsa globali eżistenti li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti bħall-Pjan Strateġiku tan-NU dwar il-Foresti 2017-2030 u l-Għanijiet Globali tiegħu dwar il-Foresti, il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Ftehim ta’ Pariġi, il-KDB u l-Qafas Globali tal-Bijodiversità għal Wara l-2020 tagħha, il-Pjan Strateġiku Globali għall-Bijodiversità 2011-2020 u l-Miri tal-Bijodiversità ta’ Aichi tiegħu, u l-Konvenzjoni tan-NU għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni; kif ukoll il-qafas multilaterali b’appoġġ għall-indirizzar tal-kawżi fundamentali tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, bħall- SDGs u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni.

(20)

It-twaqqif tad-deforestazzjoni u r-restawr ta’ foresti degradati huma parti essenzjali mill-SDGs. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jikkontribwixxi partikolarment sabiex jintlaħqu l-għanijiet rigward il-ħajja fuq l-art (SDG 15), l-azzjoni klimatika (SDG 13), il-konsum u l-produzzjoni responsabbli (SDG 12), inxejnu l-ġuħ (SDG 2) u saħħa tajba u benesseri (SDG 3). Il-mira rilevanti 15.2 sabiex titwaqqaf id-deforestazzjoni sal-2020 ma ntlaħqitx, u dan jenfasizza l-urġenza ta’ azzjoni ambizzjuża u effettiva.

(21)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jirrispondi wkoll għad-Dikjarazzjoni ta’ New York dwar il-Foresti, dikjarazzjoni politika mhux legalment vinkolanti li tapprova skeda ta’ żmien globali sabiex jitnaqqas bin-nofs it-telf ta’ foresti naturali sal-2020 u biex tistinka sabiex dan jintemm sal-2030. Id-Dikjarazzjoni ġiet approvata minn għexieren ta’ gvernijiet, minn ħafna mill-akbar kumpaniji tad-dinja u minn organizzazzjonijiet influwenti tas-soċjetà ċivili u l-popli indiġeni. Din talbet ukoll lis-settur privat sabiex jilħaq l-għan li d-deforestazzjoni tiġi eliminata mill-produzzjoni ta’ komoditajiet agrikoli bħaż-żejt tal-palm, is-sojja, il-karta u l-prodotti taċ-ċanga sa mhux aktar tard mill-2020, għan li ma ntlaħaqx. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jikkontribwixxi għall-Pjan Strateġiku tan-NU għall-Foresti, mill-2017 sal-2030, li l-Għan Globali dwar il-Foresti 1 tiegħu huwa li jreġġa’ lura t-telf tal-kopertura tal-foresti madwar id-dinja permezz ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti, inkluż il-protezzjoni, ir-restawr, l-afforestazzjoni u r-riforestazzjoni, u jżid l-isforzi sabiex tiġi evitata d-degradazzjoni tal-foresti u jikkontribwixxi għall-isforz globali biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima.

(22)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jirrispondi wkoll għad-Dikjarazzjoni ta’ Glasgow tal-Mexxejja dwar il-Foresti u l-Użu tal-Art li ħarġet mill-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima ta’ Novembru 2021, li tirrikonoxxi li “biex nilħqu l-għanijiet tagħna relatati mal-użu tal-art, il-klima, il-bijodiversità u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, kemm fuq livell globali kif ukoll fuq livell nazzjonali, nirrikjedu azzjoni trasformattiva ulterjuri fiż-żoni interkonnessi ta’ produzzjoni u konsum sostenibbli; l-iżvilupp tal-infrastruttura; il-kummerċ, il-finanzi u l-investiment; u l-appoġġ għal bdiewa b’azjenda agrikola żgħira, popli indiġeni, u komunitajiet lokali”. Il-firmatarji impenjaw ruħhom li jaħdmu flimkien biex iwaqqfu u jreġġgħu lura t-telf tal-foresti u d-degradazzjoni tal-art sal-2030 u enfasizzaw li jsaħħu l-isforzi kondiviżi tagħhom sabiex jiffaċilitaw il-politiki tal-kummerċ u tal-iżvilupp, fuq livell internazzjonali u domestiku, li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli u l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli tal-komoditajiet, u li jaħdmu għall-benefiċċju reċiproku tal-pajjiżi.

(23)

Bħala membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), l-Unjoni hija impenjata li tippromwovi sistema kummerċjali multilaterali universali, ibbażata fuq ir-regoli, miftuħa, trasparenti, prevedibbli, inklużiva, mhux diskriminatorja u ekwitabbli skont id-WTO, kif ukoll politika kummerċjali miftuħa, sostenibbli u assertiva. Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jinkludi komoditajiet u prodotti li jkunu ġew prodotti fl-Unjoni kif ukoll komoditajiet u prodotti importati lejn l-Unjoni.

(24)

L-isfidi li qed tiffaċċa d-dinja fir-rigward tat-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta’ azzjoni fuq livell globali. Jenħtieġ li -Unjoni tkun attur globali b’saħħtu, filwaqt li tmexxi kemm bl-eżempju kif ukoll billi tkun minn ta’ quddiem fil-kooperazzjoni internazzjonali biex toħloq sistema multilaterali miftuħa u ġusta fejn il-kummerċ sostenibbli jaġixxi bħala faċilitatur ewlieni tat-tranżizzjoni ekoloġika għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u biex jitreġġa’ lura t-telfien tal-bijodiversità.

(25)

Dan ir-Regolament isegwi wkoll il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Ġunju 2022 dwar is-saħħa tas-sħubiji tal-kummerċ: flimkien għal tkabbir ekonomiku ekoloġiku u ġust” u tat-18 ta’ Frar 2021 dwar “Rieżami tal-Politika Kummerċjali — Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva”, li ddikjaraw li bi sfidi interni u esterni ġodda u aktar partikolarment b’mudell ta’ tkabbir ġdid u aktar sostenibbli kif definit mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u mill-Istrateġija Diġitali Ewropea, li tinsab fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2020 dwar it-Tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa, l-Unjoni teħtieġ strateġija ġdida ta’ politika kummerċjali — waħda li ser tappoġġa l-ilħuq tal-objettivi ta’ politika domestika u esterna tagħha u tippromwovi sostenibbiltà akbar f’konformità mal-impenn tagħha biex l-SDGs jiġu implimenti bis-sħiħ. Il-politika kummerċjali jrid ikollha rwol sħiħ fl-għajnuna għal-irkupru tal-Unjoni mill-pandemija tal-COVID-19 u fit-trasformazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-ekonomija u lejn il-bini ta’ Unjoni aktar reżiljenti fid-dinja.

(26)

F’konformità mal-komunikazzjoni tagħha tat-22 ta’ Ġunju 2022 dwar “is-saħħa tas-sħubiji tal-kummerċ: flimkien għal tkabbir ekonomiku ekoloġiku u ġust”, il-Kummissjoni qed tintensifika l-impenn mas-sħab kummerċjali biex trawwem konformità ma standards internazzjonali tax-xogħol u tal-ambjent. Il-komunikazzjoni tipprevedi kapitoli robusti dwar l-iżvilupp sostenibbli, li jkun fihom klawżoli dwar id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti. L-iżgurar tal-infurzar ta’ ftehimiet kummerċjali attwali u l-konklużjoni ta’ ftehimiet kummerċjali ġodda b’tali kapitoli ser jikkomplementa l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

(27)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun komplementari għal miżuri oħra proposti fil-komunikazzjoni dwar “It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja”, b’mod partikolari l-ħidma fi sħubija mal-pajjiżi produtturi, sabiex dawn jiġu appoġġati fl-indirizzar tal-kawżi ewlenin tad-deforestazzjoni, bħall-governanza dgħajfa, l-infurzar tal-liġi ineffettiv u l-korruzzjoni, u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali ma’ pajjiżi konsumaturi ewlenin billi, inter alia, jiġi mħeġġeġ il-kummerċ fi prodotti li ma jinvolvux id-deforestazzjoni u bl-adozzjoni ta’ miżuri simili, sabiex jiġi evitat li fis-swieq tagħhom jiġu introdotti prodotti li ġejjin minn ktajjen tal-provvista assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti.

(28)

Dan ir-Regolament għandu jqis il-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u jservi biex jippromwovi u jiffaċilita l-kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari mal-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs), fost l-oħrajn permezz tal-għoti ta’ assistenza teknika u finanzjarja, fejn possibbli u rilevanti.

(29)

F’koordinazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tkompli taħdem fi sħubija mal-pajjiżi produtturi, u b’mod aktar ġenerali f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali kif ukoll mal-partijiet ikkonċernati rilevanti attivi fuq il-post permezz ta’ djalogi bejn diversi partijiet ikkonċernati. Jenħtieġ li l-Kummissjoni ssaħħaħ aktar l-appoġġ u l-inċentivi tagħha fir-rigward tal-protezzjoni tal-foresti u t-tranżizzjoni lejn produzzjoni mingħajr deforestazzjoni, ir-rikonoxximent u t-tisħiħ tar-rwol u d-drittijiet tal-popli indiġeni, il-komunitajiet lokali, il-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira u intrapriżi mikro, żgħar jew ta’ daqs medju (SMEs), it-titjib tal-governanza u l-pussess tal-art, iż-żieda fl-infurzar tal-liġi u l-promozzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, b’enfasi fuq prattiki tal-forestrija eqreb għan-natura, ibbażati fuq indikaturi u limiti bbażati fuq ix-xjenza, l-ekoturiżmu, l-agrikoltura reżiljenti għall-klima, id-diversifikazzjoni, l-agroekoloġija u l-agroforestrija. Meta tagħmel dan, l-Kummissjoni jenħtieġ li tirrikonoxxi bis-sħiħ ir-rwol u d-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali fil-protezzjoni tal-foresti, filwaqt li tqis il-prinċipju ta’ kunsens liberu, minn qabel u infurmat (FPIC). Filwaqt li jibnu fuq l-esperjenza u t-tagħlimiet miksuba fil-kuntest tal-inizjattivi diġà eżistenti, jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri jaħdmu għal sħubiji ma’ pajjiżi produtturi, fuq talba tagħhom, u jindirizzaw l-isfidi globali filwaqt li jissodisfaw il-ħtiġijiet lokali u jagħtu attenzjoni lill-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira, f’konformità mal-komunikazzjoni dwar It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja. L-approċċ ta’ sħubija għandu jgħin lill-pajjiżi produtturi u partijiet minnhom fil-protezzjoni, ir-restawr u l-użu sostenibbli tal-foresti, u b’hekk jikkontribwixxi għall-objettiv ta’ dan ir-Regolament li jitnaqqsu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, inkluż permezz tal-użu ta’ teknoloġiji diġitali, informazzjoni ġeospazjali u l-bini tal-kapaċità.

(30)

L-operaturi u n-negozjanti jenħtieġ li jkunu marbuta bl-obbligi skont dan ir-Regolament irrispettivament minn jekk it-tqegħid fis-suq isseħħx permezz ta’ mezzi tradizzjonali jew online. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiżgura li f’kull katina tal-provvista jkun hemm operatur skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament li jkun stabbilit fl-Unjoni u li jkun jista’ jinżamm responsabbli fil-każ fejn l-obbligi skont dan ir-Regolament ma jiġux issodisfati. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jidentifikaw jekk l-iżviluppi diġitali u teknoloġiċi jeħtiġux aktar speċifikazzjonijiet jew inizjattivi, kif xieraq, fil-futur.

(31)

Azzjoni importanti oħra mħabbra fil-komunikazzjoni dwar It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja hija l-istabbiliment tal-Osservatorju tal-UE dwar id-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti, il-bidliet fil-kopertura tal-foresti tad-dinja u l-fatturi assoċjati (“Osservatorju tal-UE”) li tnieda mill-Kummissjoni sabiex jiġu mmonitorjati aħjar il-bidliet fil-kopertura tal-foresti tad-dinja u l-fatturi relatati. Filwaqt li jibni fuq għodod ta’ monitoraġġ eżistenti, inkluż il-prodotti ta’ Copernicus u sorsi oħra disponibbli pubblikament jew privatament, jenħtieġ li l-Osservatorju tal-UE jiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-ktajjen tal-provvista għall-entitajiet pubbliċi, għall-konsumaturi u għan-negozji, jipprovdi data u informazzjoni li jinftiehmu faċilment u li jorbtu d-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti u l-bidliet fil-kopertura tal-foresti tad-dinja għad-domanda tal-Unjoni għal komoditajiet u prodotti u l-kummerċ tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-Osservatorju tal-UE jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament billi jipprovdi evidenza xjentifika fir-rigward tad-deforestazzjoni globali u d-degradazzjoni tal-foresti u l-kummerċ relatat. Jenħtieġ li l-Osservatorju tal-UE jipprovdi mapep tal-kopertura tal-art, inkluż b’serje ta’ żmien mid-data ta’ skadenza definita f’dan ir-Regolament, u firxa ta’ klassijiet li jippermettu li l-kompożizzjoni tal-pajsaġġ tiġi eżaminata. Jenħtieġ li l-Osservatorju tal-UE jipparteċipa fl-iżvilupp ta’ sistema ta’ twissija bikrija li tikkombina r-riċerka u l-kapaċità ta’ monitoraġġ. Fir-rigward ta’ dan ir-Regolament, meta teknikament fattibbli, jenħtieġ li l-objettiv tas-sistema ta’ twissija bikrija jkun li jagħmel parti minn pjattaforma li tista’ tassisti lill-awtoritajiet kompetenti, lill-operaturi, lin-negozjanti u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħra u li tista’ tipprovdi monitoraġġ kontinwu u notifika bikrija ta’ attivitajiet possibbli ta’ deforestazzjoni jew degradazzjoni tal-foresti. Dik il-pjattaforma jenħtieġ li tkun operattiva malajr kemm jista’ jkun. Jenħtieġ li l-Osservatorju tal-UE jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti, l-organizzazzjonijiet u l-korpi internazzjonali rilevanti, l-istituti tar-riċerka, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-operaturi, in-negozjanti, il-pajjiżi terzi u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.

(32)

Il-qafas legali eżistenti tal-Unjoni jiffoka fuq l-indirizzar tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-kummerċ assoċjat u ma jindirizzax id-deforestazzjoni direttament. Dan jikkonsisti mir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 (8). Iż-żewġ Regolamenti ġew evalwati f’Kontroll tal-Idoneità li ddetermina li, filwaqt li l-leġiżlazzjoni kellha impatt pożittiv fuq il-governanza tal-foresti, l-objettivi taż-żewġ Regolamenti — jiġifieri li jitnaqqas il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-kummerċ relatat, u li jitnaqqas il-konsum ta’ injam maħsud illegalment fl-Unjoni — ma ntlaħqux u ġie konkluż li l-enfasi biss fuq il-legalità tal-injam ma kinitx biżżejjed sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti.

(33)

Ir-rapporti disponibbli jikkonfermaw li parti kbira mid-deforestazzjoni li għaddejja hija legali f’konformità mal-liġijiet tal-pajjiż tal-produzzjoni. Rapport mill-Forest Policy Trade and Finance Initiative ippubblikat f’Mejju 2021 jistma li bejn l-2013 u l-2019, madwar 30 % tad-deforestazzjoni destinata għall-agrikoltura kummerċjali fil-pajjiżi tropikali kienet legali. Id-data disponibbli għandha t-tendenza li tiffoka fuq pajjiżi b’governanza dgħajfa — is-sehem globali tad-deforestazzjoni li hija illegali jista’ jkun aktar baxx, iżda diġà jipprovdi data ċara li turi li t-tneħħija tad-deforestazzjoni legali fil-pajjiż tal-produzzjoni jimmina l-effettività tal-miżuri ta’ politika.

(34)

Il-valutazzjoni tal-impatt ta’ miżuri ta’ politika possibbli sabiex jiġu indirizzati d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti mmexxija mill-Unjoni, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2019 u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Ottubru 2020 jidentifikaw b’mod ċar il-ħtieġa li jiġu stabbiliti d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti bħala l-kriterji gwida għal miżuri futuri tal-Unjoni. L-iffukar biss fuq il-legalità jista’ potenzjalment jinvolvi riskju ta’ tnaqqis fl-istandards ambjentali bil-għan li jinkiseb aċċess għas-suq. Għalhekk, il-qafas legali l-ġdid tal-Unjoni jenħtieġ li jindirizza kemm il-legalità kif ukoll jekk il-produzzjoni ta’ komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti hijiex mingħajr deforestazzjoni.

(35)

Jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ “mingħajr deforestazzjoni” tkun wiesgħa biżżejjed sabiex tkopri d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, jenħtieġ li tipprovdi ċarezza legali, u jenħtieġ li din tkun tista’ titkejjel abbażi ta’ data kwantitattiva, oġġettiva u rikonoxxuta internazzjonalment.

(36)

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-użu agrikolu jiġi definit bħala l-użu tal-art għall-fini tal-agrikoltura. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida sabiex tiċċara l-interpretazzjoni ta’ din id-definizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-konverżjoni ta’ foresti għal art li l-iskop tagħha mhuwiex użu agrikolu.

(37)

F’konformità mad-definizzjonijiet tal-FAO, is-sistemi agroforestali, inkluż fejn l-għelejjel jitkabbru taħt il-kopertura tas-siġar, kif ukoll is-sistemi agrisilvikulturali, silvopastorali u agrosilvipastorali, jenħtieġ li ma jitqisux bħala foresti, iżda bħala li jikkostitwixxu użu agrikolu.

(38)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikopri l-komoditajiet li l-konsum tagħhom mill-Unjoni huwa l-aktar rilevanti f’termini ta’ dak li qed iwassal għad-deforestazzjoni globali u d-degradazzjoni tal-foresti u li għalihom intervent ta’ politika tal-Unjoni jista’ jġib l-ogħla benefiċċji għal kull valur unitarju tal-kummerċ. Sar rieżami estensiv tal-letteratura xjentifika rilevanti, jiġifieri tas-sorsi primarji li jistmaw l-impatt tal-konsum tal-Unjoni fuq id-deforestazzjoni globali u li jorbtu dik l-impronta ambjentali ma’ komoditajiet speċifiċi, bħala parti mill-istudju li jappoġġa l-valutazzjoni tal-impatt għal dan ir-Regolament u kontroverifikat permezz ta’ konsultazzjoni estensiva mal-partijiet ikkonċernati. Dak il-proċess wassal għall-ewwel lista ta’ tmien komoditajiet. L-injam ġie inkluż direttament fil-kamp ta’ applikazzjoni peress li kien diġà kopert mir-Regolament (UE) Nru 995/2010.. Skont dokument ta’ riċerka reċenti (9) użat għall-analiżi tal-effiċjenza, seba’ komoditajiet jirrappreżentaw l-akbar sehem tad-deforestazzjoni xprunata mill-Unjoni mit-tmien komoditajiet analizzati f’dak id-dokument ta’ riċerka: żejt tal-palm (34,0 %), sojja (32,8 %), injam (8,6 %), kawkaw (7,5 %), kafè (7,0 %), bhejjem tal-ifrat (5,0 %) u lastku (3,4 %).

(39)

Sabiex jiġi żgurat li dan ir-Regolament jilħaq l-objettivi tiegħu, huwa importanti li jiġi żgurat li l-għalf użat għall-bhejjem li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jwassalx għad-deforestazzjoni. Għalhekk, l-operaturi li jqiegħdu fis-suq jew li jesportaw prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu tal-bhejjem tal-ifrat li ġew mitmugħa prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti jew prodotti rilevanti oħra, jenħtieġ li jiżguraw, bħala parti mis-sistema ta’ diliġenza dovuta tagħhom, li l-għalf huwa mingħajr deforestazzjoni. F’dak il-każ, jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ ġeolokalizzazzjoni skont dan ir-Regolament ikunu limitati għal referenza għall-post ġeografiku ta’ kull wieħed mill-istabbilimenti fejn trabbew il-bhejjem tal-ifrat, u jenħtieġ li ma tintalab l-ebda informazzjoni dwar il-ġeolokalizzazzjoni għall-għalf innifsu. Jekk l-awtorità kompetenti tikseb informazzjoni rilevanti jew issir konxja tagħha, inkluż informazzjoni abbażi ta’ tħassib sostanzjat imressaq minn partijiet terzi, li hemm riskju li l-għalf ma jkunx konformi ma’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti titlob minnufih informazzjoni dettaljata dwar dan l-għalf. Jekk l-għalf ikun diġà ġie soġġett għal diliġenza dovuta fi stadju preċedenti tal-katina tal-provvista, jenħtieġ li l-operaturi jużaw bħala evidenza l-fatturi rilevanti, in-numri ta’ referenza tad-dikjarazzjonijiet tad-diliġenza dovuta rilevanti jew kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti oħra li tindika li l-għalf ma jwassal għal ebda deforestazzjoni u huma jistgħu jkunu meħtieġa li jagħmlu dik l-evidenza disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba. Jenħtieġ li l-evidenza tkopri l-ħajja tal-annimali, sa massimu ta’ ħames snin.

(40)

Meta wieħed jiftakar li l-użu ta’ komoditajiet riċiklati rilevanti u prodotti riċiklati rilevanti jenħtieġ li jiġi imħeġġeġ, u li l-inklużjoni ta’ tali komoditajiet u prodotti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tpoġġi piż sproporzjonat fuq l-operaturi, il-komoditajiet u l-prodotti użati li jkunu temmew iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, u li altrimenti jintremew bħala skart, kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (1), tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, dan ma għandux japplika għal ċerti prodotti sekondarji tal-proċess tal-manifattura.

(41)

Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi obbligi l-obbligi li jikkonċernaw il-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti sabiex jiġu miġġielda b’mod effettiv id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, u sabiex jiġu promossi ktajjen tal-provvista mingħajr deforestazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u d-drittijiet tal-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali, kemm fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi.

(42)

Meta jiġi vvalutat ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq jew li jiġu esportati, jenħtieġ li jitqies il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li huwa assoċjat mad-deforestazzjoni jew mad-degradazzjoni tal-foresti, inkluż id-drittijiet tal-popli indiġeni, tal-komunitajiet lokali u tad-detenturi tad-drittijiet konswetudinarji għall-pussess tal-art.

(43)

Bosta organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali, bħall-FAO, l-IPCC, il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, u l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura, ilhom attivi, u ftehimiet internazzjonali, bħall-Ftehim ta’ Pariġi u l-CBD, ġew konklużi fil-qasam tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, u d-definizzjonijiet f’dan ir-Regolament jibnu fuq dik il-ħidma.

(44)

Huwa essenzjali li dan ir-Regolament jindirizza wkoll il-kwistjoni tad-degradazzjoni tal-foresti. Jenħtieġ li d-definizzjoni tad-degradazzjoni tal-foresti tkun ibbażata fuq kunċetti maqbula internazzjonalment, u tiżgura li l-obbligi assoċjati jistgħu jiġu ssodisfati faċilment mill-operaturi u mill-awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li dawk l-obbligi jkunu jistgħu jitkejlu u jiġu vverifikati b’mod operazzjonali, kif ukoll ikunu ċari u mhux ambigwi biex jipprovdu ċertezza legali. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiffoka fuq elementi ewlenin tad-degradazzjoni tal-foresti li jistgħu jitkejlu u jiġu vverifikati, u li huma partikolarment rilevanti biex jiġu evitati l-impatti ambjentali, abbażi tal-aktar data xjentifika aġġornata. Għal dak l-għan, id-definizzjoni tad-degradazzjoni tal-foresti għandha tibni fuq kunċetti maqbula internazzjonalment li huma definiti mill-FAO. Jenħtieġ li d-definizzjoni tad-degradazzjoni tal-foresti tiġi riveduta, f’konformità ma’ dan ir-Regolament, biex jiġi vvalutat jekk għandhiex tiġi estiża biex tkopri kamp ta’ applikazzjoni usa’ tal-muturi tad-degradazzjoni tal-foresti u tal-ekosistemi tal-foresti madwar id-dinja biex jiġu appoġġati aktar l-objettivi ambjentali ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li jitqies il-progress li sar fid-diskussjonijiet internazzjonali dwar il-kwistjoni, kif ukoll id-diversità tal-ekosistemi u l-prattiki tal-foresti madwar id-dinja. Jenħtieġ li r-rieżami jitwettaq abbażi ta’ analiżi fil-fond, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, u f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, l-organizzazzjonijiet u l-korpi internazzjonali u l-komunità xjentifika.

(45)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiżgura bilanċ xieraq bejn il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-operaturi u n-negozjanti li jqiegħdu l-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti fuq is-suq, jew li jesportawhom, filwaqt li jimminimizza t-tfixkil f’daqqa fil-ktajjen tal-provvista, u d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-ambjent kif stabbilit fl-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għal dan l-għan, jenħtieġ li tiġi stabbilita data ta’ skadenza sabiex tipprovdi bażi għall-evalwazzjoni ta’ jekk l-art ikkonċernata kinitx soġġetta għal deforestazzjoni jew degradazzjoni tal-foresti, li jfisser li l-ebda komodità jew prodott li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jista’ jitqiegħed fis-suq jew jiġi esportat, jekk ġew prodott fuq art soġġetta għad-deforestazzjoni jew għad-degradazzjoni tal-foresti wara dik id-data.

(46)

Jenħtieġ li d-data ta’ skadenza li tikkorrispondi mal-impenji internazzjonali eżistenti stabbiliti fl-SDGs u fid-Dikjarazzjoni ta’ New York dwar il-Foresti, li jsegwu l-ambizzjoni li titwaqqaf id-deforestazzjoni, jiġu rrestawrati l-foresti degradati u jiżdiedu b’mod sostanzjali l-afforestazzjoni u r-riforestazzjoni globalment sal-2020, u b’hekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti għall-31 ta’ Diċembru 2020. Dik id-data hija konsistenti wkoll mat-tħabbira mill-Kummissjoni tal-intenzjoni tagħha li tiġġieled kontra d-deforestazzjoni fil-komunikazzjoni dwar it-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja, il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 kif ukoll fl-istrteġija Mill-Għalqa sal-Platt. F’konformità mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, id-data limitu indikata fil-proposta tal-Kummissjoni għal dan ir-Regolament tippreċedi d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Id-data limitu ġiet magħżula sabiex tiġi evitata aċċellerazzjoni antiċipata tal-attivitajiet li jwasslu għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti bejn it-tħabbira fil-proposta tal-Kummissjoni u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jirrikonoxxi l-objettiv ambjentali segwit u jikkonferma d-data ta’ skadenza proposta biex jiġi żgurat li l-produtturi u l-operaturi li kkawżaw id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti matul il-perjodu ta’ negozjati ta’ dan ir-Regolament ma jitħallewx iqiegħdu l-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti kkonċernati fis-suq jew li jesportawhom.

(47)

Il-limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-operaturi u n-negozjanti li jirriżultaw mill-għażla tad-data ta’ skadenza jenħtieġ li jkunu proporzjonati, u strettament meħtieġa, biex jintlaħaq l-objettiv ta’ interess ġenerali tal-protezzjoni ambjentali. Sabiex jikkontribwixxi għal dak l-objettiv, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għal komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti li ġew prodotti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu ta’ dan ir-Regolament. L-applikazzjoni differita tad- dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jirregolaw l-obbligi għall-operaturi u għan-negozjanti li beħsiebhom iqiegħdu komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti fis-suq, jew li jesportawhom, tipprovdilhom ukoll perjodu ta’ żmien raġonevoli biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda ta’ dan ir-Regolament.

(48)

Sabiex jissaħħaħ il-kontribut tal-Unjoni biex jitwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, u sabiex jiġi żgurat li l-prodotti rilevanti mill-ktajjen tal-provvista relatati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti ma jiġux introdotti fis-suq jew jiġu esportati, jenħtieġ li l-prodotti rilevanti ma jiġux introdotti jew jitqiegħdu fis-suq jew jiġu esportati sakemm ma jkunux mingħajr deforestazzjoni u jkunu ġew prodotti f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż tal-produzzjoni. Sabiex jiġi kkonfermat li dan huwa l-każ, jenħtieġ li dawn dejjem ikunu akkumpanjati minn dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta.

(49)

Abbażi ta’ approċċ sistemiku, jenħtieġ li l-operaturi jieħdu l-passi xierqa sabiex jiżguraw li l-prodotti rilevanti li jkunu beħsiebhom jintroduċu fis-suq jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ mingħajr deforestazzjoni u tal-legalità ta’ dan ir-Regolament. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-operaturi jistabbilixxu u jimplimentaw sistemi ta’ diliġenza dovuta. Jenħtieġ li dawk is-sistemi ta’ diliġenza dovuta jinkludu tliet elementi, jiġifieri rekwiżiti ta’ informazzjoni, valutazzjoni tar-riskju u miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju, ikkomplementati minn obbligi ta’ rapportar. Jenħtieġ li s-sistemi ta’ diliġenza dovuta jitfasslu sabiex jipprovdu aċċess għal informazzjoni dwar is-sorsi u l-fornituri tal-komoditajiet u tal-prodotti li jiġu introdotti fis-suq, inkluż informazzjoni li turi li l-assenza ta’ deforestazzjoni u ta’ degradazzjoni tal-foresti u ta’ rekwiżiti ta’ legalità huma ssodisfati, fost l-oħrajn billi jiġu identifikati l-pajjiż u ż-żona tal-produzzjoni jew partijiet minnhom u inkluż il-koordinati tal-ġeolokalizzazzjoni tal-biċċiet ta’ art rilevanti. Dawk il-koordinati tal-ġeolokalizzazzjoni li jiddependu mill-ħin, il-pożizzjonament u/jew l-osservazzjoni tad-Dinja jistgħu jagħmlu użu mid-data u mis-servizzi spazjali pprovduti skont il-programm Spazjali tal-Unjoni (EGNOS/Galileo u Copernicus). Fuq il-bażi ta’ dik l-informazzjoni, jenħtieġ li l-operaturi jwettqu valutazzjoni tar-riskju. Meta jiġi identifikat riskju, jenħtieġ li l-operaturi jimmitigaw dak ir-riskju sabiex jiksbu sitwazzjoni ta’ ebda riskju jew ta’ riskju negliġibbli biss. L-operatur jenħtieġ li jitħalla biss li jqiegħed prodotti fis-suq jew jesportahom jekk l-operatur jikkonkludi wara li jkun eżerċita d-diliġenza dovuta li ma jeżisti l-ebda riskju jew li jeżisti riskju negliġibbli biss li l-prodotti rilevanti ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament.

(50)

Meta jiġu akkwistati l-prodotti, jenħtieġ li jsiru sforzi raġonevoli biex jiġi żgurat li jitħallas prezz ġust lill-produtturi, b’mod partikolari lill-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira, sabiex ikun possibbli introjtu li jiggarantixxi l-għajxien u jiġi indirizzat b’mod effettiv il-faqar bħala l-kawża ewlenija tad-deforestazzjoni.

(51)

Jenħtieġ li l-operaturi formalment jassumu r-responsabbiltà għall-konformità tal-prodotti rilevanti li jkunu beħsiebhom jintroduċu fis-suq jew li jesportaw billi jagħmlu disponibbli d-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprovdi mudell għal tali dikjarazzjonijiet. Tali dikjarazzjonijiet tad-diliġenza dovuta huma mistennija li jiffaċilitaw l-infurzar ta’ dan ir-Regolament mill-awtoritajiet u l-qrati kompetenti kif ukoll iżidu l-konformità mill-operaturi.

(52)

Sabiex jiġu rikonoxxuti l-prattiki tajbin, fil-proċedura tal-valutazzjoni tar-riskju jistgħu jintużaw skemi ta’ ċertifikazzjoni jew skemi oħra verifikati minn partijiet terzi, Madanakollu jenħtieġ li huma ma jissostitwixxux ir-responsabbiltà tal-operatur fir-rigward tad-diliġenza dovuta.

(53)

Jenħtieġ li n-negozjanti jkunu responsabbli għall-ġbir u għaż-żamma ta’ informazzjoni li tiżgura t-trasparenza tal-katina tal-provvista tal-prodotti rilevanti li jqiegħdu fis-suq. Negozjanti mhux SME għandhom influwenza sinifikanti fuq il-ktajjen tal-provvista u għandhom rwol importanti fl-iżgurar li dawn il-ktajjen tal-provvista jkunu mingħajr deforestazzjoni. Għalhekk jenħtieġ li jkollhom l-istess obbligi bħall-operaturi, jieħdu r-responsabbiltà għall-konformità tal-prodotti rilevanti ma’ dan ir-Regolament, u jiżguraw, qabel ma jqiegħdu fis-suq il-prodotti rilevanti, li jkunu eżerċitaw id-diliġenza dovuta f’konformità ma’ dan ir-Regolament u li jkunu kkonkludew li ma jeżisti l-ebda riskju jew li jeżisti riskju negliġibbli biss li l-prodotti rilevanti ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament.

(54)

Sabiex titrawwem it-trasparenza u jiġi ffaċilitat l-infurzar, jenħtieġ li l-operaturi li ma jaqgħux fil-kategorija ta’ SMEs, inkluż mikrointrapriżi jew persuni fiżiċi, fuq bażi annwali, jirrapportaw pubblikament dwar is-sistema ta’ diliġenza dovuta tagħhom, inkluż dwar il-passi meħuda biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom.

(55)

Jenħtieġ li l-operaturi jkunu jistgħu jirċievu tħassib sostanzjat mill-partijiet interessati, inkluż b’mezzi elettroniċi, u jenħtieġ li jinvestigaw bir-reqqa t-tħassib sostanzjat kollu riċevut.

(56)

Atti legali oħra tal-Unjoni li jipprevedu rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta fil-katina tal-valur fir-rigward ta’ impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem jew fuq l-ambjent jenħtieġ li japplikaw sakemm ma jkun hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika bl-istess objettiv, natura u effett f’dan ir-Regolament li tista’ tiġi adattata fid-dawl ta’ emendi futuri għall-atti legali tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-eżistenza ta’ dan ir-Regolament ma teskludix l-applikazzjoni ta’ -atti legali tal-Unjoni oħrajn li jipprevedu rekwiżiti rigward id-diliġenza dovuta tal-katina tal-valur. Meta tali oħra għall-atti legali tal-Unjoni jipprevedu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi jew iżidu rekwiżiti mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li tali dispożizzjonijiet jiġu applikati flimkien ma’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, meta dan ir-Regolament ikun fih dispożizzjonijiet aktar speċifiċi, jenħtieġ li dawn ma jiġux interpretati b’mod li jimmina l-applikazzjoni effettiva ta’ ta’ atti legali oħra tal-Unjoni dwar id-diliġenza dovuta jew l-ilħuq tal-għan ġenerali tagħhom. Għandu jkun possibbli li l-Kummissjoni toħroġ linji gwida ċari u faċli biex jinftiehmu għall-konformità tal-operaturi u n-negozjanti, b’mod partikolari l-SMEs, ma’ dan ir-Regolament.

(57)

Ir-rispett tad-drittijiet tal-popli indiġeni fir-rigward tal-foresti u l-prinċipju ta’ FPIC, inkluż kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni, jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-bijodiversità, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-indirizzar tat-tħassib dwar l-interess pubbliku relatat. Il-popli indiġeni għandhom għarfien tradizzjonali ta’ valur ekoloġiku u mediku, u spiss joffru mudell ta’ użu sostenibbli tar-riżorsi tal-foresti. Dan jista’ jikkontribwixxi għall-konservazzjoni in situ, f’konformità mal-KDB. Barra minn hekk, l-istudji jissuġġerixxu li l-popli indiġeni li jgħixu fil-foresti għandhom rwol doppju fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima: l-ewwel nett, huma normalment jirreżistu għall-okkupazzjoni u d-deforestazzjoni tal-artijiet li għexu fihom għal ġenerazzjonijiet sħaħ, u t-tieni nett, xi komunitajiet indiġeni jqisuha r-responsabbiltà tagħhom li jipproteġu l-foresti sabiex itaffu t-tibdil fil-klima.

(58)

Il-prinċipji stabbiliti fid-Dikjarazzjoni tan-NU, dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp ta’ Rio tal-1992, b’mod partikolari, il-Prinċipju 10 dwar l-importanza ta’ għarfien u parteċipazzjoni tal-pubbliku fi kwistjonijiet ambjentali u l-Prinċipju 22 dwar ir-rwol vitali ta’ popli indiġeni fil-ġestjoni u l-iżvilupp ambjentali. huma importanti fil-kuntest tal-kisba ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti.

(59)

Il-kunċett ta’ FPIC tal-popli indiġeni ġie żviluppat matul is-snin wara l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1989 (Nru 169) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Popli Indiġeni u Tribali, u dan huwa rifless fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Popli Indiġeni. Huwa għandu l-għan li jkun salvagwardja biex jiġi żgurat li l-impatti potenzjali fuq il-popli indiġeni jiġu kkunsidrati fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ proġetti li jaffettwawhom.

(60)

L-operaturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ atti legali oħra tal-Unjoni li jistabbilixxu rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta fil-katina tal-valur fir-rigward ta’ impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem jew fuq l- ambjent jenħtieġ li jkunu f’pożizzjoni li jissodisfaw l-obbligi ta’ rapportar skont dan ir-Regolament billi jinkludu l-informazzjoni meħtieġa meta jirrapportaw skont l- atti legali l-oħra tal-Unjoni.

(61)

Ir-responsabbiltà għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun tal-Istati Membri, u jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jiżguraw konformità sħiħa ma’ dan ir-Regolament. Infurzar uniformi ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-prodotti rilevanti li jidħlu fis-suq jew li joħorġu minnu jista’ jinkiseb biss permezz ta’ skambju sistematiku ta’ informazzjoni u kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet doganali u l-Kummissjoni.

(62)

L-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi u effiċjenti ta’ dan ir-Regolament huma essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi u tiġġestixxi sistema ta’ informazzjoni sabiex tappoġġa lill-operaturi u lill-awtoritajiet kompetenti fil-preżentazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa u fl-aċċess għaliha dwar il-prodotti rilevanti introdotti fis-suq. Jenħtieġ li l-operaturi jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta permezz tas-sistema tal-informazzjoni. Jenħtieġ li s-sistema ta’ informazzjoni tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti u għall-awtoritajiet doganali sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament u jenħtieġ li tiffaċilita t-trasferimenti ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet doganali. Jenħtieġ li d-data li mhix sensittiva f’sens kummerċjali tkun aċċessibbli wkoll għal pubbliku usa’, bid-data li tkun anonimizzata, apparti l-informazzjoni li tikkonċerna il-lista ta’ sentenzi finali għall-ksur ta’ dan ir-Regolament kontra persuni ġuridiċi u l-penali imposti fuqhom, u għandha tkun pprovduta f’format miftuħ u li jinqara mill-magni f’konformità mal-Politika tal-Unjoni tad-Data Miftuħa kif stabbilit fid-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(63)

Għall-prodotti rilevanti li jidħlu fis-suq jew li joħorġu minnu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom il-kompitu tal-kontroll li jivverifikaw il-konformità tal-prodotti rilevanti dan ir-Regolament ibbażati, inter alia, fost l-oħrajn, fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta ppreżentati mill-operaturi, waqt li r-rwol tad-dwana huwa li tiżgura li r-referenza ta’ dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta tkun disponibbli fid-dikjarazzjoni doganali fejn applikabbli u, barra minn hekk mill-mument li l-interfaċċa elettronika tkun fis-seħħ għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet kompetenti, sabiex jivverifikaw l-istatus tad-dikjarazzjoni tad-diliġenza dovuta wara analiżi tar-riskju inizjali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fis-sistema ta’ informazzjoni. L-awtoritajiet doganali jenħtieġ għandhom u jaġixxu kif xieraq bħal li jissospendu jew jirrifjutaw komodità relevanti jew prodott rilevanti jekk jintalbu jagħmlu dan permezz tal-istatus tad-dikjarazzjoni tad-diliġenza dovuta fis-sistema ta’ informazzjoni. Dik l-organizzazzjoni speċifika tal-kontrolli trendi l-Kapitolu VII tar-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) inapplikabbli f’dak li għandu x’jaqsam mal-applikazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament.

(64)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li dejjem ikun hemm riżorsi finanzjarji adegwati disponibbli sabiex ikun hemm il-persunal u t-tagħmir xierqa għall-awtoritajiet kompetenti. Huwa meħtieġ livell għoli ta’ riżorsi sabiex jitwettqu verifiki effiċjenti u jenħtieġ li jiġu pprovduti riżorsi stabbli f’livell xieraq għall-ħtiġijiet ta’ infurzar fi kwalunkwe waqt. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jissupplementaw il-finanzjament pubbliku billi jirkupraw mill-operaturi ekonomiċi rilevanti l-kostijiet imġarrba meta jwettqu verifiki fir-rigward tal-komoditajiet u l-prodotti rilevanti li jkunu nstabu li ma humiex konformi.

(65)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal atti legali oħra tal-Unjoni dwar l-oġġetti u l-prodotti li jidħlu jew li joħorġu mis-suq, partikularment ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) fir-rigward tas-setgħat tal-awtoritajiet doganali u l-kontrolli doganali. Jenħtieġ li l-importaturi jiġu mfakkra li l-Artikoli 220, 254, 256, 257 u 258 ta’ dak ir-Regolament jipprovdu li l-prodotti li jidħlu fis-suq li jirrikjedu proċessar ulterjuri għandhom jitqiegħdu taħt il-proċedura doganali xierqa li tippermetti tali proċessar. Ġeneralment, ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni jenħtieġ li ma jitqiesx bħala prova ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni, peress li tali rilaxx jew esportazzjoni mhux neċessarjament jinkludu kontroll sħiħ tal-konformità.

(66)

Sabiex jiġi ottimizzat il-proċess ta’ kontroll, inkluż billi jiġi minimizzat il-piż amministrattiv, għall-prodotti rilevanti li jidħlu fis-suq jew li joħorġu minnu, jeħtieġ li tiġi stabbilita interfaċċa elettronika interoperabbli li tippermetti t-trasferiment awtomatiku tad-data bejn is-sistemi doganali u s-sistemi ta’ informazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti. L-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-Unjoni Ewropea għad-Dwana huwa l-kandidat naturali sabiex jippermetti tali trasferiment tad-data. Jenħtieġ li l-interfaċċa tkun awtomatizzata ħafna u faċli sabiex tintuża, u jenħtieġ li tiffaċilita l-proċessi għall-awtoritajiet doganali u l-operaturi. Barra minn hekk, fid-dawl tad-differenzi limitati bejn id-data li għandha ssir disponibbli għall-awtoritajiet doganali u li għandha tiġi inkluża fid-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta, huwa xieraq li jiġi propost ukoll approċċ “min-negozji għall-gvern” fejn in-negozjanti u l-operaturi ekonomiċi jagħmlu disponibbli d-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta ta’ prodott rilevanti permezz tal-ambjent ta’ tieqa unika tal-UE għad-dwana nazzjonali u dik id-dikjarazzjoni tiġi trażmessa awtomatikament fis-sistema ta’ informazzjoni skont dan ir-Regolament użata mill-awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet kompetenti jikkontribwixxu għad-determinazzjoni tad-data li għandha tiġi trażmessa u kwalunkwe rekwiżit tekniku ieħor.

(67)

Ir-riskju li jiġu introdotti fis-suq jew esportati prodotti mhux konformi jvarja skont il-komodità u l-prodott kif ukoll skont il-pajjiż ta’ oriġini u produzzjoni tagħhom jew partijiet tiegħu. L-operaturi li jakkwistaw komoditajiet u prodotti minn pajjiżi jew partijiet tagħhom li jippreżentaw riskju baxx ta’ tkabbir, ħsad jew produzzjoni ta’ komoditajiet rilevanti bi ksur ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jkunu soġġetti għal anqas obbligi, u b’hekk jitnaqqsu l-kostijiet ta’ konformità u l-piż amministrattiv, sakemm l-operatur ma jkunx jaf jew ikollu raġuni biex jemmen li hemm riskju ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament. Meta awtorità kompetenti ssir konxja ta’ riskju li dan ir-Regolament ikun qed jiġi evitat, pereżempju fejn komodità rilevanti jew prodott rilevanti li jkunu ġew prodotti f’pajjiż b’riskju għoli jiġu sussegwentement ipproċessati f’pajjiż b’riskju baxx jew partijiet tiegħu, minn fejn ikun introdott fis-suq jew minn fejn jidħol jew jitlaq mis-suq, u d-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta jew id-dikjarazzjoni doganali tindika li l-komodità rilevanti jew il-prodott rilevanti ikunu ġew prodott f’pajjiż b’riskju baxx, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tivverifika permezz ta’ kontrolli ulterjuri jekk ikunx hemm xi nuqqas ta’ konformità u, jekk ikun meħtieġ, tieħu azzjoni xierqa, bħall-qbid tal-komodità rilevanti jew il-prodott rilevanti u s-sospensjoni tal-introduzzjoni fis-suq jew tal-esportazzjoni tal-komodità rilevanti jew tal-prodott rilevanti, kif ukoll twettaq verifiki ulterjuri. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu meħtieġa japplikaw skrutinju msaħħaħ għall-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti minn pajjiżi b’riskju għoli jew partijiet minnhom.

(68)

Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta r-riskju ta’ deforestazzjoni u ta’ degradazzjoni tal-foresti fil-livell ta’ pajjiż jew ta’ partijiet minnu abbażi ta’ firxa ta’ kriterji li jirriflettu data kwantitattiva, oġġettiva u rikonoxxuta internazzjonalment, u indikazzjonijiet li l-pajjiżi huma involuti attivament fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti. Jenħtieġ li tali informazzjoni dwar il-valutazzjoni komparattiva tagħmilha aktar faċli għall-operaturi fl-Unjoni li jeżerċitaw id-diliġenza dovuta u għall-awtoritajiet kompetenti sabiex jimmonitorjaw u jinfurzaw il-konformità, filwaqt li tipprovdi wkoll inċentiv għall-pajjiżi produtturi sabiex iżidu s-sostenibbiltà tas-sistemi ta’ produzzjoni agrikola tagħhom u jnaqqsu l-impatt tad-deforestazzjoni tagħhom. Jenħtieġ li dan jgħin sabiex il-ktajjen tal-provvista jsiru aktar trasparenti u sostenibbli. Jenħtieġ li s-sistema ta’ valutazzjoni komparattiva tkun ibbażata fuq sistema bi tliet livelli għall-klassifikazzjoni ta’ pajjiżi bħala ta’ riskju baxx, standard jew għoli. Sabiex jiġu żgurati trasparenza u ċarezza xierqa, jenħtieġ li l-Kummissjoni b’mod partikolari tagħmel disponibbli għall-pubbliku d-data li tkun qiegħda tintuża għall-valutazzjoni komparattiva, ir-raġunijiet għall-bidla proposta fil-klassifikazzjoni u t-tweġiba tal-pajjiż ikkonċernat. Għall-prodotti rilevanti minn pajjiżi b’riskju baxx jew partijiet minnhom, jenħtieġ li l-operaturi jitħallew jeżerċitaw id-diliġenza dovuta simplifikata. Għall-prodotti rilevanti minn pajjiżi b’riskju għoli jew partijiet minnhom, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu meħtieġa japplikaw skrutinju msaħħaħ. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi l-lista tal-pajjiżi jew partijiet minnhom li jippreżentaw riskju baxx jew għoli.

(69)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkoopera ma’ pajjiżi li huma klassifikati jew li jistgħu jiġu klassifikati bħala ta’ riskju għoli, u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti f’dawk il-pajjiżi, sabiex taħdem lejn it-tnaqqis tal-livell ta’ riskju.

(70)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu verifiki fuq l-operaturi u n-negozjanti, f’intervalli regolari, sabiex jivverifikaw li dawn qegħdin tassew iwettqu l-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu verifiki meta jkollhom fil-pussess tagħhom informazzjoni rilevanti u abbażi ta’ din l-informazzjoni, inkluż tħassib sostanzjat ippreżentat minn partijiet terzi. Jenħtieġ li l-identifikazzjoni tal-verifiki li għandhom jitwettqu tkun abbażi ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Fir-rigward tal-prodotti rilevanti minn pajjiżi jew partijiet tagħhom identifikati li għandhom riskju għoli;, tal-operaturi u n-negozjanti rispettivi u tal-volumi tas-sehem tagħhom ta’ komoditajiet u prodotti, jenħtieġ li japplika approċċ maqsum f’żewġ partijiet. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu meħtieġa jivverifikaw ċertu perċentwal ta’ operaturi u negozjanti, filwaqt li jkopru wkoll perċentwal speċifiku ta’ prodotti rilevanti. Fir-rigward, ta’ prodotti rilevanti minn pajjiżi jew partijiet minnhom identifikati bħala ta’ riskju baxx jew standard, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu meħtieġa jivverifikaw mill-inqas ċertu perċentwal ta’ operaturi u negozjanti. Il-livell ta’ verifiki jenħtieġ li jkun ogħla għal prodotti rilevanti minn pajjiżi b’riskju għoli jew partijiet minnhom filwaqt li jista’ jkun aktar baxx għal pajjiżi standard jew b’riskju baxx jew partijiet minnhom. Fir-rieżami tagħha ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni r-tevalwa u tidentifika objettivi kwantifikati għall-verifiki annwali li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti li jkunu xierqa biex jiżguraw l-infurzar ta’ dan ir-Regolament u approċċ armonizzat fl-Unjoni kollha.

(71)

Jenħtieġ li l-verifiki li jitwettqu fuq l-operaturi u n-negozjanti mill-awtoritajiet kompetenti jkopru s-sistemi ta’ diliġenza dovuta u l-konformità tal-prodotti rilevanti ma’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-verifiki jkunu bbażati fuq i bbażat fuq ir-riskji li jkun fih kriterji tar-riskju li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu analiżi tar-riskju tad-dikjarazzjonijiet tad-diliġenza dovuta ppreżentati mill-operaturi u min-negozjanti. Jenħtieġ li l-kriterji tar-riskju jqisu r-riskju ta’ deforestazzjoni assoċjata ma’ komoditajiet rilevanti fil-pajjiż tal-produzzjoni, l-istorja tan-nuqqas ta’ konformità tal-operaturi u tan-negozjanti mal-obbligi ta’ dan ir-Regolament u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li l-analiżi tar-riskju tad-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw dwak l-operaturi, in-negozjanti u l-prodotti rilevanti li jrid jiġu verifikati. Dik l-analiżi tar-riskju jenħtieġ li titwettaq bl-użu ta’ tekniki elettroniċi tal-ipproċessar tad-data fis-sistema tal-informazzjoni li permezz tagħhom jiġu ppreżentati d-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta. Fejn meħtieġ u teknikament possibbli, l-awtoritajiet kompetenti, wara konsultazzjoni u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, jenħtieġ li jkunu jistgħu jwettqu wkoll verifiki in situ.

(72)

F’każijiet fejn l-analiżi tar-riskju tad-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta tiżvela riskju għoli ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ prodotti rilevanti speċifiċi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jieħdu miżuri interim immedjati sabiex jipprevjenu l-introduzzjoni jew it-tqegħid fis-suq jew l-esportazzjoni ta’ dawk il-prodotti. F’każijiet fejn tali prodotti rilevanti kienu qed jidħlu fis-suq jew joħorġu minnu, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jitolbu mill-awtoritajiet doganali s-sospensjoni tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew tal-esportazzjoni, sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu l-verifiki meħtieġa. Tali talbiet jenħtieġ li jiġu kkomunikati permezz tas-sistema tal-interfaċċa bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet kompetenti. Is-sospensjoni tal-introduzzjoni jew it-tqegħid fis-suq, tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew tal-esportazzjoni jenħtieġ li tkun limitata għal tlett ijiem ta’ xogħol, jew 72 siegħa f’każ ta’ prodotti rilevanti li jitħassru malajr, ħlief meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu jirrikjedu żmien addizzjonali sabiex jivvalutaw il-konformità tal-komoditajiet rilevanti u tal-prodotti rilevanti ma’ dan ir-Regolament. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu miżuri interim addizzjonali sabiex jestendu l-perjodu ta’ sospensjoni jew, fil-każ ta’ prodotti rilevanti li jkunu deħlin jew ħerġin mis-suq, jitolbu estensjoni mill-awtoritajiet doganali.

(73)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jaġġornaw regolarment il-pjanijiet tagħhom tal-verifiki abbażi tar-riżultati tal-implimentazzjoni ta’ dawk il-verifiki. Dawk l-operaturi li juru rekord konsistenti ta’ konformità jistgħu jkunu soġġetti għal verifiki inqas frekwenti.

(74)

Sabiex jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar effettiv ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom is-setgħa li jirtiraw u jiġbru lura prodotti mhux konformi u li jieħdu azzjonijiet korrettivi xierqa. Jenħtieġ li jiżguraw ukoll li l-ksur ta’ dan ir-Regolament mill-operaturi u min-negozjanti huma soġġetti għal penali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(75)

Sabiex tiżdied ir-responsabbiltà tal-operaturi u tan-negozjanti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika fuq is-sit web tagħha l-lista tas-sentenzi finali kontra persuni ġuridiċi għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u l-penali imposti fuqhom. Dik l-informazzjoni tista’ tgħin lill-awtoritajiet kompetenti, operaturi u negozjanti oħra biex iwettqu l-valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom u jżidu s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi u tas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-operaturi u n-negozjanti li jiksru dan ir-Regolament.

(76)

L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament ser teħtieġ riżorsi u kapaċità suffiċjenti. F’dan il-kuntest, lil hinn mir-riżorsi nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw kemm jista’ jkun opportunitajiet u possibiltajiet għal appoġġ disponibbli fil-livell tal-Unjoni u permezz ta’ mezzi oħra, inkluż fondi ta’ koeżjoni u strumenti ta’ bini tal-kapaċità b’mod partikolari fil-kuntest tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

(77)

Filwaqt li jqisu l-karattru internazzjonali tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u l-kummerċ relatat, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw ma’ xulxin, mal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, mal-Kummissjoni u, kif ukoll mal-awtoritajiet amministrattivi ta’ pajjiżi terzi. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw ukoll mal-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni u l-infurzar ta’ strumenti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni li jistabbilixxu rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta fil-katina tal-valur fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem jew tal-impatti ambjentali negattivi.

(78)

F’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huma l-qrati tal-Istati Membri li għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet ta’ persuna skont id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), jeżiġi li l-Istati Membri jipprovdu rimedji suffiċjenti biex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-pubbliku, inkluż il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jippreżentaw tħassib sostanzjat skont dan ir-Regolament, jiġi żgurat aċċess għall-ġustizzja f’konformità mal-obbligi li l-Istati Membri impenjaw ruħhom għalihom bħala partijiet għall-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-NU (NU/KEE) dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali tal-25 ta’ Ġunju 1998 (il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”).

(79)

Sabiex jiġi żgurat li dan ir-Regolament jibqa’ rilevanti u konformi mal-iżviluppi kummerċjali, xjentifiċi u teknoloġiċi, is-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-lista ta’ kodiċijiet NM ta’ prodotti rilevanti stabbilita fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament. Huwa partikularment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (15). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(80)

Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 jipprojbixxi l-introduzzjoni fis-suq tal-Unjoni ta’ injam u prodotti tal-injam maħsuda illegalment. Dan jistabbilixxi obbligi għall-operaturi li jqiegħdu injam fis-suq għall-ewwel darba sabiex jeżerċitaw diliġenza dovuta u għan-negozjanti sabiex iżommu rekord traċċabbli tal-fornituri u tal-klijenti tagħhom. Jenħtieġ li dan ir-Regolament iżomm l-obbligu li tiġi żgurata l-legalità tal-prodotti rilevanti, inkluż l-injam u l-prodotti tal-injam, introdotti fis-suq u jenħtieġ li jikkomplementa dak l-obbligu b’rekwiżit dwar is-sostenibbiltà. Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 607/2012 (16) relatat għalhekk ma jibqawx meħtieġa b’dan ir-Regolament u jenħtieġ li jitħassru. L-injam u l-prodotti tal-injam kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 huma l-ekwivalenti tal-injam u l-prodotti tal-injam li huma elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament u li fihom jew li saru bl-użu tal-injam.

(81)

Ir-Regolament (KE) Nru 2173/2005 jistabbilixxi skema ta’ liċenzjar ta’ Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT) għall-importazzjoni ta’ injam fl-Unjoni. L-iskema ta’ liċenzjar hija implimentata permezz ta’ ftehimiet ta’ sħubija volontarja (VPAs) ma’ pajjiżi li jipproduċu l-injam, u hija maħsuba biex twaqqaf il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u biex ittejjeb il-governanza tal-foresti u l-kummerċ relatat. Dan ir-Regolament għandu jibni fuq ir-riżultati pożittivi miksuba skont il-FLEGT, speċjalment f’termini ta’ parteċipazzjoni msaħħa tal-partijiet ikkonċernati u governanza mtejba tal-foresti. F’każijiet speċifiċi, il-VPAs jistgħu jikkomplementaw dan ir-Regolament fir-rigward tal-legalità tal-prodotti tal-injam. Biex jiġu rrispettati l-impenji bilaterali li għaddejjin u biex jiġi ppreservat il-progress li sar mal-pajjiżi sħab li għandhom sistema operattiva fil-post (l-istadju ta’ liċenzjar FLEGT) u issir ħidma, fejn rilevanti u maqbul, mas-sħab attwali ta’ VPA sabiex dawn jilħqu dak l-istadju, jenħtieġ li dan ir-Regolament jinkludi dispożizzjoni li tiddikjara li l-injam u l-prodotti tal-injam li huma koperti minn b’liċenzja FLEGT valida huma meqjusa li jikkonformaw mar-r-rekwiżit ta’ legalità tar-Regolament (KE) Nru 2173/2005.

(82)

Filwaqt li dan ir-Regolament jindirizza d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, kif previst fil-komunikazzjoni dwar it-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja, jenħtieġ li l-protezzjoni tal-foresti ma twassalx għall-konverżjoni jew għad-degradazzjoni ta’ ekosistemi naturali oħra. L-ekosistemi, inkluż l-ekosistemi ġestiti, bħall-artijiet mistagħdra, is-savani u t-torbiera huma sinifikanti ħafna għall-isforzi globali sabiex jiġu miġġielda t-tibdil fil-klima u l-kriżi tal-bijodiversità, kif ukoll SDG’s oħra u l-konverżjoni jew id-degradazzjoni tagħhom jirrikjedu azzjoni urġenti partikolari u jeħtieġ li jiġu evitati. Fid-dawl tal-impronta tal-Unjoni fuq l-ekosistemi naturali mhux forestali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa u, fejn xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal artijiet imsaġġra oħra mhux aktar tard minn sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, sa mhux aktar tard minn sentejn wara dik id-data tad-dħul fis-seħħ, jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa u, fejn xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal ekosistemi naturali oħra, inkluż artijiet oħra b’ħażniet kbar ta’ karbonju u b’valur għoli ta’ bijodiversità bħal bwar, torbiera u art mistagħdra. L-ekosistemi jinsabu wkoll taħt pressjoni li qed tiżdied minn konverżjoni u degradazzjoni minħabba l-produzzjoni tal-komoditajiet għas-suq tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa wkoll il-ħtieġa u l-fattibbiltà li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni għal aktar komoditajiet sa mhux aktar tard minn sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq ukoll rieżami tal-lista tal-kodiċijiet NM ta’ prodotti rilevanti stabbilita fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

(83)

Filwaqt li titqies it-talba li saret mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu “Qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa’ lura d-deforestazzjoni globali kkawżata mill-UE” tat-22 ta’ Ottubru 2020 u tal-maġġoranza l-kbira ta’ kważi 1,2 miljun parteċipant għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffoka l-evalwazzjoni u l-proposta leġiżlattiva possibbli tagħha fuq estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal ekosistemi mhux forestali u l-konverżjoni u d-degradazzjoni tagħhom.

(84)

Meta, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ikun hemm bżonn li tiġi pproċessata data personali, dik id-data trid tiġi trattata f’konformità mad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali. Kwalunkwe proċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament huwa soġġett għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u għar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), kif applikabbli.

(85)

Ladarba l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti billi jitnaqqas il-kontribut tal-konsum fl-Unjoni, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri individwalment u jista’ għalhekk, minħabba d-daqs tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(86)

Jenħtieġ li l-operaturi, in-negozjanti u l-awtoritajiet kompetenti jingħataw perjodu ta’ żmien raġonevoli bil-għan li jkunu jistgħu jħejju lilhom infushom sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar l-introduzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni kif ukoll l-esportazzjoni mill-Unjoni tal- prodotti relevanti, kif elenkati fl-Anness I, li fihom, li ġew mitmugħa jew li saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti, jiġifieri bhejjem tal-ifrat, il-kawkaw, il-kafè, iż-żejt tal-palm, il-lastiku, is-sojja u l-injam„ bil-għan li:

(a)

jiġi minimizzat il-kontribut tal-Unjoni għad-deforestazzjoni, u d-degradazzjoni tal-foresti madwar id-dinja, u b’hekk jikkontribwixxu għal tnaqqis fid-deforestazzjoni globali;

(b)

jitnaqqas il-kontribut tal-Unjoni għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra u t-telfien globali tal-bijodiversità.

2.   Għajr kif previst fl-Artikolu 37(3), dan ir-Regolament ma japplika għall-prodotti rilevanti elenkati fl-Anness I li ġew prodotti qabel id-data kif indikat fl-Artikolu 38(1).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“komoditajiet rilevanti” tfisser bhejjem tal-ifrat, kawkaw, kafè, żejt tal-palma, lastiku, sojja u nnjam;

(2)

“prodotti rilevanti” tfisser prodotti elenkati fl-Anness I li fihom, li ġew mitmugħa jew li saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti;

(3)

“deforestazzjoni” tfisser il-konverżjoni ta’ foresta għal użu agrikolu, kemm jekk ikkawżata mill-bniedem kif ukoll jekk le;

(4)

“foresta”" tfisser medda ta’ art ta’ aktar minn 0,5 ettari b’siġar għoljin aktar minn 5 metri u kopertura ta’ qċaċet ta’ aktar minn 10 %, jew siġar li kapaċi jilħqu dawn il-limiti in situ, u ma tinkludix art li predominantement għandha użu agrikolu jew urban;

(5)

“użu agrikolu” tfisser l-użu ta’ art għall-fini tal-agrikoltura, inkluż għal pjantaġġuni agrikoli, u żoni agrikoli mwarrba, u għat-trabbija tal-bhejjem;

(6)

“pjantaġġun agrikolu” tfisser art b’popolament ta’ siġar f’sistemi ta’ produzzjoni agrikola, bħal pjantaġġuni tas-siġar tal-frott, pjantaġġuni tal-palm taż-żejt, imsaġar taż-żebbuġ u sistemi agroforestali fejn l-għelejjel jitkabbru taħt il-kopertura tas-siġar; dan jinkludi l-pjantaġġuni kollha ta’ komoditajiet rilevanti għajr l-injam; il-pjantaġġuni agrikoli huma esklużi mid-definizzjoni ta’ “foresta”;

(7)

“degradazzjoni tal-foresti” tfisser bidliet strutturali fil-kopertura tal-foresti, li jieħdu l-forma tal-konverżjoni ta’:

(a)

foresti primarji jew foresti li jirriġeneraw b’mod naturali f’foresti ta’ tħawwil jew f’art imsaġġra oħra jew

(b)

foresti primarji f’foresti mħawwla;

(8)

“foresta primarja” tfisser foresta ta’ speċi ta’ siġar indiġeni, irriġenerata b’mod naturali, fejn ma jkunx hemm indikazzjonijiet viżibbli b’mod ċar ta’ attivitajiet tal-bniedem u l-proċessi ekoloġiċi ma jkunux imfixkla b’mod sinifikanti;

(9)

foresta li tirriġenera b’mod naturali” tfisser foresta magħmula predominantement minn siġar stabbiliti permezz ta’ riġenerazzjoni naturali; tinkludi kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

foresti li għalihom mhuwiex possibbli li ssir distinzjoni bejn jekk tħawlux jew ġewx irriġenerati b’mod naturali;

(b)

foresti b’taħlita ta’ speċijiet ta’ siġar indiġeni rriġenerati b’mod naturali u siġar imħawla jew miżrugħa, u fejn is-siġar irriġenerati b’mod naturali huma mistennija li jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-istokk li qed jikber meta tintlaħaq il-maturità tal-popolament;

(c)

msaġar minn siġar oriġinarjament stabbiliti permezz ta’ riġenerazzjoni naturali;

(d)

siġar irriġenerati b’mod naturali ta’ speċijiet introdotti;

(10)

“foresta mħawla” tfisser foresta li fil-biċċa l-kbira tagħha hija magħmula minn siġar stabbiliti permezz tat-tħawwil u/jew taż-żrigħ, sakemm is-siġar imħawla jew miżrugħa jkunu mistennija jikkostitwixxu aktar minn 50 % tal-injam wieqaf fil-maturità; dan jinkludi l-imsajġar minn siġar li oriġinarjament ikunu ġew imħawla jew miżrugħin;

(11)

“foresta ta’ tħawwil” tfisser foresta mħawla li hija ġestita b’mod intensiv u li tissodisfa, fil-maturità tat-tħawwil u tal-popolament, il-kriterji kollha li ġejjin: speċi waħda jew tnejn, klassi ta’ età ugwali, u spazjar regolari; dan jinkludi pjantaġġuni ta’ rotazzjoni qasira għall-injam, għall-fibra u għall-enerġija, u jeskludi l-foresti mħawla għall-protezzjoni jew għar-restawr tal-ekosistemi, kif ukoll il-foresti stabbiliti permezz tat-tħawwil jew tat-tiżrigħ, li fil-maturità tal-popolament jixbhu jew ikunu ser jixbhu foresti li jirriġenaw b’mod naturali;

(12)

“art imsaġġra oħra” tfisser art mhux ikklassifikata bħala “foresta” ta’ aktar minn 0,5 ettari, b’siġar għoljin aktar minn 5 metri u kopertura ta’ qċaċet minn 5 % sa 10 %, jew siġar li kapaċi jilħqu dawk il-limiti in situ, jew b’kopertura kombinata ta’ arbuxxelli, buxxijiet u siġar ’il fuq minn 10 %, u ma tinkludix art li predominantement għandha użu agrikolu jew urban;

(13)

“mingħajr deforestazzjoni” tfisser:

(a)

li l-prodotti rilevanti fihom, ġew mitmugħa jew saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti li ġew prodotti fuq art li ma kinitx soġġetta għal deforestazzjoni wara l-31 ta’ Diċembru 2020, u

(b)

fil-każ ta’ prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu tal-injam, li l-injam ikun inħasad mill-foresta mingħajr ma tiġi indotta degradazzjoni tal-foresti wara l-31 ta’ Diċembru 2020;

(14)

“prodott” tfisser imkabbra, maħsuda, miksuba jew imrobbija fuq biċċiet ta’ art rilevanti jew, fir-rigward tal-bhejjem tal-irfat, fi;

(15)

“operatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, matul attività kummerċjali, tintroduċi prodotti rilevanti fis-suq jew tesportahom;

(16)

“introduzzjoni fis-suq” tfisser it-tqegħid għall-ewwel darba ta’ komodità jew ta’ prodott rilevanti fis-suq tal-Unjoni;

(17)

“negozjant” tfisser kwalunkwe persuna fil-katina tal-provvista għajr l-operatur li, matul attività kummerċjali, tqiegħed fis-suq prodotti rilevanti;

(18)

“tqegħid fis-suq” tfisser kwalunkwe provvista ta’ prodott rilevanti għad-distribuzzjoni, il-konsum jew l-użu fis-suq tal-Unjoni matul attività kummerċjali, kemm jekk issir bi ħlas kif ukoll mingħajru;

(19)

“matul attività kummerċjali” tfisser għall-fini tal-ipproċessar, għad-distribuzzjoni lil konsumaturi kummerċjali jew mhux kummerċjali, jew għall-użu fin-negozju tal-operatur jew tan-negozjant innifsu;

(20)

“persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li ma tkunx persuna, ġuridika iżda li tkun rikonoxxuta skont id-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali bħala persuna li jkollha l-kapaċità li twettaq atti legali;

(21)

“persuna stabbilita fl-Unjoni” tfisser:

(a)

fil-każ ta’ persuna fiżika, kwalunkwe persuna li għandha r-residenza tagħha fl-Unjoni;

(b)

fil-każ ta’ persuna ġuridika jew assoċjazzjoni ta’ persuni, kwalunkwe persuna li jkollha uffiċċju reġistrat, kwartieri ċentrali jew stabbiliment permanenti ta’ negozju tagħha fl-Unjoni;

(22)

“rappreżentant awtorizzat” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li, skont l-Artikolu 6, tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand operatur jew mingħand negozjant sabiex taġixxi f’ismu b’relazzjoni mal-kompiti speċifikati fir-rigward tal-obbligi tal-operatur jew tan-negozjant skont dan ir-Regolament;

(23)

“pajjiż ta’ oriġini” tfisser pajjiż jew territorju kif msemmija fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(24)

“pajjiż tal-produzzjoni” tfisser il-pajjiż jew it-territorju fejn tkun ġiet prodotta l-komodità rilevanti jew il-komodità rilevanti użata fil-produzzjoni ta’ prodott rilevanti, jew li tkun tinsab fih;

(25)

“prodotti mhux konformi tfisser prodotti rilevanti li ma jikkonformawx mal-Artikolu 3;

(26)

“riskju negliġibbli” tfisser il-livell ta’ riskju li japplika għal komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti, meta, abbażi ta’ valutazzjoni sħiħa tal-informazzjoni speċifika għall-prodott u tal-informazzjoni ġenerali, u, fejn meħtieġ, tal-applikazzjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa, dawk il-komoditajiet jew il-prodotti ma juru l-ebda raġuni għal tħassib li ma jkunux f’konformità mal-Artikolu 3, il punt (a) jew(b);

(27)

“biċċa art” hija estensjoni tal-art fi ħdan proprjetà immobbli waħda, kif rikonoxxuta mil-liġijiet tal-pajjiż tal-produzzjoni, u li tgawdi minn kundizzjonijiet omoġenji biżżejjed sabiex tippermetti li jiġi evalwat fil-livell aggregat ir-riskju ta’ deforestazzjoni u ta’ degradazzjoni tal-foresti assoċjati ma’ komoditajiet prodotti fuq dik l-art;

(28)

“ġeolokalizzazzjoni” tfisser il-pożizzjoni ġeografika ta’ biċċa art deskritta permezz ta’ koordinati ta’ latitudni u ta’ lonġitudni li jikkorrispondu għal mill-inqas punt wieħed ta’ latitudni u punt wieħed ta’ lonġitudni u li jużaw mill-inqas sitt ċifri deċimali; għal biċċiet ta’ art ta’ aktar minn erba’ ettari, użati għall-produzzjoni tal-komoditajiet rilevanti għajr il-bhejjem tal-ifrat, din għandha tiġi pprovduta bl-użu ta’ poligoni, b’ punti ta’ latitudni u lonġitudni suffiċjenti biex jiddeskrivu l-perimetru ta’ kull biċċa art;

(29)

“stabbiliment” tfisser kwalunkwe post, struttura, jew, fil-każ ta’ biedja fil-beraħ, kwalunkwe ambjent jew post, fejn jinżammu l-bhejjem., fuq bażi temporanja jew permanenti;

(30)

“intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju” jew “SMEs” tfisser intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju kif definiti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19);

(31)

“tħassib sostanzjat” tfisser talba debitament motivata bbażata fuq informazzjoni oġġettiva u verifikabbli rigward in-nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament u li tista’ tirrikjedi l-intervent tal-awtoritajiet kompetenti;

(32)

“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet deżinjati skont l-Artikolu 14(1);

(33)

“awtoritajiet doganali” tfisser l-awtoritajiet doganali kif definiti fl-Artikolu 5, punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(34)

“territorju doganali” huwa t-territorju kif definit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(35)

“pajjiż terz” tfisser pajjiż jew territorju barra mit-territorju doganali tal-Unjoni;

(36)

“rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera” tfisser il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 201 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(37)

“esportazzjoni” tfisser il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 269 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(38)

“prodotti rilevanti li jidħlu fis-suq ” tfisser prodotti rilevanti minn pajjiżi terzi mqiegħda taħt il-proċedura doganali “rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera” li huma maħsuba biex jiġu introdotti fis-suq tal-Unjoni u li mhumiex maħsuba għal użu jew għal konsum privat fi ħdan it-territorju doganali tal-Unjoni;

(39)

“prodotti rilevanti li joħorġu mis-suq” tfisser prodotti rilevanti mqiegħda taħt il-proċedura doganali “esportazzjoni”;

(40)

“leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż tal-produzzjoni” tfisser il-liġijiet applikabbli fil-pajjiż tal-produzzjoni li jikkonċernaw l-istatus legali taż-żona tal-produzzjoni f’termini ta’:

(a)

id-drittijiet għall-użu tal-art,

(b)

il-ħarsien tal-ambjent,

(c)

ir-regoli relatati mal-foresti, inkluż il-ġestjoni tal-foresti u l-konservazzjoni tal-bijodiversità, fejn direttament relatati mal-ħsad tal-injam,

(d)

id-drittijiet ta’ partijiet terzi,

(e)

id-drittijiet tax-xogħol,

(f)

id-drittijiet tal-bniedem protetti skont id-dritt internazzjonali,

(g)

il-prinċipju ta’ kunsens liberu, minn qabel u infurmat (FPIC), inkluż kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni,

(h)

ir-regolamenti dwar it-taxxa, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kummerċ u d-dwana.

Artikolu 3

Projbizzjoni

Il-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti ma għandhomx jiġu introdotti jew jitqiegħdu fis-suq jew esportati, sakemm ma jiġux issodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikunu mingħajr deforestazzjoni;

(b)

ikunu ġew prodotti f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż tal-produzzjoni; u

(c)

ikunu koperti minn dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta.

KAPITOLU 2

OBBLIGI TAL-OPERATURI U TAN-NEGOZJANTI

Artikolu 4

Obbligi tal-operaturi

1.   L-operaturi għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 8 qabel ma jqiegħdu prodotti rilevanti fis-suq jew qabel jesportawhom sabiex jagħtu prova li l-prodotti rilevanti jikkonformaw mal-Artikolu 3.

2.   L-operaturi ma għandhomx jintroduċu prodotti rilevanti fis-suq u lanqas ma għandhom jesportawhom mingħajr preżentazzjoni minn qabel ta’ dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta. L-operaturi li, abbażi tad-diliġenza dovuta eżerċitata f’konformità mal-Artikolu 8, jikkonkludu li l-prodotti rilevanti jikkonformaw mal-Artikolu 3 għandhom, qabel ma jintroduċu l-prodotti rilevanti fis-suq jew jesportawhom, jagħmlu disponibbli dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta għall-awtoritajiet kompetenti permezz tas-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33. Tali dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta disponibbli b’mod elettroniku u li tista’ tiġi trażmessa għandu jkun fiha l-informazzjoni stabbilita fl-Anness II għall-prodotti rilevanti u dikjarazzjoni mill-operatur li l-operatur eżerċita d-diliġenza dovuta u li ma jkun instab l-ebda riskju jew ikun instab biss riskju negliġibbli.

3.   Billi jagħmel disponibbli d-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta lill-awtoritajiet kompetenti, l-operatur għandu jassumi r-responsabbiltà għall-konformità tal-prodott rilevanti mal-Artikolu 3. L-operaturi għandhom iżommu rekord tad-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta għal ħames snin mid-data li fiha tkun ġiet ippreżentata d-dikjarazzjoni permezz tas-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33.

4.   L-operaturi ma għandhomx jintroduċi prodotti rilevanti fis-suq u lanqas ma għandhom jesportawhom fejn japplika wieħed jew aktar mill-każijiet li ġejjin:

(a)

il-prodotti rilevanti ma jkunux konformi;

(b)

l-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta jkun żvela riskju mhux negliġibbli li l-prodotti rilevanti ma jkunux konformi;

(c)

l-operatur ma setax jissodisfa l-obbligi msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

5.   L-operaturi li jkunu rċevew jew ġew mgħarrfa b’informazzjoni ġdida rilevanti, inkluż tħassib sostanzjat, li jindika li prodott rilevanti li huma jkunu introduċew fis-suq huwa f’riskju li ma jkunx konformi ma’ dan ir-Regolament għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom ikunu introduċew il-prodott rilevanti fis-suq, kif ukoll lin-negozjanti li lilhom ikunu pprovdew il-prodott rilevanti. Fil-każ ta’ esportazzjonijiet, l-operaturi għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jkun il-pajjiż tal-produzzjoni.

6.   L-operaturi għandhom joffru l-assistenza kollha meħtieġa lill-awtoritajiet kompetenti biex jiffaċilitaw it-twettiq tal-verifiki skont l-Artikolu 18, inkluż aċċess għall-bini u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dokumentazzjoni u rekords.

7.   L-operaturi għandhom jikkomunikaw lill-operaturi u lin-negozjanti aktar ’l isfel fil-katina tal-provvista bil-prodotti rilevanti li jkunu introduċew fis-suq jew li jkunu esportaw, l-informazzjoni kollha meħtieġa biex juru li ġiet eżerċitata d-diliġenza dovuta u li ma nstab l-ebda riskju jew li nstab biss riskju negliġibbli, inkluż in-numri ta’ referenza tad-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta assoċjati ma’ dawk il-prodotti.

8.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-operaturi li huma SMEs (“operaturi SMEs”) ma għandhomx jinħtieġu jeżerċitaw id-diliġenza dovuta għal prodotti rilevanti li jinsabu fi prodott rilevanti jew li saru minnhom li diġà kienu soġġetti għad-diliġenza dovuta f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u li għalihom diġà ġiet ippreżentata dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 33. F’każijiet bħal dawn, l-operaturi SMEs għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti n-numru ta’ referenza tad-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta, fuq talba. Għall-partijiet ta’ prodotti rilevanti li ma ġewx soġġetti għad-diliġenza dovuta, l-operaturi SME għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

9.   L-operaturi li mhumiex SMEs (“operaturi mhux SME”) jistgħu jirreferu biss għad-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta li diġà jkunu ġew ippreżentati f’konformità mal-Artikolu 33 wara li jkunu aċċertaw li d-diliġenza dovuta marbuta mal-prodotti rilevanti li jkunu fil-prodotti rilevanti, jew magħmula minnhom, tkun ġiet eżerċitata f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Huma għandhom jinkludu n-numri ta’ referenza ta’ tali dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta li diġà jkunu ġew ippreżentati f’konformità mal-Artikolu 33 fid-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta li jippreżentaw skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Għal partijiet ta’ prodotti rilevanti li ma jkunux ġew soġġetti għad-diliġenza dovuta, l-operaturi mhux SME għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

10.   Kwalunkwe operatur li jirreferi għal dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta li diġà tkun ġiet ippreżentata f’konformità mal-Artikolu 33 għandu jżomm ir-responsabbiltà għall-konformità tal-prodotti rilevanti mal-Artikolu 3, inkluż li ma nstab l-ebda riskju jew li nstab biss riskju negliġibbli, qabel ma jqiegħed tali prodotti rilevanti fis-suq jew qabel ma jesporthom.

Artikolu 5

Obbligi tan-negozjanti

1.   In-negozjanti li mhumiex SMEs (“negozjanti mhux SME”) għandhom jitqiesu bħala operaturi mhux SME u għandhom ikunu soġġetti għall-obbligi u d-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 3, 4 u 6, l-Artikoli 8 sa 13, l-Artikolu 16(8) sa (11) u l-Artikolu 18 fir-rigward tal-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti li huma jqiegħdu fis-suq.

2.   In-negozjanti li huma SMEs (“negozjanti SME”) għandhom biss iqiegħdu prodotti rilevanti fis-suq jekk ikollhom l-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafu 3.

3.   In-negozjanti SMEs għandhom jiġbru u jżommu l-informazzjoni li ġejja relatata mal-prodotti li jkunu beħsiebhom iqiegħdu fis-suq:

(a)

l-isem, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata, l-indirizz postali, l-indirizz tal-posta elettronika u, jekk disponibbli, indirizz web tal-operaturi jew tan-negozjanti li jkunu pprovdew il-prodotti relevanti lilhom, kif ukoll in-numri ta’ referenza tad-dikjarazzjonijiet tad-diliġenza dovuta assoċjati ma’ dawk il-prodotti;

(b)

l-isem, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata, l-indirizz postali, l-indirizz tal-posta elettronika u, jekk disponibbli, indirizz web tal-operaturi jew tan-negozjanti li lilhom ikunu pprovdew il-prodotti rilevanti.

4.   In-negozjanti SME għandhom iżommu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għal mill-anqas ħames snin mid-data tat-tqegħid fis-suq u għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba.

5.   In-negozjanti SME li jiksbu jew jiġu mgħarrfa b’informazzjoni ġdida rilevanti, inkluż tħassib sostanzjat, li tindika li prodott rilevanti li jkunu qiegħdu fis-suq jinsab f’riskju li ma jkunx konformi ma’ dan ir-Regolament għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom ikunu qiegħdu l-prodott rilevanti fis-suq kif ukoll lin-negozjanti li lilhom ikunu pprovdew il-prodott rilevanti.

6.   In-negozjanti, kemm jekk huma SMEs u kemm jekk mhumiex, għandhom joffru l-assistenza kollha meħtieġa lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiffaċilitaw it-twettiq tal-verifiki skont l-Artikoli 18 u 19, inkluż l-aċċess għall-bini u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dokumentazzjoni u rekords.

Artikolu 6

Rappreżentanti awtorizzati

1.   L-operaturi jew in-negozjanti jistgħu jagħtu mandat lil rappreżentant awtorizzat biex jissottometti d-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta skont l-Artikolu 4(2) f’isimhom. F’ -każijiet bħal dawn, l-operatur jew in-negozjant għandu jżomm ir-responsabbiltà għall-konformità tal-prodott rilevanti mal-Artikolu 3.

2.   Ir-rappreżentant awtorizzat għandu, fuq talba, jipprovdi kopja tal-mandat f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni lill-awtoritajiet kompetenti u kopja f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih tiġi ttrattata d-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta jew, jekk dan ma jkunx possibbli, bl-Ingliż.

3.   Operatur li jkun persuna fiżika jew mikrointrapriża jista’ jagħti mandat lill-operatur jew lin-negozjant li jkun imiss aktar ’l isfel fil-katina tal-provvista li ma jkunx persuna fiżika jew mikrointrapriża biex jaġixxi bħala rappreżentant awtorizzat. Tali operatur jew negozjant li jkun imiss aktar ’l isfel fil-katina tal-provvista ma għandux jintroduċi jew iqiegħed prodotti rilevanti fis-suq jew jesportahom, mingħajr ma jissottometti d-dikjarazzjoni tad-diliġenza dovuta skont l-Artikolu 4(2) f’isem dak l-operatur. F’każijiet bħal dawn, l-operatur li jkun persuna fiżika jew mikrointrapriża għandu jżomm ir-responsabbiltà għall-konformità tal-prodott rilevanti mal-Artikolu 3, u għandu jikkomunika lil dak l-operatur jew in-negozjant li jkun imiss aktar ’l isfel fil-katina tal-provvista l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jikkonferma li ġiet eżerċitata d-diliġenza dovuta u li ma nstab l-ebda riskju jew instab biss riskju negliġibbli.

Artikolu 7

L-introduzzjoni fis-suq minn operaturi stabbiliti f’pajjiżi terzi

Meta persuna fiżika jew ġuridika stabbilita barra l-Unjoni tintroduċi prodotti rilevanti fis-suq, l-ewwel persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tqiegħed tali prodotti rilevanti fis-suq għandha titqies bħala operatur skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Diliġenza dovuta

1.   Qabel ma jintroduċu prodotti rilevanti fis-suq jew qabel ma jesportawhom, l-operaturi għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-prodotti rilevanti kollha fornuti minn kull fornitur partikolari.

2.   Id-diliġenza dovuta għandha tinkludi:

(a)

il-ġbir tal-informazzjoni, id-data u d-dokumenti meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9;

(b)

miżuri ta’ valutazzjoni tar-riskju kif imsemmija fl-Artikolu 10;

(c)

miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju kif imsemmija fl-Artikolu 11.

Artikolu 9

Rekwiżiti ta’ informazzjoni

1.   L-operaturi għandhom jiġbru informazzjoni, dokumenti u data li juru li l-prodotti rilevanti jikkonformaw mal-Artikolu 3. Għal dan il-għan, l-operatur għandu jiġbor, jorganizza u jżomm għal ħames snin mid-data tal-introduzzjoni fis-suq, jew tal-esportazzjoni tal-prodotti rilevanti, l-informazzjoni li ġejja, akkumpanjata minn evidenza, relatata ma’ kull prodott rilevanti:

(a)

deskrizzjoni, inkluż l-isem kummerċjali u t-tip tal-prodotti rilevanti kif ukoll, fil-każ ta’ prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu tal-injam, l-isem komuni tal-ispeċijiet u l-isem xjentifiku sħiħ tagħhom; id-deskrizzjoni tal-prodotti relevanti għandha tinkludi l-lista ta’ komoditajiet rilevanti jew prodotti rilevanti li jinsabu fihom jew li jintużaw biex isiru dawk il-prodotti;

(b)

il-kwantità tal-prodotti rilevanti; għal prodotti rilevanti li jkunu qed jidħlu jew joħorġu mis-suq, il-kwantità għandha tiġi espressa f’kilogrammi tal-massa netta u, fejn applikabbli, fl-unità supplimentari stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (20) li tikkorrispondi għall-kodiċi tas-Sistema Armonizzata indikat; jew, fil-każijiet l-oħra kollha, il-kwantità għandha tiġi espressa f’massa netta jew, fejn ikun applikabbli, f’volum nett, jew f’għadd ta’ unitajiet; unità supplimentari hi applikabbli fejn tkun iddefinita b’mod konsistenti għas-subintestaturi kollha possibbli skont il-kodiċi tas-Sistema Armonizzata msemmi fid-dikjarazzjoni tad-diliġenza dovuta;

(c)

il-pajjiż tal-produzzjoni u, fejn rilevanti, partijiet minnu;

(d)

il-ġeolokalizzazzjoni tal-biċċiet art kollha fejn ġew prodotti l-komoditajiet rilevanti li l-prodott rilevanti fih, jew sar bl-użu tagħhom, kif ukoll id-data jew il-medda ta’ żmien li ħadet il-produzzjoni; fejn prodott rilevanti jkun fih jew ikun sar b’komoditajiet rilevanti prodotti f’biċċiet art differenti, għandha tiġi inkluża l-ġeolokalizzazzjoni tal-biċċiet art differenti kollha; kwalunkwe deforestazzjoni jew degradazzjoni tal-foresti f’dawn il-biċċiet art partikolari għandha awtomatikament tiskwalifika l-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti kollha minn dawk il-biċċiet art milli jiġu introdotti jew jitqiegħdu fis-suq jew milli jiġu esportati; għall-prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu tal-bhejjem tal-ifrat, u għal tali prodotti rilevanti li ntemgħu bil-prodotti rilevanti, il-ġeolokalizzazzjoni għandha tirreferi għall-istabbilimenti kollha fejn jitrabbew il-bhejjem tal-ifrat; għall-prodotti rilevanti l-oħra kollha tal-Anness I, il-ġeolokalizzazzjoni għandha tirreferi għall-biċċiet art;

(e)

l-isem, l-indirizz postali u l-indirizz elettroniku ta’ kwalunkwe negozju jew persuna li minn għandhom ikunu ġew fornuti l-prodotti rilevanti;

(f)

l-isem, l-indirizz postali u l-indirizz elettroniku ta’ kwalunkwe negozju, operatur jew negozjant jew li lilu jkunu ġew fornuti l-prodotti rilevanti;

(g)

informazzjoni adegwatament konklużiva u verifikabbli li l-prodotti rilevanti ma jikkontribwux għad-deforestazzjoni;

(h)

informazzjoni adegwatament konklużiva u verifikabbli li l-komoditajiet rilevanti ġew prodotti f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż tal-produzzjoni, inkluż kwalunkwe arranġament li jagħti d-dritt li tintuża ż-żona rispettiva għall-finijiet tal-produzzjoni tal-komodità rilevanti.

2.   L-operatur għandu jagħmel disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba l-informazzjoni, id-dokumenti u d-data miġbura skont dan l-Artikolu.

Artikolu 10

Valutazzjoni tar-riskju

1.   L-operaturi għandhom jivverifikaw u janalizzaw l-informazzjoni miġbura f’konformità mal-Artikolu 9 u kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti oħra. Abbażi ta dik l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni, l-operaturi għandhom iwettqu valutazzjoni tar-riskju sabiex jistabbilixxu jekk hemmx riskju li l-prodotti rilevanti maħsuba sabiex jiġu introdotti fis-suq jew jiġu esportati ma jkunux konformi. L-operaturi ma għandhomx jintroduċu l-prodotti rilevanti fis-suq jew jesportawhom ħlief fejn il-valutazzjoni tar-riskju ma tiżvela l-ebda riskju jew tiżvela biss riskju negliġibbli li l-prodotti rilevanti mhumiex konformi.

2.   Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tqis b’mod partikolari, il-kriterji li ġejjin:

(a)

l-assenjazzjoni tar-riskju lill-pajjiż rilevanti tal-produzzjoni jew lil partijiet minnu f’konformità mal-Artikolu 29;

(b)

il-preżenza ta’ foresti fil-pajjiż tal-produzzjoni jew partijiet minnu;

(c)

il-preżenza ta’ popli indiġeni fil-pajjiż, tal-produzzjoni jew partijiet minnu;

(d)

il-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni in bona fede mal-popli indiġeni fil-pajjiż tal-produzzjoni jew partijiet minnu;

(e)

l-eżistenza ta’ talbiet debitament motivati minn popli indiġeni abbażi ta’ informazzjoni oġġettiva u verifikabbli dwar l-użu jew is-sjieda taż-żona użata għall-fini tal-produzzjoni tal-komodità rilevanti;

(f)

il-prevalenza tad-deforestazzjoni jew tad-degradazzjoni tal-foresti fil-pajjiż, tal-produzzjoni jew partijiet minnu;

(g)

is-sors, l-affidabbiltà, il-validità, u r-rabtiet għal dokumentazzjoni disponibbli oħra tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1);

(h)

tħassib fir-rigward tal-pajjiż, tal-produzzjoni u oriġini jew ta’ partijiet minnu, bħal-livell ta’ korruzzjoni, il-prevalenza ta’ falsifikazzjoni tad-dokumenti u tad-data, in-nuqqas tal-infurzar tal-liġi, il-ksur tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem, il-kunflitt armat jew il-preżenza ta’ sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

(i)

il-kumplessità tal-katina tal-provvista rilevanti u l-istadju tal-ipproċessar tal-prodotti rilevanti, b’mod partikolari d-diffikultajiet fil-konnessjoni tal-prodotti rilevanti mal-biċċa art fejn ġew prodotti l-komoditajiet rilevanti;

(j)

ir-riskju ta’ ċirkumvenzjoni ta’ dan ir-Regolament. jew ta’ taħlit ma’ prodotti rilevanti ta’ oriġini mhux magħrufa jew prodotti f’żoni fejn seħħet jew tkun qiegħda sseħħ id-deforestazzjoni jew id-degradazzjoni tal-foresti;

(k)

il-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kif ippubblikati fir-reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni;

(l)

tħassib sostanzjat ippreżentat skont l-Artikolu 31, u informazzjoni dwar l-istorja tan-nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament tal-operaturi jew tan-negozjanti tul il-katina tal-provvista rilevanti;

(m)

kwalunkwe informazzjoni li tindika riskju li l-prodotti rilevanti ma jkunux konformi;

(n)

informazzjoni komplementari dwar il-konformità ma’ dan ir-Regolament, li tista’ tinkludi informazzjoni pprovduta permezz ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni jew skemi oħra vverifikati minn partijiet terzi, inkluż skemi volontarji rikonoxxuti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), sakemm l-informazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-prodotti tal-injam li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2173/2005 li huma koperti minn liċenzja FLEGT valida minn skema ta’ liċenzjar operazzjonali għandhom jitqiesu li jikkonformaw mal-Artikolu 3, il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament.

4.   L-operaturi għandhom jiddokumentaw u jirrieżaminaw il-valutazzjonijiet tar-riskju tal-anqas fuq bażi annwali u jagħmluhom disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba. L-operaturi għandhom ikunu jistgħu juru kif l-informazzjoni miġbura ġiet ivverifikata skont il-kriterji tal-valutazzjoni tar-riskju stabbiliti fil-paragrafu 2 u kif huma ddeterminaw l-grad ta’ riskju.

Artikolu 11

Mitigazzjoni tar-riskju

1.   Ħlief fejn valutazzjoni tar-riskju mwettqa skont l-Artikolu 10 tkun tiżvela li ma hemm l-ebda riskju jew li hemm biss riskju negliġibbli li l-prodotti rilevanti ma jikkonformawx, qabel ma jintroduċi l-prodotti rilevanti fis-suq jew qabel jesporthom, l-operatur għandu jadotta proċeduri u miżuri ta’ mitigazzjoni adegwati biex jinkiseb li ma jkunx hemm ebda riskju jew ikun hemm biss riskju negliġibbli. Dawn il-proċeduri u miżuri jistgħu jinkludu kwalunkwe waħda mill-forom li ġejjin:

(a)

it-talba għal informazzjoni, data jew dokumenti addizzjonali;

(b)

it-twettiq ta’ stħarriġ jew awditi indipendenti;

(c)

it-teħid ta’ miżuri oħra relatati mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni li jinsabu fl-Artikolu 9.

Tali proċeduri u miżuri jistgħu jinkludu wkoll l-appoġġ għall-konformità ma’ dan ir-Regolament mill-fornituri ta’ dak l-operatur, b’mod partikolari n-negozji ż-żgħar, permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-investimenti.

2.   L-operaturi għandu jkollhom fis-seħħ politiki, kontrolli u proċeduri adegwati u proporzjonati sabiex jimmitigaw u jimmaniġġjaw effettivament ir-riskji tan-nuqqas ta’ konformità tal-prodotti rilevanti identifikati. Dawk il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri għandhom jinkludu:

(a)

mudelli ta’ prattiki għall-ġestjoni tar-riskju, ir-rapportar, iż-żamma tar-rekords, il-kontroll intern u l-ġestjoni tal-konformità, inkluż il-ħatra ta’ uffiċjal tal-konformità fil-livell maniġerjali għal operaturi mhux SME;

(b)

funzjoni ta’ awditjar indipendenti sabiex jiġu vverifikati l-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri interni msemmija fil-punt (a) għall-operaturi kollha mhux SME.

3.   Id-deċiżjonijiet dwar il-proċeduri u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju għandhom jiġu ddokumentati, rieżaminati mill-anqas fuq bażi annwali u l-operaturi għandhon jagħmluhom disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba. L-operaturi għandhom ikunu kapaċi juru kif ikunu ttieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-proċeduri u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju.

Artikolu 12

Stabbiliment u manutenzjoni ta’ sistemi ta’ diliġenza dovuta, rappurtar u żamma ta’ rekords

1.   Sabiex jeżerċitaw id-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 8, l-operaturi għandhom jistabbilixxu u jżommu aġġornat qafas ta’ proċeduri u miżuri biex jiżguraw li l-prodotti rilevanti li jintroduċu fis-suq jew li jesportaw jikkonformaw mal-Artikolu 3 (“is-sistema ta’ diliġenza dovuta”).

2.   L-operaturi għandhom jirrieżaminaw is-sistema ta’ diliġenza dovuta mill-anqas darba fis-sena. Fejn l-operaturi jsiru bi żviluppi ġodda li jistgħu jinfluwenzaw is-sistema tad-diliġenza dovuta, huma għandhom jaġġornaw is-sistema ta’ diliġenza dovuta sabiex dawn iqisu dawk l-iżviluppi għal ħames snin. L-operaturi għandhom iżommu rekord ta’ tali aġġornamenti fis-sistemi ta’ diliġenza dovuta tagħhom għal ħames snin.

3.   L-operaturi li ma jaqgħux fil-kategoriji ta’ SMEs, inkluż mikrointrapriżi, jew persuni fiżiċi għandhom, fuq bażi annwali, jirrappurtaw pubblikament bl-aktar mod wiesa’ possibbli, inkluż permezz tal-Internet, dwar is-sistema tad-diliġenza dovuta tagħhom, inkluż dwar il-passi li ħadu biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom kif jinsabu fl-Artikolu 8. L-operaturi li jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ atti legali oħra tal-Unjoni li jistabbilixxu rekwiżiti rigward id-diliġenza dovuta tal-katina tal-valur jistgħu jissodisfaw l-obbligi ta’ rappurtar skont dan il-paragrafu billi jinkludu l-informazzjoni mitluba meta jirrappurtaw fil-kuntest ta’ dawk l-atti legali l-oħra tal-Unjoni.

4.   Mingħajr preġudizzju għal leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, ir-rapportar kif imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti:

(a)

sommarju tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c);

(b)

il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa skont l-Artikolu 10 u l-miżuri meħuda skont l-Artikolu 11 u deskrizzjoni tal-informazzjoni u l-evidenza miksuba u użata biex jiġi vvalutat ir-riskju;

(c)

fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-proċess ta’ konsultazzjoni mal-popli indiġeni, il-komunitajiet lokali u detenturi oħra tad-drittijiet konswetudinarji għall-pussess tal-art jew mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma preżenti fiż-żona tal-produzzjoni tal-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti.

5.   L-operaturi għandhom iżommu għal mill-anqas ħames snin id-dokumentazzjoni kollha relatata mad-diliġenza dovuta, bħar-rekords, il-miżuri u l-proċeduri kollha skont l-Artikolu 8. Huma għandhom jagħmlu dik id-dokumentazzjoni disponibbli lill-awtorità kompetenti fuq talba.

Artikolu 13

Diliġenza dovuta simplifikata

1.   Meta jintroduċu prodotti rilevanti fis-suq jew jesportawhom, l-operaturi ma għandhomx ikunu meħtieġa jissodisfaw l-obbligi skont l-Artikoli 10 u 11 meta, wara li jkunu vvalutaw il-kumplessità tal-katina tal-provvista rilevanti u r-riskju taċ-ċirkumvenzjoni ta’ dan ir-Regolament jew ir-riskju ta’ taħlit ma’ prodotti ta’ oriġini mhux magħrufa jew oriġini f’pajjiżi ta’ riskju għoli jew ta’ riskju standard jew partijiet minnhom, huma jkunu aċċertaw li l-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti kollha jkunu ġew prodotti f’pajjiżi jew f’partijiet minnhom li kienu klassifikati bħala ta’ riskju baxx f’konformità mal-Artikolu 29. F’każijiet bħal dawn, l-operatur għandu jagħmel disponibbli għall-awtorità kompetenti fuq talba d-dokumentazzjoni rilevanti li turi li hemm riskju negliġibbli ta’ ċirkumvenzjoni ta’ dan ir-Regolament jew ta’ taħlit ma’ prodotti ta’ oriġini mhux magħrufa jew ta’ oriġini f’pajjiżi ta’ riskju għoli jew ta’ riskju standard jew partijiet minnhom.

2.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jekk l-operatur jikseb jew isir konxju ta’ kwalunkwe informazzjoni rilevanti, inkluż b’riżultat tal-valutazzjoni mwettqa skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u li tinkludi tħassib sostanzjat ippreżentat skont l-Artikolu 31, li tkun tindika riskju li l-prodotti rilevanti ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament jew li dan ir-Regolament qed jiġi evitat, l-operatur għandu jissodisfa l-obbligi kollha skont l-Artikoli 10 u 11 u għandu jikkomunika minnufih kwalunkwe informazzjoni rilevanti lill-awtorità kompetenti.

3.   Meta awtorità kompetenti tiġi mgħarrfa bi kwalunkwe informazzjoni li tindika riskju ta’ ċirkomvenzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż f’każijiet li fihom komoditajiet rilevanti jew prodotti rilevanti prodotti f’pajjiż b’riskju standard jew ta’ riskju għoli jew parti minnu jiġu sussegwentement pproċessati f’pajjiż b’riskju baxx jew parti minnu minn fejn jiġu introdotti fis-suq jew joħorġu minnu, l-awtorità kompetenti għandha tieħu azzjoni immedjata f’konformità mal-Artikolu 17(1) u, fejn meħtieġ, tadotta miżuri interim f’konformità mal-Artikolu 23.

KAPITOLU 3

OBBLIGI TAL-ISTATI MEMBRI U TAL-AWTORITAJIET KOMPETENTI TAGĦHOM

Artikolu 14

Awtoritajiet kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli mill-issodisfar tal-obbligi li joriġinaw minn dan ir-Regolament.

2.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Diċembru 2023, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet, l-indirizzi u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed bi kwalunkwe bidla f’dik l-informazzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-lista tal-awtoritajiet kompetenti disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tagħha mingħajr dewmien żejjed. Il-Kummissjoni għandha taġġorna b’mod regolari l-lista, abbażi tal-aġġornamenti li tirċievi mill-Istati Membri.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom setgħat, indipendenza funzjonali u r-riżorsi adegwati sabiex jissodisfaw l-obbligi li jinsabu f’dan il-Kapitolu.

Artikolu 15

Għajnuna teknika, gwida u skambju ta’ tagħrif

1.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-operaturi li jeżerċitaw id-diliġenza dovuta skont l-Artikolu 8, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu assistenza teknika u assistenza u gwida oħra lill-operaturi. Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, tista’ tipprovdi wkoll, fejn meħtieġ, gwida lill-operaturi u lill-awtoritajiet kompetenti. L-assistenza teknika u l-assistenza jew gwida oħra għandhom iqisu is-sitwazzjoni tal-SMEs, inkluż il-mikrointrapriżi, u l-persuni fiżiċi, sabiex jiffaċilitaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tal-konverżjoni ta’ data minn sistemi rilevanti biex jidentifikaw il-ġeolokalizzazzjoni fis-sistema ta’ informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 33. Hija għandha tqis ukoll l-atti legali rilevanti attwali jew futuri tal-Unjoni li jkun fihom obbligi ta’ diliġenza dovuta.

2.   L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-iskambju u d-disseminazzjoni tal-informazzjoni rilevanti, partikolarment bil-għan li jgħinu lill-operaturi fil-valutazzjoni tar-riskju kif stabbilit fl-Artikolu 10, u dwar l-aħjar prattiki rigward l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni għandhom jimmonitorjaw b’mod kontinwu u jiskambjaw informazzjoni dwar kwalunkwe bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ ta’ prodotti rilevanti li tista’ twassal għaċ-ċirkomvenzjoni ta’ dan ir-Regolament.

4.   L-assistenza għandha tingħata b’mod li ma jikkompromettix l-indipendenza, l-obbligi legali jew ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti fl-infurzar ta’ dan ir-Regolament.

5.   Il-Kummissjoni tista’ tiffaċilita l-implimentazzjoni armonizzata ta’ dan ir-Regolament, billi toħroġ linji gwida rilevanti u billi tippromwovi skambju adegwat ta’ informazzjoni, koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet doganali, u bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni.

Artikolu 16

Obbligu li jitwettqu l-verifiki

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki fit-territorju tagħhom sabiex jistabbilixxu jekk l-operaturi u n-negozjanti stabbiliti fl-Unjoni jikkonformawx ma’ dan -ir-Regolament. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki fit-territorju tagħhom sabiex jistabbilixxu jekk il-prodotti rilevanti li l-operatur jew in-negozjant introduċa jew beħsiebu jintroduċi fis-suq, qiegħed jew beħsiebu jqiegħed fis-suq, jew esporta jew beħsiebu jesporta humiex konformi ma’ dan ir-Regolament.

2.   Il-verifiki msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom isiru f’konformità mal-Artikoli 18 u 19.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw approċċ ibbażat fuq ir-riskju biex jidentifikaw il-verifiki li għandhom jitwettqu. Il-kriterji tar-riskju għandhom jiġu identifikati abbażi ta’ analiżi tar-riskji ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari l-komoditajiet rilevanti, il-kumplessità u t-tul tal-ktajjen tal-provvista, inkluż jekk huwiex involut it-taħlit ta’ prodotti rilevanti, u l-istadju tal-ipproċessar tal-prodott rilevanti, jekk il-biċċiet art ikkonċernati humiex kontigwi għall-foresti, l-assenjazzjoni tar-riskju lil pajjiżi jew lil partijiet minnhom skont l-Artikolu 29, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għas-sitwazzjoni ta’ pajjiżi jew ta’ partijiet minnhom klassifikati bħala ta’riskju għoli, l-istorja ta’ nuqqas ta’ konformità tal-operaturi jew tan-negozjanti ma’ dan ir-Regolament, ir-riskji ta’ ċirkomvenzjoni, u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra. L-analiżi tar-riskji għandha tibni fuq l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 9 u 10 u tista’ tibni fuq l-informazzjoni li tinsab fis- sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33, u tista’ tiġi appoġġata minn sorsi rilevanti oħra bħal data ta’ monitoraġġ, profili ta’ riskju minn organizzazzjonijiet internazzjonali, tħassib sostanzjat ippreżentati skont l-Artikolu 31, jew il-konklużjonijiet ta’ laqgħat ta’ gruppi ta’ esperti tal-tal-Kummissjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tistabbilixxi u tirrieżamina u taġġorna b’mod regolari l-kriterji indikattivi tar-riskju fil-livell tal-Unjoni, f’konformità mal-paragrafu 3, u tikkomunikahom lill-awtoritajiet kompetenti.

5.   Għall-finijiet tat-twettiq tal-verifiki msemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu pjanijiet annwali li jkun fihom mill-inqas dan li ġej:

(a)

kriterji nazzjonali tar-riskju, stabbiliti f’konformità mal-paragrafu 3, għall-fini li jiġu ddeterminati l-verifiki li huma neċessarji, li jibnu fuq kwalunkwe kriterju tar-riskju indikattiv fil-livell tal-Unjoni stabbilit mill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 4,ujinkludu sistematikament kriterji tar-riskju fir-rigward ta’ pajjiżi jew ta’ partijiet minnhom ikklassifikati li għandhom riskju għoli;

(b)

l-għażla tal-operaturi u n-negozjanti li għandhom jiġu vverifikati; dik l-għażla għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji nazzjonali tar-riskju msemmija fil-punt (a), bl-użu, fost l-oħrajn, tal-informazzjoni li tinsab fis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33 u t-tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data; għal kull operatur jew negozjant li għandu jiġi vverifikat, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jidentifikaw dikjarazzjonijiet speċifiċi ta’ diliġenza dovuta li għandhom jiġu vverifikati.

6.   Ir-rieżami annwali tal-pjanijiet mill-awtoritajiet kompetenti għandu jibni b’mod sistematiku fuq ir-riżultati tal-verifiki u l-esperjenza dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet imsemmija fil-paragrafu 5 sabiex tittejjeb l-effikaċja tagħhom.

7.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw il-pjanijiet tagħhom ta’ verifiki, kif ukoll l-aġġornamenti tagħhom, lil awtoritajiet kompetenti oħra u lill-Kummissjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar u jikkoordinaw l-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-kriterji tar-riskju msemmija fil-paragrafu 5 mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra u mal-Kummissjoni, sabiex itejbu l-effettività tal-infurzar ta’ dan ir-Regolament.

8.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-verifiki annwali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ikopru mill-inqas 3 % tal-operaturi li jintroduċu jew iqiegħdu fis-suq jew li jesportaw prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti prodotti f’pajjiż tal-produzzjoni jew f’partijiet minnu kklassifikati li għandhom riskju standard skont l-Artikolu 29.

9.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-verifiki annwali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkopru mill-inqas 9 % tal-operaturi li jintroduċu jew iqiegħdu fis-suq jew jesportaw prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti kif ukoll 9 % tal-kwantità minn kull prodott rilevanti li fih jew li sar bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti prodotti f’pajjiż jew f’partijiet minnu kklassifikati li għandhom riskju għoli skont l-Artikolu 29.

10.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-verifiki annwali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkopru mill-inqas 1 % tal-operaturi li jintroduċu jew iqiegħdu fis-suq jew jesportaw prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti prodotti f’pajjiż jew f’partijiet minnu kklassifikati li għandhom riskju baxx skont l-Artikolu 29.

11.   L-objettivi kwantifikati tal-verifiki li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti għandu jintlaħqu separatament għal kull waħda mill-komoditajiet rilevanti. L-objettivi kwantifikati għandhom jiġu kkalkulati b’referenza għall-għadd totali ta’ operaturi li introduċew jew qiegħdu fis-suq jew esportaw prodotti rilevanti fis-sena preċedenti, u għall-kwantità, fejn applikabbli. L-operaturi għandhom jitqiesu li ġew ivverifikati meta l-awtorità kompetenti tkun ivverifikat l-elementi msemmija fl-Artikolu 18(1), il-punti (a) u (b).

12.   Mingħajr preġudizzju għall-verifiki ppjanati minn qabel skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-verifiki msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu meta jiksbu jew jiġu mgħarrfa b’informazzjoni rilevanti, inkluż abbażi ta’ tħassib sostanzjat imressaq minn partijiet terzi skont l-Artikolu 31, dwar każ potenzjali ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament.

13.   Il-verifiki għandhom jitwettqu mingħajr twissija minn qabel lill-operatur jew lin-negozjant, ħlief meta tkun meħtieġa notifika minn qabel tal-operatur jew tan-negozjant sabiex tkun żgurata l-effikaċja tal-verifiki.

14.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu rekords tal-verifiki li jindikaw partikolarment in-natura u r-riżultati tagħhom, kif ukoll dwar il-miżuri meħuda f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Ir-rekords tal-verifiki kollha għandhom jinżammu għal mill-anqas għaxar snin.

15.   Ir-rekords tal-verifiki mwettqa skont dan ir-Regolament u r-rapporti tar-riżultati tagħhom għandhom jikkostitwixxu informazzjoni ambjentali għall-finijiet tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) u għandhom ikunu disponibbli fuq talba.

Artikolu 17

Prodotti rilevanti li jeħtieġu azzjoni immedjata

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jidentifikaw sitwazzjonijiet fejn il-prodotti rilevanti jippreżentaw tali riskju għoli ta’ nuqqas ta’ konformità mal- Artikolu 3 li jirrikjedu azzjoni immedjata mill-awtoritajiet kompetenti qabel ma dawk il-prodotti rilevanti jiġu introdotti jew jitqiegħdu fis-suq jew qabel ma jiġu esportati. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirreġistraw tali sitwazzjonijiet identifikati fis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33.

2.   Meta l-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw sitwazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, inkluż meta operatur jissottometti dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta relatata mal-prodotti rilevanti kkonċernati, is-sistema ta’ informazzjoni msemmija fil-paragrafu 33 għandha tidentifika r-riskju għoli ta’ nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 3 u tinforma lill-awtoritajiet kompetenti, li għandhom:

(a)

jieħdu miżuri interim immedjati skont l-Artikolu 23 biex jissospendu l-introduzzjoni jew it-tqegħid fis-suq ta’ dawk il-prodotti rilevanti jew;

(b)

ladarba l-interfaċċa elettronika msemmija fl-Artikolu 28(1) tkun fis-seħħ, fil-każ ta’ prodotti rilevanti li jidħlu jew joħorġu mis-suq, jirrikjedu lill-awtoritajiet doganali jissospendu r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew l-esportazzjoni ta’ dawk il-prodotti rilevanti taħt l-Artikolu 26(7).

3.   Is-sospensjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jintemmu fi żmien tlett ijiem tax-xogħol jew fi żmien 72 siegħa fil-każ ta’prodotti rilevanti li jitħassru malajr, liema żmien jibda jgħodd mill-mument meta jiġi identifikat ir-riskju għoli ta’ nuqqas ta’ konformità fis-sistema tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33. Meta l-awtoritajiet kompetenti, abbażi tar-riżultat tal-verifiki mwettqa f’dak il-perjodu, jikkonkludu li jeħtieġu żmien addizzjonali biex jistabbilixxu matulu jekk il-prodotti rilevanti jikkonformawx mal-Artikolu 33, huma għandhom jestendu l-perjodu ta’ sospensjoni, b’perjodi addizzjonali ta’ tlett ijiem tax-xogħol, permezz ta’ miżuri interim addizzjonali meħuda skont l-Artikolu 23 jew, fil-każ ta’ prodotti rilevanti li jidħlu jew joħorġu mis-suq, billi jinnotifikaw lill-awtoritajiet doganali dwar il-ħtieġa li tinżamm is-sospensjoni skont l-Artikolu 26(7).

Artikolu 18

Verifiki fuq operaturi u negozjanti li mhumiex SMEs

1.   Il-verifiki fuq l-operaturi u negozjanti li mhumiex SMEs għandhom jinkludu:

(a)

l-eżami tas-sistema ta’ diliġenza dovuta, inkluż il-proċeduri ta’ valutazzjoni tar-riskju u ta’ mitigazzjoni tar-riskju, u tad-dokumentazzjoni u r-rekords li juru l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ diliġenza dovuta;

(b)

eżami tad-dokumentazzjoni u tar-rekords li juru li prodott rilevanti speċifiku li l-operatur ikun introduċa jew beħsiebu jintroduċi fis-suq jew li jkollu l-ħsieb li jesporta jew li n-negozjant li mhux SME ikun qiegħed jew beħsiebu jqiegħed fis-suq jikkonforma ma’ dan ir-Regolament, inkluż, meta applikabbli, permezz ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju, kif ukoll eżami tad-dikjarazzjonijiet tad-diliġenza dovuta rilevanti.

2.   Il-verifiki fuq l-operaturi u n-negozjanti li mhumiex SMEs jistgħu jinkludu wkoll, fejn xieraq, b’mod partikolari fejn l-eżamijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu qajmu mistoqsijiet:

(a)

dwar l-eżami fuq il-post tal-komoditajiet rilevanti jew tal-prodotti rilevanti bil-ħsieb li tiġi żgurata l-korrispondenza tagħhom mad-dokumentazzjoni użata għall-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta;

(b)

eżami ta’ miżuri korrettivi meħuda skont l-Artikolu 24;

(c)

kwalunkwe mezz tekniku u xjentifiku adegwat sabiex jiġu ddeterminati l-ispeċi jew il-post eżatt fejn tkun ġiet prodotta l-komodità rilevanti jew il-prodott rilevanti, inkluż l-analiżi anatomika, kimika jew tad-DNA;

(d)

kwalunkwe mezz tekniku u xjentifiku adegwat sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prodotti rilevanti jwassalx għal deforestazzjoni, inkluż data ta’ osservazzjoni tad-Dinja bħal dik mill-programm u l-għodod ta’ Copernicus jew minn sorsi rilevanti oħra pubbliċi jew privati u

(e)

verifiki spontanja fuq il-post, li jinkludu awditi fuq il-post, inkluż fejn xieraq f’pajjiżi terzi, sakemm tali pajjiżi terzi jaqblu, permezz ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet amministrattivi ta’ dawk il-pajjiżi terzi.

Artikolu 19

Verifiki fuq negozjanti li huma SMEs

1.   Il-verifiki fuq negozjanti SMEs għandhom jinkludu l-eżami tad-dokumentazzjoni u tar-rekords li juru konformità mal-Artikolu 5(2), (3) u (4).

2.   Il-verifiki fuq negozjanti SMEs jistgħu jinkludu wkoll, fejn xieraq, b’mod partikolari fejn l-eżamijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu qajmu mistoqsijiet, verifiki spontanja fuq il-post, inkluż awditi fuq il-post.

Artikolu 20

Irkupru tal-kostijiet mill-awtoritajiet kompetenti

1.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom sabiex jitolbu lura mingħand l-operaturi jew in-negozjanti t-totalità tal-kostijiet tal-attivitajiet tagħhom fir-rigward ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità.

2.   Il-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu l-kostijiet tat-twettiq tal-ittestjar, il-ħżin u l-attivitajiet relatati mal-prodotti rilevanti li jinstabu li mhumiex prodotti konformi u li huma soġġetti għal azzjoni korrettiva qabel ir-rilaxx ta’ dawk il-prodotti rilevanti għaċ-ċirkolazzjoni libera, l-introduzzjoni tagħhom fis-suq jew l-esportazzjoni tagħhom.

Artikolu 21

Kooperazzjoni u skambju tal-informazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, mal-awtoritajiet doganali mill-Istat Membru tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet doganali minn Stati Membri oħra, il-Kummissjoni, u jekk ikun meħtieġ, mal-awtoritajiet amministrattivi ta’ pajjiżi terzi sabiex jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-awditi fuq il-post.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu arranġamenti amministrattivi mal-Kummissjoni dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar investigazzjonijiet u t-twettiq ta’ investigazzjonijiet.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament, inkluż permezz tas-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33. Dak għandu jinkludi l-għoti ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-operaturi u n-negozjanti u l-iskambju tagħha, inkluż dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta, u dwar in-natura tal-verifiki mwettqa u r-riżultati tagħhom, ma’ awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar ta’ dan ir-Regolament.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwissu minnufih lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra u lill-Kummissjoni meta jindunaw bi kwalunkwe ksur potenzjali ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament u b’nuqqasijiet serji li jistgħu jaffettwaw aktar minn Stat Membru wieħed. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, b’mod partikolari, jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra meta jidentifikaw prodott rilevanti fis-suq li jqisu li ma jkunx prodott konformi, sabiex jippermettu l-irtirar jew is-sejħa lura ta’ tali prodott mill-bejgħ fl-Istati Membri kollha.

5.   Fuq talba ta’ awtorità kompetenti, l-Istati Membri għandhom jipprovdulha bl-informazzjoni meħtieġa biex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 22

Rappurtar

1.   Sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-pubbliku u lill-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament matul is-sena kalendarja preċedenti. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi:

(a)

il-pjanijiet tal-verifiki u l-kriterji tar-riskju li fuqhom kienu bbażati dawk il-pjanijiet;

(b)

l-għadd u r-riżultati tal-verifiki mwettqa fuq l-operaturi, in-negozjanti li mhumiex SMEs u negozjanti oħra fir-rigward tal-għadd totali ta’ operaturi, negozjanti li mhumiex SMEs u negozjanti oħra, inkluż it-tipi ta’ nuqqas ta’ konformità identifikati;

(c)

il-kwantità ta’ prodotti rilevanti vverifikata fir-rigward tal-kwantità totali ta’ prodotti rilevanti introdotti fis-suq jew esportati u l-pajjiżi tal-produzzjoni; għal prodotti rilevanti li jkun qed jidħlu jew joħorġu mis-suq, il-kwantità għandha tiġi espressa f’kilogrammi ta’ massa netta u, fejn applikabbli, fl-unità supplimentari stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 li tikkorrispondi għall-kodiċi indikat tas-Sistema Armonizzata, jew, fil-każijiet l-oħra kollha, il-kwantità għandha tiġi espressa f’massa netta jew, fejn ikun applikabbli, f’volum nett jew f’għadd ta’ unitajiet; unità supplimentari hija applikabbli fejn tkun definita b’mod konsistenti għas-subintestaturi kollha possibbli taħt il-kodiċi tas-Sistema Armonizzata msemmi fid-dikjarazzjoni tad-diliġenza dovuta;

(d)

f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, l-azzjoni korrettiva meħuda skont l-Artikolu 24 l-penali imposti skont l-Artikolu 25;

(e)

il-perċentwal ta’ verifiki mwettqa bi twissijiet minn qabel skont l-Artikolu 16(13), li l-użu tagħhom għandu jiġi ġġustifikat mill-awtoritajiet kompetenti fir-rapporti tal-verifiki tagħhom.

2.   Sat-30 ta’ Ottubru ta’ kull sena, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, ħarsa ġenerali li tkopri l-Unjoni kollha tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament abbażi tad-data ppreżentata mill-Istati Membri skont il-paragrafu 1.

Artikolu 23

Miżuri interim

L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jieħdu miżuri interim immedjati, inkluż is-sekwestru tal-komoditajiet rilevanti jew tal-prodotti rilevanti, jew is-sospensjoni tal-introduzzjoni jew it-tqegħid fis-suq jew l-esportazzjoni tal-komoditajiet rilevanti jew tal-prodotti rilevanti, meta tinstab nuqqas ta’ konformità potenzjali ma’ dan ir-Regolament abbażi ta’ kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

l-eżami tal-evidenza jew informazzjoni rilevanti oħra, inkluż informazzjoni skambjata skont l-Artikolu 21 jew tħassib sostanzjat imressaq skont l-Artikolu 31;

(b)

il-verifiki msemmija fl-Artikoli 18 u 19;

(c)

l-identifikazzjoni tar- riskji mis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33.

Fejn meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra dwar tali miżuri.

Artikolu 24

Azzjoni korrettiva f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25, meta l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu li operatur jew negozjant ma jkunx ikkonforma ma’ dan ir-Regolament jew li prodott rilevanti introdott jew imqiegħed fis-suq jew esportat ma jkunx konformi, huma għandhom mingħajr dewmien jeħtieġu li l-operatur jew in-negozjant jieħu azzjoni korrettiva xierqa u proporzjonata sabiex itemm in-nuqqas ta’ konformità f’perjodu ta’ żmien speċifikat u raġonevoli.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-azzjoni korrettiva meħtieġa li għandha tittieħed mill-operatur jew min-negozjant għandha tinkludi mill-anqas waħda minn dawn li ġejjin, kif applikabbli:

(a)

ir-rettifika ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità formali, partikolarment mar-rekwiżiti tal-Kapitolu 2;

(b)

il-prevenzjoni tal-prodott rilevanti milli jiġi introdott jew imqiegħed fis-suq jew milli jiġi esportat;

(c)

l-irtirar jew is-sejħa lura minnufih tal-prodott rilevanti;

(d)

id-donazzjoni tal-prodott rilevanti għal skopijiet ta’ karità jew ta’ interess pubbliku jew, jekk dak ma jkunx possibbli, ir-rimi tiegħu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni dwar l-immaniġġjar tal-iskart.

3.   Irrispettivament mill-azzjoni korrettiva meħuda skont il-paragrafu 2, l-operatur jew in-negozjant għandu jindirizza kwalunkwe nuqqas fis-sistema ta’ diliġenza dovuta bil-ħsieb li jiġi evitat ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità ulterjuri ma’ dan ir-Regolament.

4.   Jekk l-operatur jew in-negozjant jonqos milli jieħu l-azzjoni korrettiva kif imsemmi fil-paragrafu 2 fil-perjodu ta’ żmien speċifikat mill-awtorità kompetenti skont il-paragrafu 1, jew fejn jippersisti n-nuqqas ta’ konformità kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, wara dak il-perjodu ta’ żmien, jiżguraw l-applikazzjoni tal-azzjoni korrettiva meħtieġa. msemmija fil-paragrafu 2 bil-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 25

Penali

1.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament mill-operaturi u n-negozjanti u għandhom jieħdu kull miżura neċessarja sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u b’dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, dwar kull emenda sussegwenti u li taffettwahom.

2.   Il-penali previsti fil-paragrafu 1 għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawk il-penali għandhom jinkludu:

(a)

multi proporzjonati għad-danni ambjentali u għall-valur tal-komoditajiet rilevanti jew tal-prodotti rilevanti kkonċernati, billi jiġi kkalkolat il-livell ta’ tali multi b’tali mod li jiġi żgurat li dawn effettivament iċaħħdu lil dawk responsabbli mill-benefiċċji ekonomiċi derivati mill-ksur tagħhom, u gradwalment jiżdied il-livell ta’ tali multi għal ksur ripetut; fil-każ ta’ persuna ġuridika, l-ammont massimu ta’ tali penali għandu jkun mill-anqas 4 % tat-total tar-rikavat annwali mill-Unjoni kollha tal-operatur jew tan-negozjant għas-sena finanzjarja ta’ qabel id-deċiżjoni li tingħata l-penali, ikkalkulat skont il-kalkolu tar-rikavat aggregat għall-impriżi stabbilit fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (24), u għandu jiżdied, fejn meħtieġ, biex jaqbeż il-benefiċċju ekonomiku potenzjali miksub;

(b)

il-konfiska tal-prodotti rilevanti kkonċernati mill-operatur u/jew min-negozjant;

(c)

il-konfiska tad-dħul miksub mill-operatur u/jew min-negozjant minn tranżazzjoni bil-komoditajiet u l-prodotti rilevanti konċernati;

(d)

esklużjoni temporanja għal perjodu massimu ta’ 12-il xahar mill-proċessi tal-akkwist pubbliku u mill-aċċess għall-finanzjament pubbliku, inkluż il-proċeduri tal-offerti, l-għotjiet u l-konċessjonijiet;

(e)

il-projbizzjoni temporanja tal-introduzzjoni jew tat-tqegħid fis-suq jew tal-esportazzjoni ta’ komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti, fil-każ ta’ ksur serju jew ksur ripetut;

(f)

il-projbizzjoni li tiġi eżerċitata d diliġenza dovuta simplifikata stabbilita fl-Artikolu 13 fil-każ ta’ ksur serju jew ta’ ksur ripetut.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar is-sentenzi finali kontra persuni ġuridiċi għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u l-penali imposti fuqhom, fi żmien 30 jum mid-data li fiha s-sentenzi jsiru finali„ b’kont meħud tar-regoli rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha lista ta’ tali sentenzi, li għandu jkun fiha l-elementi li ġejjin:

(a)

l-isem tal-persuna ġuridika;

(b)

id-data tas-sentenza finali;

(c)

sommarju tal-attivitajiet li minħabba fihom il-persuna ġuridika tkun instabet li kisret dan ir-Regolament; u

(d)

in-natura tal-penali imposta u, meta tkun finanzjarja, l-ammont tagħha.

KAPITOLU 4

PROĊEDURI GĦAD-DĦUL JEW GĦALL-ĦRUĠ TA’ PRODOTTI RILEVANTI MIS-SUQ

Artikolu 26

Kontrolli

1.   Il-prodotti rilevanti mqiegħda taħt il-proċedura doganali “rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera” jew “esportazzjoni” għandhom ikunu soġġetti għall-kontrolli u l-miżuri stabbiliti f’dan il-Kapitolu. L-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-Regolament kif ukoll għal atti legali oħra tal-Unjoni li jirregolaw ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew l-esportazzjoni ta’ merkanzija, partikolarment ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 u l-Artikoli 46, 47, 134 u 267 tiegħu. Il-Kapitolu VII tar-Regolament (UE) 2019/1020 — ma għandux madanakollu japplika għall-kontrolli fuq -prodotti rilevanti li jidħlu fis-suq f’dak li għandu x’jaqsam mal-applikazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu responsabbli għall-infurzar ġenerali ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ prodott rilevanti li jidħol jew joħroġ mis-suq. B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu responsabbli, skont l-Artikolu 16, għall-identifikazzjoni tal-verifiki li għandhom jitwettqu abbażi ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju u biex jistabbilixxu, permezz tal-verifiki msemmija fl-Artikolu 16, jekk tali prodott rilevanti jikkonformax mal-Artikolu 3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu dawn id-dmirijiet f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu 3.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet doganali għandhom iwettqu kontrolli fuq id-dikjarazzjonijiet doganali ppreżentati fir-rigward tal-prodotti rilevanti li jidħlu jew joħorġu mis-suq f’konformità mal-Artikoli 46 u 48 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Tali kontrolli għandhom primarjament ikunu bbażati fuq analiżi tar-riskju, kif stabbilit fl-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

4.   In-numru ta’ referenza tad-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta għandu jkun disponibbli għall-awtoritajiet doganali qabel ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew l-esportazzjoni ta’ prodott rilevanti li jidħol jew joħroġ mis-suq. Għal dak il-għan, minbarra meta d-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta ssir disponibbli permezz tal-interfaċċa elettronika msemmija fl-Artikolu 28(2), il-persuna li tippreżenta dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni ta’ prodott rilevanti għandha tagħmel disponibbli għall-awtoritajiet doganali n-numru ta’ referenza tad-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta assenjat għal dak il-prodott rilevanti mis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33

5.   Għall-fini li titqies il-konformità ta’ dan ir-Regolament biex prodott rilevanti jkun jista’ jiġi rilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera jew esportat:

(a)

sakemm l-interfaċċa elettronika msemmija fl-Artikolu 28(1) tiġi stabbilita, il-paragrafi 6 sa 9 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw, u l-awtoritajiet doganali għandhom jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-Artikolu 27, u, fejn meħtieġ, għandhom iqisu tali skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni biex jippermettu li prodotti rilevanti jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera jew esportati;

(b)

ladarba l-interfaċċa elettronika msemmija fl-Artikolu 28(1) tiġi stabbilita, għandhom japplikaw il-paragrafi 6 sa 9 ta’ dan l-Artikolu, u n-notifiki u t-talbiet skont il-paragrafi 6 sa 9 ta’ dan l-Artikolu għandhom isiru permezz ta’ dik l-interfaċċa elettronika.

6.   Meta jitwettqu l-kontrolli fuq id-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni ta’ prodott rilevanti li jidħol jew joħroġ mis-suq, l-awtoritajiet doganali għandhom jeżaminaw, bl-użu tal-interfaċċa elettronika msemmija fl-Artikolu 28(1), l-istatus assenjat lid-dikjarazzjoni korrispondenti ta’ diliġenza dovuta mill-awtoritajiet kompetenti fis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33.

7.   Meta l-istatus imsemmi fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu jindika li l-prodott rilevanti li jidħol jew joħroġ mis-suq ikun ġie identifikat, skont l-Artikolu 17(2), li huwa soġġett għal verifika qabel ma jiġi introdott, imqiegħed fis-suq jew qabel ma jiġi esportat, l-awtoritajiet doganali għandhom jissospendu r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew l-esportazzjoni ta’ dak il-prodott rilevanti.

8.   Meta r-rekwiżiti u l-formalitajiet l-oħra kollha skont id-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali relatati mar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni jkunu ġew issodisfati, l-awtoritajiet doganali għandhom jippermettu li l-prodott rilevanti li jidħol jew joħroġ mis-suq, jiġi rilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera jew esportat fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

l-istatus imsemmi fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu ma jindikax li l-prodott rilevanti jkun ġie identifikat, skont l-Artikolu 17(2), li huwa soġġett għal verifika qabel ma jiġi introdott jew imqiegħed fis-suq jew qabel ma jiġi esportat;

(b)

ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew l-esportazzjoni jkun ġie sospiż skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, u l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux talbu li s-sospensjoni tinżamm skont l-Artikolu 17(3);

(c)

ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni jkun ġie sospiż skont il-paragrafu 7, u l-awtoritajiet kompetenti jkunu nnotifikaw lill-awtoritajiet doganali li s-sospensjoni tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew tal-esportazzjoni tal-prodotti rilevanti tista’ titneħħa.

9.   Meta l-awtoritajiet kompetenti jikkonkludu li prodott rilevanti li jidħol jew joħroġ mis-suq mhuwiex konformi„ huma għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet doganali b’dan u l-awtoritajiet doganali ma għandhomx jippermettu r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew l-esportazzjoni ta’ dak il-prodott rilevanti.

10.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni ma għandux jitqies bħala prova ta’ konformità mal-liġi tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 27

Kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet

1.   Sabiex jippermettu l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju msemmi fl-Artikolu 16(5) għall-prodotti rilevanti li jidħlu jew joħorġu mis-suq u sabiex jiżguraw li l-verifiki jkunu effettivi u mwettqa f’konformità ma’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet doganali għandhom jikkooperaw mill-qrib u jiskambjaw informazzjoni.

2.   L-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw f’konformità mal-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 u jiskambjaw informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament, inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi.

3.   L-awtoritajiet doganali jistgħu jikkomunikaw, f’konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, informazzjoni kunfidenzjali miksuba mill-awtoritajiet doganali matul il-qadi ta’ dmirijiethom, jew ipprovduta lill-awtoritajiet doganali fuq bażi kunfidenzjali, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih l-operatur, in-negozjant jew ir-rappreżentant awtorizzat ikun stabbilit.

4.   Meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu rċevew informazzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu, dawk l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkomunikaw dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra f’konformità mal-Artikolu 21(3).

5.   L-informazzjoni relatata mar-riskji għandha tiġi skambjata kif ġej:

(a)

bejn l-awtoritajiet doganali f’konformità mal-Artikolu 46(5) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(b)

bejn l-awtoritajiet doganali u l-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(c)

bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet kompetenti, inkluż l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra, f’konformità mal-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

Artikolu 28

Interfaċċa elettronika

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa interfaċċa elettronika bbażata fuq l-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-Unjoni Ewropea għad-Dwana, stabbilita bir-Regolament (UE) 2022/2399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25), sabiex tippermetti t-trażmissjoni tad-data, partikolarment in-notifiki u t-talbiet imsemmija fl-Artikolu 26(6) sa (9) ta’ dan ir-Regolament, bejn is-sistemi doganali nazzjonali u s-sistema tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33 ta’ dan ir-Regolament. Din l-interfaċċa elettronika għandha tiġi stabbilita sat-30 ta’ Ġunju 2028.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa interfaċċa elettronika f’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2022/2399 sabiex tippermetti:

(a)

lil-operaturi u n-negozjanti jikkonformaw mal-obbligu li jissottomettu d-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta ta’ komodità rilevanti jew prodott rilevanti skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, billi jagħmluha disponibbli permezz tal-ambjent ta’ tieqa unika nazzjonali għad-dwana msemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2022/2399 u jirċievu reazzjoni dwarha mill-awtoritajiet kompetenti; u

(b)

It-trażmissjoni ta’ dik id-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta fis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw id-dettalji tal-arranġamenti ta’ implimentazzjoni għall-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u, b’mod partikolari, li jiddefinixxu d-data, inkluż il-format tagħha, li għandha tiġi trażmessi f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. L-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiċċaraw ukoll kif kwalunkwe bidla fl-istatus assenjat mill-awtoritajiet kompetenti lid-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta fis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33 għandha tiġi nnotifikata immedjatament u awtomatikament lill-awtoritajiet doganali rilevanti permezz tal-interfaċċa elettronika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. L-atti ta’ implimentazzjoni jistgħu jiddeterminaw ukoll li ċerta data speċifika disponibbli fid-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta u meħtieġa għall-attivitajiet tal-awtoritajiet doganali, inkluż is-sorveljanza u l-ġlieda kontra l-frodi, tiġi trażmessa u rreġistrata fis-sistemi doganali tal-Unjoni u nazzjonali. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 36(2).

KAPITOLU 5

SISTEMA TA’ VALUTAZZJONI KOMPARATTIVA TAL-PAJJIŻI U KOOPERAZZJONI MA’ PAJJIŻI TERZI

Artikolu 29

Valutazzjoni tal-pajjiżi

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema bi tliet livelli għall-valutazzjoni tal-pajjiżi jew ta’ partijiet minnhom. Għal dak il-għan, l-Istati Membri u Stati terzi, jew partijiet minnhom, għandhom jiġu kklassifikati f’waħda mill-kategoriji ta’ riskju li ġejjin:

(a)

“riskju għoli” tirreferi għal pajjiżi, jew partijiet minnhom, li għalihom il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tirriżulta fl-identifikazzjoni ta’ riskju għoli li f’tali pajjiżi, jew f’partijiet minnhom, jiġu prodotti komoditajiet rilevanti li għalihom il-prodotti rilevanti ma jikkonformawx mal-Artikolu 3, il-punt (a);

(b)

“riskju baxx”, tirreferi għal pajjiżi jew partijiet minnhom, li għalihom il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tikkonkludi li hemm assigurazzjoni suffiċjenti li l-istanzi għall-produzzjoni f’tali pajjiżi jew f’partijiet minnhom, ta’ komoditajiet rilevanti li għalihom il-prodotti rilevanti ma jikkonformawx mal-Artikolu 3, il-punt (a), huma eċċezzjonali;

(c)

“riskju standard” tirreferi għal pajjiżi, jew partijiet minnhom li la jaqgħu fil-kategorija “riskju għoli” u lanqas fil-kategorija “riskju baxx”.

2.   Fid-29 ta’ Ġunju 2023, il-pajjiżi kollha għandhom jiġu assenjati livell ta’ riskju standard. Il-Kummissjoni għandha tikklassifika l-pajjiżi jew partijiet minnhom, li jippreżentaw riskju baxx jew għoli f’konformità mal-paragrafu 1. Il-lista tal-pajjiżi jew partijiet minnhom li jippreżentaw riskju baxx jew għoli għandha tiġi ppubblikata permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 36(2), mhux aktar tard mit-30 ta’ Diċembru 2024. Dik il-lista għandha tiġi rieżaminata, u aġġornata jekk xieraq, kull meta jkun meħtieġ minħabba evidenza ġdida.

3.   Il-klassifikazzjoni ta’ pajjiżi b’riskju baxx jew b’riskju għoli jew partijiet minnhom, skont il-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni oġġettiva u trasparenti mill-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu l-aħħar evidenza xjentifika u sorsi rikonoxxuti internazzjonalment. Il-klassifikazzjoni għandha tkun ibbażata primarjament fuq il-kriterji ta’ valutazzjoni li ġejjin:

(a)

ir-rata tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti;

(b)

ir-rata ta’ espansjoni tal-art agrikola għal komoditajiet rilevanti;

(c)

ix-xejriet tal-produzzjoni ta’ komoditajiet rilevanti u ta’ prodotti rilevanti.

4.   Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tista’ tqis ukoll:

(a)

informazzjoni sottomessa mill-pajjiż ikkonċernat, mill-awtoritajiet reġjonali kkonċernati, l-operaturi NGOs u partijiet terzi, inkluż popli indiġeni, komunitajiet lokali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fir-rigward tal-kopertura effettiva tal-emissjonijiet u l-assorbimenti mill-agrikoltura, il-forestrija u l-użu tal-art fil-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali għall-UNFCCC;

(b)

ftehimiet u strumenti oħra bejn il-pajjiż ikkonċernat u l-Unjoni u/jew l-Istati Membri tagħha li jindirizzaw id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jiffaċilitaw il-konformità ta’ komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti mal- Artikolu 3 u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom;

(c)

jekk il-pajjiż ikkonċernat għandux fis-seħħ liġijiet nazzjonali jew subnazzjonali, inkluż f’konformità mal-Artikolu 5 tal-Ftehim ta’ Pariġi, u jieħux miżuri ta’ infurzar effettivi sabiex jindirizza d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, u biex jevita u jippenalizza attivitajiet li jwasslu għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u b’mod partikolari jekk japplikax penali ta’ severità suffiċjenti sabiex jiġu miċħuda l-benefiċċji li jirriżultaw mid-deforestazzjoni jew mid-degradazzjoni tal-foresti;

(d)

jekk il-pajjiż konċernat jagħmilx id-data rilevanti disponibbli b’mod trasparenti; u, jekk applikabbli, l-eżistenza ta’ liġijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-popli indiġeni, tal-komunitajiet lokali u ta’ detenturi oħra tad-drittijiet konswetudinarji għall-pussess tal-art, jew il-konformità jew l-infurzar effettiv ta’ dawn il-liġijiet;

(e)

sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti.

5.   Il-Kummissjoni għandha tidħol fi djalogu speċifiku mal-pajjiżi kollha li huma kklassifikati bħala ta’ riskju għoli, jew li jinsabu f’riskju li jiġu kklassifikati bħala ta’ riskju għoli, bl-objettiv li jitnaqqas il-livell ta’ riskju tagħhom.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tinnotifika formalment lill-pajjiż ikkonċernat bl-intenzjoni tagħha li tikklassifika dak il-pajjiż jew parti minnu f’kategorija ta’ riskju differenti u tistiednu jipprovdi kwalunkwe informazzjoni meqjusa utli f’dak ir-rigward. Il-Kummissjoni għandha tinforma wkoll lill-awtoritajiet kompetenti b’tali intenzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja fin-notifika:

(a)

ir-raġuni jew ir-raġunijiet għall-intenzjoni li tinbidel il-klassifikazzjoni tar-riskju tal-pajjiż jew ta’ partijiet minnu;

(b)

l-istedina li jwieġeb lill-Kummissjoni bil-miktub fir-rigward tal-intenzjoni li tinbidel il-klassifikazzjoni tar-riskju tal-pajjiż jew ta’ partijiet minnu;

(c)

il-konsegwenzi tal-klassifikazzjoni tiegħu bħala pajjiż ta’ riskju għoli jew ta’ riskju baxx.

7.   Il-Kummissjoni għandha tħalli lill-pajjiżi kkonċernat żmien suffiċjenti sabiex iwieġeb għan-notifika. Fejn in-notifika tkun tikkonċerna intenzjoni min-naħa tal-Kummissjoni li tikklassifika lill-pajjiż jew parti minnu għal riskju ogħla, fit-tweġiba tiegħu, il-pajjiż ikkonċernat jista’ jipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni dwar il-miżuri meħuda minnu biex jirrimedja s-sitwazzjoni.

8.   Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tinnotifika lill-pajjiż ikkonċernat u lill-awtoritajiet kompetenti bl-inklużjoni jew bit-tneħħija ta’ pajjiż, jew ta’ partijiet minnu, mil-lista msemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 30

Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi

1.   Fil-limiti tal-isferi tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni f’isem l-Unjoni, u l-Istati Membri interessati, għandhom ikunu involuti f’approċċ koordinat mal-pajjiżi produtturi u ma’ partijiet minnhom li huma kkonċernati minn dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk klassifikati li huma f’riskju għoli f’konformità mal-Artikolu 29, permezz ta’ sħubijiet eżistenti u futuri, u mekkaniżmi oħra rilevanti ta’ kooperazzjoni sabiex b’mod konġunt jindirizzaw il-kawżi fundamentali tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa qafas strateġiku komprensiv tal-Unjoni għal tali impenn u għandha tqis il-mobilizzazzjoni tal-istrumenti rilevanti kollha tal-Unjoni. Tali sħubijiet u mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni għandhom jiffokaw fuq il-konservazzjoni, ir-restawr u l-użu sostenibbli tal-foresti, id-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti, u t-tranżizzjoni lejn il-produzzjoni sostenibbli tal-komoditajiet, il-konsum, l-ipproċessar, u l-metodi ta’ kummerċ. Is-sħubijiet u l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni jistgħu jinkludu djalogi strutturati, arranġamenti amministrattivi, u ftehimiet eżistenti jew dispożizzjonijiet tagħhom, kif ukoll pjanijiet direzzjonali konġunti li jippermettu t-tranżizzjoni lejn produzzjoni agrikola li tiffaċilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-popli indiġeni, il-komunitajiet lokali u l-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira u tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-atturi interessati kollha.

2.   Is-sħubijiet u l-kooperazzjoni għandhom jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa tal-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż is-soċjetà ċivili, il-popli indiġeni, il-komunitajiet lokali, in-nisa, is-settur privat inkluż il-mikrointrapriżi u SMEs oħra, u l-azjenda ż-żgħar. Is-sħubijiet u l-kooperazzjoni għandhom ukoll jappoġġaw jew jibdew djalogu inklużiv u parteċipattiv lejn proċessi nazzjonali ta’ riforma legali u ta’ governanza biex tissaħħaħ il-governanza tal-foresti u jiġu indirizzati fatturi domestiċi li jikkontribwixxu għad-deforestazzjoni.

3.   Is-sħubijiet u l-kooperazzjoni għandhom jippromwovu l-iżvilupp ta’ proċessi ta’ ppjanar integrat tal-użu tal-art, leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiżi li jipproduċu, proċessi b’diversi partijiet ikkonċernati, inċentivi fiskali jew kummerċjali u għodod pertinenti oħra sabiex itejbu l-konservazzjoni tal-foresti u tal-bijodiversità, il-ġestjoni sostenibbli u r-restawr tal-foresti, jindirizzaw il-konverżjoni tal-foresti u tal-ekosistemi vulnerabbli għal użi oħra tal-art, jottimizzaw it-titjib għall-pajsaġġ, is-sigurtà taż-żamma tal-art, il-produttività u l-kompetittività tal-agrikoltura, u t-trasparenza tal-ktajjen tal-provvista, isaħħu d-drittijiet tal-komunitajiet dipendenti mill-foresti, inkluż l-azjendi agrikoli ż-żgħar, il-komunitajiet lokali u popli indiġeni, li d-drittijiet tagħhom huma stipulati fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, u jiżguraw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti dwar il-ġestjoni tal-foresti u informazzjoni rilevanti oħra.

4.   Fil-limiti tal-isferi ta’ kompetenza tagħhom, il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, jew l-Istati Membri, jew it-tnejn li huma, għandhom jidħlu f’diskussjoni internazzjonali bilaterali u multilaterali dwar politiki u azzjonijiet għall-waqfien tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, inkluż f’fora multilaterali bħall- KDB, il-FAO, il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni, l-Assemblea tan-NU għall-Ambjent, il-Forum tan-NU dwar il-Foresti, il-UNFCCC, id-WTO, il-G7 u l-G20. Tali involviment għandu jinkludi l-promozzjoni tat-tranżizzjoni għall-produzzjoni agrikola sostenibbli u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti kif ukoll l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista trasparenti u sostenibbli kif ukoll l-sforzi kontinwi biex jiġu identifikati u maqbula standards u definizzjonijiet sodi li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-foresti u ta’ ekosistemi naturali oħra u d-drittijiet tal-bniedem relatati.

5.   Fil-limiti tal-isferi ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, u l-Istati Membri interessati għandhom jidħlu fi djalogu u kooperazzjoni ma’ pajjiżi konsumaturi ewlenin oħra, biex jippromwovu l-adozzjoni ta’ rekwiżiti ambizzjużi biex jimminimizzaw il-kontribut ta’ tali pajjiżi għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fuq livell mondjali.

KAPITOLU 6

TĦASSIB SOSTANZJAT

Artikolu 31

Tħassib sostanzjat ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi

1.   Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jressqu preokkupazzjonijiet sostanzjali lill-awtoritajiet kompetenti meta jqisu li operatur jew negozjant wieħed jew aktar ma jkunux qed jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jivvalutaw b’diliġenza u b’imparzjalità t-tħassib sostanzjat, inkluż jekk it-talbiet għandhomx bażi soda, u jieħdu l-passi meħtieġa, inkluż billi jwettqu verifiki u jmexxu seduti ta’ smigħ ta’ operaturi u ta’ negozjanti, bil-għan li jiġi identifikat nuqqas potenzjali ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament u, fejn xieraq, billi jieħdu miżuri interim skont l-Artikolu 23 sabiex jiġu evitati l-introduzzjoni jew i t-tqegħid fis-suq u l-esportazzjoni ta’ prodotti rilevanti li jkunu qegħdin jiġu investigati.

3.   Fi żmien 30 jum mill-wasla ta’ tħassib sostanzjat, jekk ma jkunx iddikjarat mod ieħor fil-liġi nazzjonali, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-persuni msemmija fil-paragrafu 1, li jkunu ssottomettew it-tħassib sostanzjat, dwar is-segwitu mogħti lis-sottomissjoni u għandha tipprovdi r-raġunijiet għal dan.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi skont id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26), l-Istati Membri għandhom jipprevedu miżuri biex jipproteġu l-identità tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jressqu tħassib sostanzjat jew li jmexxu investigazzjonijiet bl-għan li jivverifikaw il-konformità mill-operaturi jew min-negozjanti ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 32

Aċċess għall-ġustizzja

1.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess suffiċjenti, kif determinat f’konformità mas-sistemi nazzjonali eżistenti għar-rimedji legali, inkluż fejn tali persuni jissodisfaw il-kriterji, jekk ikun hemm, stabbiliti fil-liġi nazzjonali, inkluż persuni li jkunu ressqu tħassib sostanzjat f’konformità mal-Artikolu 31, għandu jkollha aċċess għal proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji biex teżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet, l-azzjonijiet jew in-nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament.

2.   Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tirregola l-aċċess għall-ġustizzja u dawk li jirrikjedu li l-proċeduri ta’ eżami amministrattiv jiġu eżawriti qabel ir-rikors għal proċedimenti ġudizzjarji.

KAPITOLU 7

SISTEMA TAL-INFORMAZZJONI

Artikolu 33

Sistema ta’ Informazzjoni

1.   Sat-30 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u sussegwentement għanda żżomm sistema ta’ informazzjoni li għandu jkun fiha d-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta magħmula disponibbli skont l-Artikolu 4(2).

2.   Mingħajr preġudizzju għat-twettiq tal-obbligi stabbiliti fil-Kapitoli 2 u 3, is-sistema tal-informazzjoni għandha tipprovdi mill-anqas il-funzjonalitajiet li ġejjin:

(a)

ir-reġistrazzjoni tal-operaturi u tan-negozjanti u tar-rappreżentanti awtorizzati tagħhom fl-Unjoni; għall-operaturi li jintroduċu prodotti rilevanti skont il-proċedura doganali “rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera” jew “esportazzjoni”, in-numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI) stabbilit skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, għandu jiġi inkluż fil-profil tar-reġistrazzjoni tagħhom;

(b)

ir-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta inkluż il-komunikazzjoni lill-operatur jew lin-negozjant ikkonċernat ta’ numru ta’ referenza għal kull dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta li tkun tressqet permezz tas-sistema ta’ informazzjoni;

(c)

id-disponibbiltà tan-numru ta’ referenza tad-dikjarazzjonijiet eżistenti ta’ diliġenza dovuta fl-applikazzjoni skont l-Artikolu 4(8) u (9);

(d)

fejn possibbli, il-konverżjoni ta’ data minn sistemi rilevanti biex tiġi identifikata l-ġeolokalizzazzjoni;

(e)

ir-reġistrazzjoni tal-eżitu tal-verifiki fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta;

(f)

l-interkonnessjoni mad-dwana permezz tal-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-Unjoni Ewropea għad-Dwana, f’konformità mal-Artikolu 28, inkluż biex jiġu permessi n-notifiki u t-talbiet imsemmija fl-Artikolu 26(6) sa (9);

(g)

l-għoti ta’ informazzjoni rilevanti b’appoġġ għat-tfassil tal-profil tar-riskju għall-pjan ta’ verifiki msemmi fl-Artikolu 16(5), inkluż ir-riżultati tal-verifiki, it-tfassil tal-profil tar-riskju tal-operaturi, tan-negozjanti u komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti għall-fini tal-identifikazzjoni, abbażi ta’ tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data, tal-operaturi u n-negozjanti li għandhom jiġi vverifikati kif imsemmi f l-Artikolu 16(5), u prodotti rilevanti li għandhom jiġu vverifikati mill-awtoritajiet kompetenti;

(h)

il-faċilitazzjoni tal-assistenza u l-kooperazzjoni amministrattivi bejn l-awtoritajiet kompetenti, u bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni, sabiex jiskambjaw informazzjoni u data;

(i)

l-appoġġ għall-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi u n-negozjanti għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż, fejn xieraq, bl-użu ta’ għodod diġitali tal-ġestjoni tal-provvista.

3.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli għall-funzjonament tas-sistema ta’ informazzjoni skont dan l-Artikolu, inkluż regoli għall-protezzjoni ta’ data personali u l-iskambju ta’ data ma’ sistemi oħra tal-IT. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 36(2).

4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi aċċess għal dik is-sistema ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet doganali, lill-awtoritajiet kompetenti, lill-operaturi u lin-negozjanti u, jekk applikabbli, ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom, f’konformità mal-obbligi rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament.

5.   F’konformità mal-Politika tad-Data Miftuħa tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi aċċess għall-pubbliku inġenerali għas-settijiet tad-data anonimizzati sħaħ tas-sistema tal-informazzjoni f’format miftuħ li jista’ jinqara mill-magni u li jiżgura l-interoperabbiltà, l-użu mill-ġdid u l-aċċessibbiltà.

KAPITOLU 8

RIEŻAMI

Artikolu 34

Rieżami

1.   Mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni għandha tippreżenta valutazzjoni tal-impatt akkumpanjata, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva biex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament biex jinkludi art imsaġġra oħra. Il-valutazzjoni għandha tinkludi, fost l-oħrajn, id-data limitu msemmija fl-Artikolu 2, bil-ħsieb li jiġi minimizzat il-kontribut tal-Unjoni għall-konverżjoni u d-degradazzjoni tal-ekosistemi naturali. Ir-rieżami għandu jinkludi valutazzjoni tal-impatt tal-komoditajiet rilevanti fuq id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti.

2.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni għandha tippreżenta valutazzjoni tal-impatt akkumpanjata, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva biex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal ekosistemi naturali oħra, inkluż art oħra b’ħażniet kbar ta’ karbonju u b’valur għoli ta’ bijodiversità bħal bwar, torbiera u art mistagħdra. Il-valutazzjoni għandha tkopri espansjoni potenzjali tal-ekosistema, inkluż abbażi tad-data limitu msemmija fl-Artikolu 2, bil-ħsieb li jiġi minimizzat il-kontribut tal-Unjoni għall-konverżjoni u d-degradazzjoni tal-ekosistemi naturali. Ir-rieżami għandu jindirizza wkoll il-ħtieġa u l-fattibbiltà tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal komoditajiet ulterjuri, inkluż il-qamħirrum. Ir-rieżami għandu jinkludi valutazzjoni tal-impatt tal-komoditajiet rilevanti fuq id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, kif indikat minn evidenza xjentifika, u jqis il-bidliet fil-konsum.

3.   Il-valutazzjoni tal-impatt imsemmija fil-paragrafu 2 għandha tinkludi wkoll valutazzjoni ta’ jekk huwiex xieraq li tiġi emendata jew estiża l-lista ta’ prodotti rilevanti fl-Anness I sabiex jiġi żgurat li l-aktar prodotti rilevanti li fihom, li ġew mitmugħa jew li saru bl-użu, ta’ komoditajiet rilevanti jiġu inklużi f’dik il-lista. Dik il-valutazzjoni għandha tagħti attenzjoni speċifika lill-inklużjoni potenzjali tal-bijokarburanti (kodiċi HS 382600) fl-Anness I.

4.   Il-valutazzjoni tal-impatt imsemmija fil-paragrafu 2 għandha tevalwa wkoll ir-rwol tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-prevenzjoni tal-flussi finanzjarji li jikkontribwixxu direttament jew indirettament għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u tivvaluta l-ħtieġa li jiġi previst kwalunkwe obbligu speċifiku għall-istituzzjonijiet finanzjarji fl-atti legali tal-Unjoni f’dak ir-rigward, b’kont meħud ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni orizzontali u settorjali eżistenti rilevanti.

5.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 35 biex temenda l-Anness I fir-rigward tal-kodiċijiet NM rilevanti ta’ prodotti rilevanti li fihom, ġew mitmugħa jew li saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti.

6.   Sat-30 ta’ Ġunju 2028 u mill-anqas kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ġenerali ta’ dan ir-Regolament, u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva. L-ewwel rapport minnhom għandu jinkludi b’mod partikolari, abbażi ta’ studji speċifiċi, evalwazzjoni ta’:

(a)

il-ħtieġa ta’ għodod addizzjonali għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-fattibbiltà tagħhom — u b’mod partikolari għall-pajjiżi l-anqas żviluppati li dan ir-Regolament iħalli impatt qawwi fuqhom u l-pajjiżi jew partijiet minnhom ikklassifikati bħala ta’ riskju standard jew għoli — sabiex jappoġġaw il-kisba tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament;

(b)

l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq il-bdiewa, partikolarment dawk b’azjenda agrikola żgħira, il-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali u l-ħtieġa possibbli ta’ appoġġ addizzjonali għat-tranżizzjoni lejn ktajjen tal-provvista sostenibbli u għall-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;

(c)

l-estensjoni ulterjuri tad-definizzjoni ta’ “degradazzjoni tal-foresti”, abbażi ta’ analiżi fil-fond, u filwaqt li titqies il-progress li sar fid-diskussjonijiet internazzjonali dwar il-kwistjoni;

(d)

il-limitu għall-użu obbligatorju tal-poligoni kif imsemmija fl-Artikolu 2, il-punt (28), b’kont meħud tal-impatt tiegħu fuq l-indirizzar tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti;

(e)

bidliet fix-xejriet kummerċjali tal-komoditajiet rilevanti u tal-prodotti rilevanti inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament meta dawk il-bidliet jistgħu jkunu indikazzjoni ta’ prattika ta’ ċirkomvenzjoni;

(f)

valutazzjoni ta’ jekk il-verifiki mwettqa kinux effettivi biex jiżguraw li l-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti mqiegħda fis-suq jew esportati jikkonformaw mal-Artikolu 3.

KAPITOLU 9

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 35

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 34(5) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mid-29 ta’ Ġunju 2023. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn sitt xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 34(5) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 34(5) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 36

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, wara li jkunu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tiegħu.

Artikolu 37

Tħassir

1.   Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 jitħassar b’effett mit-30 ta’ Diċembru 2024.

2.   Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 għandu jibqa’ japplika sal-31 ta’ Diċembru 2027 għall-injam u l-prodotti tal-injam kif definit fl-Artikolu 2, punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 li ġew prodotti qabel id-29 ta’ Ġunju 2023 u li ġew introdotti fis-suq mit-30 ta’ Diċembru 2024.

3.   B’deroga mill-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-injam u l-prodotti tal-injam kif definiti fl-Artikolu 2, punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 li ġew prodotti qabel id-29 ta’ Ġunju 2023 u li ġew introdotti fis-suq mill-31 ta’ Diċembru 2027 għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 38

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Soġġetta għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 3 sa 13, l-Artikoli 16 sa 24 u l-Artikoli 26, 31 u 32 għandhom japplikaw mit-30 ta’ Diċembru 2024.

3.   Ħlief fir-rigward tal-prodotti koperti fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 995/2010, għall-operaturi li sal-31 ta’ Diċembru 2020 kienu stabbiliti bħala intrapriżi mikro jew intrapriżi żgħar skont l-Artikolu 3(1) jew (2) tad-Direttiva 2013/34/UE, rispettivament, l-Artikoli msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw mit-30 ta’ Ġunju 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

P. KULLGREN


(1)  ĠU C 275, 18.7.2022, p. 88.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ April 2023 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Mejju 2023.

(3)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/591 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030 (ĠU L 114, 12.4.2022, p. 22).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE tal-25 ta’ Ottubru 1993 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika (ĠU L 309, 13.12.1993, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea (ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1).

(9)  Pendrill F., Persson U. M., Kastner, T. 2020. Deforestation risk embodied in production and consumption of agricultural and forestry commodities 2005–2017 (Version 1.0) [Data set]. Zenodo.

(10)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(11)  Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1).

(15)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(16)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 607/2012 tas-6 ta’ Lulju 2012 dwar regoli dettaljati li jikkonċernaw is-sistema ta’ diliġenza dovuta u l-frekwenza u n-natura tal-kontrolli fuq l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU L 177, 7.7.2012, p. 16).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(19)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(20)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(21)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(22)  Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).

(23)  Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28).

(24)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(25)  Ir-Regolament (UE) 2022/2399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 li jistabbilixxi l-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-Unjoni Ewropea għad-Dwana u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 (ĠU L 317, 9.12.2022, p. 1).

(26)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

(27)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni. (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


ANNESS I

Komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 1

It-tabella li ġejja telenka l-oġġetti kif klassifikati fin-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 li huma msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

Ħlief prodotti sekondarji ta’ proċess tal-manifattura, meta dak il-proċess ikun involva materjal li ma kienx skart kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (1), tad-Direttiva 2008/98/KE, dan ir-Regolament ma japplikax għall-oġġetti jekk dawn ikunu prodotti kompletament minn materjal li jkun lesta ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu u li kieku jkun intrema bħala skart kif definit fl-Artikolu 3, il punt (1), ta’dik id-Direttiva.

Komodità rilevanti

Prodotti rilevanti

Bhejjem tal-ifrat

0102 21 , 0102 29 Bhejjem tal-ifrat ħajjin

ex 0201 Laħam tal-bhejjem tal-ifrat, frisk jew imkessaħ

ex 0202 Laħam tal-bhejjem tal-ifrat, iffriżat

ex 0206 10 Ġewwieni li jittiekel tal-bhejjem tal-ifrat, frisk jew imkessaħ

ex 0206 22 Fwied li jittiekel tal-bhejjem tal-ifrat, iffriżat

ex 0206 29 Ġewwieni li jittiekel tal-bhejjem tal-ifrat (għajr l-ilsna u l-fwied), iffriżat

ex 1602 50 Laħam ieħor ippreparat jew ippriservat, ġewwieni tal-laħam, demm, ta’ bhejjem tal-ifrat

ex 4101 Ġlud grezzi tal-bhejjem tal-ifrat (friski, jew immellħin, imnixxfin, ittrattati bil-ġir, piklati jew ippreservati b’mod ieħor, iżda mhux ikkonzati, ipparċminati jew ippreparati mod ieħor), kemm jekk imxerrħa jew bix-xagħar imneħħi kemm jekk le

ex 4104 Ġlud ikkonzati jew “in crust” tal-bhejjem tal-ifrat, imġiżża, kemm dawk imxerrħa kif ukoll dawk li mhumiex, iżda mhux ippreparati mod ieħor

ex 4107 Ġilda tal-bhejjem tal-ifrat, li ngħatat aktar trattament wara l-ikkonzar u l-crusting, din tinkludi l-ġilda pparċminata, imġiżża, kemm dawk imxerrħa kif ukoll dawk li mhumiex, ħlief ġilda tal-intestatura 4114

Kawkaw

1801 Żerriegħa tal-kawkaw, sħiħa jew imkissra, nejja jew mixwija

1802 Fosdoq tal-kawkaw, ħliefa, qxur u skart ieħor tal-kawkaw

1803 Paste tal-kawkaw, kemm jekk bix-xaħam imneħħi u kemm jekk le

1804 Butir, xaħam u żejt tal-kawkaw

1805 Trab tal-kawkaw, li ma jkunx fih iz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud

1806 Ċikkulata u preparati oħrajn tal-ikel li fihom il-kawkaw

Kafè

0901 Kafè, kemm jekk inkaljat jew dekafeinat u kemm jekk le; ħliefa u qxur tal-kafè; sostituti tal-kafè li jkun fihom kafè fi kwalunkwe proporzjon

Żejt tal-palm

1207 10 Ġewż tal-palm u l-qlub tagħhom

1511 Żejt tal-palm u l-frazzjonijiet tiegħu, kemm jekk raffinat u kemm jekk le, iżda mhux modifikat kimikament

1513 21 Żejt grezz tal-lewż tal-palm u żejt babassu u l-frazzjonijiet tagħhom, kemm jekk raffinati u kemm jekk le, iżda mhux modifikati kimikament

1513 29 Żejt tal-lewż tal-palm u żejt babassu u l-frazzjonijiet tagħhom, kemm jekk raffinati u kemm jekk le, iżda mhux modifikati kimikament (bl-esklużjoni ta’ żejt grezz)

2306 60 Pasta taż-żrieragħ żejtnin u residwi solidi oħrajn tal-ġewż tal-palm jew il-qlub tagħhom, kemm jekk mitħunin jew fil-forma ta’ pellets u kemm jekk le, li jirriżultaw mill-estrazzjoni tal-ġewż tal-palm jew xaħmijiet jew żjut tal-qlub tagħhom

ex 2905 45 Gliċerol, b’purità ta’ 95 %jew aktar (ikkalkolat fuq il-piż tal-prodott niexef)

2915 70 Aċidu palmitiku, aċidu steariku, l-imlieħ u l-esteri tagħhom

2915 90 aċidi monokarbossiliċi aċikliċi saturati u l-anidridi, l-aloġenuri, il-perossidi u l-perossiaċidi tagħhom; u d-derivattivi aloġenati, sulfonati, nitrati jew nitrożati tagħhom (eskluż l-aċidu formiku, l-aċidu aċetiku, l-aċidi mono-, di- jew trikloroaċetiċi, l-aċidu propjoniku, l-aċidi butanojċi, l-aċidi pentanojċi, l-aċidu palmitiku, l-aċidu steariku, l-imlieħ u l-esteri tagħhom, u l-anidride aċetika)

3823 11 Aċidu steariku, industrijali

3823 12 Aċidu olejku, industrijali

3823 19 Aċidi grassi monokarbossiliċi industrijali, żjut tal-aċidu mir-raffinar; (minbarra aċidu steariku, aċidu olejku u aċidi xaħmin tat-tallol)

3823 70 Alkoħols xaħmin industrijali

Lastiku

4001 Lastiku naturali, balatá, guttaperka, guayule, chicle u gomom naturali simili, fil-forom primarji jew fi pjanċi, folji jew strixxi

ex 4005 Lastiku kompost, mhux vulkanizzat, fil-forom primarji jew fi pjanċi, folji jew strixxi

ex 4006 Forom oħrajn (pereżempju vireg, tubi u forom profilati) u oġġetti (pereżempju diski u ċrieki), tal-lastiku mhux vulkanizzat

ex 4007 Ħajt u korda tal-lastiku vulkanizzat

ex 4008 Pjanċi, folji, vireg u forom profilati, tal-lastiku vulkanizzat għajr lastiku iebes

ex 4010 Conveyor belts u belts tat-trażmissjoni jew conveyor belting u belting tat-trażmissjoni, tal-lastiku vulkanizzat

ex 4011 Tajers pnewmatiċi ġodda, tal-lastiku

ex 4012 Tajers pnewmatiċi tal-lastiku riġenerati jew użati; tajers solidi jew kuxin, l-uċuħ tat-tajers u l-flaps tat-tajers, tal-lastiku

ex 4013 Tubi ta’ ġewwa, tal-lastiku

ex 4015 Oġġetti tal-ilbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ (inkluż ingwanti, mittens u mitts), għall-finijiet kollha, tal-lastiku vulkanizzat għajr lastiku iebes

ex 4016 Oġġetti oħra tal-lastiku vulkanizzat għajr lastiku iebes, li mhumiex speċifikati x’imkien ieħor fil-kapitolu 40

ex 4017 Lastiku iebes (pereżempju l-ebonit) fil-forom kollha inkluż skart u laqx; oġġetti tal-lastku iebes

Sojja

1201 Fażola tas-sojja, kemm jekk imkissra u kemm jekk le

1208 10 Dqiq u grixa tal-fażola tas-sojja

1507 Żejt tal-fażola tas-sojja u l-frazzjonijiet tiegħu, kemm jekk raffinat u kemm jekk le, iżda mhux modifikat kimikament

2304 Pasta taż-żrieragħ żejtnin u residwi solidi oħrajn, kemm jekk mitħunin jew fil-forma ta’ pellets u kemm jekk le, li jirriżultaw mill-estrazzjoni taż-żejt tal-fażola tas-sojja

Injam

4401 Qabs, fil-forma ta’ zkuk, qatgħat ta’ zkuk, friegħi, qatet jew forom simili; injam f’laqx jew partikuli; serratura u skart u laqx tal-injam, kemm jekk agglomerati fil-forma ta’ zkuk, briquettes, pellets jew forom simili, kif ukoll jekk le

4402 Karbonju tal-injam (inkluż karbonju tal-qxur jew tal-ġewż), agglomerat jew le

4403 Injam grezz, kemm jekk bil-qoxra jew bl-ilbieba mneħħija jew le, jew maqtugħ kwadru raff

4404 Injam għaċ-ċrieki; arbli mxerrħa; puntali, pali u bsaten tal-injam, bil-ponta iżda mhux issegati għat-tul; stikek tal-injam, mirqumin raff iżda mhux inturnjati, milwijin jew maħdumin mod ieħor, tajbin għall-manifattura tal-bsaten għall-mixi, umbrelel, mankijiet tal-għodod jew bħalhom; chipwood u simili

4405 Fibri tal-injam; dqiq tal-injam

4406 Traversi (cross-ties) tal-injam għal-linji tal-ferrovija jew tat-tramm

4407 Injam issegat jew imlaqqax għat-tul, imfellel jew imqaxxar, inċanat jew le, xkatlat jew bit-truf ġonġuti, ta’ ħxuna li taqbeż is-6 mm

4408 Folji għall-fuljetta (inkluż dawk magħmulin bit-tiflil ta’ injam laminat), għall-plywood jew għal injam simili laminat u njam ieħor, issegat għat-tul, imfellel jew imqaxxar, inċanat, xkatlat, impalellat jew bit-truf ġonġuti, ta’ ħxuna li ma taqbiżx is-6 mm

4409 Injam (inkluż strixxi u freġji għall-kisi tal-art bil-parquet, mhux assemblati) iffurmat b’mod kontinwu (b’minċott raġel, b’minċott mara, b’ħanek maqtugħ, iċċanfrinat, bi skanalatura-V, bil-gula, iffurmat, ittundjat jew simili) tul kwalunkwe xifer, tarf jew wiċċ tiegħu, inċanat, xkatlat jew bit-truf ġonġuti jew le

4410 Particle board, oriented strand board (OSB) u board simili (pereżempju waferboard) tal-injam jew ta’ materjali oħrajn mill-injam, kemm jekk agglomerati bir-rażi jew sustanzi leganti organiċi oħrajn u kemm jekk le

4411 Fibreboard tal-injam jew materjali oħrajn mill-injam, magħqudin bir-rażi jew b’sustanzi organiċi oħrajn jew le

4412 Plywood, pannelli miksijin bil-fuljetta u injam laminat bħalhom

4413 Injam densifikat, fi blokok, folji, strixxi jew forom profilati

4414 Gwarniċi tal-injam għal pitturi, ritratti, mirja u oġġetti simili

4415 Cases għall-ippakkjar, kaxxi, ċestuni, ċilindri u pakki simili, tal-injam; rombli tal-injam tal-kejbils; pallets, pallets tal-kaxxi u boards oħrajn tat-tagħbija, tal-injam;

pallet collars tal-injam

(mhux inkluż materjal tal-ippakkjar użat esklużivament bħala materjal tal-ippakkjar biex jappoġġa, jipproteġi jew iġorr prodott ieħor introdott fis-suq.)

4416 Btieti, ċilindri, vats, tnelli u prodotti tal-buttara oħrajn u partijiet tagħhom, tal-injam, inkluż l-injam imqawwes (staves)

4417 Għodod, korpi tal-għodod, mankijiet tal-għodod, xkupi jew xkupilji u l-mankijiet tagħhom, tal-injam; forom ta’ bwiez jew żraben, tal-injam

4418 Xogħol tal-injam għal bennejja, inkluż pannelli tal-injam ċellulari, pannelli assemblati għall-paviment, shingles u shakes

4419 Oġġetti tal-mejda u tal-kċina, tal-injam

4420 Intarsjar fl-injam u injam intarsjat; kaxxetti u kaxxi għal ġojjellerija u għall-pożati, u oġġetti bħalhom, tal-injam; statwetti u ornamenti oħrajn, tal-injam; oġġetti tal-injam ta’ għamara li ma jaqgħux fil-Kapitolu 94

4421 Oġġetti oħrajn tal-injam,

Polpa u karta tal-Kapitoli 47 u 48 tan-Nomenklatura Magħquda, bl-eċċezzjoni ta’ prodotti bbażati fuq il-bambù u rkuprati (skart u laqx)

ex 49 kotba stampati, gazzetti, stampi u prodotti oħrajn tal-industrija tal-istampar; manuskritti, testi ttajpjati u pjanti, tal-karta

ex 9401 Sits (għajr dawk tal-intestatura 9402 ), kemm jekk jinbidlu f’sodod jew le, u l-parts tagħhom, tal-injam

9403 30 , 9403 40 , 9403 50 , 9403 60  u 9403 91 Għamara tal-injam, u partijiet minnha

9406 10 Bini prefabbrikat tal-injam


ANNESS II

Dikjarazzjoni tad-diliġenza dovuta

L-informazzjoni li jeħtieġ tiġi inkluża fid-dikjarazzjoni tad-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 4(2):

1.

Isem l-operatur, l-indirizz u, fil-każ ta’ komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti li jidħlu fis-suq jew joħorġu minnu, in-numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI) f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

2.

Il-kodiċi tas-Sistema Armonizzata, id-deskrizzjoni b’test liberu, inkluż l-isem kummerċjali kif ukoll, fejn applikabbli, l-isem xjentifiku sħiħ, u l-kwantità tal-prodott rilevanti li l-operatur beħsiebu jintroduċi fis-suq jew jesporta. Għal prodotti rilevanti li jidħlu fis-suq jew joħorġu minnu, il-kwantità trid tiġi espressa f’kilogrammi tal-massa netta u, fejn applikabbli, fl-unità supplimentari stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 li tikkorrispondi għall-kodiċi tas-Sistema Armonizzata indikata jew, fil-każijiet l-oħra kollha, espressa f’massa netta li tispeċifika stima perċentwali jew devjazzjoni jew, fejn applikabbli, f’volum nett, jew fl-għadd ta’ unitajiet. Unità supplimentari hi applikabbli fejn tkun iddefinita b’mod konsistenti għas-subintestaturi kollha possibbli skont il-kodiċi tas-Sistema Armonizzata msemmija fid-dikjarazzjoni tad-diliġenza dovuta.

3.

Il-pajjiż tal-produzzjoni u l-ġeolokalizzazzjoni tal-biċċiet art kollha fejn ġew prodotti l-komoditajiet rilevanti. Għal prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu tal-bhejjem tal-ifrat, u għal tali prodotti rilevanti li ntemgħu bi prodotti rilevanti, il-ġeolokalizzazzjoni għandha tirreferi għall-istabbilimenti kollha fejn jitrabbew il-bhejjem tal-ifrat. Fejn il-prodott rilevanti jkun fih jew ikun sar bl-użu ta’ komoditajiet prodotti f’biċċiet art differenti, għandha tiġi inkluża l-ġeolokalizzazzjoni tal-biċċiet art kollha f’konformità mal-Artikolu 9(1), il-punt (d).

4.

Għal operaturi li jirreferu għal dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta eżistenti skont l-Artikolu 4(8) u (9), in-numru ta’ referenza ta’ tali dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta.

5.

It-test: “Permezz tas-sottomissjoni ta’ din id-dikjarazzjoni tad-diliġenza dovuta, l-operatur jikkonferma li d-diliġenza dovuta f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/1115 twettqet u li ma nstab l-ebda riskju jew instab biss riskju negliġibbli li l-prodotti rilevanti ma jikkonformawx mal-Artikolu 3, il-punt (a) jew (b), ta’ dak ir-Regolament”.

6.

Firma fil-format li ġej:

“Iffirmat għal u f’isem:

Data:

Isem u funzjoni: Firma:”.


Top