EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0850

Regolament (UE) 2023/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (Il-Kosovo (Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.))

PE/13/2023/INIT

ĠU L 110, 25.4.2023, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/850/oj

25.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 110/1


REGOLAMENT (UE) 2023/850 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ April 2023

li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (Il-Kosovo (*1))

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), il-punt (a), tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa. Il-kontenut tal-listi tal-pajjiżi terzi stabbiliti fl-Annessi I u II għal dak ir-Regolament jenħtieġ li jkun, u għandu jibqa’, konsistenti mal-kriterji stabbiliti f’dak ir-Regolament. Ir-referenzi għal pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom inbidlet is-sitwazzjoni marbuta ma’ dawk il-kriterji, jenħtieġ li jkunu ttrasferiti minn Anness għall-ieħor, kif xieraq.

(2)

Il-kriterji li jenħtieġ li jitqiesu meta jkunu qed jiġu ddeterminati, abbażi ta’ valutazzjoni skont il-każ, il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti jew eżentati mill-ħtieġa ta’ viża huma stipulati fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2018/1806. Dawk il-kriterji jinkludu l-immigrazzjoni illegali, l-ordni pubbliku u s-sigurtà, il-benefiċċji ekonomiċi, partikolarment f’termini ta’ turiżmu u ta’ kummerċ barrani, u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi rilevanti, inklużi, b’mod partikolari, konsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ koerenza u reċiproċità reġjonali.

(3)

Il-Kosovo ssodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali tiegħu lejn reġim mingħajr viżi. Abbażi ta’ valutazzjoni ta’ varjetà ta’ kriterji kif elenkati fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2018/1806, huwa xieraq li d-detenturi ta’ passaporti maħruġa mill-Kosovo jiġu eżentati mill-ħtieġa ta’ viża meta jivvjaġġaw fit-territorju tal-Istati Membri. L-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża ser tiżgura li r-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent ikun suġġett għall--istess reġim tal-viża.

(4)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Kosovo jiġi ttrasferit mill-Parti 2 tal-Anness I għall-Parti 4 tal-Anness II għar-Regolament (UE) 2018/1806. L-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża jenħtieġ li tapplika biss għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi maħruġa mill-Kosovo f’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO). Dik l-eżenzjoni jenħtieġ li ma tapplikax qabel id-data li minna s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), tibda l-operat jew qabell-1 ta’ Jannar 2024, skont liema data tiġi l-ewwel.

(5)

Mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar l-istatus tal-Kosovo, fil-perjodu qabel id-data li fiha l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża tapplika b’mod effettiv, huwa importanti li ftehimiet jew arranġamenti ta’ riammissjoni, skont il-każ, jiġu konklużi mal-Istati Membri li għad m’għandhomx tali ftehim jew arranġament. Ladarba jiġu konklużi, il-Kosovo għandu jimplimenta bis-sħiħ dawk il-ftehimiet jew arranġamenti filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ non-refoulement minqux fil-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967.

(6)

Il-Kosovo għamel progress sinifikanti fit-taqsimiet kollha tal-Kapitolu II tal-pjan direzzjonali tiegħu lejn reġim mingħajr viżi. Sabiex ikun żgurat li l-migrazzjoni tkun ġestita tajjeb u sabiex ikun żgurat ambjent sigur, jenħtieġ li l-Kosovo jfittex li jkompli jallinja l-politika tiegħu dwar il-viżi ma’ dik tal-Unjoni.

(7)

L-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża tiddependi fuq it-tkomplija tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali lejn reġim mingħajr viżi mal-Kosovo. Il-Kummissjoni trid tissorvelja b’mod attiv l-implimentazzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti u l-allinjament tal-politika tal-viża permezz tal-mekkaniżmu tas-sospensjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/1806. L-Unjoni tista’ tissospendi l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża f’konformità ma’ dak il-mekkaniżmu, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li hemm fih.

(8)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4); għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(9)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u tar-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6).

(10)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

(11)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

(12)

Fir-rigward ta’ Ċipru, u l-Bulgarija u r-Rumanija, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat mal-acquis ta’ Schengen, fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2018/1806 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Parti 2 tal-Anness I, it-test li ġej jitħassar:

“—

il-Kosovo kif definita mir-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Ġunju 1999”;

(2)

fil-Parti 4 tal-Anness II, jiddaħħal it-test li ġej::

“il-Kosovo (*2)  (*3)  (*4)

(*2)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo."

(*3)  L-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għandha tapplika biss għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi maħruġa mill-Kosovo f’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO)."

(*4)  L-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għandha tapplika mid-data li fiha s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1). tibda l-operat jew mill-1 ta’ Jannar 2024, skont liema data tiġi l-ewwel."."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ April 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(*1)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Marzu 2019 (ĠU C 108, 26.3.2021, p. 877) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tad-9 ta’ Marzu 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(9)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


Top