Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0986

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/986 tat-22 ta’ Mejju 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

    ST/9050/2023/INIT

    ĠU L 134I, 22.5.2023, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/986/oj

    22.5.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 134/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/986

    tat-22 ta’ Mejju 2023

    li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 tat-12 ta’ April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-12 ta’ April 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 359/2011.

    (2)

    Fil-25 ta’ Settembru 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li tikkundanna l-użu mifrux u sproporzjonat tal-forza mill-forzi tas-sigurtà Iranjani kontra dimostranti mhux vjolenti, filwaqt li tinnota li dan kien wassal għal imwiet u għal għadd kbir ta’ persuni midruba. Id-dikjarazzjoni spjegat ukoll li dawk responsabbli għall-qtil ta’ Mahsa Amini jridu jinżammu responsabbli, u appellat lill-awtoritajiet Iranjani biex jiżguraw investigazzjonijiet trasparenti u kredibbli biex jiċċaraw l-għadd ta’ persuni mejta u arrestati, biex jeħilsu lid-dimostranti mhux vjolenti kollha u biex jipprovdu proċess ġust lid-detenuti kollha. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni enfasizzat li d-deċiżjoni tal-Iran li jirrestrinġi severament l-aċċess għall-Internet u li jimblokka pjattaformi ta’ messaġġi istantanji tikser il-libertà tal-espressjoni b’mod sfaċċat. Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjoni stqarret li l-Unjoni ser tikkunsidra l-għażliet kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tindirizza l-qtil ta’ Mahsa Amini u l-mod kif il-forzi tas-sigurtà Iranjani rreaġixxew għad-dimostrazzjonijiet li segwew.

    (3)

    F’dan il-kuntest, u f’konformità mal-impenn tal-Unjoni li tindirizza l-kwistjonijiet kollha ta’ tħassib mal-Iran, fosthom is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, kif ikkonfermata fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2022, jenħtieġ li ħames persuni u żewġ entitajiet jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li jinsabu fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011.

    (4)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 359/2011 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 359/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)   ĠU L 100, 14.4.2011, p. 1.


    ANNESS

    Il-persuni u l-entitajiet li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi stabbilita fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011:

    Persuni

     

    Isem

    Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    “222.

    ADINEHVAND Salman

    سلمان آدینه وند

    Funzjoni: Kmandant tat-Tehran Police Relief Unit tal-Law Enforcement Forces (LEF) tal-Iran

    Nazzjonalità: Iranjana

    Data tat-twelid: 20 ta’ Mejju 1980

    Post tat-twelid: Tehran, Iran

    Sess: raġel

    Salman Adinehvand ilu l-Kmandant tal-Unità ta’ Appoġġ għall-Pulizija ta’ Tehran (Tehran Police Relief Unit) tal-Forzi ta’ Infurzar tal-Liġi tal-Iran (LEF), l-organizzazzjoni ewlenija tas-sigurtà inkarigata mill-kontroll tal-folol u t-trażżin tal-protesti, minn Jannar 2021. L-unità ta’ Adinehvand kienet direttament responsabbli għat-trażżin vjolenti tal-protesti f’Tehran f’Settembru u Ottubru 2022, li matulhom għexieren ta’ dimostranti nqatlu mill-forzi tas-sigurtà bl-użu ta’ munizzjon attiv.

    Huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

    22.5.2023

    223.

    AGHAMIRI Seyyed Mohammad Amin

    سید محمد امین آقامیری

    Funzjoni: segretarju tas-Supreme Council of Cyberspace (SCC) tal-Iran

    Nazzjonalità: Iranjana

    Data tat-twelid: 21 ta’ Settembru 1986

    Post tat-twelid: Iran

    Sess: raġel

    Seyyed Mohammad Amin Aghamiri huwa s-segretarju tal-Kunsill Suprem taċ-Ċiberspazju tal-Iran (Supreme Council of Cyberspace (SCC)), l-awtorità ċentralizzata għat-tfassil tal-politika fil-qasam taċ-ċiberspazju. L-SCC huwa responsabbli għall-imblukkar ta’ pjattaformi popolari online tal-aħbarijiet u ta’ komunikazzjoni fl-Iran u uża wkoll it-teknoloġija diġitali biex jispija l-ġurnalisti u d-dissidenti tar-reġim u jintimidahom.

    Huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

    22.5.2023

    224.

    NIKVARZ Mohsen

    Funzjoni: prosekutur pubbliku ta’ Sirjan

    Nazzjonalità: Iranjana

    Post tat-twelid: Iran

    Sess: raġel

    Bħala l-prosekutur pubbliku ta’ Sirjan, Mohsen Nikvarz kien responsabbli għal diversi arresti arbitrarji ta’ avukati u pieni tal-mewt f’Sirjan matul il-protesti tal-2019.

    Fil-kuntest tal-protesti li faqqgħu f’Settembru 2022, Nikvarz kien involut ukoll mal-każ ta’ Maryam Arvin, fejn ħarrikha għall-attivitajiet tagħha bħala avukat tad-difiża għad-dimostranti. Wara l-arrest tagħha, li Nikvarz huwa personalment responsabbli għalih, hija ġiet ittorturata brutalment fil-ħabs.

    Nikvarz huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

    22.5.2023

    225.

    MORADI Nader

    نادر مرادی

    Funzjoni: Viċi Superviżur tal-Ispazji Pubbliċi tal-Public Security Police

    Grad militari: Kurunell

    Nazzjonalità: Iranjana

    Post tat-twelid: Iran

    Sess: raġel

    Fil-funzjoni attwali tiegħu bħala Viċi Superviżur tal-Ispazji Pubbliċi tal-Pulizija tas-Sigurtà Pubblika (Public Security Police), il-Kurunell Nader Moradi huwa responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet dwar il-ħiġab. Dawk il-liġijiet intużaw mill-awtoritajiet Iranjani biex irażżnu d-dimostranti paċifiċi.

    Moradi huwa responsabbli għall-persekuzzjoni u l-arrest ta’ nisa għan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar il-hiġab. Huwa responsabbli wkoll għall-għeluq ta’ negozji, ristoranti u spazji pubbliċi oħra b’rabta man-nuqqas ta’ infurzar tar-regoli dwar il-ħiġab, filwaqt li ffirma l-ittri li infurmawhom dwar l-għeluq tagħhom.

    Matul il-protesti li bdew f’Settembru tal-2022 u li ssoktaw għal diversi xhur, Moradi kien responsabbli wkoll għall-persekuzzjoni u l-arrest ta’ sidien ta’ ħwienet li għalqu n-negozji tagħhom u li kienu qed jippjanaw li jistrajkjaw bi protesta għall-mewt ta’ Mahsa Amini.

    Moradi huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

    22.5.2023

    226.

    MONTAZER AL-MAHDI Saeed

    (magħruf ukoll bħala MONTAZER AL-MAHDI Said)

    Funzjoni: kelliem tal-pulizija

    Grad militari: Brigadier Ġeneral -

    Nazzjonalità: Iranjana

    Data tat-twelid: 8 ta’ Novembru 1971

    Post tat-twelid: Tehran, Iran

    Sess: raġel

    Saeed Montazer Al-Mahdi huwa l-kelliem tal-pulizija Iranjana (Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran elenkati mill-UE).

    F’April 2023, huwa ħabbar l-infurzar strett attwali tal-liġijiet dwar l-hiġab, li ntużaw mill-awtoritajiet Iranjani biex irażżnu lid-dimostranti paċifiċi. Fil-funzjoni tiegħu, huwa jiddefendi u jippromwovi l-azzjonijiet repressivi tal-pulizija.

    Id-dikjarazzjonijiet intimidanti tiegħu dwar il-monitoraġġ, l-għeluq tan-negozji u spazji pubbliċi oħra u l-messaġġi ta’ twissija li qed jintbagħtu mill-awtoritajiet għandhom impatt repressiv sinifikanti ħafna. Barra minn hekk, fir-rwol tiegħu bħala kelliem tal-pulizija, huwa ripetutament imminimizza s-serjetà tal-avvelenamenti ta’ bniet tal-iskola, li ġew irrappurtati b’mod estensiv, billi stqarr li “l-biċċa l-kbira” tagħhom “ma kinux veri” u b’hekk ċaħħad il-protezzjoni tal-vittmi permezz tal-pulizija u dgħajjef d-dritt tagħhom għas-sikurezza.

    Huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

    22.5.2023”

    Entitajiet

     

    Isem

    Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    “36.

    Student Basij Organisation (SBO)

    Image 1

    (magħrufa ukoll bħala Student and Talabeh Basij)

    Tip ta’ entità: fergħa tal-Basij Organisation of the Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC)

    Post ta’ reġistrazzjoni: Iran

    Data ta’ reġistrazzjoni: Novembru 1989

    Individwi assoċjati: Issa Zarepour

    Entitajiet assoċjati oħra: IRGC; IRGC Basij Organisation

    L-iStudent Basij Organisation (SBO) hija fergħa fi ħdan il-Basij Organisation li taġixxi bħal l-infurzatriċi vjolenti tal-IRGC fuq il-kampusijiet universitarji. L-SBO hija magħmula mill-iżgħar u l-aktar membri radikali tal-Basij li kienu partikolarment attivi biex il-kampusijiet universitarji fejn l-istudenti pprotestaw isiru t-teatri ewlenin tar-repressjoni fil-ħarifa tal-2022. Matul tfittxijiet fuq għadd ta’ kampusijiet universitarji, – inkluż fl-Università ta’ Sharif, l-Università ta’ Shahid Beheshti u l-Università ta’ Amirkabir – il-forzi tas-sigurtà, inkluż l-SBO, użaw munizzjon attiv u fetħu n-nar fuq l-istudenti.

    Dan, flimkien ma’ diversi rapporti ta’ ħtif u tortura ta’ studenti marbuta ma’ dawn it-tfittxijiet, jikkonferma li l-SBO hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

    22.5.2023

    37.

    IRGC Cooperative Foundation

    Image 2

    (magħrufa wkoll bħala IRGC Cooperation Bonyad; Bonyad Taavon Sepah; Bonyad-e Ta’avon-e; Sepah Cooperative Foundation)

    Indirizz: Niayes Highway, Seoul Street, Tehran, Iran

    Tip ta’ entità: fondazzjoni

    Post ta’ reġistrazzjoni: Iran

    Data ta’ reġistrazzjoni: 1989

    Individwi assoċjati: Ali Asghar Nourouzi;

    Seyyed Amin Ala; Emami Tabatabai;

    Ahmad Hasan Karimi;

    Yahya Alaoddini

    Entitajiet assoċjati oħra: Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC)

    L-IRGC ilu fuq quddiem nett fir-repressjoni tal-protesti fl-Iran minn Settembru 2022, li skont sorsi indipendenti rriżulta fil-mewt ta’ aktar minn 520 persuna, inkluż il-mewt ta’ aktar minn 70 minorenni u aktar minn 22 000 arrest/detenzjoni.

    Il-Fondazzjoni Kooperattiva tal-IRGC (IRGC Cooperative Foundation) hija l-korp responsabbli għall-ġestjoni tal-investimenti tal-IRGC u għaldaqstant hija responsabbli għall-finanzjament tar-repressjoni brutali tar-reġim. Hija għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

    22.5.2023”


    Top