Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D2109

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2109 tal-10 ta’ Ottubru 2023 li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni umana tal-Ajru Uniku Ewropew u li tħassar id-Deċiżjoni C(2017) 7518

C/2023/6640

ĠU L, 2023/2109, 12.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2109/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2109/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2109

12.10.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2109

tal-10 ta’ Ottubru 2023

li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni umana tal-Ajru Uniku Ewropew u li tħassar id-Deċiżjoni C(2017) 7518

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 jirrikjedi li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati, inklużi l-korpi rappreżentattivi tal-persunal professjonali, jiġu kkonsultati dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew.

(2)

F’dan il-kuntest, dik li hija magħrufa bħala d-“dimensjoni umana” tal-Ajru Uniku Ewropew tinkludi l-bidliet tekniċi u operazzjonali fil-prattiki u l-proċeduri tax-xogħol, li jħallu impatt fuq individwi u fuq gruppi ta’ atturi fl-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol u aspetti soċjali oħra tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru huma indirizzati fil-Kumitat stabbilit skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE (2).

(3)

Kien hemm ħtieġa kontinwa għal mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni effettiv fil-livell tal-Unjoni li jipprovdi għarfien espert dwar id-dimensjoni umana tal-Ajru Uniku Ewropew, mingħajr preġudizzju għall-ħidma li saret fuq l-implimentazzjoni tar-regoli relatati mal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM)/is-Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru (ANS) skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Għal dan il-għan, fl-2017 il-Kummissjoni talbet għall-għarfien espert tal-ispeċjalisti billi waqqfet grupp ta’ esperti dwar id-dimensjoni umana tal-Ajru Uniku Ewropew (4).

(4)

Id-Deċiżjoni li stabbiliet il-grupp ta’ esperti dwar id-dimensjoni umana tal-Ajru Uniku Ewropew jenħtieġ li titħassar u tiġi sostitwita b’Deċiżjoni ġdida biex tiġi żgurata l-konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 (5) li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, huma meħtieġa modifiki fir-rigward tas-sħubija u l-presidenza tal-grupp. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiżdied dispożizzjoni li tippermetti l-parteċipazzjoni ta’ osservaturi biex jiġi diversifikat l-għarfien espert ipprovdut mill-grupp.

(5)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni minn membri tal-grupp.

(6)

Id-data personali jenħtieġ li tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(7)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-ħidma tal-grupp ta’ esperti dwar id-dimensjoni umana tal-Ajru Uniku Ewropew, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 7518 jenħtieġ li titħassar 3 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni sabiex jingħata biżżejjed żmien biex jinħatru l-membri tal-grupp ta’ esperti l-ġdid.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Il-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni umana tal-Ajru Uniku Ewropew (“il-grupp”) huwa b’dan stabbilit.

Artikolu 2

Kompiti

Il-kompiti tal-grupp għandhom ikunu:

(a)

li jipprovdi parir espert lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew fir-rigward ta’ miżuri li għandhom implikazzjonijiet sinifikanti fir-rigward tad-dimensjoni umana;

(b)

li jiffaċilita l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, tal-programmi u tal-politiki tal-Unjoni dwar l-Ajru Uniku Ewropew, b’mod partikolari d-dimensjoni umana tiegħu;

(c)

li jiżgura skambju ta’ għarfien espert, esperjenza u prattika tajba fost il-membri fir-rigward tad-dimensjoni umana tal-Ajru Uniku Ewropew.

Artikolu 3

Sħubija

1.   Il-membri għandhom ikunu individwi maħtura fil-kapaċità personali tagħhom u organizzazzjonijiet b’għarfien u esperjenza fid-dimensjoni umana tal-Ajru Uniku Ewropew.

2.   Il-membri maħtura fil-kapaċità personali tagħhom jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku.

3.   L-organizzazzjonijiet għandhom jinnominaw ir-rappreżentanti tagħhom u għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw li r-rappreżentanti tagħhom jipprovdu livell għoli ta’ għarfien espert.

4.   Il-membri li ma jkunux għadhom jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv għad-deliberazzjonijiet tal-grupp ta’ esperti, li, fl-opinjoni tad-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport tal-Kummissjoni (DĠ MOVE) ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew li jirriżenjaw, ma għandhomx jibqgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat tal-grupp u jistgħu jiġu ssostitwiti għall-bqija tal-mandat tagħhom.

Artikolu 4

Proċess tal-għażla

1.   L-għażla tal-membri tal-grupp għandha ssir permezz ta’ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet li għandha tiġi ppubblikata fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u ta’ entitajiet simili oħrajn (“ir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti”). Barra minn hekk, is-sejħa għall-applikazzjonijiet tista’ tiġi ppubblikata permezz ta’ mezzi oħra, inkluż fuq siti web apposta. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għandha turi b’mod ċar il-kriterji tal-għażla, li jinkludu l-livell ta’ għarfien espert neċessarju u l-interessi li għandhom ikunu rappreżentati rigward il-ħidma li trid titwettaq. L-iskadenza minima għall-applikazzjonijiet għandha tkun ta’ erba’ ġimgħat.

2.   L-individwi li japplikaw biex jinħatru bħala membri tal-grupp fil-kapaċità personali tagħhom għandhom jiżvelaw kull ċirkostanza li tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interessi. B’mod partikolari, il-Kummissjoni teżiġi li bħala parti mill-applikazzjoni tagħhom dawk l-individwi jippreżentaw formola tad-dikjarazzjoni tal-interessi (“DOI”) ibbażata fuq il-formola standard tad-dikjarazzjoni tal-interessi tal-gruppi ta’ esperti (7), flimkien ma’ curriculum vitae (CV) aġġornat. Sabiex kandidat ikun eliġibbli biex jinħatar fil-kapaċità personali tiegħu, dan jintalab jissottometti formola DOI mimlija kif suppost. Il-valutazzjoni tal-kunflitt ta’ interessi għandha ssir b’konformità mar-regoli orizzontali tal-Kummissjoni għall-gruppi ta’ esperti (“ir-regoli orizzontali”) (8).

3.   Ir-reġistrazzjoni fir-Reġistru ta’ Trasparenza hija meħtieġa biex jinħatru l-organizzazzjonijiet.

4.   Il-membri tal-grupp għandhom jinħatru mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ MOVE minn fost applikanti b’kompetenzi fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 2 u li jkunu wieġbu għas-sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet.

5.   Il-Membri għandhom jinħatru għal ħames snin. Dawn għandhom jibqgħu fil-kariga sa tmiem il-mandat tagħhom jew sakemm jiġu sostitwiti. Il-mandat tagħhom jista’ jiġġedded.

6.   Id-DĠ MOVE jista’ jistabbilixxi lista ta’ riżerva ta’ kandidati xierqa li tkun tista’ tintuża biex jinħatru sostituti tal-membri. Id-DĠ MOVE għandu jitlob il-kunsens tal-applikanti qabel ma jinkludihom fil-lista ta’ riżerva.

Artikolu 5

President

Il-grupp għandu jeleġġi President u Viċi President minn fost il-membri tiegħu b’maġġoranza sempliċi għal perjodu ta’ sena waħda, li jista’ jiġġedded darba.

Artikolu 6

Funzjonament

1.   Il-grupp għandu jaġixxi fuq talba tal-president tiegħu, bil-qbil tad-DĠ MOVE, u f’konformità mar-regoli orizzontali u r-regoli ta’ proċedura tal-grupp (9).

2.   Fil-prinċipju, il-laqgħat tal-grupp għandhom isiru f’bini tal-Kummissjoni jew virtwalment, skont iċ-ċirkostanzi.

3.   L-uffiċjali tad-DĠ MOVE għandhom jattendu l-laqgħat u jiżguraw servizzi ta’ appoġġ u servizzi segretarjali (10). Jistgħu jattendu wkoll uffiċjali minn dipartimenti oħra tal-Kummissjoni li jkollhom interess fil-proċedimenti.

4.   Bi qbil mad-DĠ MOVE, b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, il-grupp jista’ jiddeċiedi li d-deliberazzjonijiet għandhom ikunu pubbliċi.

5.   Il-minuti tad-diskussjoni ta’ kull punt fuq l-aġenda u tal-opinjonijiet mogħtija mill-grupp għandhom ikunu siewja u sħaħ. Il-minuti għandhom jitħejjew mis-servizzi segretarjali taħt ir-responsabbilità tal-President.

6.   Fejn possibbli, il-grupp għandu jadotta l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti tiegħu b’kunsens. F’każ ta’ votazzjoni, ir-riżultat tal-votazzjoni għandu jiġi deċiż b’maġġoranza sempliċi tal-membri. Il-membri li jkunu vvutaw kontra jew li jkunu astjenew għandu jkollhom id-dritt li jippreżentaw fil-qosor ir-raġunijiet li wasslu għall-pożizzjoni tagħhom, f’anness bil-miktub mal-opinjonijiet, mar-rakkomandazzjonijiet jew mar-rapporti.

Artikolu 7

Sottogruppi

1.   Id-DĠ MOVE jista’ jistabbilixxi sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi ta’ termini ta’ referenza ddefiniti mid-DĠ MOVE. Is-sottogruppi għandhom jiffunzjonaw f’konformità mar-regoli orizzontali u għandhom jirrapportaw lura lill-grupp. Dawn għandhom jiġu xolti malli l-mandat tagħhom jiġi mwettaq.

2.   Il-membri tas-sottogruppi li ma jkunux membri tal-grupp għandhom jintagħżlu permezz ta’ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet, b’konformità mal-Artikolu 5 u mar-regoli orizzontali.

Artikolu 8

Esperti mistiedna

Id-DĠ MOVE jista’ jistieden lil esperti mhux membri tal-grupp, li jkollhom għarfien espert speċifiku dwar suġġett fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp fuq bażi ad hoc. Dawn ma għandux ikollhom id-dritt tal-vot.

Artikolu 9

Osservaturi

1.   Individwi, organizzazzjonijiet u korpi pubbliċi li mhumiex awtoritajiet tal-Istati Membri, jistgħu jingħataw status ta’ osservaturi, b’konformità mar-regoli orizzontali, bi stedina diretta mid-DĠ MOVE.

2.   L-organizzazzjonijiet u l-entitajiet pubbliċi li jinħatru bħala osservaturi għandhom jinnominaw lir-rappreżentanti tagħhom.

3.   L-osservaturi u r-rappreżentanti tal-osservaturi jistgħu jkunu awtorizzati mill-President biex jieħdu sehem fid-diskussjonijiet tal-grupp u tas-sottogruppi tiegħu u biex jipprovdu għarfien espert. Madankollu, ma għandhomx ikollhom id-dritt tal-vot u ma għandhomx jipparteċipaw fit-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet jew pariri tal-grupp u tas-sottogruppi tiegħu.

Artikolu 10

Regoli ta’ proċedura

Fuq proposta mid-DĠ MOVE u bi qbil miegħu, il-grupp għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti, b’konformità mar-regoli orizzontali. Is-sottogruppi għandhom jiffunzjonaw f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tal-grupp.

Artikolu 11

Segretezza professjonali u trattament ta’ informazzjoni klassifikata

Il-membri tal-grupp u r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna, huma soġġetti għall-obbligu tas-segretezza professjonali, li skont it-Trattati u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, japplika għall-membri kollha tal-istituzzjonijiet u għall-persunal tagħhom, u huma soġġetti wkoll għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-Unjoni, kif stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (11) u 2015/444 (12). F’każ li dawn l-obbligi ma jiġux rispettati, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.

Artikolu 12

Trasparenza

1.   Il-grupp u s-sottogruppi tiegħu għandhom jiġu rreġistrati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u entitajiet oħra simili (“ir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti”).

2.   Rigward il-kompożizzjoni tal-grupp u tas-sottogruppi, għandha tiġi ppubblikata d-data li ġejja fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti:

l-ismijiet tal-individwi li jinħatru fil-kapaċità personali tagħhom;

l-ismijiet tal-organizzazzjonijiet membri; l-interess rappreżentat għandu jkun żvelat;

l-ismijiet tal-osservaturi.

3.   Id-dokumenti rilevanti kollha, inklużi l-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti, għandhom ikunu disponibbli fuq ir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti. B’mod partikolari, l-aġenda u dokumenti oħra ta’ sfond rilevanti għandhom jiġu ppubblikati fi żmien xieraq qabel il-laqgħa, segwiti mill-pubblikazzjoni fil-ħin tal-minuti. L-eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni għandhom ikunu possibbli biss meta l-iżvelar ta’ xi dokument ikun idgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

Artikolu 13

Spejjeż tal-laqgħat

1.   Dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-grupp u tas-sottogruppi ma għandhomx jirċievu remunerazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrimborża l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u, fejn xieraq, tas-sussistenza mġarrba mill-parteċipanti fil-laqgħat tal-grupp f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 5858 (14) u bi qbil minn qabel mid-DĠ MOVE. Ir-rimborż għandu jsir f’konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati lid-dipartimenti tal-Kummissjoni skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 14

Tħassir

Id-Deċiżjoni C(2017) 7518 tal-21 ta’ Novembru 2017 li tistabbilixxi grupp ta’ esperti dwar id-dimensjoni umana tal-Ajru Uniku Ewropew titħassar fil-15 ta’ Frar 2024.

Artikolu 15

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kummissjoni

Adina-Ioana VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 96 31.3.2004, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE tal-20 ta’ Mejju 1998, dwar l-istabbiliment ta’ Kumitati ta’ Djalogu Settorjali biex iġibu ’l quddiem id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew (ĠU L 225, 12.8.1998, p. 27).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 7518 tal-21 ta’ Novembru 2017 dwar it-twaqqif ta’ grupp ta’ esperti dwar id-dimensjoni umana tal-Ajru Uniku Ewropew.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 tat-30 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(7)  C(2016) 3301, l-Artikolu 11 u l-Anness 4.

(8)  Idem.

(9)  Ara l-Artikolu 10.

(10)  Tali servizzi jistgħu jiġu pprovduti minn kuntrattur estern taħt is-superviżjoni tad-DĠ MOVE.

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Dawn l-eċċezzjonijiet huma maħsuba biex jipproteġu s-sigurtà pubblika, l-affarijiet militari, ir-relazzjonijiet internazzjonali, il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika, il-privatezza u l-integrità tal-individwu, l-interessi kummerċjali, il-proċeduri tal-qorti u l-pariri legali, l-ispezzjonijiet/l-investigazzjonijiet/l-awditi u l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjoni.

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 5858 tal-5 ta’ Diċembru 2007 “Regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba min-nies barra mill-Kummissjoni mistiedna jattendu laqgħat fil-kapaċità tagħhom ta’ esperti”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2109/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top