This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023D2530
Decision (EU) 2023/2530 of the European Central Bank of 28 September 2023 on the delegation of the power to adopt decisions not to object to intended macroprudential measures of national competent authorities or national designated authorities (ECB/2023/24)
Deċiżjoni (UE) 2023/2530 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2023 dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet biex ma ssirx oġġezzjoni għall-miżuri makroprudenzjali maħsuba tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew tal-awtoritajiet nazzjonali nnominati (BĊE/2023/24)
Deċiżjoni (UE) 2023/2530 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2023 dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet biex ma ssirx oġġezzjoni għall-miżuri makroprudenzjali maħsuba tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew tal-awtoritajiet nazzjonali nnominati (BĊE/2023/24)
ECB/2023/24
ĠU L, 2023/2530, 24.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2530/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
2023/2530 |
24.11.2023 |
DEĊIŻJONI (UE) 2023/2530 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-28 ta’ Settembru 2023
dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet biex ma ssirx oġġezzjoni għall-miżuri makroprudenzjali maħsuba tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew tal-awtoritajiet nazzjonali nnominati (BĊE/2023/24)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b ‘mod partikolari l-Artikoli 5(1) u 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas MSU) (BĊE/2014/17) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 101 tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa responsabbli għall-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u ġie fdat b’kompiti kemm mikro kif ukoll makroprudenzjali. L-għoti ta’ kompiti makroprudenzjali jsaħħaħ ir-rwol kontributorju tal-BĊE għall-istabbiltà finanzjarja diġà sanċita fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). |
(2) |
L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) u l-awtoritajiet nazzjonali nnominati (ANN) huma responsabbli għall-iffissar ta’ rati ta’ riżerva għal istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (G-SIIs) u istituzzjonijiet sistemikament importanti oħra (O-SIIs). |
(3) |
Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, l-ANK jew l-ANN tal-Istati Membri parteċipanti, kull meta jkun xieraq jew meqjus meħtieġ, japplikaw rekwiżiti għal riżervi ta’ kapital li għandhom jinżammu mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-livell rilevanti bl-għan li jiġu indirizzati r-riskji sistemiċi jew makroprudenzjali. |
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikolu 104 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014, l-ANK jew l-ANN jinnotifikaw l-intenzjoni tagħhom lill-BĊE li japplikaw miżuri makroprudenzjali għaxart ijiem ta’ xogħol qabel ma jieħdu tali deċiżjoni (notifika ta’ ‘miżuri makroprudenzjali maħsuba’). Malli jirċievi n-notifika, is-Segretarju tal-Bord Superviżorju jittrażmetti l-miżuri makroprudenzjali maħsuba lill-Kunsill Governattiv u lill-Bord Superviżorju mingħajr dewmien. Fuq proposta mħejjija mill-Bord Superviżorju, ibbażata fuq l-inizjattiva intiża u b’kont meħud tal-kontribut tal-kumitat rilevanti u l-istruttura interna tal-BĊE, il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol jekk iqajjimx oġġezzjonijiet jew le. Meta l-Kunsill Governattiv joġġezzjona għall-miżuri makroprudenzjali maħsuba, huwa jispjega r-raġunijiet tiegħu bil-miktub lill-ANK jew lill-ANN fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol min-notifika lill-BĊE. L-ANK jew l-ANN jikkunsidraw ir-raġunijiet tal-BĊE qabel ma jipproċedu bid-deċiżjoni finali, kif xieraq. |
(5) |
Il-BĊE huwa meħtieġ jivvaluta għadd sostanzjali ta’ miżuri makroprudenzjali maħsuba ppreżentati mill-ANK jew mill-ANN, inklużi dawk li jistabbilixxu riżervi O-SII u G-SII. Dawk il-valutazzjonijiet spiss jeħtieġ li jitwettqu f’perijodu ta’ żmien qasir ħafna. Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, huwa xieraq li tiġi prevista d-delega tas-setgħa għall-adozzjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet fi ħdan il-BĊE. B’mod partikolari, is-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet biex ma ssirx oġġezzjoni għal miżuri makroprudenzjali ppreżentati mill-ANK jew mill-ANN jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma tal-BĊE. Banek jew istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (G-SIBs-G-SIIs) huma banek jew istituzzjonijiet li jitqiesu li ma jitħallewx ifallu minħabba d-daqs, l-interkonnettività, il-kumplessità, in-nuqqas ta’ sostitwibbiltà jew l-ambitu globali tagħhom. Minħabba r-riperkussjonijiet transġurisdizzjonali potenzjali ta’ problema fi kwalunkwe wieħed mill-G-SIBs-G-SIIs fuq istituzzjonijiet finanzjarji oħra f’ħafna pajjiżi u fuq l-ekonomija globali b’mod ġenerali, din mhijiex problema unika għall-ANK jew għall-ANN, u għalhekk teħtieġ armonizzazzjoni fil-livell globali li hija riflessa fi ftehim globali milħuq mill-membri tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja u l-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja li l-eżitu tiegħu huwa ppubblikat mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja. Il-komunità globali qed tindirizza dawn il-kwistjonijiet permezz ta’ approċċ multidimensjonali. |
(6) |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet li d-delega ta’ awtorità hija meħtieġa u xierqa biex tippermetti lil istituzzjoni li tkun meħtieġa tadotta numru konsiderevoli ta’ deċiżjonijiet biex twettaq dmirijietha. Is-setgħat mogħtija lil istituzzjoni jinkludu d-dritt li tiddelega, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE, ċertu numru minn dawk is-setgħat, soġġett għal kwalunkwe kundizzjoni speċifikata mill-istituzzjoni. Istituzzjoni tal-Unjoni tista’ għalhekk tistabbilixxi miżuri ta’ natura organizzattiva, li jiddelegaw is-setgħa li jittieħdu deċiżjonijiet lill-korpi jew persuni interni tagħha sa fejn tali miżuri jkunu ġustifikati u jirrispettaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, id-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandha tkun kemm limitata kif ukoll proporzjonata, u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-delega għandu jkun definit b’mod ċar u soġġett għall-kundizzjonijiet speċifikati mill-istituzzjoni. |
(7) |
Fl-24 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u Българска народна банка (Bank Nazzjonali tal-Bulgarija) (3). Għall-finijiet ta’ kooperazzjoni mill-qrib, id-deċiżjoni li ma ssirx oġġezzjoni għal miżuri makroprudenzjali maħsuba li jikkonċernaw ir-Repubblika tal-Bulgarija ser tiġi adottata wkoll skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Deċiżjoni. |
(8) |
Meta l-kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni delegata ma jintlaħqux, għandhom jiġu adottati deċiżjonijiet skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikolu 13h tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew (4), |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
‘miżuri makroprudenzjali maħsuba’ tfisser il-miżuri li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) u l-awtoritajiet nazzjonali nnominati (ANN) beħsiebhom japplikaw biex jirrikjedu lill-banek iżommu ir-riżervi ta’ O-SII jew G-SII, skont l-Artikolu 131 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), kif formalment notifikati lill-BĊE għal deċiżjoni dwar jekk joġġezzjonax jew le; |
(2) |
‘riżerva ta’ O-SII’ tfisser il-fondi proprji li huma meħtieġa li jinżammu konformement mal-Artikolu 131(5) tad-Direttiva 2013/36/UE; |
(3) |
‘riżerva ta’ G-SII’ tfisser il-fondi proprji li huma meħtieġa li jinżammu konformement mal-Artikolu 131(4) tad-Direttiva 2013/36/UE; |
(4) |
‘valutazzjoni teknika tal-BĊE’ tfisser il-valutazzjoni teknika indipendenti mwettqa mill-BĊE li jeżerċita ġudizzju dwar ir-rati xierqa tar-riżerva ta’ kapital; |
(5) |
‘limitu minimu tal-BĊE’ tfisser l-aħħar verżjoni applikabbli tal-metodoloġija minima tal-BĊE għall-valutazzjoni tar-riżervi ta’ O-SII kif adottata mill-Kunsill Governattiv u bbażata fuq il-punteġġ ta’ importanza sistemika tal-banek, li talloka lil kull bank għal waħda minn diversi kategoriji ta’ importanza sistemika (“buckets”) fejn kull bucket ikun assoċjat ma’ riżerva ta’ O-SII speċifiċi li jenħtieġ li jitqiesu bħala limitu minimu; |
(6) |
‘sensittività’ jew ‘sensittiv’ tfisser karatteristika jew fattur li jista’ jkollu impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni tal-BĊE u/jew fuq il-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, inkluż iżda mhux limitat għal kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin: (a) tħassib sostanzjali espress fil-kumitat rilevanti u l-istruttura interna rilevanti fid-deliberazzjonijiet tagħhom mhux inklużi fil-valutazzjoni teknika tal-BĊE; (b) miżuri makroprudenzjali maħsuba li jistgħu jattiraw midja jew attenzjoni pubblika negattiva. |
Artikolu 2
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Din id-Deċiżjoni tispeċifika l-kriterji għad-delega tas-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet lill-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma tal-BĊE għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li ma joġġezzjonawx għal miżuri makroprudenzjali maħsuba.
2. Id-delega tas-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni teknika tal-BĊE mwettqa għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li ma joġġezzjonawx għall-miżuri makroprudenzjali maħsuba msemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 3
Delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet biex ma ssirx oġġezzjoni għal miżuri makroprudenzjali maħsuba
1. Il-Kunsill Governattiv b’dan jiddelega s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet biex ma joġġezzjonax għal miżuri makroprudenzjali maħsuba lill-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma nnominati mill-Bord Eżekuttiv.
2. Id-deċiżjonijiet li ma jkunx hemm oġġezzjoni għall-miżuri makroprudenzjali maħsuba msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati permezz ta’ deċiżjoni ddelegata meta l-kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5, kif rilevanti, jiġu ssodisfatti.
3. Id-deċiżjoni li ma ssirx oġġezzjoni għall-miżuri makroprudenzjali maħsuba msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tiġi adottata permezz ta’ deċiżjoni delegata fejn il-kumplessità tal-valutazzjoni teknika tal-BĊE jew is-sensittività tal-miżuri tirrikjedi li d-deċiżjoni tiġi adottata skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikolu 13h tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2.
4. Fejn kwalunkwe membru tal-kumitat rilevanti jew tal-istruttura interna tal-BĊE jesprimi tħassib dwar is-sustanza tal-miżuri makroprudenzjali maħsuba msemmija fil-paragrafu 1 filwaqt li jiġi kkonsultat dwar abbozz ta’ deċiżjoni ddelegata, il-kriterji tal-Artikoli 4 u 5, kif ikun rilevanti, għandhom jitqiesu li ma ġewx issodisfatti u/jew il-miżuri għandhom jitqiesu bħala sensittivi skont it-tifsira tal-Artikolu 1, punt 6, ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 4
Kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati biex ma ssirx oġġezzjoni għal miżuri makroprudenzjali maħsuba għal riżerva ta’ O-SII
Id-deċiżjonijiet li ma ssirx oġġezzjoni għal miżuri makroprudenzjali maħsuba għall-istabbiliment ta’ riżerva ta’ O-SII għandhom jiġu adottati f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 3, fejn jiġu ssodisfatti l-kriterji kollha li ġejjin:
(a) |
dawk il-miżuri makroprudenzjali maħsuba japplikaw l-aħħar metodoloġija għad-determinazzjoni tal-limitu minimu tal-BĊE; |
(b) |
il-valutazzjoni teknika tal-BĊE ta’ dawk il-miżuri ma tqajjem l-ebda tħassib fir-rigward ta’ dan li ġej:
|
(c) |
il-valutazzjoni teknika tal-BĊE ma tikkonkludix li l-BĊE għandu joġġezzjona għal dawk il-miżuri makroprudenzjali maħsuba. |
Artikolu 5
Kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati biex ma ssirx oġġezzjoni għal miżuri makroprudenzjali maħsuba għal riżerva ta’ G-SII
Id-deċiżjonijiet li ma ssirx oġġezzjoni għal miżuri makroprudenzjali maħsuba għall-istabbiliment ta’ riżerva ta’ G-SII għandhom jiġu adottati f’konformità mal-Artikolu 3, il-paragrafi 1 u 2, fejn dawk il-miżuri makroprudenzjali maħsuba mill-ANK jew l-ANN dwar ir-rati ta’ riżerva ta’ G-SII jkunu konformi mal-Valutazzjoni annwali tal-BĊE tal-G-SIBs-G-SIIs taż-Żona tal-MSU u mal-ftehim globali milħuq mill-membri tal-Kumitat ta’ Basel għas-Superviżjoni Bankarja u l-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja.
Artikolu 6
Reġistrazzjoni ta’ u rappurtar dwar approvazzjonijiet delegati ta’ deċiżjonijiet biex ma jkunx hemm oġġezzjoni għal miżuri makroprudenzjali maħsuba
1. Is-Segretarjat tal-Bord Superviżorju għandu jżomm rekord ta’ kwalunkwe deċiżjoni ddelegata meħuda skont din id-Deċiżjoni u għandu jinforma lis-Segretarjat tal-Kunsill Governattiv dwar kull tali deċiżjoni fuq bażi ta’ kull xahar.
2. Is-Segretarjat tal-Kunsill Governattiv għandu jippreżenta rapport trimestrali dwar l-eżerċizzju tas-setgħat delegati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-miżuri makroprudenzjali maħsuba lill-Kunsill Governattiv u lill-Bord Superviżorju.
Artikolu 7
Dispożizzjoni tranżitorja
Din id-Deċiżjoni m’ għandhiex tapplika fejn miżuri makroprudenzjali maħsuba jkunu ġew notifikati lill-BĊE qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Gurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Frankfurt am Main, it-28 ta’ Settembru 2023.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.
(2) ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1.
(3) Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1015 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Българска народна банка (Bank Nazzjonali tal-Bulgarija) (BĊE/2020/30) (ĠU L 224 I, 13.7.2020, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).
(5) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2530/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)