Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1100

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1100 tal-5 ta’ Ġunju 2023 li jintroduċi miżuri preventivi fir-rigward ta’ ċerti prodotti li joriġinaw fl-Ukrajna

    C/2023/3767

    ĠU L 144I, 5.6.2023, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/09/2023: This act has been changed. Current consolidated version: 05/06/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1100/oj

    5.6.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 144/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1100

    tal-5 ta’ Ġunju 2023

    li jintroduċi miżuri preventivi fir-rigward ta’ ċerti prodotti li joriġinaw fl-Ukrajna

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1077 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 4(6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Wara l-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022, biex tappoġġa l-ekonomija tal-Ukrajna, permezz tar-Regolament (UE) 2022/870, l-Unjoni Ewropea introduċiet miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (2).

    (2)

    Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/903, l-Unjoni introduċiet miżuri preventivi fir-rigward ta’ ċerti prodotti li joriġinaw fl-Ukrajna (3). Dawk il-miżuri kienu meħtieġa biex jiġu indirizzati ċirkostanzi eċċezzjonali li jirriskjaw li jaffettwaw il-vijabbiltà ekonomika tal-produtturi lokali fil-Bulgarija, fl-Ungerija, fil-Polonja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja.

    (3)

    Kemm ir-Regolament (UE) 2022/870 kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/903 skadew fil-5 ta’ Ġunju 2023.

    (4)

    Biex tkompli bl-appoġġ tagħha tal-ekonomija Ukrena, l-Unjoni adottat ir-Regolament (UE) 2023/1077 dwar miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (4) (‘il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni’).

    (5)

    Fid-dawl tal-iskadenza tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/903, il-Kummissjoni vvalutat jekk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmija fil-premessa 2 ta’ dak ir-Regolament għadhomx jeżistu u għalhekk jirrikjedu l-adozzjoni ta’ miżuri preventivi ġodda f’konformità mal-Artikolu 4(6) tar-Regolament (UE) 2023/1077.

    (6)

    Il-valutazzjoni wriet li għad fadal ostakli loġistiċi importanti. B’mod partikolari, l-infrastruttura fil-Bulgarija, fl-Ungerija, fil-Polonja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja għadha insuffiċjenti biex tittratta ż-żieda fit-traffiku, b’mod partikolari fil-fruntieri bejn l-Ukrajna u dawk l-Istati Membri. It-tagħmir għadu meħtieġ b’mod urġenti u l-kapaċità hija skarsa u dan jirriżulta fi spejjeż loġistiċi għoljin, filwaqt li hemm ukoll riskju għoli ta’ kapaċitajiet ta’ ħżin insuffiċjenti fl-Istati membri affettwati.

    (7)

    Dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jaffettwaw il-vijabbiltà ekonomika ta’ produtturi lokali f’dawk l-Istati Membri. Għalhekk, iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jaffettwaw lill-produtturi lokali tal-Unjoni għadhom għaddejjin. Fid-dawl ta’ dawk iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni vvalutat is-sitwazzjoni bħala li għadha tiġġustifika azzjoni immedjata skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament (UE) 2023/1077.

    (8)

    Għadu meħtieġ li jiġi żgurat li l-oġġetti speċifiċi bħall-qamħ, il-qamħirrum, iż-żerriegħa tal-kolza u ż-żerriegħa tal-ġirasol li joriġinaw fl-Ukrajna, li kollha jikkompetu għall-istess kapaċitajiet ta’ ħażna, ikunu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera jew imqiegħda taħt il-proċeduri ta’ ħażna doganali, żona ħielsa jew proċessar attiv, kif previst fir-Regolament (UE) 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fi Stati Membri biss għajr il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija jew is-Slovakkja.

    (9)

    Madankollu, dik il-limitazzjoni ma taffettwax il-moviment ta’ dawk l-oġġetti fil-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija jew is-Slovakkja, jew minnhom, lejn Stat Membru ieħor jew lejn pajjiż jew territorju bararra t-territorju doganali tal-Unjoni, skont il-proċedura ta’ tranżitu doganali, kif previst fl-Artikolu 226 tar-Regolament (UE) 952/2013. Jekk madankollu, tali moviment jiġi affettwat b’mod negattiv, il-Kummissjoni se tivvaluta, kif meħtieġ, jekk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jeħtieġu azzjoni immedjata jippersistux u jaġixxu kif xieraq.

    (10)

    Biex jiġu ttrattati malajr iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jagħmlu dan ir-Regolament meħtieġ, ġiet stabbilita Pjattaforma Konġunta ta’ Koordinazzjoni biex tikkoordina l-isforzi tal-Kummissjoni, tal-Bulgarija, tal-Ungerija, tal-Polonja, tar-Rumanija u tas-Slovakkja, kif ukoll tal-Ukrajna u tal-Moldova biex jittejjeb il-fluss tal-kummerċ bejn l-Unjoni u l-Ukrajna inkluż it-tranżitu tul il-kuriduri tal-prodotti agrikoli. Il-Pjattaforma Konġunta ta’ Koordinazzjoni se tipprovdi soluzzjonijiet operazzjonali biex jittejbu l-proċeduri, l-infrastruttura u l-konġestjonijiet loġistiċi bejn l-Ukrajna u l-Unjoni billi jiġu aċċellerati u mtejba l-proċeduri ta’ kontroll fil-fruntieri, jiġi kkoordinat aħjar it-tranżitu, tittejjeb l-infrastruttura u jitnaqqsu l-ispejjeż ġenerali tal-loġistika, u b’hekk jiġi żgurat li l-qamħ, il-qamħirrum, iż-żerriegħa tal-kolza (kolza) u ż-żerriegħa tal-ġirasol li joriġinaw fl-Ukrajna jkunu jistgħu jidħlu aktar fl-Unjoni u lil hinn minnha skont il-bżonn. Huwa raġonevoli li wieħed jistenna li l-ħidma mwettqa fil-kuntest tal-Pjattaforma Konġunta ta’ Koordinazzjoni tissarraf f’titjib matul ix-xhur li ġejjin. Hekk kif jitfaċċaw soluzzjonijiet bi sħab biex jiġu tttrattati ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmija fil-premessa 6, se jkun possibbli li l-miżuri preventivi skont dan ir-Regolament jitħallew jiskadu sa Settembru 2023.

    (11)

    Il-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 4(6) tar-Regolament (UE) 2023/1077, infurmat lill-Kumitat tas-Salvagwardji msemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/478.

    (12)

    Biex tiġi evitata mġiba spekulattiva mill-operaturi tas-suq, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu. Billi huwa mistenni li l-Pjattaforma Konġunta ta’ Koordinazzjoni se ttejjeb is-sitwazzjoni fil-post fix-xhur li ġejjin, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika biss sal-15 ta’ Settembru 2023,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew it-tqegħid fil-ħażna taħt il-proċeduri ta’ ħażna doganali, żona ħielsa jew tal-ipproċessar attiv tal-prodotti elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament li joriġinaw fl-Ukrajna, għandhom ikunu permessi biss fi Stati Membri għajr il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija jew is-Slovakkja.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu japplika sal-15 ta’ Settembru 2023.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ġunju 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  Ir-Regolament (UE) 2023/1077 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li jissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, (ĠU L 144, 5.6.2023, p. 1).

    (2)  ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.

    (3)  ĠU L 114I, 2.05.2023, p.1.

    (4)  ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU UE L 269, 10.10.2013, p. 1).


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-Prodott

    Kodiċi tal-Prodott

    Qamħ

    Qamħ komuni (ħlief għaż-żerriegħa għaż-żrigħ)

    ex 1001 99 00

    Qamħirrum

    Qamħirrum (qamħ) (ħlief għal żrieragħ għaż-żrigħ)

    1005 90 00

    Żerriegħa tal-lift

    Żerriegħa tal-lift jew tal-lift, imkissra jew le (ħlief għaż-żerriegħa għaż-żrigħ)

    1205 10 90 ;

    ex 1205 90 00

    Żerriegħa tal-ġirasol

    Żerriegħa tal-ġirasol, imkissra jew le (ħlief għaż-żerriegħa għaż-żrigħ)

    1206 00 91 ;

    1206 00 99


    Top