Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0661

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/661 tat-2 ta’ Diċembru 2022 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kriterji komuni biex jitqiesu l-implimentazzjoni jew it-tneħħija ta’ projbizzjoni ta’ operar fil-livell tal-Unjoni

    C/2022/8706

    ĠU L 83, 22.3.2023, p. 54–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/661/oj

    22.3.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 83/54


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/661

    tat-2 ta’ Diċembru 2022

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kriterji komuni biex jitqiesu l-implimentazzjoni jew it-tneħħija ta’ projbizzjoni ta’ operar fil-livell tal-Unjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tat-trasportatur tal-ajru li jopera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 jipprevedi l-istabbiliment ta’ lista tal-Unjoni tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fit-territorji li għalihom japplikaw it-Trattati.

    (2)

    L-istabbiliment tal-lista tal-Unjoni tat-trasportaturi tal-ajru huwa bbażat fuq kriterji komuni għall-impożizzjoni ta’ projbizzjoni ta’ operar ta’ trasportatur tal-ajru mfassla fil-livell tal-Unjoni. Dawn il-kriterji komuni huma stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005.

    (3)

    Valutazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 imwettqa mill-Kummissjoni identifikat diversi oqsma fejn l-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament tista’ tittejjeb sabiex jitqiesu l-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi. F’dawn l-aħħar snin, il-ġestjoni tas-sikurezza tal-ajru ġiet appoġġata minn avvanzi tekniċi ġodda li ppermettew il-kejl ta’ evidenza verifikabbli fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kapaċitajiet tal-operaturi ta’ pajjiżi terzi u l-informazzjoni li tirriżulta minn spezzjonijiet fir-rampa biex jintlaħqu l-istandards rilevanti tas-sikurezza. Barra minn hekk, il-ġbir ta’ għarfien xjentifiku, permezz tal-attivitajiet tar-riċerka tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, isaħħaħ il-kapaċità tagħha li tevalwa sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza ta’ operatur. Għalhekk, jeħtieġ li l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 jiġi emendat biex jitqiesu dawk l-iżviluppi.

    (4)

    Il-kriterji komuni stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 jelenkaw l-elementi li għandhom jitqiesu meta tiġi kkunsidrata l-impożizzjoni ta’ projbizzjoni (jew ta’ restrizzjonijiet fuq l-operar). F’konformità mal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005, il-lista tal-Unjoni għandha tiġi aġġornata sabiex jitneħħa trasportatur tal-ajru minnha meta n-nuqqasijiet fis-sikurezza jkunu ġew rimedjati u ma jkun hemm l-ebda raġuni oħra, abbażi tal-kriterji komuni, biex it-trasportatur tal-ajru jinżamm fuq dik il-lista. Għal raġunijiet ta’ trasparenza, jeħtieġ li jiġu elenkati l-elementi meħtieġa għall-valutazzjoni jekk il-kriterji komuni, li n-nuqqas ta’ rispett tagħhom wassal għall-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet imsemmija qabel, ma jibqgħux issodisfati iktar.

    (5)

    Jista’ jinkiseb għadd ta’ titjib billi jiġi emendat l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 dwar il-kriterji komuni użati biex tiġi kkunsidrata l-impożizzjoni [jew it-tneħħija] ta’ projbizzjoni ta’ operar fil-livell tal-Unjoni,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 huwa sostitwit bl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 344, 27.12.2005, p. 15.


    ANNESS

    “ANNESS

    Kriterji komuni li għandhom jiġu kkunsidrati għall-impożizzjoni ta’ projbizzjoni ta’ operar fil-livell tal-Unjoni

    Id-deċiżjonijiet għal azzjoni fil-livell tal-Unjoni għandhom jittieħdu skont il-merti ta’ kull każ individwali. Skont il-merti ta’ kull każ, trasportatur jew it-trasportaturi kollha ċċertifikati fl-istess stat jista’/jistgħu jkun(u) eliġibbli għal azzjoni fil-livell tal-Unjoni.

    A.   

    Fil-kunsiderazzjoni ta’ jekk jenħtieġx li trasportatur jew it-trasportaturi kollha tal-ajru jiġi/u totalment jew parzjalment projbit(i), għandu jiġi evalwat jekk it-trasportatur tal-ajru hux qed jissodisfa l-istandards rilevanti tas-sikurezza billi jitqiesu dawn li ġejjin:

    1.

    Evidenza vverifikata dwar nuqqasijiet serji fis-sikurezza min-naħa ta’ trasportatur tal-ajru:

    (a)

    rapporti li juru nuqqasijiet serji fis-sikurezza, jew nuqqas persistenti min-naħa tat-trasportatur biex jindirizza n-nuqqasijiet identifikati bi spezzjonijiet fir-rampa mwettqa fil-qafas tal-programm tal-UE tal-Ispezzjoni fir-Rampa (1) li ġew ikkomunikati qabel lit-trasportatur;

    (b)

    nuqqasijiet identifikati fil-qafas tad-dispożizzjonijiet għall-ġbir tal-informazzjoni fis-Subparti RAMP tal-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (2);

    (c)

    projbizzjoni ta’ operar imposta fuq trasportatur minn pajjiż terz minħabba nuqqasijiet sostanzjati relatati ma’ standards rilevanti tas-sikurezza;

    (d)

    informazzjoni sostanzjata relatata ma’ aċċidenti jew inċidenti serji li tindika nuqqasijiet sistemiċi latenti fis-sikurezza;

    (e)

    informazzjoni miġbura permezz tal-proċess ta’ Awtorizzazzjoni tal-Operaturi ta’ Pajjiżi Terzi, dwar jekk twettaqx monitoraġġ inizjali jew kontinwu mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“l-Aġenzija”), u b’mod partikolari fir-rigward tal-azzjonijiet meħuda mill-Aġenzija rigward ir-rifjut ta’ applikazzjoni skont il-punt ART.200(e)(1) tal-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 452/2014 (3) jew is-sospensjoni jew ir-revoka ta’ awtorizzazzjoni skont il-punt ART.235, għal raġunijiet ta’ sikurezza.

    2.

    Nuqqas ta’ kapaċità u/jew rieda ta’ trasportatur tal-ajru li jindirizza nuqqasijiet fis-sikurezza kif murija permezz ta’:

    (a)

    nuqqas ta’ trasparenza jew komunikazzjoni adegwata u fil-ħin min-naħa ta’ trasportatur bħala rispons għal inkjesta mill-awtorità tal-avjazzjoni ċivili ta’ Stat Membru jew mill-Kummissjoni jew mill-Aġenzija rigward l-aspett tas-sikurezza tal-operazzjonijiet tiegħu;

    (b)

    pjan ta’ azzjoni korrettiva mhux xieraq jew insuffiċjenti mħejji bħala rispons għal xi nuqqas serju identifikat fis-sikurezza.

    3.

    Nuqqas ta’ kapaċità u/jew rieda tal-awtoritajiet b’responsabbiltà għas-sorveljanza regolatorja ta’ trasportatur tal-ajru biex jindirizzaw nuqqasijiet fis-sikurezza kif murija permezz ta’:

    (a)

    nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-awtorità tal-avjazzjoni ċivili ta’ Stat Membru, mal-Kummissjoni jew mal-Aġenzija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat ieħor, meta jkun tqajjem tħassib dwar is-sikurezza tal-operar ta’ trasportatur liċenzjat jew iċċertifikat f’dak l-Istat;

    (b)

    kapaċità insuffiċjenti tal-awtoritajiet kompetenti li jwettqu sorveljanza regolatorja tat-trasportatur biex jiġu implimentati u infurzati l-istandards rilevanti tas-sikurezza. Jenħtieġ li jitqiesu b’mod partikolari dawn li ġejjin:

    (i)

    l-awditjar u l-pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva relatati stabbiliti fil-qafas tal-Programm Universali ta’ Awditjar tas-Sorveljanza tas-Sikurezza tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali jew fil-qafas ta’ kwalunkwe dritt applikabbli tal-Unjoni;

    (ii)

    jekk l-awtorizzazzjoni ta’ operar jew il-permess tekniku ta’ kwalunkwe trasportatur taħt is-sorveljanza ta’ dak l-Istat kinux ġew rifjutati jew revokati qabel minn xi Stat ieħor;

    (iii)

    iċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru ma nħariġx mill-awtorità kompetenti tal-Istat fejn it-trasportatur għandu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu;

    (c)

    kapaċità insuffiċjenti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat li fih l-inġenju tal-ajru użat mit-trasportatur tal-ajru jkun irreġistrat biex jissorveljaw l-inġenju tal-ajru użat mit-trasportatur f’konformità mal-obbligi fil-qafas tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

    B.   

    F’konformità mal-Artikolu 4(1)(b) ta’ dan ir-Regolament, meta jitqies jekk il-lista tal-Unjoni għandhiex tiġi aġġornata biex trasportatur tal-ajru jitneħħa mil-lista minħabba li n-nuqqasijiet fis-sikurezza jkunu ġew rimedjati u ma jkun hemm l-ebda raġuni oħra, abbażi tal-kriterji komuni elenkati fit-taqsima A, biex it-trasportatur tal-ajru jinżamm fil-lista tal-Unjoni, l-elementi li ġejjin jistgħu jitqiesu li jipprovdu evidenza ta’ dan:

    1.

    evidenza verifikabbli li n-nuqqasijiet identifikati jkunu ġew rettifikati b’mod sostenibbli, li tindika li t-trasportatur tal-ajru jikkonforma għalkollox mal-istandards rilevanti tas-sikurezza u jkun qed jimplimentahom;

    2.

    ċertifikazzjoni mill-ġdid tat-trasportaturi tal-ajru mwettqa mill-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza regolatorja tat-trasportaturi tal-ajru f’konformità mal-proċess tal-ICAO, b’evidenza li l-attivitajiet kollha jkunu ġew dokumentati kif xieraq;

    3.

    evidenza verifikabbli tal-konformità mal-istandards rilevanti tas-sikurezza u tal-implimentazzjoni effettiva tagħhom mill-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza regolatorja tat-trasportatur tal-ajru;

    4.

    kapaċità verifikabbli tal-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza regolatorja tat-trasportatur tal-ajru biex jinfurzaw sistema regolatorja soda;

    5.

    evidenza verifikabbli li s-sorveljanza effettiva tkun qed titwettaq mill-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza regolatorja tat-trasportatur tal-ajru, li tippermetti l-infurzar u r-rispett adegwat tal-istandards rilevanti tas-sikurezza;

    6.

    informazzjoni miġbura permezz tal-proċess TCO, dwar jekk twettaqx monitoraġġ inizjali jew kontinwu mill-Aġenzija;

    7.

    informazzjoni miġbura permezz tal-ispezzjonijiet fir-rampa.


    (1)  Programm Ewropew rigward il-prestazzjoni ta’ spezzjonijiet fir-rampa fuq inġenji tal-ajru użati minn operaturi ta’ pajjiżi terzi (SAFA) jew użati minn operaturi taħt is-sorveljanza regolatorja ta’ Stat Membru ieħor tal-UE (SACA).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 452/2014 tad-29 ta’ April 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet tal-ajru ta’ pajjiżi terzi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 133, 6.5.2014, p. 12).


    Top