Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1104

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1104 tas-6 ta’ Ġunju 2023 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1238/95 fir-rigward tal-piżijiet pagabbli lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti

C/2023/3546

ĠU L 147, 7.6.2023, p. 65–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1104/oj

7.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 147/65


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1104

tas-6 ta’ Ġunju 2023

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1238/95 fir-rigward tal-piżijiet pagabbli lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti,

Billi:

(1)

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1238/95 (2) jistabbilixxi l-livell tal-piż pagabbli lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (“l-Uffiċċju), għal kull sena tad-durata ta’ dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità kif previst fl-Artikolu 113(2), il-punt (d), tar-Regolament (KE) Nru 2100/94.

(2)

Sabiex jiġi rifless il-potenzjal għall-inflazzjoni fil-linji baġitarji kollha u biex tkompli tiżdied ir-riżerva libera għal-livell minimu biex jiġi żgurat l-operat tal-uffiċċju, il-piż annwali mħallas minn detentur ta’ dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità jenħtieġ li jiżdied għal EUR 380.

(3)

Il-kumplessità tal-kawżi tal-appell qed tiżdied u l-piż attwali ta’ appell stabbilit fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1238/95 ma jkoprix il-kostijiet reali. Għalhekk, dan il-piż ta’ appell jenħtieġ li jiżdied għal EUR 2 100.

(4)

L-esperjenza wriet li hemm bżonn li jiġu koperti l-kostijiet amministrattivi li jikkonċernaw id-dikjarazzjoni tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità null u bla effett, kif imsemmi fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 2100/94, u l-piż amministrattiv li jikkonċerna oġġezzjoni bil-miktub għall-għoti ta’ dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, kif imsemmi fl-Artikolu 59 ta’ dak ir-Regolament.

(5)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1238/95 jistabbilixxi l-livell tal-piżijiet għall-organizzazzjoni u t-twettiq tal-eżami tekniku ta’ varjetà li hija s-suġġett ta’ applikazzjoni għal dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, li jridu jitħallsu lill-Uffiċċju.

(6)

Abbażi ta’ stħarriġ dwar il-kostijiet tal-Uffiċċji tal-Eżami mwettqa mill-Uffiċċju, il-piżijiet imposti mill-Uffiċċju jenħtieġ li jiġu aġġornati, filwaqt li titqies ir-rata tal-inflazzjoni.. Iż-żrieragħ tal-lift jenħtieġ li jiġu inklużi fil-grupp ta’ speċijiet agrikoli oħrajn u l-frawli fil-grupp ta’ speċijiet oħra tal-frott peress li l-livell tal-piżijiet f’dawk il-gruppi huwa aktar xieraq għal dawk l-ispeċijiet. Għaldaqstant, il-piżijiet stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1238/95 jenħtieġ li jiġu modifikati għall-gruppi ta’ kostijiet kollha kkonċernati.

(7)

Skont l-Artikolu 83 tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 l-Uffiċċju għandu jitlob piżijiet għall-atti uffiċjali tiegħu previsti fir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-piżijiet għad-dikjarazzjoni tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità null u bla effett u għal oġġezzjoni bil-miktub għall-għoti ta’ dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità sabiex jiġu koperti l-kostijiet ta’ dawn l-attivitajiet miżjuda.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1238/95 jiġi emendat skont dan.

(9)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Lulju 2023 sabiex jippermetti biżżejjed żmien għall-Uffiċċju u għall-partijiet ikkonċernati biex jadattaw għal dawk l-emendi.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar id-Drittijiet ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti fil-Komunità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1238/95 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 9, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Uffiċċju għandu jitlob piż ta’ EUR 380 lid-detentur ta’ dritt fuq varjetà ta’ pjanta fil-Komunità (‘id-detentur’) għal kull sena tad-durata ta’ dritt fuq varjetà ta’ pjanta fil-Komunità (‘tariffa annwali’), kif imsemmi fl-Artikolu 113(2), il-punt (d) tar-Regolament Bażiku.”

;

(2)

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-appellant għandu jħallas piż ta’ Appell ta’ EUR 2 100 għall-proċessar ta’ Appell, kif previst fl-Artikolu 113(2), il-punt (c) tar-Regolament Bażiku.”

;

(3)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-President tal-Uffiċċju għandu jistabbilixxi l-piżijiet għall-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

il-piż amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 8(5);

(b)

il-piżijiet għall-ħruġ ta’ kopji ċċertifikati ta’ dokumenti;

(c)

il-piż amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 82(2) tar-Regolament dwar il-Proċedimenti;

(d)

il-piż amministrattiv li jikkonċerna d-dikjarazzjoni ta’ dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità null u bla effett, kif imsemmi fl-Artikolu 20 tar-Regolament Bażiku;

(e)

il-piż amministrattiv li jikkonċerna oġġezzjoni bil-miktub għall-għoti ta’ dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, kif imsemmi fl-Artikolu 59 tar-Regolament Bażiku.”

(4)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-President tal-Uffiċċju jista’ jiddeċiedi li jagħmel is-servizzi imsemmija fil-paragrafu 1(a) sa (e) dipendenti fuq pagament antiċipat.”

(5)

L-Anness I huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1238/95 tal-31 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi r-regoli tal-implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 rigward il-piżijiet pagabbli lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (ĠU L 121, 1.6.1995, p. 31).


ANNESS

“ANNESS I

Il-piżijiet relatati mal-eżami tekniku kif imsemmi fl-Artikolu 8

Il-piż li jrid jitħallas għall-eżami tekniku ta’ varjetà għandu jiġi ddeterminat f’konformità mat-tabella:

(bl-EUR)

 

Grupp tal-kostijiet

Piż

Grupp agrikolu

1

Patata

2 580

2

Ħaxix

3 650

3

Speċijiet agrikoli oħrajn

1 980

Grupp tal-frott

4

Tuffieħ

4 130

5

Speċijiet ta’ frott oħrajn

4 130

Grupp ornamentali

6

Pjanti ornamentali b’kollezzjoni ta’ referenza ħajja, test fis-serra

2 390

7

Pjanti ornamentali b’kollezzjoni ta’ referenza ħajja, test fil-beraħ

3 070

8

Pjanti ornamentali mingħajr kollezzjoni ta’ referenza ħajja, test fis-serra

2 760

9

Pjanti ornamentali mingħajr kollezzjoni ta’ referenza ħajja, test fil-beraħ

2 890

10

Pjanti ornamentali, kundizzjonijiet fitosanitarji speċjali

3 550

Grupp tal-ħxejjex agrikoli

11

Ħxejjex agrikoli, test fis-serra

3 570

12

Ħxejjex agrikoli, test fil-beraħ

3 280

”.

Top