Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0657

    Regolament (UE) 2023/657 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi r-regoli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra

    PE/77/2022/REV/1

    ĠU L 83, 22.3.2023, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/657/oj

    22.3.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 83/1


    REGOLAMENT (UE) 2023/657 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-15 ta’ Marzu 2023

    li jistabbilixxi r-regoli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 43(2), 91(1), 100(2), 173(3), 182(5), 188, 189(2) u 207(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Fit-30 ta’ Jannar 2020, il-Kunsill ikkonkluda l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (3) (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”). Dak il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

    (2)

    Fid-29 ta’ April 2021, il-Kunsill ikkonkluda, f’isem l-Unjoni, il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (4) (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”). Dak il-Ftehim ġie applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2021 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021.

    (3)

    Kemm il-Ftehim dwar il-Ħruġ kif ukoll il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedu li Parti tista’ tadotta ċerti miżuri fil-każijiet speċifiċi u soġġett għall-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fih. Dawk il-miżuri jistgħu jinvolvu s-sospensjoni ta’ ċerti obbligi skont il-Ftehim ikkonċernat.

    (4)

    L-Unjoni u r-Renju Unit jistgħu jikkonkludu ftehimiet bilaterali oħra bejniethom li jikkostitwixxu ftehimiet addizzjonali għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u tali ftehimiet addizzjonali huma parti integrali tar-relazzjonijiet bilaterali ġenerali kif irregolati minn dak il-Ftehim u jiffurmaw parti mill-qafas ġenerali. Huwa mfakkar li, f’konformità mal-Artikolu 774(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, dak il-Ftehim la japplika għal Ġibiltà u lanqas ma għandu effetti f’dak it-territorju.

    (5)

    Jekk tinqala’ l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri unilaterali kif previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, inkluż il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq, u l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, jenħtieġ li l-Unjoni tkun f’pożizzjoni, fid-dawl tal-interess ġenerali tal-Unjoni, li tagħmel użu xieraq mill-istrumenti disponibbli għaliha malajr u b’mod proporzjonat, effettiv u flessibbli, filwaqt li tinvolvi bis-sħiħ lill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Unjoni tkun tista’ wkoll tieħu miżuri xierqa jekk rikors effettiv għal soluzzjoni ta’ tilwim vinkolanti skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ jew il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ma jkunx possibbli minħabba li r-Renju Unit ma jikkooperax biex jagħmel tali rikors possibbli. Huwa għalhekk neċessarju li jiġu stabbiliti regoli u proċeduri li jirregolaw l-adozzjoni ta’ tali miżuri.

    (6)

    Huwa mfakkar li l-proċedura għall-adozzjoni ta’ miżuri awtonomi f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) skont dan ir-Regolament hija mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju kontinwu u permanenti mill-Kunsill tal-funzjonijiet tiegħu ta’ tfassil ta’ politika, koordinazzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet mogħtija mit-Trattati sa fejn hija kkonċernata l-implimentazzjoni tal-ftehimiet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.

    (7)

    Sabiex is-setgħat stipulati fl-Artikolu 16(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jingħataw effett, il-proċess intern tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’rabta mal-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni huwa rifless fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2020/135 (6) u (UE) 2021/689 (7). Sabiex il-Kunsill ikun f’pożizzjoni li jeżerċita b’mod sħiħ il-funzjonijiet tiegħu ta’ tfassil ta’ politika, koordinazzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet f’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-Kunsill ikun kontinwament infurmat fuq bażi permanenti u regolari dwar l-implimentazzjoni ta’ dawk il-Ftehimiet, inkluż dwar id-diffikultajiet kollha li jistgħu jinqalgħu, b’mod partikolari ksur possibbli ta’ dawk il-Ftehimiet u sitwazzjonijiet oħra li jistgħu jagħtu lok għal miżuri adottati skont dan ir-Regolament. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-Kunsill jiġi infurmat b’mod debitu u tempestiv dwar ir-reazzjonijiet possibbli li l-Unjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura implimentazzjoni sħiħa u xierqa ta’ dawk il-Ftehimiet, kif ukoll dwar is-segwitu għal kwalunkwe miżura meħuda.

    (8)

    Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew jiġi infurmat minnufih u bis-sħiħ, kif previst fl-Artikolu 218(10) tat-TFUE, biex ikun jista’ jeżerċita bis-sħiħ il-prerogattivi tiegħu f’konformità mat-Trattati. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-Parlament Ewropew fil-ħin dwar id-diffikultajiet kollha li jistgħu jinqalgħu, b’mod partikolari dwar ksur possibbli tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u sitwazzjonijiet oħra li jistgħu jirriżultaw fl-adozzjoni ta’ miżuri skont dan ir-Regolament.

    (9)

    Jenħtieġ li r-regoli u l-proċeduri stipulati f’dan ir-Regolament jieħdu preċedenza fuq kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni adottata abbażi tat-TFUE li tirregola l-istess suġġett.

    (10)

    Sabiex jiġi żgurat li dan ir-Regolament jibqa’ adatt għall-iskop tiegħu, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq, fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu, rieżami tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu u tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Dak ir-rieżami jenħtieġ, fejn xieraq, ikun akkumpanjat bi proposti leġiżlattivi rilevanti.

    (11)

    Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju rapidu, effettiv u flessibbli tad-drittijiet korrispondenti tal-Unjoni skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tadotta l-miżuri meħudin skont dan ir-Regolament u biex tadotta, kif xieraq, miżuri li jirrestrinġu l-kummerċ jew attivitajiet oħra. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jestendu wkoll għall-emenda, is-sospensjoni jew it-tħassir tal-miżuri adottati. Huma jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Minħabba li l-miżuri previsti jinvolvu l-adozzjoni ta’ atti ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali, u li l-parti l-kbira tal-miżuri previsti huma relatati mal-oqsma msemmija fl-Artikolu 2(2), il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament, il-proċedura ta’ eżami jenħtieġ li tintuża għall-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih fejn, f’każijiet debitament ġustifikati, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jirrikjedu dan għall-protezzjoni xierqa tal-interessi tal-Unjoni.

    (12)

    Meta l-Kunsill jiddeċiedi skont l-Artikolu 43(3) tat-TFUE li jissospendi, kompletament jew parzjalment, l-aċċess għall-ilmijiet tal-Unjoni taħt il-Ħames Intestatura tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni minn bastimenti tar-Renju Unit għas-sajd, jenħtieġ li jqis l-effettività ta’ din is-sospensjoni li jwasslu għall-konformità tar-Renju Unit mal-ftehim rilevanti u kwalunkwe kriterju speċifiku stabbilit fih. Jenħtieġ li tali sospensjoni tkun implimentata fir-rigward ta’ bastimenti individwali tar-Renju Unit f’konformità mat-Titolu III tar-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

    (13)

    Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli u proċeduri li jirregolaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, u biex il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-miżuri meħtieġa inklużi, kif xieraq, ir-restrizzjonijiet kummerċjali, l-investiment jew attivitajiet oħra fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. Barra minn hekk, peress li l-Unjoni biss hija Parti fil-Ftehim ta’ Ħruġ u l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-azzjoni fil-livell tad-dritt internazzjonali fir-rigward ta’ dawk il-Ftehimiet tista’ tittieħed biss mill-Unjoni. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli u proċeduri biex jiġi żgurat eżerċizzju effettiv u f’waqtu tad-drittijiet tal-Unjoni fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”) u l-ftehimiet li jissupplimentaw il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

    2.   Dan ir-Regolament japplika għall-miżuri li ġejjin adottati mill-Unjoni:

    (a)

    is-sospensjoni temporanja tat-trattament preferenzjali rilevanti tal-prodott jew prodotti kkonċernat(i) kif stabbilit fl-Artikolu 34 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

    (b)

    miżuri ta’ rimedju u s-sospensjoni tal-obbligi kif stabbilit fl-Artikolu 374 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

    (c)

    miżuri ta’ riekwilibriju u kontromiżuri kif stabbilit fl-Artikolu 411 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

    (d)

    ir-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni, il-limitazzjoni u l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjonijiet operattivi jew il-permessi tekniċi tat-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit, kif ukoll ir-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni, il-limitazzjoni u l-impożizzjoni tal-kundizzjonijiet fuq l-operat ta’ dawk it-trasportaturi tal-ajru, kif stabbilit fl-Artikoli 434(4) u 435(12) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

    (e)

    is-sospensjoni tal-obbligi ta’ aċċettazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 457 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

    (f)

    miżuri ta’ rimedju kif stabbilit fl-Artikolu 469 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

    (g)

    miżuri ta’ kumpens, b’mod partikolari s-sospensjoni tal-obbligi kif stabbilit fl-Artikolu 501 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

    (h)

    miżuri ta’ rimedju u s-sospensjoni tal-obbligi kif stabbilit fl-Artikolu 506 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

    (i)

    is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-applikazzjoni tal-Protokoll I tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni fir-rigward ta’ programm jew attività waħda jew aktar tal-Unjoni adottati abbażi tat-TFUE, jew partijiet minnu, kif stabbilit fl-Artikoli 718 u 719 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

    (j)

    offerta jew aċċettazzjoni ta’ kumpens temporanju jew is-sospensjoni tal-obbligi fil-kuntest ta’ konformità b’segwitu għal proċedura ta’ arbitraġġ jew ta’ grupp ta’ esperti skont l-Artikolu 749 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

    (k)

    miżuri ta’ salvagwardja u miżuri ta’ riekwilibriju kif stabbilit fl-Artikolu 773 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni;

    (l)

    miżuri li jirrestrinġu l-kummerċ, investiment jew attivitajiet oħra fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, jekk l-aġġudikazzjoni ma tkunx possibbli minħabba li r-Renju Unit ma jkunx qed jieħu l-passi li huma neċessarji biex proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim skont dak il-Ftehim jew il-Ftehim dwar il-Ħruġ tiffunzjona, inkluż id-dewmien bla bżonn tal-proċedimenti li jammontaw għal nuqqas ta’ kooperazzjoni fil-proċess;

    (m)

    is-sospensjoni tal-obbligi skont l-Artikolu 178 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fil-kuntest tal-konformità ma’ deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ;

    (n)

    miżuri ta’ rimedju kif stabbilit fl-Artikolu 13 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-Ħruġ;

    (o)

    miżuri ta’ salvagwardja u miżuri ta’ riekwilibriju kif stabbilit fl-Artikolu 16 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-Ħruġ.

    Artikolu 2

    Eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni:

    (a)

    li tadotta l-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tas-sospensjoni, sħiħa jew parzjali, tal-aċċess għall-ilmijiet tal-Unjoni skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni minn bastimenti tar-Renju Unit għas-sajd; u

    (b)

    meta l-miżura tikkonsisti fis-sospensjoni ta’ obbligu skont kull wieħed mill-Ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), li timponi restrizzjonijiet fuq il-kummerċ, l-investiment jew attivitajiet oħra fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim ikkonċernat, li inkella jkunu preklużi mill-obbligu sospiż.

    Fejn xieraq, dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jispeċifikaw it-tul ta’ żmien tal-miżuri adottati.

    2.   Il-miżuri li għandhom jiġu adottati skont dan ir-Regolament għandhom ikunu proporzjonati mal-objettivi segwiti u effettivi f’li jwasslu għall-konformità tar-Renju Unit mal-Ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 1(1). Huma għandhom jikkonformaw mal-kriterji speċifiċi stabbiliti f’dawk il-Ftehimiet.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda, tissospendi jew tħassar il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2) permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Fejn xieraq, dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jispeċifikaw it-tul ta’ żmien tas-sospensjoni.

    4.   Fejn ikun hemm tħassib partikolari ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, dak l-Istat Membru jew dawk l-Istati Membri, jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tadotta l-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2). Jekk il-Kummissjoni ma tweġibx b’mod pożittiv għal tali talba, din għandha tinforma lill-Kunsill fi żmien tempestiv bir-raġunijiet tagħha.

    5.   Jekk, minħabba diverġenzi sinifikanti persistenti, il-miżuri ta’ riekwilibriju msemmija fl-Artikolu 1(2), il-punt (c), ta’ dan ir-Regolament idumu aktar minn sena, Stat Membru wieħed jew aktar jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tattiva l-klawżola ta’ stħarriġ prevista fl-Artikolu 411 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Il-Kummissjoni għandha teżamina dik it-talba fi żmien tempestiv u għandha tikkunsidra li tgħarraf kif xieraq lill-Kunsill ta’ Sħubija dwar dik il-kwistjoni, f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Jekk il-Kummissjoni ma tweġibx b’mod pożittiv għal tali talba, din għandha tinforma lill-Kunsill fi żmien tempestiv bir-raġunijiet tagħha.

    6.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 3(2).

    7.   Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 3(3).

    8.   Meta l-Kunsill jiddeċiedi skont l-Artikolu 43(3) TFUE li jissospendi, kompletament jew parzjalment, l-aċċess għall-ilmijiet tal-Unjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni minn bastimenti tar-Renju Unit għas-sajd, huwa għandu japplika l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 3

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tar-Renju Unit. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ikunu infurmati regolarment u minnufih dwar il-proċedimenti tal-kumitati.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

    4.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu fi kwalunkwe ħin jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ skrutinju f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 4

    Informazzjoni

    1.   Sabiex jingħata effett lis-setgħat tal-Kunsill skont it-Trattati, kif riflessi fid-Deċiżjonijiet (UE) 2020/135 u (UE) 2021/689, il-Kunsill għandu jiġi infurmat kontinwament fuq bażi permanenti u regolari dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

    2.   Sabiex jagħti effett lill-kompetenzi tiegħu skont it-Trattati, il-Parlament Ewropew għandu jinżamm infurmat b’mod immedjat u sħiħ, f’konformità mat-Trattati, sabiex ikun jista’ jeżerċita l-prerogattivi istituzzjonali tiegħu.

    Artikolu 5

    Relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Unjoni

    Dan ir-Regolament għandu japplika minkejja kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni adottata abbażi tat-TFUE li tirregola l-istess suġġett.

    Meta l-Kummissjoni tissottometti r-rapporti annwali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, hija għandha tinkludi wkoll ħarsa ġenerali lejn kwalunkwe lment irċevut relatat mal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, kif ukoll is-segwitu għal tali lmenti, u tal-miżuri adottati skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 6

    Rieżami

    Sat-12 ta’ April 2026, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, akkumpanjat, fejn ikun xieraq, bi proposti leġiżlattivi rilevanti.

    Artikolu 7

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Marzu 2023.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ROSWALL


    (1)  ĠU C 365, 23.9.2022, p. 66.

    (2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Frar 2023 (għadha ma hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2023.

    (3)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

    (4)  ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1).

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2).

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).


    Top