EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0435

Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE

PE/80/2022/REV/1

ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj

28.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 63/1


REGOLAMENT (UE) 2023/435 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Frar 2023

li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175, it-tielet paragrafu, l-Artikolu 177, l-ewwel paragrafu, l-Artikolu 192(1), l-Artikolu 194(2) u l-Artikolu 322(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (il-’Faċilità’), ġrajjiet ġeopolitiċi mingħajr preċedent ikkawżati mill-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna mir-Russja, u ż-żieda fil-gravità tal-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19 ikkawżata direttament u indirettament minnhom, affettwaw konsiderevolment lis-soċjetà u l-ekonomija tal-Unjoni, liċ-ċittadini tagħha u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha. B’mod partikolari, huwa aktar ċar minn qatt qabel li s-sigurtà tal-enerġija u l-indipendenza enerġetika tal-Unjoni huma indispensabbli għal irkupru mill-kriżi tal-COVID-19 li jkun ta’ suċċess, sostenibbli u inklużiv, peress li huma wkoll fatturi ewlenin li jikkontribwixxi għar-reżiljenza tal-ekonomija tal-Unjoni.

(2)

Minħabba r-rabtiet diretti bejn irkupru sostenibbli, il-bini tar-reżiljenza tal-Unjoni u s-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni, it-tnaqqis tad-dipendenza mill-fjuwils fossili, b’mod partikolari mir-Russja, u r-rwol tal-Unjoni fi tranżizzjoni ġusta u inklużiva, il-Faċilità hija strument adattat sew biex jikkontribwixxi għar-rispons tal-Unjoni għal dawk l-isfidi emerġenti. Dan huwa wkoll il-każ fid-dawl tal-leġiżlazzjoni klimatika u ambjentali tal-Unjoni u tal-impenji internazzjonali tal-Unjoni, u b’mod partikolari tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (5).

(3)

Fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles tal-10 u l-11 ta’ Marzu 2022, il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern stiednu lill-Kummissjoni biex sal-aħħar ta’ Mejju tal-istess sena tipproponi pjan REPowerEU biex gradwalment titneħħa d-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjoni ta’ fjuwils fossili Russi, liema stedina ġiet imtennija fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta’ Marzu 2022. Dak l-għan jenħtieġ li jinkiseb ferm qabel l-2030 b’mod li jkun konsistenti mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, stabbilit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019, u mal-objettivi klimatiċi għall-2030 u l-2050 minquxa fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(4)

Il-kapaċità tal-Faċilità li tappoġġa riformi u investimenti ddedikati għad-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija, b’mod partikolari l-fjuwils fossili, kif ukoll li żżid ir-reżiljenza, is-sigurtà u s-sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni, u b’hekk tikkontribwixxi għall-affordabbiltà tal-enerġija u ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Unjoni b’mod parallel ma’ ekonomija miftuħa, jenħtieġ li tiżdied. Biex tilħaq dawk l-objettivi, l-Unjoni jenħtieġ li żżid l-effiċjenza enerġetika u l-affidabbiltà u r-reżiljenza tan-networks tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, li tippromwovi l-flessibbiltà tas-sistema, li timminimizza l-konġestjonijiet, inkluż permezz ta’ żieda fil-kapaċità tal-grilja u tal-ħżin tal-elettriku, li tippromwovi d-diġitalizzazzjoni, u li tiżgura ktajjen tal-provvista reżiljenti, iċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima tal-infrastruttura kollha, filwaqt li tnaqqas id-dipendenzi strateġiċi tal-enerġija.

(5)

Biex jiġu massimizzati l-komplementarjetà, il-konsistenza u l-koerenza tal-politiki u l-azzjonijiet meħuda mill-Unjoni u mill-Istati Membri biex titrawwem l-indipendenza, is-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, jenħtieġ li dawk ir-riformi u l-investimenti relatati mal-enerġija jiġu stabbiliti permezz ta’ “kapitolu REPowerEU” tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza ddedikat għal hekk.

(6)

It-tranżizzjoni effettiva lejn enerġija ekoloġika u t-tnaqqis rapidu fid-dipendenza fuq l-enerġija mill-fjuwils fossili b’mod inklużiv jeħtieġu miżuri biex tingħata spinta lill-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar fil-bini u l-infrastruttura kritika relatata tal-enerġija u biex l-industriji jiġu dekarbonizzati aktar malajr. Huwa essenzjali li jiżdied malajr l-investiment f’miżuri ta’ effiċjenza enerġetika, bħall-użu ta’ soluzzjonijiet sostenibbli u effiċjenti għat-tisħin u t-tkessiħ, li jippreżentaw mezz effettiv biex jiġu indirizzati wħud mill-aktar sfidi urġenti tal-provvista tal-enerġija u l-kost tal-enerġija. Għalhekk, jenħtieġ li jingħata appoġġ ukoll lir-riformi u l-investimenti li jżidu l-effiċjenza enerġetika, li jwasslu għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija - inkluż bl-użu ta’ fjuwils b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, bħall-idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, u bl-użu tal-idroġenu rinnovabbli u fjuwils rinnovabbli oħra ta’ oriġini mhux bijoloġika - u li jżidu l-iffrankar tal-enerġija tal-ekonomiji tal-Istati Membri, f’konformità mal-miri u l-qafas legali tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-klima. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tħeġġeġ, b’mod partikolari, lill-Istati Membri biex fil-kapitoli REPowerEU tagħhom jinkludu miżuri li jappoġġaw id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija.

(7)

Huwa mistenni li t-tneħħija gradwali tad-dipendenza fuq l-importazzjoni ta’ fjuwils fossili Russi twassal għal tnaqqis fid-dipendenza enerġetika ġenerali tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-kapitoli REPowerEU jikkontribwixxu biex tiżdied u tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Unjoni mingħajr ma tiżdied b’mod eċċessiv id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjoni ta’ materja prima minn pajjiżi terzi.

(8)

Fit-tħejjija tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza kif ukoll tal-kapitoli REPowerEU, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkoordinaw il-politiki ekonomiċi tagħhom b’tali mod li jiksbu l-objettivi dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali stipulati fl-Artikolu 174tat-Trattat, bl-għan li jitnaqqsu d-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti, b’attenzjoni partikolari għaż-żoni u l-gżejjer remoti, periferiċi u iżolati, li diġà jġarrbu restrizzjonijiet addizzjonali.

(9)

Biex jiġi mmassimizzat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rispons tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri kollha li jippreżentaw pjan għall-irkupru u r-reżiljenza wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, li jitlob l-użu ta’ finanzjament addizzjonali fil-forma ta’ self, jew, f’konformità mar-regoli l-ġodda li għandhom jiġu stabbiliti skont dan ir-Regolament emendatorju, mill-irkantar tal-kwoti mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jew minn trasferimenti mir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), ikunu meħtieġa jinkludu kapitolu REPowerEU fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom. F’konformità mal-possibbiltà eżistenti, skont ir-Regolament (UE) 2021/241, li jiġi ppreżentat abbozz ta’ pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, u sabiex tiġi żgurata tħejjija xierqa tal-kapitoli REPowerEU, l-Istati Membri jistgħu jippreżentaw abbozz ta’ kapitolu REPowerEU qabel il-preżentazzjoni ta’ pjan modifikat għall-irkupru u r-reżiljenza. Jenħtieġ li jiġi evitat piż amministrattiv mhux meħtieġ.

(10)

Jenħtieġ li l-kapitoli REPowerEU jinkludu riformi u investimenti ġodda, li jibdew mill-1 ta’ Frar 2022, li jikkontribwixxu għall-għanijiet tar-REPowerEU u jindirizzaw l-kriżi kkawżata minn ġrajjiet ġeopolitiċi reċenti,. Madankollu, il-miżuri inklużi diġà fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill adottata li jikkontribwixxu għall-objettivi tar-REPowerEU jistgħu jiġu inklużi fil-kapitolu REPowerEU jekk, wara l-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima, l-Istat Membru kkonċernat ikun soġġett għal tnaqqis tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima tiegħu. F’dak il-każ, l-Istat Membru jenħtieġ li jkun jista’ jinkludi tali miżuri fil-kapitolu REPowerEU tiegħu sa ammont ta’ kostijiet stmati ugwali għat-tnaqqis fil-kontribuzzjoni finanzjarja massima.

(11)

Jenħtieġ li Stat Membru jkun jista’ jinkludi fil-kapitolu REPowerEU tiegħu l-parti msaħħa tal-miżuri inklużi fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill diġà adottata, flimkien mal-istadji importanti u l-miri korrispondenti. Jenħtieġ li dan it-tisħiħ jintroduċi titjib sostantiv fil-livell ta’ ambizzjoni tal-miżuri, kif rifless fit-tfassil jew fil-livell tal-istadji importanti u l-miri korrispondenti, filwaqt li jibni fuq il-miżuri inklużi fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill diġà adottata.

(12)

Jenħtieġ li Stat Membru jippreżenta l-kapitolu REPowerEU tiegħu fil-forma ta’ addendum mal-pjan tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza. Jenħtieġ li l-kapitolu REPowerEU jkun fih spjegazzjoni dwar kif il-miżuri inklużi fih huma koerenti mal-isforzi tal-Istat Membru kkonċernat biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU, filwaqt li jitqiesu l-miżuri inklużi fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill diġà adottata, kif ukoll spjegazzjoni dwar il-kontribut ġenerali ta’ dawk il-miżuri u miżuri komplementari jew ta’ akkumpanjament oħra ffinanzjati fuq livell nazzjonali u ffinanzjati mill-Unjoni għall-objettivi tar-REPowerEU.

(13)

Jenħtieġ li l-kapitoli REPowerEU jikkontribwixxu, fost affarijiet oħra, biex jiżdied is-sehem tal-enerġiji sostenibbli u rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija u biex jiġu indirizzati l-konġestjonijiet fl-infrastruttura tal-enerġija. Fir-rigward tal-infrastruttura tal-gass naturali, jenħtieġ li r-riformi u l-investimenti fil-kapitoli REPowerEU maħsuba biex jiddiversifikaw il-provvista lil hinn mir-Russja jibnu fuq il-bżonnijiet identifikati attwalment permezz tal-valutazzjoni mwettqa u maqbula min-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass, stabbiliti fi spirtu ta’ solidarjetà fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, u jqisu l-ħtiġijiet strateġiċi għas-sigurtà tal-enerġija tal-Istat Membru kkonċernat u l-miżuri ta’ tħejjija msaħħa, inkluż il-ħżin tal-enerġija, meħuda biex ikun hemm adattament għal theddidiet ġeopolitiċi ġodda, mingħajr ma jiddgħajjef il-kontribut fit-tul għat-tranżizzjoni ekoloġika.

(14)

Jenħtieġ li jiżdied kriterju ta’ valutazzjoni xierqa biex iservi bħala bażi biex il-Kummissjoni tivvaluta r-riformi u l-investimenti fil-kapitoli REPowerEU u biex tiżgura li dawk ir-riformi u l-investimenti jkunu adatti biex jintlaħqu l-objettivi speċifiċi REPowerEU. Jenħtieġ li tkun ingħatat klassifikazzjoni A skont dak il-kriterju ta’ valutazzjoni l-ġdid biex il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza rilevanti jiġi vvalutat b’mod pożittiv mill-Kummissjoni.

(15)

L-investimenti fl-infrastruttura u t-teknoloġiji waħedhom mhumiex biżżejjed biex jiżguraw tnaqqis tad-dipendenza tal-fjuwils fossili meta jitqiesu l-iskarsezzi eżistenti ta’ ħaddiema u ħiliet. F’dak il-kuntest, diġa’ huwa possibbli li jiġu ddedikati riżorsi għat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tan-nies, biex il-forza tax-xogħol tiġi mgħammra b’aktar ħiliet ekoloġiċi kif ukoll għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi marbuta mat-tranżizzjoni ekoloġika. L-Istati Membri huma mħeġġa jinvestu aktar fit-taħriġ mill-ġdid u fit-titjib tal-ħiliet, speċjalment għall-ħiliet u t-teknoloġiji ekoloġiċi u diġitali relatati, biex jiżguraw li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura matul it-tranżizzjoni ekoloġika. Meta fil-kapitolu REPowerEU tiegħu Stat Membru jinkludi miżuri relatati mat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tan-nies, il- Kummissjoni jenħtieġ li tqis jekk miżuri bħal dawn jagħtux kontribut sinifikanti għall-kwalifika mill-ġdid tal-forza tax-xogħol lejn ħiliet ekoloġiċi u diġitali relatati.

(16)

Fid-dawl tal-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi tal-enerġija attwali, fejn il-prezzijiet persistentement għoljin u instabbli tal-enerġija qed jaggravaw l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 billi jkomplu jżidu l-piż finanzjarju għall-konsumaturi, b’mod partikolari għal dawk l-aktar vulnerabbli, inkluż l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, u għall-kumpanniji vulnerabbli inkluż impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, u bħala għarfien tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġi inkluż, fil-kapitoli REPowerEU, miżuri li jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod strutturali sitwazzjonijiet ta’ faqar enerġetiku, permezz ta’ riformi u investimenti dejjiema. Jenħtieġ li riformi u investimenti li huma mmirati biex jindirizzaw il-faqar enerġetiku jipprovdu livell ogħla ta’ appoġġ finanzjarju għal skemi ta’ effiċjenza enerġetika, inkluż permezz ta’ strumenti finanzjarji ddedikati, politiki ta’ enerġija nadifa u skemi biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija għal dawk l-unitajiet domestiċi u l-kumpanniji inkluż impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju li jiffaċċjaw diffikultajiet serji minħabba kontijiet għoljin tal-enerġija.

(17)

Jenħtieġ li l-miżuri għat-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija meħuda mill-Istati Membri jinċentivaw l-investimenti fl-iffrankar tal-enerġija.

(18)

Jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan ir-reġim il-ġdid dwar il-kapitoli tar-REPowerEU tkun mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti legali l-oħrajn kollha skont ir-Regolament (UE) 2021/241, sakemm mhux ipprovdut mod ieħor.

(19)

Jenħtieġ li l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha identifikati fir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiżi, jew subsett sinifikanti minnhom, inkluż ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi adottati fil-qafas taċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2022 li jirreferu, fost oħrajn, għall-isfidi tal-enerġija li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri.

(20)

Tranżizzjoni effettiva lejn enerġija ekoloġika u tnaqqis fid-dipendenza enerġetika jinvolvu investimenti diġitali sinifikanti. Fid-dawl tar-Regolament (UE) 2021/241, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu spjegazzjoni dwar kif il-miżuri fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż dawk fil-kapitolu REPowerEU, mistennija jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni diġitali u jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw minnha u jekk jikkostitwixxux ammont li jikkontribwixxi għall-mira diġitali fuq il-bażi tal-metodoloġija għall-ittaggjar diġitali. Madankollu, minħabba l-urġenza bla preċedent u l-importanza tal-isfidi tal-enerġija li qed tiffaċċja l-Unjoni, jenħtieġ li r-riformi u l-investimenti fil-kapitolu REPowerEU ma jitqisux waqt il-kalkolu tal-allokazzjoni totali tal-pjan għall-fini tal-applikazzjoni tar-rekwiżit tal-mira diġitali stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/241. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jinkludu fil-kapitoli REPowerEU, kemm jista’ jkun possibbli, miżuri li jikkontribwixxu għall-mira diġitali abbażi tal-metodoloġija għall-ittaggjar diġitali.

(21)

Proċeduri amministrattivi twal huma wħud mill-ostakli ewlenin għall-varar ta’ ta’ enerġija rinnovabbli. Dawk l-ostakli jinkludu l-kumplessità tar-regoli applikabbli għall-għażla tas-siti u l-awtorizzazzjonijiet amministrattivi għall-proġetti, il-kumplessità u d-durata tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali tal-proġetti, kwistjonijiet ta’ konnessjoni mal-grilja, u nuqqasijiet ta’ persunal tal-awtoritajiet li jagħtu l-permessi jew tal-operaturi tal-grilja. Jenħtieġu aktar simplifikazzjoni u tħaffif tal-proċessi tal-għoti tal-permessi amministrattivi għall-enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura tal-grilja tal-elettriku relatata biex jiġi żgurat li l-Unjoni tilħaq il-miri tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Saru rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri fil-kuntest tas-Semestru Ewropew 2022 biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli. Kif imħabbar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2022, bit-titolu “Il-Pjan REPowerEU”, il-Kummissjoni pproponiet li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) dwar l-enerġija minn sorsi rinnovabbli, bl-għan li tistabbilixxi proċess aktar rapidu ta’ għoti ta’ permessi għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 (10), li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli, introduċa regoli ta’ emerġenza temporanji.

(22)

Skont l-Artikolu 18(4), il-punt (q), tar-Regolament (UE) 2021/241, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu sommarju tal-proċess ta’ konsultazzjoni, imwettaq f’konformità mal-oqfsa legali nazzjonali, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali u partijiet interessati rilevanti oħra kkonċernati bl-implimentazzjoni tal-pjanjiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom. Jenħtieġ li dik il-konsultazzjoni tiġi kkomplementata biex jiġu indirizzati r-riformi u l-investimenti li ser ikunu inklużi fil-kapitolu potenzjali REPowerEU, b’mod li jagħti biżżejjed żmien lill-partijiet interessati biex jirreaġixxu filwaqt li tiżgura finalizzazzjoni rapida tal-kapitolu REPowerEU mill-Istat Membru kkonċernat. Jenħtieġ li s-sommarju aġġornat jistabbilixxi l-partijiet interessati kkonsultati, jispjega l-eżitu tal-konsultazzjoni komplementari u jiddeskrivi kif il-kontribut riċevut mill-partijiet interessati ġie rifless fil-kapitoli REPowerEU.

(23)

L-applikazzjoni tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) (il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”) hija essenzjali biex tiżgura li r-riformi u l-investimenti mwettqa bħala parti mill-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19 jiġu implimentati b’mod sostenibbli. Jenħtieġ li din tkompli tapplika għar-riformi u l-investimenti appoġġati mill-Faċilità, b’eżenzjoni mmirata waħda biex jiġi indirizzat it-tħassib immedjat tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-enerġija. Meta jitqies l-objettiv li l-provvisti tal-enerġija jiġu ddiversifikati lil hinn mill-fornituri Russi, jenħtieġ li r-riformi u l-investimenti msemmija fil-kapitoli REPowerEU li huma neċessarji għat-titjib tal-infrastruttura u l-faċilitajiet tal-enerġija biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet immedjati tas-sigurtà tal-provvista għall- gass ikunu eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju fl-ambitu tal-Faċilità anki jekk ma jkunux konformi mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”. Bħala regola, l-infrastruttura u l-faċilitajiet taż-żejt huma esklużi mill-kapitolu REPowerEU. B’deroga, Stat Membru li kien soġġett għad-deroga temporanja eċċezzjonali fl-Artikolu 3m(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 (12) sad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju, minħabba d-dipendenza speċifika fuq iż-żejt mhux maħdum u s-sitwazzjoni ġeografika tiegħu, jenħtieġ li jkun jista’ jinkludi fil-kapitolu REPowerEU l-infrastruttura u l-faċilitajiet taż-żejt meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet immedjati tas-sigurtà tal-provvista.

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk il-miżuri li mistennija jindirizzaw il-ħtiġijiet immedjati tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija humiex eliġibbli għad-deroga mill-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”. Għall-fini ta’ dik il-valutazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis, fost kundizzjonijiet oħra, ir-riskju ta’ effetti ta’ intrappolament u n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi aktar nodfa, teknoloġikament u ekonomikament fattibbli li jistgħu jiġu varati fi skeda ta’ żmien komparabbli. Jenħtieġ li tali valutazzjoni tkun proporzjonata, filwaqt li titqies l-urġenza li jinkisbu l-objettivi tar-REPowerEU. F’każ ta’ dubju, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ titlob lill-Istati Membri biex jipprovdu l-informazzjoni rilevanti li tappoġġa l-valutazzjoni. L-evalwazzjoni ta’ alternattivi aktar nodfa jenħtieġ li titwettaq f’limiti raġonevoli.

(24)

Jenħtieġ li l-miżuri kollha fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza jittieħdu f’konformità mal-acquis ambjentali tal-Unjoni u nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u l-protezzjoni tan-natura. Għall-miżuri li jibbenefikaw mid-deroga mill-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, jenħtieġ li l-Istati Membri jwettqu sforzi sodisfaċenti biex jillimitaw il-ħsara potenzjali għall-objettivi ambjentali skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852, fejn ikun fattibbli, u jtaffu l-ħsara permezz ta’ miżuri oħra, inkluż miżuri fil-kapitoli REPowerEU.

(25)

Jenħtieġ li l-kapitoli REPowerEU jkunu konsistenti mal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima tal-Istati Membri u mal-miri klimatiċi tal-Unjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119.

(26)

Fid-dawl tal-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala l-istrateġija tat-tkabbir sostenibbli tal-Ewropa u l-importanza li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima f’konformità mal-impenji tal-Unjoni biex timplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Faċilità għandha tikkontribwixxi biex jiġu integrati l-azzjoni dwar il-klima u s-sostenibbiltà ambjentali u biex tintlaħaq il-mira ġenerali ta’ 30 % tan-nefqa tal-baġit tal-Unjoni li tappoġġa objettivi klimatiċi. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-miżuri appoġġati mill-Faċilità u inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż il-bijodiversità, jew biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw minnha, u jenħtieġ li l-miżuri jammontaw għal ammont li jirrappreżenta mill-inqas 37 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u għal mill-inqas 37 % tal-kostijiet totali stmati tal-miżuri fil-kapitolu REPowerEU abbażi tal-metodoloġija għat-trekkjar klimatiku mogħtija fl-Anness VI għar-Regolament (UE) 2021/241. Dik il-metodoloġija jenħtieġ li tintuża kif xieraq għall-miżuri li ma jistgħux jiġu assenjati direttament għal qasam ta’ intervent elenkat f’ dak l-Anness. Jekk l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni jaqblu, jenħtieġ li jkun possibbli li l-koeffiċjenti għall-appoġġ għall-objettivi klimatiċi jiżdiedu għal 40 % jew 100 % għal investimenti individwali, kif spjegat fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jitqiesu l-miżuri ta’ riforma akkumpanjanti li jżidu b’mod kredibbli l-impatt tagħhom fuq l-objettivi klimatiċi. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jkun possibbli li l-koeffiċjenti għall-appoġġ għall-objettivi klimatiċi jiżdiedu sa ammont totali ta’ 3 % tal-allokazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal investimenti individwali. Jenħtieġ li l-Faċilità tappoġġa attivitajiet li jirrispettaw bis-sħiħ l-istandards u l-prijoritajiet klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni u l-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”.

(27)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jinkludu fil-kapitoli REPowerEU, fejn ikun rilevanti, miżuri li jkollhom dimensjoni jew effett transfruntier jew jinvolvu diversi pajjiżi, kif identifikat fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet l-aktar reċenti tal-Kummissjoni, li jikkontribwixxu, fost affarijiet oħra, għall-ġenerazzjoni ta’ valur miżjud Ewropew. Jenħtieġ li jitqies ukoll li l-miżuri mwettqa fi Stat Membru wieħed jista’ jkollhom effetti konsegwenti fi Stati Membri oħra. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kmieni kemm jista’ jkun bil-ħsieb li jiġu żviluppati miżuri b’dimensjoni jew effett transfruntier jew li jinvolvu diversi pajjiżi biex jiġu inklużi fil-kapitoli REPowerEU. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistinkaw biex jiżguraw li dawk il-miżuri jammontaw għal ammont li jirrappreżenta mill-inqas 30 % tal-kostijiet stmati tal-miżuri fil-kapitolu REPowerEU. Minbarra l-miżuri b’dimensjoni jew effett transfruntier jew li jinvolvu diversi pajjiżi, il-miżuri f’livell nazzjonali li jikkontribwixxu biex jiżguraw il-provvista tal-enerġija fl-Unjoni kollha kemm hi, f’konformità mal-objettivi tar-REPowerEU, b’mod partikolari fir-rigward tal-indirizzar tal-konġestjonijiet eżistenti f’termini ta’ trażmissjoni, distribuzzjoni u ħżin tal-enerġija, kif identifikati fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet l-aktar reċenti tal-Kummissjoni, u b’hekk jiżdied il-potenzjal għaċ-ċirkolazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri, jenħtieġ li jitqiesu li għandhom dimensjoni jew effett transfruntier jew li jinvolvu diversi pajjiżi. Jenħtieġ li l-miżuri li jnaqqsu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u jnaqqsu d-domanda għall-enerġija jitqiesu wkoll li għandhom effett transfruntier pożittiv peress li jilliberaw aktar kapaċità jew provvista għall-Istati Membri l-oħra.

(28)

Jenħtieġ li jiżdied kriterju ta’ valutazzjoni xieraq biex iservi bħala bażi biex il-Kummissjoni tivvaluta d-dimensjoni jew effett transfruntier jew li jinvolvu diversi pajjiżi tar-riformi u l-investimenti fil-kapitoli REPowerEU.

(29)

Jenħtieġ li jiġu pprovduti aktar inċentivi biex l-Istati Membri jitolbu appoġġ fil-forma ta’ self biex jiżguraw l-użu tal-fondi disponibbli mill-Istati Membri filwaqt li jikkonformaw mal-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni bl-aktar mod ċar possibbli, sa mhux aktar tard minn 30 jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jekk għandhomx l-intenzjoni li jissottomettu talba għal appoġġ fil-forma ta’ self. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, simultanjament, b’termini ugwali u mingħajr dewmien żejjed, ħarsa ġenerali lejn l-intenzjonijiet li esprimew l-Istati Membri u t-triq ’il quddiem proposta għad-distribuzzjoni tar-riżorsi disponibbli. Il-komunikazzjoni ta’ intenzjoni jenħtieġ li ma tippreġudikax il-kapaċità tal-Istati Membri li jitolbu appoġġ fil-forma ta’ self sal-31 ta’ Awwissu 2023 skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2021/241, inkluż fil-każ ta’ talbiet ’il fuq minn 6,8 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) fejn japplikaw il-kondizzjonijiet rilevanti. Jenħtieġ li dan ma jippreġudikax wkoll id-dħul fil-ftehim ta’ self korrispondenti mill-Kummissjoni wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill rilevanti.

(30)

L-Istati Membri huma mħeġġa jippreżentaw il-kapitoli REPowerEU malajr kemm jista’ jkun u preferibbilment sa xahrejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju. F’konformità mal-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta l-pjan modifikat għall-irkupru u r-reżiljenza ppreżentat mill-Istat Membru fi żmien xahrejn u tagħmel proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill. Minħabba l-urġenza tal-isfidi li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistinka biex tikkonkludi l-valutazzjoni tal-pjanijiet modifikati għall-irkupru u r-reżiljenza mingħajr dewmien żejjed.

(31)

Barra minn hekk, biex jiġi inċentivat livell għoli ta’ ambizzjoni għar-riformi u l-investimenti biex jiġu inklużi fil-kapitolu REPowerEU, jenħtieġ li jiġu pprovduti sorsi ta’ finanzjament dedikati ġodda.

(32)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 (13) jintroduċi kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għall-kumpanniji u l-istabbilimenti permanenti tal-Unjoni b’attivitajiet fis-setturi taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji applikabbli fl-Istati Membri kollha. L-Istati Membri huma mistiedna jużaw proporzjon tar-rikavati ġġenerati minn dik il-kontribuzzjoni temporanja biex irawmu sinerġiji u komplementarjetajiet mar-riformi u l-investimenti fil-kapitoli REPowerEU tagħhom b’mod koerenti, għall-finanzjament ta’ miżuri li għandhom jiġu implimentati fil-livell nazzjonali f’konformità mal-objettivi tar-REPowerEU.

(33)

Is-sitwazzjoni ekonomika u ġeopolitika attwali teħtieġ li l-Unjoni timmobilizza r-riżorsi disponibbli biex tiddiversifika b’mod rapidu l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni u biex tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili qabel l-2030. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li d-Direttiva 2003/87/KE tippermetti monetizzazzjoni eċċezzjonali bl-irkantar ta’ porzjon tal-kwoti mill-fond għall-innovazzjoni u tal-kwoti allokati lill-Istati Membri, ħlief il-kwoti distribwiti għall-finijiet ta’ solidarjetà, tkabbir u interkonnessjonijiet, u jenħtieġ li tidderieġi d-dħul lejn riformi u investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi tar-REPowerEU, fil-qafas tal-Faċilità. L-irkantar tal-kwoti mill-fond ta’ -innovazzjoni u ta’ kwoti allokati lill-Istati Membri jenħtieġ li wkoll jiġi kkonċentrat fil-bidu. Jenħtieġ li porzjon tal-kwoti mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq li altrimenti jiġi invalidat jintuża għar-riforniment tal-fond għall-innovazzjoni.

(34)

Fil-kuntest tal-intervent ta’ emerġenza tal-Unjoni biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija li jirriżultaw mill-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, jenħtieġ li miżuri temporanji eċċezzjonali mmirati taħt il-qafas tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020 li huma stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), permezz ta’ użu flessibbli tar-riżorsi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE), u mill-Fond ta’ Koeżjoni, jgħinu lil impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) partikolarment affettwati miż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, kif ukoll lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli, biex ikopru l-kostijiet tal-enerġija mġarrba u mħallsa sa mill-1 ta’ Frar 2022. Tali appoġġ huwa għalkollox konformi mal-objettivi tar-REPowerEU.

(35)

B’mod partikolari, jenħtieġ li l-FEŻR jintuża b’mod eċċezzjonali biex jipprovdi appoġġ ta’ kapital operatorju lill-SMEs partikolarment affettwati miż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. L-appoġġ lill-SMEs partikolarment affettwati miż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, jenħtieġ li jkun proporzjonat u jirrispetta r-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-FSE jintuża b’mod eċċezzjonali biex jipprovdi appoġġ lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli, kif definiti f’regoli nazzjonali, biex jgħinhom ilaħħqu mal-kostijiet tal-konsum tal-enerġija tagħhom anki fin-nuqqas ta’ miżuri li jżidu l-impjegabbiltà tal-persuni appoġġati, jiġifieri, miżuri attivi. Dawk huma miżuri eċċezzjonali strettament meħtieġa biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-enerġija li tirriżulta mill-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja konta l-Ukrajna. Huma jiżguraw li n-nies appoġġati jkollhom aċċess għas-servizzi essenzjali, u b’hekk jikkontribwixxu wkoll għall-kundizzjonijiet li jwasslu għal saħħa tajba li huma meħtieġa biex jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol. L-appoġġ jista’ jiġi pprovdut mil-FEŻR, l-FSE u l-Fond ta’ Koeżjoni b’mod interkambjabbli. Barra minn hekk, minbarra l-FSE, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġi wżat l-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni biex jappoġġaw miżuri għaż-żamma tal-impjiegi permezz ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u skemi ekwivalenti, inkluż appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom. Skemi bħal dawn għandhom l-għan li jipproteġu lill-impjegati u lil dawk li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju tal-qgħad. Ir-riżorsi allokati għal skemi bħal dawn iridu jintużaw esklużivament bħala appoġġ lill-ħaddiema u lil dawk li jaħdmu għal rashom. L-appoġġ tal-Unjoni għal tali skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u ekwivalenti jenħtieġ li jkun għal perjodu limitat. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li jintużaw ir-riżorsi REACT-EU msemmija fl-Artikolu 92a tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għal dawk it-tliet tipi ta’ appoġġ sabiex jissaħħu l-isforzi kontinwi tal-Istati Membri lejn l-irkupru reżiljenti tal-ekonomiji tagħhom wara l-kriżi tal-COVID-19.

(36)

Jenħtieġ li arranġamenti speċifiċi ta’ programmazzjoni jippermettu li r-riżorsi jiġu pprogrammati esklużivament fi ħdan assi prijoritarji ddedikati u jikkontribwixxu għal prijoritajiet speċifiċi ta’ investiment. Sabiex jiġi offrut appoġġ sinifikanti lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex irażżnu l-effetti tal-kriżi tal-enerġija, jenħtieġ li l-Istati Membri jibbenefikaw eċċezzjonalment minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % li tiġi applikata għall-assi prijoritarji ddedikati tal-programmi operazzjonali li jipprovdu tali appoġġ esklużivament sa tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Dawk il-miżuri limitati u mmirati jenħtieġ li jikkomplementaw l-interventi strutturali fil-politika ta’ koeżjoni li jappoġġaw il-produzzjoni ta’ enerġija nadifa u l-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija. Sabiex jittieħed kont tar-restrizzjonijiet baġitarji tal-Unjoni, jenħtieġ li l-pagamenti mill-Kummissjoni għal operazzjonijiet bħal dawn fl-ambitu tal-prijoritajiet iddedikati jkollhom limitu massimu ta’ EUR 5 000 000 000 fl-2023.

(37)

Sabiex l-Istati Membri u r-reġjuni jingħataw biżżejjed flessibbiltà biex jindirizzaw l-isfidi emerġenti l-ġodda, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) jipprovdi lill-Istati Membri bil-possibbiltà li jitolbu sa 7,5 % tar-riżorsi fl-ambitu tal-FEŻR, l-Fond Soċjali Ewropew Plus+ u l-Fond ta’ Koeżjoni biex jikkontribwixxu għall-objettivi tar-REPowerEU. Jenħtieġ li jkun possibbli li dawk il-Fondi jipprovdu appoġġ għall-objettivi tar-REPowerEU meta tali appoġġ ikun fl-ambitu tal-Fond ikkonċernat, jikkontribwixxi għall-objettivi speċifiċi tiegħu u jikkonforma mar-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2021/1060 u r-Regolament speċifiku għall-Fond rilevanti, inkluż il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”.

(38)

L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jittrasferixxu l-allokazzjoni proviżorja tagħhom kollha jew parti minnha mir-riżorsi tar-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit għall-Faċilità. Il-kriżi tal-COVID-19, aggravata mit-theddida għas-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni, aggravat ir-riperkussjonijiet negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fl-Istati Membri, inkluż ir-reġjuni u l-komunitajiet lokali tagħhom, u s-setturi, b’mod partikolari f’dawk li huma l-aktar milquta ħażin minn dak il-ħruġ. Il-miżuri li jridu jiġu ffinanzjati mir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit u r-riformi u l-investimenti li jridu jiġu ffinanzjati mill-Faċilità jistgħu jservu skopijiet simili u jkollhom kontenut simili. Kemm ir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit kif ukoll il-Faċilità fl-aħħar mill-aħħar għandhom l-għan li jtaffu l-impatti negattivi fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. F’dak il-kuntest, filwaqt li r-riformi u l-investimenti li jaqgħu taħt il-Faċilità primarjament ikollhom l-għan li jindirizzaw il-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija, dawn jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-ġlieda kontra l-konsegwenzi mhux previsti u negattivi fl-Istati Membri u s-setturi li huma l-aktar affettwati mill-Brexit. Fl-aħħar nett, l-impenji u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament li jaqgħu kemm taħt ir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit kif ukoll taħt il-Faċilità jiddaħħlu ‘l fuq mil-limiti massimi tal-qafas finanzjarju pluriennali. F’dak ix-xenarju, u b’kont meħud tat-tfixkil fis-suq dinji tal-enerġija kkawżat mill-iżviluppi ġeopolitiċi l-aktar reċenti, huwa xieraq li tiġi pprovduta flessibbiltà lill-Istati Membri billi jitħallew isiru trasferimenti mir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit għall-Faċilità, li jippermettu li jiġu indirizzati l-objettivi tat-tnejn li huma, u fl-aħħar mill-aħħar li jwasslu għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

(39)

L-iżborżi ta’ finanzjament addizzjonali lill-Istati Membri li jinkludi kapitolu tar-REPowerEU fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom jenħtieġ li jsiru skont ir-regoli tal-Faċilità sa tmiem l-2026.

(40)

Talba, ippreżentata fil-pjan ta’ rkupru u reżiljenza, għal finanzjament iddedikat, inkluż allokazzjoni mill-irkantar tal-kwoti tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet skont id-Direttiva 2003/87/KE, trasferimenti ta’ riżorsi mill- FEŻR, il-Fond Soċjali Ewropew Plus jew il-Fond ta’ Koeżjoni rregolati mill-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2021/1060 u t-trasferimenti ta’ riżorsi mir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit, għall-miżuri li jinsabu fil-kapitolu tar-REPowerEU jenħtieġ li tirrifletti ħtieġa finanzjarja akbar marbuta ma’ riformi u investimenti addizzjonali inklużi f’dak il-kapitolu.

(41)

Sabiex jiġi żgurat li appoġġ finanzjarju jiġi kkonċentrat fil-bidu biex jingħata rispons aħjar għall-kriżi attwali tal-enerġija, jenħtieġ li jkun possibbli li, fuq talba ta’ Stat Membru li tiġi ppreżentata flimkien mal-kapitolu REPowerEU fi pjan modifikat għall-irkupru u r-reżiljenza, jista’ jitħallas ammont mill-finanzjament addizzjonali meħtieġ biex jiffinanzja l-miżuri tal-kapitolu REPowerEU fil-forma ta’ żewġ pagamenti ta’ prefinanzjament.

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, sa fejn ikun possibbli, tagħmel l-ewwel pagament ta’ prefinanzjament fi żmien xahrejn li tidħol fl- impenn legali għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2021/241, u t-tieni pagament ta’ prefinanzjament fi żmien 12-il xahar mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza li jinkludi kapitolu REPowerEU. Jenħtieġ li dawk l-pagamenti jkunu soġġetti għal riżorsi disponibbli, b’mod partikolari d-disponibbiltà ta’ fondi mill-kont tan-NextGenerationEU, ta’ fondi approvati fil-baġit annwali tal-Unjoni u tad-dħul miksub mill-irkantar tal-kwoti tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet skont id-Direttiva 2003/87/KE, u għal trasferiment effettiv minn qabel ta’ riżorsi taħt programmi ta’ ġestjoni kondiviża, jekk jintalab.

(42)

Sabiex ikun hemm konformità mal-limiti massimi tal-pagamenti tal-qafas finanzjarju pluriennali, jenħtieġ li jiġi stabbilit limitu massimu għall-pagamenti li jikkorrispondi għall-prefinanzjament għall-ammonti trasferiti skont ir-Regolament (UE) 2021/1060.

(43)

Jenħtieġ li jsir monitoraġġ mill-Kummissjoni tal-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti deskritti fil-kapitolu REPowerEU u tal-kontribut tagħhom għall-objettivi tar-REPowerEU u li hija tipprovdi informazzjoni fir-rigward tiegħu, b’mod partikolari permezz ta’ skambji matul id-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza, permezz ta’ rapportar fit-tabella ta’ valutazzjoni għall-irkupru u r-reżiljenza, u permezz ta’ taqsima ddedikata fir-rapport annwali li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(44)

Il-ġrajjiet ġeopolitiċi reċenti affettwaw b’mod konsiderevoli l-prezzijiet tal-enerġija, tal-ikel u tal-materjali tal-kostruzzjoni u kkawżaw ukoll skarsezzi fil-ktajjen tal-provvista dinjija, irriżultaw f’inflazzjoni akbar u ġġeneraw sfidi ġodda, inkluż ir-riskju tal-faqar enerġetiku u tal-għoli tal-ħajja. Rispons għal dawk l-isfidi jista’ jiġi rikjest. Jista’ jkun lidawk l-iżviluppi jkollhom impatt dirett fuq il-kapaċità li jiġu implimentati l-miżuri fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza. Sakemm l-Istati Membri jistgħu juru li żviluppi ta’ dan it-tip iwasslu biex stadju importanti jew mira speċifika ma jkunux għadhom jistgħu jintlaħqu, għalkollox jew parzjalment, sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġu invokati bħala ċirkostanzi oġġettivi skont ir-Regolament (UE) 2021/241. Barra minn hekk, sakemm dawk l-Istati Membri jistgħu juru li l-kisba ta’ stadju importanti jew mira speċifika jkunu f’konflitt mal-kisba tal-objettivi tar-REPowerEU, sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu wkoll jiġu invokati bħala ċirkostanzi oġġettivi skont dak ir-Regolament. Barra minn hekk, jenħtieġ li ebda talba għal emendi ma timmina l-implimentazzjoni ġenerali tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż l-isforzi għar-riforma u l-investiment tal-Istati Membri.

(45)

Jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) 2021/241, (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755. u d-Direttiva 2003/87/KE jiġu emendati skont dan.

(46)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2021/241

Ir-Regolament (UE) 2021/241 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   F’konformità mas-sitt pilastri msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, il-koerenza u s-sinerġiji li jiġġeneraw, u fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, l-objettiv ġenerali tal-Faċilità għandu jkun li tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni billi ttejjeb ir-reżiljenza, it-tħejjija għall-kriżijiet, il-kapaċità ta’ aġġustament u l-potenzjal ta’ tkabbir tal-Istati Membri, billi ttaffi l-impatt soċjali u ekonomiku ta’ dik il-kriżi, b’mod partikolari fuq in-nisa, billi tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, billi tappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika, billi tikkontribwixxi għall-ksib tal-miri klimatiċi tal-2030 tal-Unjoni stabbiliti fil-punt (11) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2018/1999, billi tikkonforma mal-objettiv ta’ newtralità klimatika tal-UE sal-2050 u tat-tranżizzjoni diġitali, u billi żżid ir-reżiljenza, is-sigurtà u s-sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni permezz tat-tnaqqis meħtieġ fid-dipendenza mill-fjuwils fossili u d-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni, inkluż permezz ta’ żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli, fl-effiċjenza enerġetika u fil-kapaċità tal-ħżin tal-enerġija,u b’hekk tikkontribwixxi għall-konverġenza ekonomika u soċjali ‘l fuq, għall-ksib mill-ġdid u l-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli u l-integrazzjoni tal-ekonomiji tal-Unjoni, trawwem il-ħolqien ta’ impjieg ta’ kwalità għolja, u tikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni flimkien ma’ ekonomija miftuħa u tiġġenera valur miżjud Ewropew.”;

(2)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-Faċilità għandha tappoġġa biss il-miżuri li jirrispettaw il-prinċipju ‘la tagħmilx ħsara sinifikanti’, ligħandu japplika wkoll għall-miżuri fil-kapitoli REPowerEU, sakemm mhux speċifikat mod ieħor f’dan ir-Regolament.”;

(3)

L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

meta jkun applikabbli, ir-riformi u l-investimenti f’konformità mal-Artikolu 21c.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-appoġġ fil-forma ta’ self għall-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istat Membru kkonċernat ma għandux ikun ogħla mid-differenza bejn il-kostijiet totali tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif riveduti fejn rilevanti, u l-kontribuzzjoni finanzjarja massima msemmija fl-Artikolu 11, inkluż, fejn rilevanti, id-dħul imsemmi fl-Artikolu 21a kif ukoll ir-riżorsi trasferiti minn programmi ta’ ġestjoni kondiviża.”;

(c)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   B’deroga mill-paragrafu 5, soġġett għad-disponibbiltà tar-riżorsi, f’ċirkostanzi eċċezzjonali l-ammont tal-appoġġ fil-forma ta’ self jista’ jiżdied, b’kont meħud tal-ħtiġijiet tal-Istat Membru rikjedenti, kif ukoll tat-talbiet għal appoġġ fil-forma ta’ self diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza. Biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ dawk il-prinċipji, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Marzu 2023, jekk għandhomx l-intenzjoni li jitolbu appoġġ fil-forma ta’ self. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, simultanjament, b’termini ugwali u mingħajr dewmien żejjed, ħarsa ġenerali lejn l-intenzjonijiet li esprimew l-Istati Membri u lejn it-triq ’il quddiem proposta għad-distribuzzjoni tar-riżorsi disponibbli. Dik il-komunikazzjoni tal-intenzjoni biex titlob appoġġ fil-forma ta’ self ma għandhiex tippreġudika l-kapaċità tal-Istati Membri li jitolbu appoġġ fil-forma ta’ self sal-31 ta’ Awwissu 2023, inkluż fil-każ ta’ talbiet ’il fuq minn 6,8 % tal-ING, fejn japplikaw il-kondizzjonijiet rilevanti. Dan ma għandux jippreġudika d-dħul fil-ftehim ta’ self korrispondenti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill rilevanti.”

(4)

Fl-Artikolu 17, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-miżuri mibdija mill-1 ta’ Frar 2020 ’il quddiem għandhom ikunu eliġibbli dment li jikkonformaw mar-rekwiżiti mogħtija f’dan ir-Regolament.

Madankollu, ir-riformi u l-investimenti l-ġodda msemmija fl-Artikolu 21c(1) għandhom ikunu eliġibbli biss meta jibdew mill-1 ta’ Frar 2022 ’il quddiem.”;

(5)

L-Artikolu 18(4) huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ca)

spjegazzjoni dwar kif il-kapitolu REPowerEU jikkontribwixxi għall-indirizzar tal-faqar enerġetiku, inkluż, fejn rilevanti, l-għoti ta’ prijorità adegwata lill-ħtiġijiet ta’ dawk affettwati mill-faqar enerġetiku, kif ukoll lit-tnaqqis tal-vulnerabbiltajiet matul l-istaġuni tax-xitwa li ġejjin;”;

(b)

il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

spjegazzjoni kwalitattiva dwar kif il-miżuri fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza mistennija jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż il-bijodiversità, jew biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw minnha, jekk jammontawx għal ammont li jirrappreżenta mill-inqas 37 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u jekk il-miżuri ta’ dak it-tip fil-kapitolu REPowerEU jammontawx għal ammont li jirrappreżenta mill-inqas 37 % tal-kostijiet totali stmati tal-miżuri inklużi f’dak il-kapitolu, abbażi tal-metodoloġija għat-trekkjar klimatiku mogħtija fl-Anness VI; dik il-metodoloġija għandha tintuża kif xieraq għal miżuri li ma jistgħux jiġu assenjati direttament għal qasam ta’ intervent elenkat fl-Anness VI; il-koeffiċjenti għall-appoġġ għall-objettivi klimatiċi jistgħu jiżdiedu sa ammont totali ta’ 3 % tal-allokazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal investimenti individwali biex jitqiesu l-miżuri ta’ riforma ta’ akkumpanjament li jżidu b’mod kredibbli l-impatt tagħhom fuq l-objettivi klimatiċi kif spjegat fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza;”;

(c)

il-punt (h) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(h)

indikazzjoni ta’ jekk il-miżuri inklużi fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludux proġetti transfruntiera jew li jinvolvu diversi pajjiżi, spjegazzjoni dwar kif il-miżuri rilevanti fil-kapitolu REPowerEU, inkluż il-miżuri li jindirizzaw l-isfidi identifikati fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet l-aktar reċenti tal-Kummissjoni, għandhom dimensjoni jew effett transfruntier jew li jinvolvi diversi pajjiżi, u indikazzjoni dwar jekk il-kostijiet totali ta’ dawk il-miżuri jammontawx għal ammont li jirrappreżenta mill-inqas 30 % tal-kostijiet stmati tal-kapitolu REPowerEU;”;

(d)

il-punt (q) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(q)

għat-tħejjija u, fejn disponibbli, għall-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, sommarju tal-proċess ta’ konsultazzjoni, imwettqa skont il-qafas legali nazzjonali, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u kif il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati huwa rifless fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, b’dak is-sommarju li għandu jiġi kkomplimentat, fejn ġie inkluż kapitolu REPowerEU, billi jiġu mniżżlin il-partijiet interessati kkonsultati, minn deskrizzjoni tal-eżitu tal-proċess ta’ konsultazzjoni fir-rigward ta’ dak il-kapitolu, u b’deskrizzjoni dwar kif il-kontribut riċevut ġie rifless fih;”;

(6)

L-Artikolu 19(3) huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(da)

jekk il-kapitolu REPowerEU fihx riformi u investimenti msemmija fl-Artikolu 21c li jikkontribwixxu b’mod effettiv għas-sigurtà tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, iż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika, iż-żieda fil-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija jew it-tnaqqis meħtieġ tad-dipendenza mill-fjuwils fossili qabel l-2030;

(db)

jekk il-kapitolu REPowerEU fihx ir-riformi u l-investimenti msemmija fl-Artikolu 21c li huma mistennija jkollhom dimensjoni jew effett transfruntier jew li jinvolvi diversi pajjiżi;”;

(b)

il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

jekk il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza fihx miżuri li jikkontribwixxu b’mod effettiv għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż il-bijodiversità, jew biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw minnha, jekk jirrappreżentawx ammont ekwivalenti għal mill-inqas 37 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u jekk tali miżuri fil-kapitolu REPowerEU jirrappreżentawx ammont li jirrappreżenta mill-inqas 37 % tal-kostijiet totali stmati tal-miżuri inklużi f’dak il-kapitolu, abbażi tal-metodoloġija għat-trekkjar klimatiku mogħtija fl-Anness VI; dik il-metodoloġija għandha tintuża kif xieraq għal miżuri li ma jistgħux jiġu assenjati direttament għal qasam ta’ intervent elenkat fl-Anness VI; il-koeffiċjenti għall-appoġġ għall-objettivi klimatiċi jistgħu jiżdiedu sa ammont totali ta’ 3 % tal-allokazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza biex investimenti individwali jqisu l-miżuri ta’ riforma akkumpanjanti li jżidu b’mod kredibbli l-impatt tagħhom fuq l-objettivi klimatiċi, soġġett għall-qbil tal-Kummissjoni;”;

(7)

Fl-Artikolu 20(5), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ca)

sommarju tal-miżuri proposti fil-kapitolu REPowerEU li jkollhom dimensjoni jew effett transfruntier jew li jinvolvu diversi pajjiżi, inkluż dawk il-miżuri li jindirizzaw l-isfidi identifikati fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet l-aktar reċenti tal-Kummissjoni; fejn il-kostijiet stmati ta’ dawk il-miżuri jammontaw għal ammont li jirrappreżenta inqas minn 30 % tal-kostijiet stmati tal-miżuri kollha inklużi fil-kapitolu REPowerEU, spjegazzjoni tar-raġunijiet għal dan, b’mod partikolari turija li miżuri oħra inklużi fil-kapitolu REPowerEU jindirizzaw aħjar l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21c(3) jew li ma jkunx hemm biżżejjed proġetti realistiċi disponibbli li għandhom dimensjoni jew effett transfruntier jew li jinvolvi diversi pajjiżi, b’mod partikolari meta jitqies it-tul ta’ ħajja tal-Faċilità;”;

(8)

Il-kapitolu li ġej jiddaħħal wara l-Kapitolu III:

KAPITOLU IIIa

REPower EU

Artikolu 21a

Dħul mis-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet skont id-Direttiva 2003/87/KE

1.   EUR 20 000 000 000 fi prezzijiet attwali, miksuba f’konformità mal-Artikolu 10e tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), għandhom ikunu disponibbli bħala appoġġ finanzjarju addizzjonali mhux ripagabbli fi ħdan il-Faċilità għall-implimentazzjoni skont dan ir-Regolament biex tiżdied ir-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni permezz ta’ tnaqqis fid-dipendenza mill-fjuwils fossili u d-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni. Kif previst fl-Artikolu 10 e tad-Direttiva 2003/87/KE, dawk l-ammonti għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont l-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Is-sehem tal-allokazzjoni tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 disponibbli għal kull Stat Membru għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-indikaturi kif jinsabu fil-metodoloġija fl-Anness IVa.

3.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi allokat esklużivament għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 21c, bl-eċċezzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 21c(3), il-punt (a). Jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 6(2).

4.   L-approprjazzjonijiet ta’ impenn li jkopru l-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom isiru disponibbli awtomatikament għal dak l-ammont mill-1 ta’ Marzu 2023.

5.   Kull Stat Membru jista’ jippreżenta talba lill-Kummissjoni għall-allokazzjoni ta’ ammont li ma jaqbiżx is-sehem tiegħu billi jinkludi fil-pjan tiegħu r-riformi u l-investimenti msemmija fl-Artikolu 21c u jindika l-istima tal-kostijiet tagħhom.

6.   Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill adottata skont l-Artikolu 20(1) għandha tistabbilixxi l-ammont tad-dħul imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu allokat lill-Istat Membru wara l-preżentazzjoni ta’ talba skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. L-ammont korrispondenti għandu jitħallas f’pagamenti parzjali, soġġett għall-finanzjament disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 24, ladarba l-Istat Membru kkonċernat jkun laħaq b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 21c.

Artikolu 21b

Riżorsi minn programmi b’ġestjoni kondiviża għall-appoġġ tal-objettivi tar-REPowerEU

1.   Fil-limiti tar-riżorsi allokati lilhom, l-Istati Membri jistgħu jitolbu, skont ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027 appoġġ għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21c(3) ta’ dan ir-Regolament mill-programmi appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, l-Fond Soċjali Ewropew Plus u l-Fond ta’ Koeżjoni, soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 26a tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027 u r-Regolamenti speċifiċi għall-Fond. Tali appoġġ għandu jiġi implimentat skont ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027 u r-Regolamenti speċifiċi għall-Fondi.

2.   Ir-riżorsi jistgħu jiġu trasferiti skont l-Artikolu 4a tar-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) biex jiġu appoġġati l-miżuri msemmija fl-Artikolu 21c ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 21c

Il-Kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza

1.   Pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza ppreżentati lill-Kummissjoni wara l-1 ta’ Marzu 2023 li jirrikjedu l-użu ta’ finanzjament addizzjonali skont l-Artikoli 14, 21a jew 21b, għandhom jinkludu kapitolu REPowerEU li jinkludi l-miżuri u l-istadji importanti u l-miri korrispondenti tagħhom. Il-miżuri fil-kapitolu REPowerEU għandhom ikunu riformi u investimenti ġodda, mibdija mill-1 ta’ Frar 2022 ’il quddiem, jew il-parti msaħħa tar-riformi u l-investimenti inklużi fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill diġà adottata għall-Istat Membru kkonċernat.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri li huma soġġetti għal tnaqqis fil-kontribuzzjoni finanzjarja massima f’konformità mal-Artikolu 11(2) jistgħu jinkludu wkoll fil-kapitoli REPowerEU miżuri inklużi fid-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill diġà adottati mingħajr ma dawn ikollhom jiżdiedu, sa ammont ta’ kostijiet stmati ugwali għal dak it-tnaqqis.

3.   Ir-riformi u l-investimenti fil-kapitolu REPowerEU għandu jkollhom l-għan li jikkontribwixxu għal tal-inqas wieħed mill-objettivi li ġejjin:

(a)

itejbu l-infrastruttura u l-faċilitajiet tal-enerġija biex jissodisfaw il-ħtiġijiet immedjati tas-sigurtà tal-provvista tal-gass, inkluż gass naturali likwifikat, b’mod partikolari biex tkun permessa d-diversifikazzjoni tal-provvista fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi; miżuri li jikkonċernaw l-infrastruttura u l-faċilitajiet taż-żejt meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet immedjati tas-sigurtà tal-provvista jistgħu jiġu inklużi fil-kapitolu REPowerEU ta’ Stat Membru biss fejn dak l-Istat Membru kien soġġett għad-deroga temporanja eċċezzjonali fl-Artikolu 3m(4) tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 sal-1 ta’ Marzu 2023, minħabba d-dipendenza speċifika tiegħu fuq iż-żejt mhux maħdum u s-sitwazzjoni ġeografika tiegħu;

(b)

isaħħu l-effiċjenza enerġetika fil-bini u l-infrastruttura enerġetika kritika, jiddekarbonizzaw l-industrija, iżidu l-produzzjoni u l-użu ta’ bijometan sostenibbli u tal-idroġenu rinnovabbli jew mhux fossili, u jżidu s-sehem u jaċċelleraw il-varar tal-enerġija rinnovabbli;

(c)

l-indirizzar tal-faqar enerġetiku;

(d)

l-inċentivi għat-tnaqqis fid-domanda għall-enerġija;

(e)

l-indirizzar tal-konġestjonijiet interni u transfruntiera tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija, l-appoġġ għall-ħżin tal-elettriku u l-aċċellerazzjoni tal-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u l-appoġġ għat-trasport b’emissjonijiet żero u l-infrastruttura tiegħu, inkluż il-ferroviji;

(f)

jappoġġaw l-objettivi msemmija fil-punti (a) sa (e) permezz ta’ rikwalifikazzjoni aċċellerata tal-forza tax-xogħol lejn ħiliet ekoloġiċi u diġitali relatati, kif ukoll permezz ta’ appoġġ tal-ktajjen tal-valur f’materja prima kritika u teknoloġiji marbutin mat-tranżizzjoni ekoloġika.

4.   Il-kapitolu REPowerEU għandu jkun fih ukoll spjegazzjoni dwar kif il-miżuri f’dak il-kapitolu huma koerenti mal-isforzi tal-Istat Membru kkonċernat biex jintlaħqu l-objettivistabbiliti fil-paragrafu 3, filwaqt li jitqiesu l-miżuri inklużi fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill diġà adottata, kif ukoll spjegazzjoni tal-kontribut ġenerali ta’ dawk il-miżuri u miżuri komplementari jew ta’ akkumpanjament oħra ffinanzjati fuq livell nazzjonali u ffinanzjati mill-Unjoni għal dawk l-objettivi.

5.   L-istima tal-kostijiet tar-riformi u l-investimenti fil-kapitolu REPowerEU ma għandhomx jitqiesu għall-kalkolu tal-allokazzjoni totali tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza skont l-Artikolu 18(4), il-punt (f), u l-Artikolu 19(3), il-punt (f).

6.   B’deroga mill-Artikolu 5(2), l-Artikolu, 17(4), l-Artikolu 18(4), il-punt (d), u l-Artikolu 19(3), il-punt (d), il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” ma għandux japplika għar-riformi u l-investimenti, skont il-paragrafu 3, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu, soġġett għal valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni li r-rekwiżiti li ġejjin huma ssodisfati:

(a)

il-miżura tkun meħtieġa u proporzjonata biex tissodisfa l-ħtiġijiet immedjati tas-sigurtà tal-provvista f’konformità mal-paragrafu 3, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu filwaqt li jitqiesu alternattivi fattibbli aktar nodfa u r-riskju ta’ effetti ta’ intrappolament;

(b)

l-Istat Membru kkonċernat ikun wettaq sforzi sodisfaċenti biex jillimita l-ħsara potenzjali għall-objettivi ambjentali skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852, fejn fattibbli, u biex itaffi l-ħsara permezz ta’ miżuri oħra, inkluż miżuri fil-kapitolu REPowerEU;

(c)

il-miżura ma tipperikolax il-kisba tal-miri klimatiċi tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet kwalitattivi;

(d)

il-miżura hija ppjanata li tkun fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2026.

7.   Meta twettaq il-valutazzjoni msemmija fil- paragrafu 6, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel osservazzjonijiet jew tfittex informazzjoni addizzjonali. L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-informazzjoni addizzjonali mitluba.

8.   Id-dħul magħmul disponibbli f’konformità mal-Artikolu 21a ma għandux jikkontribwixxi għal riformi u investimenti skont il-paragrafu 3, il-punt (a) ta’ dan l-Artikolu.

9.   Il-kostijiet totali stmati tal-miżuri soġġetti għal valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 6 ma għandhomx jaqbżu t-30 % tal-kostijiet totali stmati tal-miżuri inklużi fil-kapitolu REPowerEU.

Artikolu 21d

Prefinanzjament tar-REPowerEU

1.   Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza li fih kapitolu REPowerEU jista’ jkun akkumpanjat minn talba għal prefinanzjament. Soġġett għall-adozzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(1) u l-Artikolu 21(2) sal-31 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni għandha tagħmel sa żewġ pagamenti ta’ prefinanzjament għal ammont totali ta’ sa 20 % tal-finanzjament addizzjonali mitlub mill-Istat Membru kkonċernat biex tiffinanzja l-kapitolu REPowerEU tagħha, skont l-Artikoli 7, 12, 14, 21a u 21b, filwaqt li tikkonforma mal-prinċipji ta’ trattament ugwali fost l-Istati Membri u l-proporzjonalità.

2.   Fir-rigward tar-riżorsi trasferiti skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2021/1060, kull wieħed miż-żewġ settijiet ta’ pagamenti ta’ prefinanzjament ma għandux jaqbeż il-EUR 1 000 000 000.

3.   B’deroga mill-Artikolu 116(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha tagħmel il-pagamenti ta’ prefinanzjament, sa fejn ikun possibbli u soġġett għar-riżorsi disponibbli, kif ġej:

(a)

fir-rigward tal-ewwel pagament ta’ prefinanzjament, fi żmien xahrejn mill-konklużjoni, mill-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, tal-ftehim li jikkostitwixxi impenn legali kifmsemmi fl-Artikolu 23;

(b)

fir-rigward tat-tieni pagament ta’ prefinanzjament, fi żmien tnax-il xahar mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza inkluż kapitolu REPowerEU.

4.   Il-pagament ta’ prefinanzjament fir-rigward tar-riżorsi msemmija fil-paragrafu 2 għandu jsir wara li tasal informazzjoni mill-Istati Membri kollha dwar jekk għandhomx l-intenzjoni li jitolbu prefinanzjament ta’ tali riżorsi, u, fejn meħtieġ, fuq bażi prorata biex jiġi rrispettat il-limitu massimu totali ta’ EUR 1 000 000 000.

5.   F’każijiet ta’ prefinanzjament skont il-paragrafu 1, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 20(5), il-punt (a), u, fejn applikabbli, l-ammont tas-self li għandu jitħallas kif imsemmi fl-Artikolu 20(5)il-punt (h), għandhom jiġu aġġustati b’mod proporzjonat.

(*1)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275 25.10.2003, p. 32)."

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2021 li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (ĠU L 357, 8.10.2021, p. 1).”;"

(9)

Fl-Artikolu 23, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Ladarba l-Kunsill ikun adotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 20(1), il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim mal-Istat Membru kkonċernat li jikkostitwixxi impenn legali individwali fis-sens tar-Regolament Finanzjarju. Għal kull Stat Membru, l-impenn legali ma għandux jaqbeż it-total tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 11(1) għall-2021 u 2022, tal-kontribuzzjoni finanzjarja aġġornata msemmija fl-Artikolu 11(2) għall-2023 u tal-ammont ikkalkulat skont l-Artikolu 21a(2).”;

(10)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 25a

Trasparenza fir-rigward ir-riċevituri finali

1.   Kull Stat Membru għandu joħloq portal li jkun faċli biex jintuża u pubbliku li jkun fih data dwar il-100 riċevitur finali li jirċievu l-ogħla ammont ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni ta’ miżuri taħt il-Faċilità. L-Istati Membri għandhom jaġġornaw dik id-data darbtejn fis-sena.

2.   Għar-riċevituri finali msemmija fil-paragrafu 1, għandha tiġi ppubblikata l-informazzjoni li ġejja:

(a)

fil-każ ta’ persuna ġuridika, l-isem ġuridiku sħiħ tar-riċevitur u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa, meta disponibbli, jew identifikatur uniku ieħor stabbilit fil-livell nazzjonali,

(b)

fil-każ ta’ persuna fiżika, l-isem u l-kunjom tar-riċevitur,

(c)

l-ammont riċevuti minn kull riċevitur, kif ukoll il-miżuri assoċjati li għalihom Stat Membru kien irċieval-finanzjament taħt il-Faċilità.

3.   L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 38(3) tar-Regolament Finanzjarju ma għandhiex tiġi ppubblikata.

4.   Meta tiġi ppubblikata data personali, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha titneħħa mill-Istati Membri kkonċernat sentejn wara t-tmiem tas-sena finanzjarja li fiha l-finanzjament ikun ġie mħallas lir-riċevitur finali.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiċċentralizza l-portali pubbliċi tal-Istat Membru u tippubblika d-data msemmija fil-paragrafu 1 fit-tabella ta’ valutazzjoni għall-irkupru u r-reżiljenza msemmija fl-Artikolu 30.”;

(11)

Fl-Artikolu 26(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(h)

il-progress tal-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti fil-kapitolu REPowerEU.”

(12)

Fl-Artikolu 29, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Faċilità u tikkalkula l-ilħiq tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4, inkluża l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti fil-kapitoli REPowerEU u l-kontribut tagħhom għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21c(3). Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni għandu jkun immirat u proporzjonat għall-attivitajiet imwettqin fl-ambitu tal-Faċilità.”.

(13)

Fl-Artikolu 30, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   It-Tabella ta’ Valutazzjoni għandha turi wkoll il-progress fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza fir-rigward tal-indikaturi komuni msemmija fl-Artikolu 29(4). Hija għandha tinkludi wkoll il-progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri fil-kapitoli REPowerEU u l-kontribut tagħhom għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21c(3), u turi informazzjoni dwar tat-tnaqqis tal-importazzjonijiet tal-Unjoni ta’ fjuwils fossili u d-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija.”

(14)

L-Artikolu 31(3) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“3.   Ir-rapport annwali għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni li ġejja:”;

(ii)

jiżdiedu l-punti li ġejjiin:

“(d)

ħarsa ġenerali lejn il-miżuri li għandhom dimensjoni jew effett transfruntier jew li jinvolvu diversi pajjiżi inklużi fil-kapitoli REPowerEU kollha, il-kostijiet totali stmati tagħhom u indikazzjoni ta’ jekk il-kostijiet totali ta’ dawk il-miżuri jammontawx għal ammont li jirrappreżenta mill-inqas 30 % tal-kostijiet totali stmati tal-miżuri inklużi fil-kapitoli REPowerEU kollha;

(e)

l-għadd ta’ miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 21c(3), il-punt (a) inklużi fil-kapitoli REPowerEU kollha, u l-kostijiet totali stmati tagħhom;

(f)

il-progress tal-’implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti fil-kapitoli REPowerEU, permezz ta’ taqsima ddedikata li tinkludi tagħlim meħud wara l-analiżi tad-data disponibbli dwar ir-riċevituri finali u eżempji tal-aħjar prattiki.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   L-informazzjoni msemmija fil-punti (d) u (e) tal-paragrafu 3 għandha tiġi inkluża biss fir-rapport annwali wara l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza kollha li fihom kapitolu REPowerEU.”;

(15)

Fl-Artikolu 32, il-paragrafu 2 huwa sostitwit kif ġej:

“2.   Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu, b’mod partikolari, jivvaluta sa fejn intlaħqu l-objettivi, l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud Ewropew. Għandu jqis ukoll ir-rilevanza kontinwa tal-objettivi u l-azzjonijiet kollha kif ukoll jivvaluta l-implimentazzjoni tal-kapitoli REPowerEU u l-kontributi tagħhom għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21c(3).”;

(16)

It-test indikat fl-Anness I għal dan ir-Regolament jiddaħħal bħala l-Anness IVa;

(17)

L-Anness V huwa emendat f’konformità mal-Anness II għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1303/2013

Fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 25b

Miżuri eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi biex jappoġġaw SMEs affettwati b’mod partikolari minn żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, unitajiet domestiċi vulnerabbli, u xogħol b’ħinijiet iqsar u skemi ekwivalenti

1.   Bħala miżura eċċezzjonali strettament meħtieġa biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-enerġija li tirriżulta mill-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-FEŻR jista’ jappoġġa l-finanzjament tal-kapital operatorju fil-forma ta’ għotjiet lill-SMEs affettwati b’mod partikolari minn żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, taħt il-prijorità ta’ investiment imsemmija fl-Artikolu 5(3), il-punt(d), tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013.. L-SMEs affettwati b’mod partikolari minn żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija huma dawk eliġibbli li jirċievu għajnuna għal kostijiet addizzjonali minħabba żidiet eċċezzjonalment severi fil-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku skont il-qafas temporanju ta’ kriżi għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat.

Bħala miżura eċċezzjonali strettament meħtieġa biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-enerġija li tirriżulta mill-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-FSE jista’ jappoġġa lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli biex jgħinhom ilaħħqu mal-ispejjeż tagħhom tal-konsum tal-enerġija, anke mingħajr ebda miżura attiva korrispondenti, taħt il-prijorità ta’ investiment imsemmija fl-Artikolu 3(1), il-punt (b)(iv), tar-Regolament (UE) Nru 1304/2013.

2.   Operazzjonijiet li jipprovdu l-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu ffinanzjati jew mill-FEŻR jew mill-FSE abbażi tar-regoli applikabbli għall-Fond l-ieħor. Barra minn hekk, fejn tali operazzjonijiet jikkontribwixxu għal wieħed mill-prijoritajiet ta’ investiment imsemmi fil-paragrafu 1, huma jistgħu jiġu ffinanzjati mill-Fond ta’ Koeżjoni abbażi tar-regoli applikabbli jew għall-FEŻR jew għall-FSE. Barra minn hekk, il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni jistgħu jiffinanzjaw ukoll l-aċċess għas-suq tax-xogħol billi jżommu l-impjiegi tal-impjegati u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom permezz ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u skemi ekwivalenti, abbażi tar-regoli applikabbli għall-FSE taħt il-prijorità ta’ investiment imsemmija fl-Artikolu 3(1), il-punt (a)(v), tar-Regolament (UE) Nru 1304/2013.

3.   L-operazzjonijiet li jipprovdu l-appoġġ imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu programmati esklużivament taħt ass prijoritarju ddedikat ġdid. L-ass prijoritarju ddedikat jista’ jinkludi finanzjament mill-FEŻR u l-FSE minn kategoriji differenti ta’ reġjuni u mill-Fond ta’ Koeżjoni. L-appoġġ ipprovdut mir-riżorsi REACT-EU, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 92a, għandu jiġi programmat taħt ass prijoritarju ddedikat separat li jikkontribwixxi għall-prijorità ta’ investiment msemmija fl-Artikolu 92b(9), it-tielet subparagrafu.

L-ammonti allokati għall-assi prijoritarji ddedikati msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandhomx jaqbżu l-10 % tar-riżorsi totali tal-FEŻR, tal-FSE u tal-Fond ta’ Koeżjoni, inkluż ir-riżorsi REACT-EU taħt il-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi, allokati lill-Istat Membru kkonċernat għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, kif stabbilit fl-atti ta’ implimentazzjoni rilevanti tal-Kummissjoni. B’deroga mill-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 120(3), għandha tiġi applikata rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % għall-ass jew assi prijoritarji ddedikati.

4.   Talbiet għall-emendar ta’ programm operazzjonali eżistenti ppreżentati minn Stat Membru bl-għan li jintroduċu ass jew assi prijoritarji dedikati msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu debitament ġustifikati u akkumpanjati mill-programm rivedut. L-elementi elenkati fl-Artikolu 96(2), il-punt (b) (v) u (vii), ma għandhomx ikunu meħtieġa fid-deskrizzjoni tal-ass jew l-assi prijoritarji fil-programm operazzjonali rivedut.

5.   B’deroga mill-Artikolu 65(9), in-nefqa għall-operazzjonijiet li jappoġġaw il-finanzjament tal-kapital operatorju fil-forma ta’ għotjiet fl-SMEs affettwati b’mod partikolari minn żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, għall-operazzjonijiet li jipprovdu appoġġ lil unitajiet domestiċi vulnerabbli biex jgħinuhom jissodisfaw il-kostijiet tal-konsum tal-enerġija tagħhom, u għax-xogħol b’ħinijiet iqsar u skemi ekwivalenti għandha tkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2022. L-Artikolu 65(6) ma għandux japplika fir-rigward ta’ tali operazzjonijiet u skemi.

6.   B’deroga mill-Artikolu 125(3), il-punt (b), l-operazzjonijiet li jappoġġaw il-finanzjament tal-kapital operatorju fil-forma ta’ għotjiet fl-SMEs affettwati b’mod partikolari minn żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, operazzjonijiet li jipprovdu appoġġ lil unitajiet domestiċi vulnerabbli biex jgħinuhom ilaħħqu mal-kostijiet tal-konsum tal-enerġija tagħhom, u x-xogħol b’ħinijiet iqsar u skemi ekwivalenti jistgħu jintgħażlu għall-appoġġ mill-FEŻR, mill-FSE jew mill-Fond ta’ Koeżjoni qabel l-approvazzjoni tal-programm rivedut.

7.   Għall-operazzjonijiet li jappoġġaw il-finanzjament tal-kapital operatorju fil-forma ta’ għotjiet lill-SMEs affettwati b’mod partikolari minn żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija implimentati barra miż-żona tal-programm iżda fl-Istat Membru, għandu japplika biss il-punt (d) tal-Artikolu 70(2), l-ewwel subparagrafu. B’deroga mill-Artikolu 70(4), għal operazzjonijiet appoġġati mill-FSE li jipprovdu appoġġ lil unitajiet domestiċi vulnerabbli biex jgħinuhom ilaħħqu mal-kostijiet tal-konsum tal-enerġija tagħhom u għax-xogħol b’ħinijiet iqsar u skemi ekwivalenti implimentati barra miż-żona tal-programm iżda fl-Istat Membru, l-Artikolu 70(2), l-ewwel subparagrafu tal-punt (d), għandu japplika wkoll.

8.   Il-pagamenti totali mill-Kummissjoni lill-Istati Membri mill-FEŻR, il-FSE, u l-Fond ta’ Koeżjoni, eskluż ir-riżorsi REACT-EU, għall-prijoritajiet iddedikati msemmija fil-paragrafu 3 ma għandhomx jaqbżu il-EUR 5 000 000 000 fl-2023. L-ammonti għandhom jitħallsu soġġett għal finanzjament disponibbli taħt il-limiti massimi tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020.

9.   Dan l-Artikolu m’għandux japplika għal programmi taħt il-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea.”.

Artikolu 3

Emendi għar-Regolament (UE) 2021/1060

Ir-Regolament (UE) 2021/1060 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 22(3), il-punt (g), il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

tabella li tispeċifika l-allokazzjonijiet finanzjarji totali għal kull wieħed mill-Fondi u, fejn applikabbli, għal kull kategorija ta’ reġjun għall-perjodu ta’ programmazzjoni kollu u skont is-sena, inkluż kwalunkwe ammont trasferit skont l-Artikolu 26 jew 27, u t-talba tal-Istat Membru għal miżuri ta’ appoġġ li jikkontribwixxu għall-objettivi li jinsabu fl-Artikolu 21c(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3);

(*3)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).”;"

(2)

Fl-Artikolu 24, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“8.   Għall-programmi appoġġati mill-FEŻR, mill-FSE + jew mill-Fond ta’ Koeżjoni, l-Istat Membru jista’ jippreżenta emenda ta’ programm, f’konformità ma’ dan l-Artikolu, li titlob li l-miżuri li jikkontribwixxu għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21c(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 jiġu inklużi fi programm, meta tali appoġġ jikkontribwixxi għall-objettivi speċifiċi tal-Fond ikkonċernat kif stipulat fir-Regolamenti speċifiċi għall-Fondi. L-ammonti mitluba għal tali miżuri għandhom jiġu programmati taħt objettiv speċifiku f’konformità mar-Regolamenti speċifiċi għall-Fondi u inklużi fi prijorità. Dawk l-ammonti kumplessivament ma għandhomx jaqbżu l-limitu ta’ 7,5 % tal-allokazzjoni nazzjonali inizjali għal kull Fond.”;

(3)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 26a

Appoġġ għall-objettivi fl-Artikolu 21c(3) tar-Regolament (UE) 2021/241

1.   L-Istati Membri li jippreżentaw lill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/241, pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li fihom kapitolu REPowerEU jistgħu jitolbu permezz ta’ emenda ta’ programmskont l-Artikolu 24 ta’ dan ir-Regolament li sa 7,5 % tal-allokazzjoni nazzjonali inizjali tagħhom taħt il-FEŻR, il-FSE + u l-Fond ta’ Koeżjoni jiġu inklużi fi prijoritajiet li jikkontribwixxu għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21c(3) tar-Regolament (UE) 2021/241, dment li tali appoġġ jikkontribwixxi għall-objettivi speċifiċi tal-Fond ikkonċernat kif stipulat fir-Regolamenti speċifiċi għall-Fondi. Il-possibbiltà ta’ talba ta’ dan it-tip għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ trasferiment ta’ riżorsi previsti skont l-Artikolu 26 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Ir-riżorsi mitluba mill-Istati Membri skont dan l-Artikolu għandhom jiġu implimentati f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolamenti speċifiċi għall-Fondi.

3.   It-talbiet għal emenda ta’ programm għandhom jistipulaw l-ammont totali tar-riżorsi li jikkontribwixxu għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21c(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 għal kull sena skont il-Fond u skont il-kategorija ta’ reġjun, meta jkun applikabbli.”;

(4)

L-Anness V huwa emendat f’konformità mal-Anness III għal dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Emendi għar-Regolament (UE) 2021/1755

Fir-Regolament (UE) 2021/1755, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 4a

Trasferiment għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

1.   Sal-1 ta’ Marzu 2023, l-Istati Membri jistgħu jissottomettu lill-Kummissjoni talba motivata biex jittrasferixxu lill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) l-ammonti kollha tal-allokazzjoni proviżorja tagħhom kif jinsabu fl-att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 4(5) jew parti minnhom. Jekk it-talba għat-trasferiment tiġi approvata, il-Kummissjoni għandha temenda l-att ta’ implimentazzjoni sabiex jirrifletti l-ammonti aġġustati wara t-trasferimenti.

2.   Meta t-trasferimenti jaffettwaw il-pagamenti parzjali diġà mħallsa jew li jkunu ser jitħallsu bħala prefinanzjament, il-Kummissjoni għandha temenda l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 9(1) kif xieraq għall-Istat Membru kkonċernat. Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tirkupra, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju, il-pagamenti parzjali kollha tal-2021 u l-2022 jew parti minnhom imħallsa lil dak l-Istat Membru bħala prefinanzjament,. F’dak il-każ, l-ammonti rkuprati għandhom jiġu trasferiti lill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għall-benefiċċju esklużiv tal-Istat Membru kkonċernat.

3.   Meta Stat Membru jagħżel li jittrasferixxi l-allokazzjoni proviżorja kollha tiegħu jew parti minnha għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza f’konformità ma’ dan l-Artikolu, l-ammonti li għandhom jintefqu għall-finijiet tal-Artikolu 4(4), l-ewwel subparagrafu, għandhom jitnaqqsu b’mod proporzjonat.

4.   Meta Stat Membru jagħżel li jittrasferixxi l-allokazzjoni proviżorja kollha tiegħu għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-Artikolu 10(1) ma għandux japplika.

5.   L-Artikolu 10(2) ma għandux japplika għall-ammonti trasferiti lill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Artikolu 5

Emendi għad-Direttiva 2003/87/KE

Fid-Direttiva 2003/87/KE, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 10e

Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

1.   Bħala miżura straordinarja u ta’ darba, sal-31 ta’ Awwissu 2026, il-kwoti rkantati skont il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu rkantati sakemm l-ammont totali ta’ dħul miksub minn dan l-irkantar ikun laħaq l-EUR 20 biljun. Dak id-dħul għandu jsir disponibbli għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament u tal-Kunsill (*5) u għandu jiġi implimentat f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.

2.   B’deroga mill-Artikolu 10a(8), sal-31 ta’ Awwissu 2026, parti mill-kwoti msemmija f’dak il-paragrafu għandha tiġi rkantata biex tappoġġa l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21c(3), il-punti (b) sa (f), tar-Regolament (UE) 2021/241, sakemm l-ammont ta’ dħul miksub minn tali rkant ikun laħaq it-EUR 12-il biljun.

3.   Sal-31 ta’ Awwissu 2026, għadd ta’ kwoti mill-kwantità li kieku kienet tiġi rkantata mill-1 ta’ Jannar 2027 sal-31 ta’ Diċembru 2030 mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(2), il-punt (a), għandhom jiġu rkantati biex jappoġġaw l-objettivi msemmija fl-Artikolu 21c(3), il-punti (b) sa (f), tar-Regolament (UE) 2021/241 sakemm l-ammont ta’ dħul miksub minn tali rkant ikun laħaq it-EUR 8 biljun. Dawk il-kwoti għandhom, fil-prinċipju, jiġu rkantati f’volumi annwali indaqs matul il-perjodu rilevanti.

4.   B’deroga mill-Artikolu 1(5a) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814, sal-31 ta’ Diċembru 2030, 27 miljun kwota mhux allokati fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq mill-kwantità totali li altrimenti tiġi invalidata fuq dak il-perijodu għandhom jintużaw biex jappoġġaw l-innovazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 10a(8), l-ewwel subparagrafu, ta’ din id-Direttiva.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kwoti rkantati skont il-paragrafi 2 u 3, inkluż, fejn xieraq, għall-pagamenti ta’ prefinanzjament, f’konformità mal-Artikolu 21d tar-Regolament (UE) 2021/241, jiġu rkantati f’konformità mal-prinċipji u l-modalitajiet stabbiliti fl-Artikolu 10(4) ta’ din id-Direttiva u f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 (*6) biex jiġi żgurat ammont adegwat ta’ riżorsi tal-fond għall-innovazzjoni fil-perijodu mill-2023 sal-2026. Il-perjodu għall-irkantar imsemmi f’dan l-Artikolu għandu jiġi rivedut sena wara l-bidu tiegħu fid-dawl tal-impatt tal-irkantar previst f’dan l-Artikolu fuq is-suq u l-prezz tal-karbonju.

6.   Il-BEI għandu jkun l-irkantatur għall-kwoti li jridu jiġu rkantati skont dan l-Artikolu fuq il-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010 u għandu jipprovdi d-dħul iġġenerat mill-irkantar lill-Kummissjoni.

7.   Id-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-kwoti għandu jikkostitwixxi dħul assenjat estern skont l-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (*7).

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Frar 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)  ĠU C 486, 21.12.2022, p. 185.

(2)  ĠU C 333, 1.9.2022, p. 5.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Frar 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2023.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(5)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(6)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, 1).

(7)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2021 li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (ĠU L 357, 8.10.2021, p. 1).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 tat-22 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli (ĠU L 335, 29.12.2022, p. 36).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1).

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija (ĠU L 261 I, 7.10.2022, p. 1).

(14)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).


ANNESS I

Fir-Regolament (UE) 2021/241, jiddaħħal l-Anness li ġej:

“ANNESS IVa

“Dan l-Anness jistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tas-sehem tal-allokazzjoni tar-riżorsi fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli addizzjonali skont il-Faċilità msemmija fl-Artikolu 21a(1) disponibbli għal kull Stat Membru. Il-metodu jqis, fir-rigward ta’ kull Stat Membru:

il-popolazzjoni;

l-invers tal-PDG per capita;

id-deflatur tal-prezzijiet tal-formazzjoni grossa tal-kapital fiss;

is-sehem tal-fjuwils fossili fil-konsum gross domestiku tal-enerġija.

Biex tiġi evitata konċentrazzjoni eċċessiva ta’ riżorsi:

l-invers tal-PDG per capita huwa limitat għal massimu ta’ 160 % tal-medja ponderata tal-Unjoni;

l-invers tal-PDG per capita huwa limitat għal massimu ta’ 55 % tal-medja ponderata tal-Unjoni jekk il-PDG per capita tal-Istat Membru kkonċernat ikun ogħla minn 130 % tal-medja tal-UE-27;

sehem minimu tal-allokazzjoni huwa stabbilit għal 0,15 %;

sehem massimu tal-allokazzjoni huwa stabbilit għal 13,80 %.

Il-koeffiċjent tal-allokazzjoni applikat għall-ammont imsemmi fl-Artikolu 21a(1), ρi huwa definit kif ġej:

Image 1

fejn l-Istati Membri i sa z huma l-Istati Membri li jibbenefikaw minn sehem minimu tal-allokazzjoni u l-Istati Membri i sa q huma l-Istati Membri li jibbenefikaw minn sehem massimu tal-allokazzjoni.

fejn

Formula

meta

Formula
u
Formula
u
Formula
,

fejn

Formula
għall-Istati Membri i bi
Formula
u

Formula
għall-Istati Membri i bi
Formula

Definizzjonijiet (1) :

popi,2021 bħala l-popolazzjoni totali tal-2021 fl-Istat Membru i;

popEU,2021 bħala l-popolazzjoni totali tal-2021 fl-Istati Membri tal-UE-27;

Formula
bħala l-medja ponderata tal-PDG nominali per capita tal-2021 tal-Istati Membri tal-UE-27;

Formula
il-PDG nominali per capita tal-2021 tal-Istat Membru i;

FFGICi,2020bħala s-sehem tal-fjuwils fossili tal-2020 fil-konsum gross domestiku tal-enerġija tal-Istat Membru i;

FFGICEU,2020bħala s-sehem medju ponderat tal-2020 tal-fjuwils fossili fil-konsum gross domestiku tal-enerġija tal-Istati Membri tal-EU-27;

Formula
bħala l-proporzjon bejn l-indiċi tal-prezzijiet tal-formazzjoni grossa tal-kapital fiss tal-2022 Q2 (deflatur impliċitu, 2015=100, munita nazzjonali, data aġġustata skont l-istaġun u skont il-kalendarju) tal-Istat Membru i u l-Indiċi tal-prezzijiet tal-formazzjoni grossa tal-kapital fiss tal-2021 Q2 (deflatur impliċitu, 2015=100, munita nazzjonali, data aġġustata skont l-istaġun u skont il-kalendarju) tal-Istat Membru i;

Formula
bħala l-proporzjon tal-indiċi tal-prezzijiet grossi tal-formazzjoni tal-kapital fiss tal-2022 Q2 (deflatur impliċitu, 2015=100, munita nazzjonali, data aġġustata skont l-istaġun u skont il-kalendarju) tal-aggregat tal-EU-27 u l-indiċi tal-prezzijiet tal-formazzjoni grossa tal-kapital fiss tal-2021 Q2 (deflatur impliċitu, 2015=100, munita nazzjonali, data aġġustata skont l-istaġun u skont il-kalendarju) tal-aggregat tal-EU-27.

L-applikazzjoni tal-metodoloġija għall-ammont imsemmi fl-Artikolu 21a(1) ser tirriżulta fis-sehem u l-ammont li ġejjin għal kull Stat Membru:

Stat Membru

Sehem bħala % tat-total

Ammont (f’EUR 1 000 , prezzijiet attwali)

Il-Belġju

1,41  %

282 139

Il-Bulgarija

2,40  %

480 047

Iċ-Ċekja

3,41  %

681 565

Id-Danimarka

0,65  %

130 911

Il-Ġermanja

10,45  %

2 089 555

L-Estonja

0,42  %

83 423

L-Irlanda

0,45  %

89 598

Il-Greċja

3,85  %

769 222

Spanja

12,93  %

2 586 147

Franza

11,60  %

2 320 955

Il-Kroazja

1,35  %

269 441

L-Italja

13,80  %

2 760 000

Ċipru

0,26  %

52 487

Il-Latvja

0,62  %

123 983

Il-Litwanja

0,97  %

194 020

Il-Lussemburgu

0,15  %

30 000

L-Ungerija

3,51  %

701 565

Malta

0,15  %

30 000

In-Netherlands

2,28  %

455 042

L-Awstrija

1,05  %

210 620

Il-Polonja

13,80  %

2 760 000

Il-Portugall

3,52  %

704 420

Ir-Rumanija

7,00  %

1 399 326

Is-Slovenja

0,58  %

116 910

Is-Slovakkja

1,83  %

366 959

Il-Finlandja

0,56  %

112 936

L-Iżvezja

0,99  %

198 727

UE27

100,00  %

20 000 000

”.

(1)  Id-data kollha fir-Regolament hija mill-Eurostat. Id-data limitu tal-21 ta' Settembru 2022 għad-data storika użata għall-applikazzjoni tal-koeffiċjent tal-allokazzjoni f'dan l-anness. Il-fjuwils fossili jinkludu l-fjuwils fossili solidi, il-gassijiet manifatturati, il-pit u l-prodotti tal-pit, ix-shale bituminuż u r-ramel bituminuż, iż-żejt u l-prodotti tal-petroleum (minbarra l-porzjon tal-bijofjuwil), il-gass naturali u l-iskart mhux rinnovabbli.


ANNESS II

L-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fit-taqsima 2, il-punt 2.5, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.5.

Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza fih miżuri li jikkontribwixxu b’mod effettiv għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż il-bijodiversità, jew biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw minnha, li jammontaw għal ammont li jirrappreżenta mill-inqas 37 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u tali miżuri fil-kapitolu REPowerEU jammontaw għal ammont li jirrappreżenta mill-inqas 37 % tal-kostijiet totali stmati tal-miżuri fil-kapitolu REPowerEU, abbażi tal-metodoloġija għat-trekkjar klimatiku stipulata fl-Anness VI; dik il-metodoloġija għandha tintuża kif xieraq għal miżuri li ma jistgħux jiġu assenjati direttament għal qasam ta’ intervent elenkat fl-Anness VI; il-koeffiċjenti għall-appoġġ għall-objettivi klimatiċi jistgħu jiżdiedu sa ammont totali ta’ 3 % tal-allokazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza biex investimenti individwali jqisu l-miżuri ta’ riforma akkumpanjanti li jżidu b’mod kredibbli l-impatt tagħhom fuq l-objettivi klimatiċi, soġġett għall-qbil tal-Kummissjoni.”;

(2)

Fit-taqsima 2, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“2.12.

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 21c huma mistennija jikkontribwixxu b’mod effettiv lejn is-sigurtà tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika, żieda fil-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija jew it-tnaqqis meħtieġ tad-dipendenza mill-fjuwils fossili qabel l-2030.

Meta tkun qed tivvaluta l-miżuri msemmija fl-Artikolu 21c skont dan il-kriterju, il-Kummissjoni għandha tqis l-isfidi speċifiċi u l-finanzjament addizzjonali skont il-Faċilità disponibbli għall-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni għandha tqis ukoll l-elementi li ġejjin:

Kamp ta’ applikazzjoni

l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti mistennija tikkontribwixxi b’mod effettiv għat-titjib tal-infrastruttura u l-faċilitajiet tal-enerġija biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet immedjati tas-sigurtà tal-provvista għall-gass, inkluż gass naturali likwifikat, jew iż-żejt fejn tapplika d-deroga skont l-Artikolu 21c(3), il-punt (a), b’mod partikolari biex tippermetti d-diversifikazzjoni tal-provvista fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi;

jew

l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti mistennija tikkontribwixxi b’mod effettiv biex tingħata spinta lill-effiċjenza enerġetika fil-bini u fl-infrastruttura enerġetika kritika, tiġi dekarbonizzata l-industrija, jiżdiedu l-produzzjoni u l-użu ta’ bijometan sostenibbli u tal-idroġenu rinnovabbli jew mhux fossili, u jiżdied is-sehem u jiġi aċċellerat il-varar tal-enerġija rinnovabbli;

jew

l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti mistennija tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-indirizzar tal-faqar enerġetiku u, fejn rilevanti, tagħti prijorità adegwata lill-ħtiġijiet ta’ dawk affettwati mill-faqar enerġetiku kif ukoll lit-tnaqqis tal-vulnerabbiltajiet matul l-istaġuni tax-xitwa li ġejjin;

jew

l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti mistennija tikkontribwixxi b’mod effettiv biex jiġi inċentivat it-tnaqqis fid-domanda għall-enerġija;

jew

l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti mistennija tindirizza l-konġestjonijiet interni u transfruntiera tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija, l-appoġġ għall-ħżin tal-elettriku u l-aċċellerazzjoni tal-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u l-appoġġ għat-trasport b’emissjonijiet żero u l-infrastruttura tiegħu, inkluż il-ferroviji;

jew

l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti mistennija tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-appoġġ tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21c(3), il-punti (a) sa (e), permezz ta’ rikwalifikazzjoni aċċellerata tal-forza tax-xogħol lejn ħiliet ekoloġiċi u diġitali relatati, kif ukoll appoġġ għall-ktajjen tal-valur f’materja prima u teknoloġiji ewlenin marbutin mat-tranżizzjoni ekoloġika;

u

il-miżuri previsti huma koerenti mal-isforzi tal-Istat Membru kkonċernat biex jikseb l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21c(3), filwaqt li jitqiesu l-miżuri inklużi fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill diġà adottata, kif ukoll miżuri komplementari jew ta’ akkumpanjament oħra ffinanzjati fuq livell nazzjonali u ffinanzjati mill-Unjoni għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21c(3).

Klassifikazzjoni

 

A – sa punt għoli

 

B – sa punt moderat

 

C – sa punt baxx

2.13.

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 21c mistennija jkollhom dimensjoni jew effett transfruntier jew li jinvolvi diversi pajjiżi.

Il-Kummissjoni għandha tqis l-elementi li ġejjin għall-valutazzjoni skont dan il-kriterju:

Kamp ta’ applikazzjoni

l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali tal-miżuri previsti hija mistennija li tikkontribwixxi għall-iżgurar tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni kollha kemm hi, inkluż billi jiġu indirizzati l-isfidi identifikati fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet l-aktar reċenti tal-Kummissjoni, f’konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21c(3), filwaqt li titqies il-kontribuzzjoni finanzjarja disponibbli għall-Istat Membru kkonċernat u l-pożizzjoni ġeografika tiegħu;

jew

l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti mistennija tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u għat-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija.

Klassifikazzjoni

 

A – sa punt għoli

 

B – sa punt moderat

 

C – sa punt baxx”;

(3)

It-taqsima 3 hija emendata kif ġej::

(a)

l-inċiż li jaqra “— A għall-kriterji 2.2, 2.3, 2.5 u 2.6” huwa sostitwit b’ “— A għall-kriterji 2.2, 2.3, 2.5, 2.6 u 2.12”;

(b)

l-inċiż li jaqra “— mhux A fil-kriterji 2.2, 2.3, 2.5 u 2.6” huwa sostitwit b’ “— mhux A fil-kriterji 2.2, 2.3, 2.5, 2.6 u 2.12”.


ANNESS III

L-Anness V għar-Regolament (UE) 2021/1060 huwa emendat kif ġej:

(1)

It-test taħt il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Referenza: il-punti (g) (i), (ii) u (iii) tal-Artikolu 22(3), l-Artikolu 112(1), (2) u (3), u l-Artikoli 14, 26 u 26a tar-RDK”;

(2)

Il-punt 3.1 huwa emendat kif ġej:

(a)

L-ewwel paragrafu u tabella mhux numerata huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3.1

Trasferimenti u kontribuzzjonijiet (*1)

Referenza: L-Artikoli 14, 26, 26a u 27 tar-RDK

Emenda tal-programm relatata ma’

kontribuzzjoni għal InvestEU

trasferiment għal strumenti taħt ġestjoni diretta jew indiretta

trasferiment bejn il-FEŻR, l-FSE+, il-Fond ta’ Koeżjoni jew lejn Fond jew Fondi oħra

”Fondi” li jikkontribwixxu għall-objettivi kif stabbiliti fl-Artikolu 21c(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 (*2)

(*1)  Applikabbli biss għal emendi fil-programm f’konformità mal-Artikoli 14, 26 u 26a, għajr trasferimenti komplementari għall-JTF f’konformità mal-Artikolu 27 RDK. It-trasferimenti ma għandhomx jaffettwaw it-tqassim annwali tal-approprjazzjonijiet finanzjarji fil-livell tal-QFP għal Stat Membru."

(b)

Tiddaħħal it-tabella li ġejja wara t-tabella 17B:

“Tabella 21: Riżorsi li jikkontribwixxu għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21c(3) tar-Regolament (UE) 2021/241

Fond

Kategorija tar-reġjun

2022

2023

2024

2025

2026

2027

Total

FEŻR

Aktar żviluppat

 

 

 

 

 

 

 

 

Fi tranżizzjoni

 

 

 

 

 

 

 

Inqas żviluppat

 

 

 

 

 

 

 

Total

 

 

 

 

 

 

 

 

FSE+

Aktar żviluppat

 

 

 

 

 

 

 

 

Fi tranżizzjoni

 

 

 

 

 

 

 

Inqas żviluppat

 

 

 

 

 

 

 

Total

 

 

 

 

 

 

 

 

Fond ta’ Koeżjoni

Mhux Applikabbli”

 

 

 

 

 

 

 

Total

 

 

 

 

 

 

 

 


(*1)  Applikabbli biss għal emendi fil-programm f’konformità mal-Artikoli 14, 26 u 26a, għajr trasferimenti komplementari għall-JTF f’konformità mal-Artikolu 27 RDK. It-trasferimenti ma għandhomx jaffettwaw it-tqassim annwali tal-approprjazzjonijiet finanzjarji fil-livell tal-QFP għal Stat Membru.


Top