This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023D2805
Council Decision (EU) 2023/2805 of 11 December 2023 on the position to be taken on behalf of the European Union in the North Atlantic Salmon Conservation Organization and repealing Decision (EU) 2019/864
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2805 tal-11 ta’ Diċembru 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea, fl-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/864
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2805 tal-11 ta’ Diċembru 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea, fl-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/864
ST/13455/2023/INIT
ĠU L, 2023/2805, 15.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2805/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2805 |
15.12.2023 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2805
tal-11 ta’ Diċembru 2023
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea, fl-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/864
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/886/EEC (1), l-Unjoni kkonkludiet il-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana (“Konvenzjoni NASCO”), li stabbiliet l-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NASCO). |
|
(2) |
Il-kunsill tan-NASCO jadotta miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni biex jimmaniġġa r-riżorsi tas-sajd taħt l-ambitu tiegħu. Tali miżuri jistgħu jsiru vinkolanti għall-Unjoni. |
|
(3) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u li jkunu ġestiti b’mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd u għandha tfittex li tiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi marini ħajjin jirrestawra u jmantni l-popolazzjoni tal-ispeċijiet mistada ‘l fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tieħu miżuri ta’ ġestjoni u ta’ konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, tappoġġa l-iżvilupp ta’ għarfien u pariri xjentifiċi, gradwalment telimina l-iskartar u tippromwovi metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista’ jkun, ta’ qabdiet mhux mixtieqa, u trażżan l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistema marina u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 speċifikament jipprevedi li dawk l-objettivi u l-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fit-twettiq tar-relazzjonijiet tas-sajd esterni tagħha. |
|
(4) |
F’konformità mal-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna”, “Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima — l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima” u “Strateġija mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent”, huwa essenzjali li tiġi protetta n-natura u titreġġa’ lura d-degradazzjoni tal-ekosistemi. It-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità ma għandhomx jippreġudikaw id-disponibbiltà tal-oġġetti u s-servizzi li ekosistemi marini f’saħħithom jipprovdu lis-sajjieda, lill-komunitajiet kostali u lill-umanità inġenerali. |
|
(5) |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Strateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari”, tirreferi għal miżuri speċifiċi biex jitnaqqas il-plastiks u t-tniġġis tal-baħar kif ukoll it-telf jew l-abbandun tal-irkaptu tas-sajd fil-baħar. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija”, timmira li tnaqqas b’50 % tal-iskart tal-plastik fil-baħar u bi 30% tal-mikroplastiċi rilaxxati fl-ambjent. |
|
(6) |
Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Inwittu t-triq lejn pjaneta blu sostenibbli” tenfasizza l-importanza tal-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità marini taħt l-azzjoni esterna tal-Unjoni. L-Unjoni hija l-aktar attur prominenti fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) u fil-korpi tas-sajd madwar id-dinja. Hemmhekk, l-Unjoni tippromwovi s-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut, tippromwovi t-teħid ta’ deċiżjonijiet trasparenti abbażi ta’ parir xjentifiku sod, ittejjeb ir-riċerka xjentifika, u ssaħħaħ il-konformità. |
|
(7) |
(Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-kunsill tan-NASCO għall-perjodu 2024-2028, minħabba li l-miżuri ta’ konservazzjoni u infurzar tan-NASCO jistgħu jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni u kapaċi li jinfluwenzaw deċiżament il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (3) u (KE) Nru 1224/2009 (4), u r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
|
(8) |
Bħalissa l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-kunsill tan-NASCO hija stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/864 (6). Huwa xieraq li dik id-Deċiżjoni titħassar u li tiġi sostitwita b’Deċiżjoni ġdida li tkopri l-perjodu 2024-2028. |
|
(9) |
Fid-dawl tan-natura li dejjem qed tevolvi tar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni tan-NASCO u l-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-iżviluppi l-ġodda, inkluż informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra ppreżentata qabel jew waqt il-laqgħat tal-kunsill tan-NASCO, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri, f’konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għall-ispeċifikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni minn sena għal sena għall-perjodu 2024–2028, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NASCO) hija stabbilita fl-Anness I.
Artikolu 2
L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-kunsill tan-NASCO għandha ssir f’konformità mal-Anness II.
Artikolu 3
Il-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fl-Anness I għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, l-aktar tard għal-laqgħa annwali tal-kunsill tan-NASCO fl-2029.
Artikolu 4
Id-Deċiżjoni (UE) 2019/864 hija b’dan imħassra.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
L. PLANAS PUCHADES
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/886/EEC tat-13 Diċembru 1982 li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana (ĠU L 378, 31.12.1982, p. 24).
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/864 tal-14 ta’ Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NASCO), u li tħassar id-Deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fin-NASCO (ĠU L 140, 28.5.2019, p. 54).
ANNESS I
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NASCO)
1. PRINĊIPJI
Fil-qafas tan-NASCO, l-Unjoni għandha:
|
(a) |
tiżgura li l-miżuri adottati fin-NASCO jkunu konsistenti mad-dritt internazzjonali, u partikolarment mal-Konvenzjoni tan-NU tal-1982 dwar id-Dritt Marittimu u l-Artikolu 66 tagħha, mal-Ftehim tal-1993 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura (FAO) għall-promozzjoni tal-konformità mal-miżuri internazzjonali tal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-bastimenti tas-sajd fl-ibħra miftuħa; u mal-Ftehim tal-FAO tal-2009 dwar il-Miżuri tal-Istat Portwarju; |
|
(b) |
tippromwovi l-objettivi tal-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika marini lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali u fil-15-il Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika , partikolarment fiż-żieda fil-protezzjoni tal-bijodiversità marina u l-protezzjoni ta’ 30 % tal-oċean tad-dinja permezz ta’ żoni marini protetti; |
|
(c) |
tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, f’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2020 dwar il-Bijodiversità — il-ħtieġa għal azzjoni urġenti, mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2021 dwar Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima — l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, b’mod partikolari dwar il-protezzjoni tan-natura, u mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2020 dwar l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, u Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja; |
|
(d) |
taġixxi f’konformità mal-objettivi u l-prinċipji segwiti mill-Unjoni fil-politika komuni tas-sajd, jiġifieri permezz tal-approċċ prekawzjonarju u l-miri relatati mar-rendiment massimu sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, sabiex tiġi promossa l-implimentazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, u biex jiġu evitati u jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-qabdiet possibbli mhux mixtieqa, u telimina gradwalment l-iskartar, u timminimizza l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi marini u l-abitati tagħhom, kif ukoll, permezz tal-promozzjoni ta’ sajd tal-Unjoni ekonomikament vijabbli u kompetittiv, sabiex jiġi pprovdut standard tal-għajxien ġust lil dawk li jiddependu fuq l-attivitajiet tas-sajd u b’kont meħud tal-interessi tal-konsumaturi; |
|
(e) |
tkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-politika komuni tas-sajd; |
|
(f) |
tkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2022 dwar Governanza Internazzjonali tal-Oċeani għal oċeani u ibħra sikuri, siguri, nodfa, f’saħħithom u ġestiti b’mod sostenibbli fir-rigward tal-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar; |
|
(g) |
taħdem lejn involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati fil-fażi tal-preparazzjoni għall-miżuri NASCO u tiżgura li l-miżuri adottati fin-NASCO jkunu skont l-objettivi tal-Konvenzjoni NASCO; |
|
(h) |
tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti mal-aħjar prattiki għall-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs); |
|
(i) |
tara li jkun hemm konsistenza u sinerġija mal-politika li l-Unjoni qed issegwi bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tagħha tas-sajd ma’ pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħrajn tagħha notevolment fl-oqsma tar-relazzjonijiet esterni, l-impjiegi, l-ambjent, il-kummerċ, l-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni; |
|
(j) |
timmira li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-flotta tal-Unjoni fiż-żona tal-Konvenzjoni tan-NASCO abbażi tal-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni, u li tippromwovi l-implimentazzjoni uniformi ta’ dawk il-prinċipji u l-istandards; |
|
(k) |
tippromwovi l-koordinazzjoni bejn in-NASCO, RFMOs eżistenti u konvenzjonijiet dwar ibħra reġjonali u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet globali, kif applikabbli skont il-mandati tagħhom u partikolarment tippromwovi koordinazzjoni mal-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Baħar tal-Atlantiku tal-Grigal, li fiha l-Unjoni hija parti kontraenti; |
|
(l) |
tippromwovi l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni fost RFMOs mhux tat-tonn bħalma hu l-proċess Kobe għal RFMOs tat-tonn. |
2. ORJENTAZZJONIJIET
L-Unjoni għandha, fejn xieraq, tfittex li tappoġġa l-adozzjoni min-NASCO tal-azzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
miżuri li jippromwovu l-konservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità, u li jippromwovu is-sostenibbiltà tal-istokkijiet, u l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet tat-tibdil fil-klima fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; |
|
(b) |
miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni għar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni NASCO abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli, u l-approċċ prekawzjonarju, inkluż il-qabdiet totali permissibbli u l-kwoti jew ir-regolazzjoni tal-isforz għar-riżorsi bijoloġiċi marini ħajjin regolati minn NASCO, li jiksbu r-rendiment massimu sostenibbli. Fejn meħtieġ, għandhom jitqiesu miżuri speċifiċi għall-istokkijiet, li jġarrbu minn sajd eċċessiv sabiex l-isforz għas-sajd jinżamm f’konformità mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli; |
|
(c) |
miżuri li jippromwovu l-ġbir tad-data, ir-riċerka xjentifika u d-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni abbażi tax-xjenza, it-tisħiħ tal-kumitat tal-konformità tagħha, kultura ta’ konformità u rieżamijiet perjodiċi indipendenti tal-prestazzjoni; |
|
(d) |
miżuri għall-prevenzjoni, id-deterrent u l-eliminazzjoni ta’ attivitajiet ta’ sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (IUU) fiż-żona tal-Konvenzjoni NASCO, inkluż l-elenkar tal-bastimenti IUU u l-elenkar komuni ma’ RFMOs oħra, u miżuri li jippromwovu t-traċċabbiltà tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd abbażi tal-Linji Gwida Volontarji għall-Iskemi ta’ Dokumentazzjoni tal-Qbid; |
|
(e) |
miżuri ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza fiż-żona regolatorja tal-Konvenzjoni NASCO sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-kontroll u l-konformità mal-miżuri adottati fi ħdan in-NASCO inkluż it-tisħiħ tal-kontroll fuq l-operazzjonijiet tat-trażbord abbażi tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar it-Trażbord; |
|
(f) |
miżuri biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi marini u l-abitati tagħhom, inkluż miżuri protettivi għal ekosistemi marini vulnerabbli fiż-żona regolatorja bi qbil mal-Konvenzjoni NASCO, filwaqt li jitqiesu l-Linji Gwida Internazzjonali tal-FAO għall-Ġestjoni tas-Sajd fl-Ibħra Fondi fil-Baħar Miftuħ, miżuri biex jiġi evitat u jitnaqqas kemm jista’ jkun il-qbid mhux mixtieq, inkluż partikolarment l-ispeċijiet marini vulnerabbli, u biex gradwalment jiġi eliminat il-qbid skartat; |
|
(g) |
miżuri biex jitnaqqas it-tniġġis tal-baħar u jiġi prevenut l-iskariku tal-plastik fil-baħar u jitnaqqas l-impatt tal-plastik fil-baħar fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi marini, inkluż miżuri biex jitnaqqas l-impatt ta’ Rkaptu tas-Sajd Abbandunat, Mitluf jew Skartat Mod Ieħor fl-oċean u biex jiġu ffaċilitati l-identifikazzjoni u l-irkupru ta’ tali rkaptu abbażi tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Markar tal-Irkaptu tas-Sajd; |
|
(h) |
miżuri mmirati lejn il-projbizzjoni tas-sajd imwettaq biss bl-iskop tas-sajd għall-pinen tal-klieb il-baħar u li jirrikjedu li l-klieb il-baħar kollha jitħattew l-art bil-pinen kollha mwaħħla kif tipprovdi n-natura; |
|
(i) |
rakkomandazzjonijiet, fejn xieraq u sa fejn huwa permess skont id-dokumenti kostitwenti rilevanti, li jħeġġu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol ; |
|
(j) |
approċċi komuni ma’ RFMOs oħrajn, fejn xieraq, partikolarment dawk involuti fil-ġestjoni tas-sajd fl-istess reġjun; |
|
(k) |
tiżviluppa approċċi relatati mal-indirizzar tal-impatti ta’ attivitajiet mhux tas-sajd fuq ir-riżorsi bijoloġiċi marini fiż-żona tal-Konvenzjoni NASCO; |
|
(l) |
miżuri tekniċi addizzjonali abbażi tal-pariri mill-korpi sussidjarji u mill-gruppi ta’ ħidma tan-NASCO; |
|
(m) |
miżuri konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. |
ANNESS II
L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana
Qabel kull laqgħa tal-kunsill tan-NASCO, meta dak il-korp jintalab jadotta deċiżjonijiet li jista’ jkollhom effetti ġuridiċi fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni tqis l-aktar informazzjoni xjentifika reċenti u informazzjoni rilevanti oħra trażmessa lill-Kummissjoni, f’konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.
Għal dan il-għan, u abbażi ta’ dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-kunsill, jew lill-korpi preparatorji tiegħu fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tal-Kunsill tan-NASCO, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għal diskussjoni u approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni.
Jekk matul laqgħa tal-kunsill tan-NASCO ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil, inkluż f’dak il-waqt, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis elementi ġodda, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2805/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)