This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023D1978
Commission Implementing Decision (EU) 2023/1978 of 21 September 2023 on the applicability of Article 34 of Directive 2014/25/EU of the European Parliament and of the Council to the award of contracts for the activities related to the generation and wholesale of electricity from renewable sources in Germany, with the exception of electricity from renewable sources generated in installations that went into operation before 1 August 2014 and still receive public funding and activities related to the generation and wholesale of electricity from offshore wind farms commissioned after 1 January 2012 and subject to the 2012 Renewable Energy Sources Act (Erneuerbare-Energien-Gesetz) in Germany (notified under document C(2023) 6271) (Only the German text is authentic) (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1978 tal-21 ta’ Settembru 2023 dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rabta mal-għoti ta’ kuntratti għall-attivitajiet relatati mal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fil-Ġermanja, bl-eċċezzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli ġġenerat f’installazzjonijiet li bdew joperaw qabel l-1 ta’ Awwissu 2014 u li għadhom jirċievu finanzjament pubbliku, u għall-attivitajiet relatati mal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn parks eoliċi lil hinn mill-kosta kkummissjonati wara l-1 ta’ Jannar 2012 u soġġetti għall-Att dwar is-Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli tal-2012 (Erneuerbare-Energien-Gesetz) fil-Ġermanja (notifikata bid-dokument C(2023) 6271) (It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1978 tal-21 ta’ Settembru 2023 dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rabta mal-għoti ta’ kuntratti għall-attivitajiet relatati mal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fil-Ġermanja, bl-eċċezzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli ġġenerat f’installazzjonijiet li bdew joperaw qabel l-1 ta’ Awwissu 2014 u li għadhom jirċievu finanzjament pubbliku, u għall-attivitajiet relatati mal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn parks eoliċi lil hinn mill-kosta kkummissjonati wara l-1 ta’ Jannar 2012 u soġġetti għall-Att dwar is-Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli tal-2012 (Erneuerbare-Energien-Gesetz) fil-Ġermanja (notifikata bid-dokument C(2023) 6271) (It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2023/6271
ĠU L 235, 25.9.2023, pp. 13–22
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
25.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 235/13 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1978
tal-21 ta’ Settembru 2023
dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rabta mal-għoti ta’ kuntratti għall-attivitajiet relatati mal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fil-Ġermanja, bl-eċċezzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli ġġenerat f’installazzjonijiet li bdew joperaw qabel l-1 ta’ Awwissu 2014 u li għadhom jirċievu finanzjament pubbliku, u għall-attivitajiet relatati mal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn parks eoliċi lil hinn mill-kosta kkummissjonati wara l-1 ta’ Jannar 2012 u soġġetti għall-Att dwar is-Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli tal-2012 (Erneuerbare-Energien-Gesetz) fil-Ġermanja
(notifikata bid-dokument C(2023) 6271)
(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 35(3) tagħha,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkwist Pubbliku,
Billi:
1. FATTI U PROĊEDURA
|
(1) |
Fit-13 ta’ April 2023, l-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Industriji tal-Enerġija u tal-Ilma (Bundesverband der Energie- und Wasserwirtschaf e.V., “BDEW” jew “l-Applikant”) ressqet talba lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2014/25/UE (“it-Talba”). It-Talba tikkonforma mar-rekwiżiti formali stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1804 (2) u fl-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. |
|
(2) |
Il-BDEW hija assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-impriżi fis-settur Ġermaniż tal-enerġija u tal-ilma li huma kkunsidrati bħala entitajiet kontraenti skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/25/UE. It-talba tikkonċerna attivitajiet relatati mal-ġenerazzjoni u mal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fil-Ġermanja, bl-eċċezzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli ġġenerat f’installazzjonijiet li bdew joperaw qabel l-1 ta’ Awwissu 2014 u li għadhom jirċievu finanzjament pubbliku. |
|
(3) |
It-talba kienet akkumpanjata minn pożizzjoni motivata u sostanzjata tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji Ġermaniż (Bundeskartellamt, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “BKartA”) datata l-25 ta’ Mejju 2022. F’din il-pożizzjoni, il-BKartA janalizza bir-reqqa l-kundizzjoni għall-applikabbiltà tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE għall-attività kkonċernata, f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dak l-Artikolu. |
|
(4) |
F’konformità mal-punt 1(a) tal-Anness IV tad-Direttiva 2014/25/UE, peress li l-aċċess liberu għas-suq jista’ jiġi preżunt abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(3) ta’ dik id-Direttiva, il-Kummissjoni trid tadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni dwar it-talba fi żmien 90 jum ta’ xogħol. |
|
(5) |
Fis-16 ta’ Mejju 2023, il-BDEW issottomettiet argumenti addizzjonali li jispjegaw għaliex hija qieset partijiet mill-analiżi tal-BKartA dwar l-esponiment ta’ partijiet mill-attività tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli għall-kompetizzjoni fil-Ġermanja bħala mhux fondati għalkollox. |
|
(6) |
Fil-15 ta’ Ġunju 2023, Ørsted A/S ippreżentat talba lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2014/25/UE. Din it-talba tikkonċerna l-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn parks eoliċi lil hinn mill-kosta fil-Ġermanja kkummissjonati wara l-1 ta’ Jannar 2012 u soġġetti għall-Att dwar is-Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli (Erneuerbare-Energien-Gesetz, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “EEG” 2012). Skont l-Artikolu 35(5) tad-Direttiva 2014/25/UE, din it-talba ma hijiex trattata bħala proċedura ġdida u hija trattata fil-kuntest tal-ewwel talba. Il-Kummissjoni u l-BDEW qablu li, bħala riżultat ta’ din it-tieni talba, l-iskadenza għall-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni tiġi stabbilita għall-25 ta’ Settembru 2023. |
2. QAFAS LEGALI
|
(7) |
Id-Direttiva 2014/25/UE tapplika għall-għoti ta’ kuntratti għat-twettiq ta’ attivitajiet relatati mal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku msemmija fl-Artikolu 9(1)(b), sakemm din l-attività ma tkunx eżentata skont l-Artikolu 34 ta’ dik id-Direttiva. |
|
(8) |
Skont l-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE, kuntratti maħsuba sabiex jippermettu t-twettiq ta’ attività li għaliha tapplika d-Direttiva ma għandhomx, fuq talba minn Stat Membru jew minn entità kontraenti, ikunu soġġetti għal dik id-Direttiva jekk, fl-Istat Membru fejn titwettaq, l-attività tkun esposta direttament għall-kompetizzjoni fi swieq li għalihom l-aċċess ma huwiex ristrett. |
|
(9) |
L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni jrid jiġi vvalutat abbażi ta’ kriterji oġġettivi, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ikkonċernat. Madankollu, din il-valutazzjoni hija limitata mill-iskadenzi qosra applikabbli u mill-ħtieġa li wieħed jibbaża fuq l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni. Dik l-informazzjoni toriġina jew minn sorsi diġà disponibbli jew mill-informazzjoni miksuba fil-kuntest tat-talba skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/25/UE, u ma tistax tiġi ssupplimentata minn metodi li jieħdu aktar ħin, inkluż, b’mod partikolari, investigazzjonijiet pubbliċi indirizzati lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati. |
|
(10) |
L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni f’suq partikolari jenħtieġ li jiġi evalwat abbażi ta’ diversi kriterji, li l-ebda wieħed minnhom ma huwa deċiżiv minnu nnifsu. |
|
(11) |
Għall-finijiet tal-valutazzjoni dwar jekk l-attivitajiet rilevanti humiex soġġetti għal kompetizzjoni diretta fis-swieq ikkonċernati minn din id-Deċiżjoni, irid jitqies is-sehem mis-suq tal-atturi ewlenin, kif ukoll l-eżistenza u l-firxa tal-appoġġ għall-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku rinnovabbli fil-Ġermanja permezz ta’ skemi. |
3. VALUTAZZJONI
|
(12) |
L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tistabbilixxi jekk l-attivitajiet ikkonċernati mit-talba, fis-swieq li għalihom l-aċċess ma huwiex ristrett skont it-tifsira tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE, humiex esposti għal livell ta’ kompetizzjoni li jiżgura li, anke fin-nuqqas tad-dixxiplina tal-akkwist miġjuba mir-regoli dettaljati dwar l-akkwist stabbiliti fid-Direttiva 2014/25/UE, l-akkwist għat-twettiq tal-attività kkonċernata jsir b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju, abbażi tal-kriterji li jippermettu lill-akkwirenti jidentifikaw is-soluzzjoni li b’mod ġenerali tkun l-aktar waħda ekonomikament vantaġġuża. |
|
(13) |
Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni ġuridika u fattwali minn April u Ġunju 2023 rispettivament u fuq l-informazzjoni sottomessa mill-BDEW, minn Ørsted, mill-awtoritajiet Ġermaniżi, u fuq l-informazzjoni li hija disponibbli għall-pubbliku. Din tista’ tiġi riveduta, jekk bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni legali jew fattwali jfissru li l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE ma jibqgħux jiġu ssodisfati. |
3.1. Aċċess mhux ristrett għas-suq
|
(14) |
L-aċċess għal suq jitqies li ma huwiex ristrett jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun implimenta u applika l-atti legali rilevanti tal-Unjoni elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2014/25/UE, li jinkludu, fir-rigward tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku, id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
|
(15) |
Abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, il-Ġermanja ttrasponiet u tapplika d-Direttiva (UE) 2019/944. Konsegwentement, l-aċċess għas-suq rilevanti jitqies li ma huwiex ristrett skont it-tifsira tal-Artikolu 34(3) tad-Direttiva 2014/25/UE. |
3.2. Valutazzjoni tal-kompetizzjoni
3.2.1. Definizzjoni tas-suq tal-prodott rilevanti
|
(16) |
Skont il-BDEW, is-suq tal-prodott rilevanti huwa magħmul minn ġenerazzjoni u bejgħ bl-ingrossa konvenzjonali u rinnovabbli, bl-eċċezzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli ġġenerat f’installazzjonijiet li bdew joperaw qabel l-1 ta’ Awwissu 2014 u li għadhom jirċievu finanzjament pubbliku. Skont Ørsted, is-suq rilevanti jinkludi l-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku soġġetti għall-opzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta mill-2012 jew l-obbligu ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta mill-2014. |
|
(17) |
Il-BDEW tosserva (4) li għall-installazzjonijiet kollha kkummissjonati wara l-1 ta’ Awwissu 2014, il-kummerċjalizzazzjoni diretta obbligatorja hija l-forma standard ta’ kummerċjalizzazzjoni. L-installazzjonijiet fil-kummerċjalizzazzjoni diretta obbligatorja jistgħu jagħżlu bejn il-kummerċjalizzazzjoni diretta bi premium tas-suq u l-kummerċjalizzazzjoni diretta mingħajr appoġġ (l-hekk imsejħa kummerċjalizzazzjoni diretta oħra). Eċċezzjoni għall-obbligu ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta teżisti biss għal installazzjonijiet żgħar. Għall-installazzjonijiet ikkummissjonati qabel l-1 ta’ Jannar 2016, dawn huma installazzjonijiet sa 500 kW filwaqt li għall-installazzjonijiet ikkummissjonati mill-1 ta’ Jannar 2016, dawn huma installazzjonijiet taħt u sa 100 kW. Tali installazzjonijiet żgħar jistgħu jiddeċiedu jekk jagħżlux il-mudell tariffarju feed-in fissa jew il-kummerċjalizzazzjoni diretta. |
|
(18) |
Fir-rigward tal-installazzjonijiet li għadhom jirċievu finanzjament pubbliku, il-BDEW tindika li l-installazzjonijiet “ta’ wara l-appoġġ” huma dawk li huma esklużi jew li se jiġu esklużi mill-appoġġ wara għoxrin sena ta’ appoġġ mill-1 ta’ Jannar 2021 ’il quddiem. L-installazzjonijiet “ta’ wara l-appoġġ” b’kapaċità elettrika installata ta’ aktar minn 100 kW iridu jikkummerċjalizzaw l-elettriku direttament mingħajr ebda appoġġ (kummerċjalizzazzjoni diretta oħra). L-installazzjonijiet b’kapaċità elettrika installata sa u li tinkludi 100 kW għandhom l-għażla bejn kummerċjalizzazzjoni diretta oħra (mhux appoġġata) u l-bejgħ dirett lill-operatur tal-grilja bi ħlas ta’ tariffa feed-in. Madankollu, din it-tariffa feed-in issa tammonta biss għall-“valur annwali tas-suq” nieqes il-kostijiet medji tal-kummerċjalizzazzjoni tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għall-elettriku mibjugħ lill-operatur tal-grilja (5). Għalhekk, il-leġiżlatur Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni jittrattaw din ir-remunerazzjoni bħala appoġġ esklużivament ibbażat fuq is-suq (“element tranżizzjonali”) u għalhekk mhux bħala għajnuna mill-Istat (“ebda għajnuna”) (6). Bl-eċċezzjoni ta’ impjanti fuq skala żgħira, kummerċjalizzazzjoni diretta obbligatorja oħra tapplika għal impjanti ta’ “wara l-appoġġ”. |
|
(19) |
F’deċiżjoni preċedenti relatata mal-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-Ġermanja (7), il-Kummissjoni kienet għamlet distinzjoni bejn is-suq għall-ġenerazzjoni tal-elettriku konvenzjonali u s-suq għall-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli. Il-Kummissjoni qieset li l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku regolati mill-EEG ma kinux parti mis-suq għall-ġenerazzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku prodott minn sorsi konvenzjonali minħabba li l-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli normalment ma kienx jinbiegħ direttament fis-suq bl-ingrossa iżda jinxtara l-ewwel mill-operaturi tal-grilja ta’ trażmissjoni għal rata ta’ remunerazzjoni statutorja. |
|
(20) |
F’deċiżjonijiet aktar tard, il-Kummissjoni sabet li l-ġenerazzjoni tal-elettriku konvenzjonali u (mill-inqas xi wħud) rinnovabbli kienu parti mill-istess suq. Fid-deċiżjoni tagħha dwar in-Netherlands (8), il-Kummissjoni nnotat li l-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli nbiegħ direttament fis-suq, u li s-sistema Olandiża SDE+ ħeġġet offerti kompetittivi, filwaqt li l-kompetituri jippruvaw jimminimizzaw il-kost tagħhom (għalhekk il-premium feed-in li jirċievu). Fid-deċiżjoni tagħha dwar l-Italja (9), il-Kummissjoni rrimarkat li l-iskemi tal-elettriku rinnovabbli aktar riċenti kienu soġġetti għal proċess ta’ offerti b’għadd kbir ta’ applikanti. Fid-deċiżjoni tagħha relatata mal-Litwanja (10), il-Kummissjoni ddikjarat li l-elettriku prodott skont it-tielet skema ta’ appoġġ irċieva appoġġ abbażi tal-premium stabbilit permezz ta’ proċedura kompetittiva ta’ offerti u sabet li kien parti mill-istess suq bħall-ġenerazzjoni konvenzjonali tal-elettriku. Fl-2022 fir-rigward tad-Danimarka (11), il-Kummissjoni sabet li l-allokazzjoni tal-finanzjament pubbliku kienet esposta għall-kompetizzjoni permezz ta’ proċess ta’ offerti, li jiddixxiplina l-imġiba tal-produtturi tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fir-rigward tal-politika tal-akkwist tagħhom. B’riżultat ta’ dan, hija kkonkludiet li l-faċilitajiet għall-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli soġġetti għat-talba kienu jappartjenu għall-istess suq bħall-ġenerazzjoni konvenzjonali tal-elettriku. |
|
(21) |
Fil-pożizzjoni tiegħu, il-BKartA josserva (12) li, bejn il-bidu tal-2012 u t-tmiem tal-2020, ġew installati madwar 65 GW ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni appoġġata skont l-EEG, li jirrappreżenta nofs il-kapaċità appoġġata mill-EEG u kwart tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni totali fil-Ġermanja. Fl-2020, l-elettriku appoġġat mill-EAG ammonta għal madwar 20 % tal-ġenerazzjoni totali tal-elettriku fil-Ġermanja. Il-ħlasijiet skont l-EEG żdiedu biss b’mod moderat, peress li għadd dejjem akbar ta’ faċilitajiet ta’ ġenerazzjoni ddeċidew li jbigħu l-produzzjoni tagħhom fis-suq (“kummerċjalizzazzjoni diretta”) minflok ma jirċievu premium fiss. Fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq tal-prodotti, il-BKartA ripetutament kien tal-fehma, fil-prattika deċiżjonali tal-antitrust tiegħu, li l-elettriku tal-EEG kien suq separat (13). |
|
(22) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fil-Ġermanja hija appoġġata minn għadd ta’ skemi b’karatteristiċi differenti. |
|
(23) |
Minħabba d-diversità tal-iskemi li jappoġġaw il-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fil-Ġermanja, is-suq, għall-finijiet tal-analiżi f’dawn il-premessi, se jinqasam bejn, minn naħa waħda, l-installazzjonijiet li jistgħu jirċievu remunerazzjoni indipendenti mill-prezzijiet tas-suq (tariffa feed-in fissa, ħlas addizzjonali għall-elettriku mill-kerrej) u, min-naħa l-oħra, l-installazzjonijiet li jirċievu remunerazzjoni marbuta mal-prezzijiet tas-suq (kummerċjalizzazzjoni diretta b’valur legalment iddeterminat applikabbli, kummerċjalizzazzjoni diretta b’valur applikabbli ddeterminat permezz ta’ offerti, impjanti qodma postssussidjati u kummerċjalizzazzjoni diretta oħra). Dan l-approċċ huwa konformi mad-deċiżjoni ta’ eżenzjoni tal-Kummissjoni 2012/218/UE dwar is-suq tal-elettriku Ġermaniż, li fiha, il-Kummissjoni kienet sabet li l-eżistenza ta’ remunerazzjoni statutorja kienet karatteristika ewlenija meta analizzat l-esponiment għall-kompetizzjoni tal-elettriku tal-EEG. |
3.2.2. Id-definizzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti
|
(24) |
Skont il-BDEW, abbażi tal-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni, is-suq ġeografiku rilevanti jenħtieġ li jiġi definit bħala nazzjonali, li jinkludi t-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (14). |
|
(25) |
Fir-rigward tas-suq ġeografiku, fil-prattika preċedenti tiegħu (15), il-Kummissjoni kienet tal-fehma li s-suq għall-ġenerazzjoni tal-elettriku huwa nazzjonali fl-ambitu tiegħu. Il-pożizzjoni tal-Applikant hija konsistenti mal-prassi tal-Kummissjoni. |
|
(26) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni ta’ ambitu differenti tas-suq ġeografiku, għall-finijiet tal-valutazzjoni skont din id-Deċiżjoni, u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, l-ambitu ġeografiku tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli jista’ jitqies li jkopri t-territorju tal-Ġermanja. |
3.2.3. Analiżi tas-suq
3.2.3.1.
|
(27) |
Il-Kummissjoni se twettaq analiżi tas-suq tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u tal-bejgħ bl-ingrossa fil-Ġermanja abbażi tad-data disponibbli għall-ġenerazzjoni tal-elettriku konvenzjonali u rinnovabbli rispettivament. |
|
(28) |
Il-BKartA jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-ishma tas-suq fir-rapport annwali tiegħu dwar is-suq għall-ġenerazzjoni tal-elettriku konvenzjonali. Matul il-perjodu 2019-2021, l-ishma annwali tas-suq tal-akbar ħames produtturi tal-elettriku konvenzjonali kienu pjuttost stabbli: RWE (26 %, 25,3 %, 26,1 %), LEAG (16,2 %, 14,9 %, 15,7 %), EnBW (12,7 %, 9,9 %, 11,4 %), EON (8,8 %, 9,6 %, 9,2 %) u Vattenfall (6,4 %, 5,6 %, 4,5 %). Tnejn biss minn dawn il-kumpaniji, EnBW u Vattenfall, huma entitajiet kontraenti. Ørsted kellha sehem mis-suq ta’ inqas minn 1 % għas-suq ikkombinat tal-ġenerazzjoni tal-elettriku konvenzjonali u rinnovabbli fl-2020, fl-2021 u fl-2022 (16). |
|
(29) |
L-ismijiet u l-ishma mis-suq tal-akbar tliet produtturi tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli ma humiex disponibbli għall-pubbliku. Dan huwa parzjalment dovut għall-għadd kbir ta’ atturi attivi fis-suq tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli. |
|
(30) |
Il-BKartA ddetermina li l-ishma mis-suq tal-ħames kumpaniji msemmija hawn fuq bl-ogħla bejgħ fil-ġenerazzjoni konvenzjonali tal-elettriku flimkien ammontaw, għall-volum tal-ġenerazzjoni appoġġat skont l-EEG għaż-żona tas-suq tal-Ġermanja fl-2021, għal madwar 6,4 % (17). |
|
(31) |
Skont il-BDEW, wieħed jista’ jassumi li l-ishma mis-suq tal-ġeneraturi tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli huma relattivament żgħar, u li l-ebda wieħed minnhom ma għandu aktar minn 10 % tas-sehem mis-suq. |
|
(32) |
Il-BKartA jiddikjara fil-pożizzjoni tiegħu (18) li fil-bejgħ bl-ingrossa ġenerali tal-elettriku fil-Ġermanja tipprevali pressjoni kompetittiva effettiva u li s-sinjali tal-prezzijiet bl-ingrossa huma r-riżultat ta’ kompetizzjoni effettiva. Għalhekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ pressjoni kompetittiva mill-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku konvenzjonali fuq il-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku rinnovabbli, soġġetta għal analiżi aktar dettaljata tal-iskemi ta’ appoġġ għall-elettriku rinnovabbli. |
3.2.3.2. Installazzjonijiet għall-ġenerazzjoni u għall-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku rinnovabbli li jistgħu jirċievu remunerazzjoni indipendenti mill-prezzijiet tas-suq (jiġifieri soġġetti għal tariffa feed-in fissa (19) u għall-ħlas addizzjonali għall-elettriku mill-kerrej (20))
|
(33) |
Il-faċilitajiet għall-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli kkummissjonati bejn l-1 ta’ Jannar 2012 u l-1 ta’ Awwissu 2014 huma eżentati mill-obbligu ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta u jistgħu jużaw l-opzjoni tat-tariffa feed-in fissa. Skont il-BKartA, dawn l-installazzjonijiet jirċievu remunerazzjoni fissa mingħand attur mhux tas-suq (l-operaturi tal-grilji tat-trażmissjoni) u ma humiex involuti fi kwalunkwe attività tas-suq. F’konformità mal-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tal-2012 dwar il-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Ġermanja, tali impjanti ma jistgħux jitqiesu li huma esposti għall-kompetizzjoni. |
|
(34) |
Impjanti żgħar ikkummissjonati fl-1 ta’ Awwissu 2014 jew wara (jiġifieri impjanti ta’ < 100 kW jew, jekk ikkummissjonati sa tmiem l-2015, ta’ < 500 kW) huma eżentati mill-obbligu ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta u jistgħu jużaw l-opzjoni tat-tariffa feed-in fissa. Skont il-BKartA, dawn l-installazzjonijiet jirċievu remunerazzjoni fissa mingħand attur mhux tas-suq u ma humiex involuti fi kwalunkwe attività tas-suq. F’konformità mal-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tal-2012 dwar il-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Ġermanja, tali impjanti ma jistgħux jitqiesu li huma esposti għall-kompetizzjoni. |
|
(35) |
Fir-rigward tal-“ħlas addizzjonali għall-elettriku mill-kerrej” jew l-elettriku li l-operatur tal-impjant ma jbigħx lill-kerrejja tiegħu, skont il-BKartA, l-operatur tal-impjant jagħżel biss il-ħlas addizzjonali għall-elettriku mill-kerrej jekk dan jippreżenta benefiċċji finanzjarji addizzjonali. Għalhekk, awtomatikament, din hija opzjoni aktar issussidjata. Il-BKartA jikkonkludi li l-impjanti tal-elettriku rinnovabbli soġġetti għall-“ħlas addizzjonali għall-elettriku mill-kerrej” ma humiex esposti direttament għall-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni ma tidentifikax elementi li jippermettu li wieħed jitbiegħed minn din il-konklużjoni. |
|
(36) |
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt dwar il-kompetizzjoni, il-fatturi deskritti hawn fuq jenħtieġ li jitqiesu bħala indikazzjoni tan-nuqqas ta’ esponiment għall-kompetizzjoni tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku rinnovabbli soġġetti għal tariffi feed-in u għal ħlas addizzjonali għall-elettriku mill-kerrejja fil-Ġermanja. Konsegwentement, peress li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE ma humiex issodisfati, jenħtieġ li jiġi stabbilit li d-Direttiva 2014/25/UE jenħtieġ li tibqa’ tapplika għall-kuntratti intenzjonati biex jippermettu t-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet fil-Ġermanja. |
3.2.3.3. Impjanti tal-elettriku rinnovabbli li jirċievu remunerazzjoni marbuta mal-prezzijiet tas-suq (jiġifieri soġġetti għal kummerċjalizzazzjoni diretta b’valur iddeterminat legalment applikabbli (21), kummerċjalizzazzjoni diretta b’valur applikabbli ddeterminat permezz ta’ offerti (22), impjanti tal-elettriku rinnovabbli qodma postsussidjati (23) u impjanti tal-elettriku rinnovabbli soġġetti għal kummerċjalizzazzjoni diretta oħra (24))
|
(37) |
L-operaturi tal-impjanti tal-EEG soġġetti għal kummerċjalizzazzjoni diretta b’valur iddeterminat legalment applikabbli jiġġeneraw dħul minn:
|
|
(38) |
Fil-pożizzjoni tiegħu, il-BKartA jiddikjara li, fir-rigward tal-konsegwenzi prattiċi u ekonomiċi konkreti tiegħu, huwa deċiżiv li l-premium tas-suq jikkumpensa d-differenza bejn il-valur applikabbli speċifiku għall-impjant u l-valur tas-suq tat-teknoloġija rispettiva. Peress li ma jistax isir negattiv, għandu effett dejjem akbar fuq il-profitti tal-operatur tal-impjant jekk ikun pożittiv, jiġifieri jekk il-valur applikabbli speċifiku għall-impjant ikun ogħla mill-valur tas-suq korrispondenti. Il-BKartA wettaq analiżi taż-żewġ valuri fuq perjodu ta’ 23 xahar bejn Mejju 2020 u April 2022. Mill-1 ta’ Jannar 2021, il-valuri applikabbli ġew stabbiliti bil-liġi u huma digressivi maż-żmien b’rata ta’ bejn 0,5 u 1,5 fil-mija fis-sena. Mill-inqas sa madwar nofs is-sena 2021, il-valuri applikabbli kienu fil-biċċa l-kbira ogħla b’mod sinifikanti mill-valuri rispettivi tas-suq tal-aħħar 12-il xahar. Dan kien ifisser li tħallas premium tas-suq għoli b’mod korrispondenti, li iżola l-impjanti RES ikkonċernati mis-suq effettiv u mill-forzi kompetittivi ta’ ġenerazzjoni oħra tal-elettriku. L-impjanti li l-valur applikabbli speċifiku għall-impjant tagħhom jaqbeż il-valur normali tas-suq u li konsegwentement huma appoġġati mill-premium tas-suq iddeterminat legalment huma għalhekk, fil-fehma tal-BKartA, mhux esposti għal kompetizzjoni diretta minn impjanti oħra ta’ ġenerazzjoni. |
|
(39) |
Meta ħares lejn teknoloġiji speċifiċi, il-BKartA osserva li sa nofs l-2021, il-valuri applikabbli speċifiċi għall-impjant ta’ impjanti ġodda individwali għall-enerġija idroelettrika u għall-gass tal-landfills biss kienu taħt il-valur tas-suq tal-EPEX b’mod perċettibbli f’xi xhur. Dan applika għall-enerġija idroelettrika b’kapaċità ta’ aktar minn 50 MW f’Settembru 2020 u, minn Novembru 2020 ’il quddiem, l-enerġija idroelettrika b’kapaċità ta’ bejn 20 MW u 50 MW f’Settembru 2020 u minn Diċembru 2020 ’il quddiem, u l-enerġija idroelettrika b’kapaċità ta’ bejn 10 MW u 20 MW f’Jannar u April 2021. Dan affettwa wkoll il-gass tal-landfills b’kapaċità ta’ 1 MW sa 5 MW f’Settembru 2020 u minn Diċembru 2020 ’il quddiem, u l-gass tal-landfills b’kapaċità ta’ 5 MW jew aktar f’Novembru 2020. L-istess japplika għall-installazzjonijiet eoliċi lil hinn mill-kosta. Minn nofs l-2021, għadd kbir ta’ valuri applikabbli waqgħu taħt il-valuri rilevanti tas-suq ta’ kull xahar, u minn tmiem l-2021 dan affettwa l-maġġoranza l-kbira tal-valuri applikabbli. |
|
(40) |
Skont il-BKartA, li kieku din ix-xejra kellha tistabbilizza, il-premium tas-suq għal dawn l-impjanti ma jibqa’ jkollu l-ebda effett ekonomiku; għalhekk, dawn joperaw mingħajr restrizzjoni f’kundizzjonijiet kompetittivi tas-suq u jkunu esposti għal kompetizzjoni effettiva. Madankollu, il-BKartA jassumi xejra stabbli bħal din biss jekk il-valur applikabbli speċifiku għall-impjant jaqa’ taħt il-valur tas-suq (jew indiċi korrispondenti tal-Ftehim dwar ix-Xiri tal-Enerġija li jħares ’il quddiem) għal perjodu ta’ żmien xieraq. Perjodu bħal dan ikun ta’ 12-il xahar konsekuttiv. Il-Kummissjoni taqbel mal-BKartA li huwa xieraq li l-esponiment dirett għall-kompetizzjoni ta’ din l-attività jiġi marbut mal-fatt li l-valur applikabbli speċifiku għall-impjant waqa’ taħt il-valur tas-suq (jew indiċi korrispondenti tal-Ftehim dwar ix-Xiri tal-Enerġija li jħares ’il quddiem) għal 12-il xahar konsekuttivi. |
|
(41) |
Fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni diretta bil-valur applikabbli ddeterminat permezz tal-offerti, xi karatteristiċi huma komuni għall-offerti kollha, skont il-BKartA. L-offerti tal-EEG huma kkaratterizzati minn struttura tal-offerti fuq skala żgħira. Id-daqs tal-offerti individwali huwa żgħir meta mqabbel mad-domanda fl-offerta rispettiva u ’l bogħod mil-limitu ta’ preżunzjoni għad-dominanza tas-suq skont il-liġi tal-kartell Ġermaniża. Wara dawn l-offerti, hemm struttura ta’ forniment fuq skala żgħira biżżejjed, u kważi atomistika fil-każ ta’ parks eoliċi fuq l-art u solari. Il-korp pubbliku tal-offerti huwa r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li hija stess ma hijiex attiva bħala offerent. |
|
(42) |
Il-BKartA jkompli jgħid li fil-każ tas-sorsi kollha tal-enerġija rinnovabbli, minħabba kunsiderazzjonijiet tal-politika dwar il-klima u fl-isfond tal-miri u l-ispeċifikazzjonijiet ta’ espansjoni politika korrispondenti, ir-reġim tal-offerti għandu l-għan li jespandi l-offerta tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli u domanda għolja b’mod korrispondenti għal proġetti eliġibbli. L-offerta attwali u potenzjali mill-offerenti fil-kuntest tal-offerta, min-naħa l-oħra, tiddependi, fost affarijiet oħra, fuq id-disponibbiltà ta’ art korrispondenti għal proġetti ġodda. L-offerti li jkopru l-impjanti eżistenti bħalissa huma prattikament rilevanti biss fis-settur tal-bijomassa. Fil-każ tal-parks eoliċi fuq l-art, diġà hemm offerti għal impjanti teknikament aġġornati b’mod sostanzjali fl-istess sit (repowering). L-offerti għal impjanti ġodda huma possibbli f’kull settur u huma l-aktar każ sinifikanti fil-prattika. Id-dħul fis-suq huwa ffaċilitat ukoll mill-fatt li l-provvista tal-elettriku rinnovabbli ma hijiex ikkaratterizzata minn użu intensiv u lokali tal-persunal. Barra minn hekk, il-kompetizzjoni għall-valuri applikabbli għall-appoġġ tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli ma hijiex kompetizzjoni għas-suq. Għotja ma tagħtix monopolju jew pożizzjoni dominanti fis-suq downstream, peress li l-bejgħ tal-elettriku ġġenerat mill-bejgħ bl-ingrossa jseħħ f’ambjent kompetittiv bi prezzijiet iddeterminati minn mekkaniżmi tas-suq. |
|
(43) |
F’deċiżjonijiet preċedenti (25), il-Kummissjoni sostniet li l-eżistenza ta’ offerti biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ appoġġ għall-iskemi tal-elettriku rinnovabbli kienet fattur importanti biex jiġi ddeterminat l-esponiment dirett għall-kompetizzjoni. F’dan il-każ li jikkonċerna l-Ġermanja, il-BKartA, filwaqt li jirrikonoxxi l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni, jissuġġerixxi li jiġi introdott kriterju addizzjonali li jippermetti li ssir distinzjoni skont l-intensità tal-kompetizzjoni għas-sussidju fl-offerta individwali. Dan il-kriterju jista’ jkun sottoskrizzjoni żejda b’mill-inqas 25 fil-mija tal-kapaċità offruta. Il-BDEW tikkontesta l-fattibbiltà li jiġi applikat kriterju bħal dan, peress li s-sottoskrizzjoni żejda tista’ titkejjel biss wara l-offerta, filwaqt li l-entitajiet kontraenti jeħtieġ li jorganizzaw l-akkwist tagħhom stess qabel ma jipparteċipaw f’offerti bħal dawn. Dan jagħmel eżenzjoni de facto bla effett. |
|
(44) |
Fid-deċiżjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni sostniet li proċess ta’ offerti għas-sussidji għall-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli kien indikazzjoni ta’ esponiment għall-kompetizzjoni. Pereżempju, fid-deċiżjoni tagħha dwar in-Netherlands, il-Kummissjoni nnotat (26) li “l-allokazzjoni tas-sussidju SDE+ hija esposta għall-kompetizzjoni permezz ta’ proċess ta’ offerti, li jiddixxiplina l-imġiba tal-produtturi tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fir-rigward tal-politika tal-akkwist tagħhom”. Bl-istess mod, fid-Deċiżjoni 2020/1499 dwar l-Italja (27), il-Kummissjoni nnotat li l-iskemi ta’ sussidju l-aktar riċenti operaw f’ambjent kompetittiv minħabba l-għadd kbir ta’ applikanti u offerti fl-offerti rispettivi. Fid-Deċiżjoni 2020/1500 dwar il-Litwanja, il-Kummissjoni osservat (28) li l-elettriku prodott skont it-tielet skema jirċievi appoġġ ibbażat fuq il-premium stabbilit permezz ta’ proċedura kompetittiva ta’ offerti u sabet li kien espost għall-kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, fid-deċiżjoni tagħha dwar id-Danimarka, il-Kummissjoni nnotat (29) li l-allokazzjoni tal-finanzjament pubbliku kienet esposta għall-kompetizzjoni permezz ta’ proċess ta’ offerti. F’konformità ma’ dawk id-deċiżjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni għalhekk tqis li l-impjanti tal-elettriku rinnovabbli soġġetti għal kummerċjalizzazzjoni diretta bil-valur applikabbli ddeterminat permezz tal-offerti huma direttament esposti għall-kompetizzjoni. |
|
(45) |
Il-BKartA huwa tal-fehma li l-impjanti postsussidjati huma esposti għal kompetizzjoni diretta sa fejn jitħallsu tariffa feed-in mill-operatur tal-grilja li tammonta għall-valur tas-suq nieqes il-kostijiet tal-kummerċjalizzazzjoni b’rata fissa. Il-Kummissjoni taqbel ma’ din l-analiżi. |
|
(46) |
Skont il-BKartA, installazzjonijiet postsussidjati oħrajn tal-EEG ma għandhom l-ebda intitolament skont l-EEG. Dawn huma soġġetti għal kummerċjalizzazzjoni diretta oħra skont it-taqsima 21a tal-EEG. L-installazzjonijiet kollha tal-EEG f’kummerċjalizzazzjoni diretta oħra skont it-Taqsima 21a tal-EEG jipparteċipaw fis-suq tal-ewwel bejgħ tal-elettriku bl-istess mod bħal kwalunkwe sistema oħra ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku mhux appoġġata skont l-EEG. Sadanittant, din il-kategorija ta’ remunerazzjoni diġà hija rilevanti għal impjanti mibnija ġodda, bħal impjanti solari mmuntati fuq l-art. Dawn l-impjanti huma esposti għal forzi kompetittivi ġenerali. Il-Kummissjoni taqbel mal-fehma li l-impjanti tal-elettriku rinnovabbli soġġetti għal kummerċjalizzazzjoni diretta oħra huma direttament esposti għall-kompetizzjoni. |
|
(47) |
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, il-fatturi elenkati hawn fuq jenħtieġ li jitqiesu bħala indikazzjoni tal-esponiment għall-kompetizzjoni ta’ impjanti tal-elettriku rinnovabbli soġġetti għal kummerċjalizzazzjoni diretta b’valur legalment iddeterminat applikabbli, kummerċjalizzazzjoni diretta bil-valur applikabbli ddeterminat permezz ta’ offerti, impjanti tal-elettriku rinnovabbli qodma postsussidjati u impjanti tal-elettriku rinnovabbli soġġetti għal kummerċjalizzazzjoni diretta oħra fil-Ġermanja. Konsegwentement, peress li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE huma ssodisfati, jenħtieġ li jiġi stabbilit li d-Direttiva 2014/25/UE ma tapplikax għall-kuntratti maħsubin biex jippermettu t-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet fil-Ġermanja. |
4. KONKLUŻJONI
|
(48) |
Fid-dawl tal-fatturi eżaminati hawn fuq, il-kundizzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE jenħtieġ li titqies li ma ġietx issodisfata fil-Ġermanja fir-rigward tal-attivitajiet relatati mal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku rinnovabbli soġġetti għal tariffi feed-in u għal ħlas addizzjonali għall-elettriku mill-kerrej. |
|
(49) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2014/25/UE tkompli tapplika meta l-entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti maħsuba biex jippermettu dawk l-attivitajiet, jew meta jiġu organizzati kompetizzjonijiet ta’ disinn għat-twettiq ta’ tali attivitajiet f’dik iż-żona ġeografika. |
|
(50) |
Fid-dawl tal-fatturi eżaminati hawn fuq, il-kundizzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE jenħtieġ li titqies li ġiet issodisfata fil-Ġermanja fir-rigward tal-attivitajiet relatati mal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku rinnovabbli soġġetti għal kummerċjalizzazzjoni diretta b’valur legalment iddeterminat applikabbli (meta l-valur applikabbli speċifiku għall-impjant jaqa’ taħt il-valur tas-suq (jew indiċi tal-Ftehim dwar ix-Xiri tal-Enerġija korrispondenti iżda li jħares ’il quddiem) għal 12-il xahar konsekuttiv), kummerċjalizzazzjoni diretta bil-valur applikabbli ddeterminat permezz ta’ offerti, kummerċjalizzazzjoni diretta oħra kif ukoll impjanti tal-elettriku rinnovabbli qodma postsussidjati. |
|
(51) |
Peress li l-kundizzjoni ta’ aċċess mhux ristrett għas-suq titqies li hija ssodisfata, jenħtieġ li d-Direttiva 2014/25/UE ma tapplikax meta l-entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet fil-Ġermanja, u lanqas meta jiġu organizzati kompetizzjonijiet tad-disinn għat-twettiq ta’ tali attivitajiet f’dik iż-żona ġeografika. |
|
(52) |
Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni tal-Unjoni u tad-dispożizzjonijiet f’oqsma oħrajn tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-kriterji u l-metodoloġija użati għall-valutazzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE ma humiex neċessarjament identiċi għal dawk użati sabiex titwettaq valutazzjoni skont l-Artikolu 101 jew l-Artikolu 102 tat-Trattat jew tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (30) kif ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali (31), |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Direttiva 2014/25/UE ma għandhiex tapplika għall-għoti ta’ kuntratti minn entitajiet kontraenti u maħsubin biex jippermettu li jitwettqu l-attivitajiet li ġejjin fil-Ġermanja:
|
— |
Il-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn impjanti tal-elettriku rinnovabbli soġġetti għal kummerċjalizzazzjoni diretta b’valur legalment iddeterminat applikabbli (dment li l-valur applikabbli speċifiku għall-impjant ikun anqas mill-valur tas-suq (jew indiċi korrispondenti tal-Ftehim dwar ix-Xiri tal-Enerġija li jħares ’il quddiem) għal 12-il xahar konsekuttiv) |
|
— |
Il-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn impjanti tal-elettriku rinnovabbli soġġetti għal kummerċjalizzazzjoni diretta bil-valur applikabbli ddeterminat permezz ta’ offerti |
|
— |
Il-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn impjanti tal-elettriku rinnovabbli soġġetti għal kummerċjalizzazzjoni diretta oħra |
|
— |
Il-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn impjanti tal-elettriku rinnovabbli qodma li ġew sussidjati wara |
Artikolu 2
Id-Direttiva 2014/25/UE għandha tkompli tapplika għall-għoti ta’ kuntratti minn entitajiet kontraenti u maħsubin biex jippermettu li jitwettqu l-attivitajiet li ġejjin fil-Ġermanja:
|
— |
Il-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku rinnovabbli minn impjanti tal-elettriku rinnovabbli soġġetti għal tariffa fissa feed-in |
|
— |
elettriku rinnovabbli soġġetti għall-ħlas addizzjonali għall-elettriku tal-kerrej |
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Settembru 2023.
Għall-Kummissjoni
Thierry BRETON
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1804 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar ir-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 34 u 35 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU L 275, 12.10.2016, p. 39).
(3) Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).
(4) P. 3 tal-applikazzjoni
(5) Skont l-Anness 1 Nru 4 tal-EEG 2021 u l-EEG 2023, il-valur annwali tas-suq huwa kkalkolat mill-medja tas-sena kalendarja tal-prezz spot tas-suq għas-sors tal-enerġija kkonċernat fl-iskambji tal-elettriku fejn il-prodotti tal-elettriku jistgħu jiġu nnegozjati għaż-żona tal-prezzijiet għall-Ġermanja.
(6) Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma qisitx li huwa meħtieġ li tapprova din ir-remunerazzjoni skont il-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat, ara l-FAQ tal-Ministeru Federali għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija dwar l-approvazzjoni skont il-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat, il-punt 6, https://www.bmwk.de/Redaktion/DE/FAQ/EEG-2021-FAQ/faq-beihilferechtlichen-genehmigung-eu-kommission.html
(7) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/218/UE tal-24 ta’ April 2012 li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell tal-operaturi tal-elettriku prodott minn sorsi konvenzjonali fil-Ġermanja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU L 114, 26.4.2012, p. 21).
(8) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/71 tat-12 ta’ Diċembru 2017 li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fin-Netherlands mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 12, 17.1.2018, p. 53).
(9) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1499 tat-28 ta’ Lulju 2020 dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fl-Italja (ĠU L 342, 16.10.2020, p. 8).
(10) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1500 tat-28 ta’ Lulju 2020 dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal kuntratti mogħtija għal attivitajiet relatati mal-produzzjoni u mal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Litwanja (ĠU L 342, 16.10.2020, p. 15).
(11) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1376 tas-26 ta’ Lulju 2022 dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fid-Danimarka (ĠU L 206, 8.8.2022, p. 42).
(12) Dikjarazzjoni mill-Bundeskartellamt dwar l-applikazzjoni tal-BDEW għal deċiżjoni dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE għall-ġenerazzjoni tal-elettriku tal-EEG u attivitajiet relatati mill-impjanti kkummissjonati fil-Ġermanja mill-1 ta’ Jannar 2012 (B8-70/20). Fl-istess ħin, dikjarazzjoni mill-Bundeskartellamt dwar l-applikazzjoni ta’ Ørsted A/S għal deċiżjoni dwar l-applikabbiltà tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE għall-ġenerazzjoni tal-elettriku tal-EEG mill-installazzjonijiet eoliċi lil hinn mill-kosta fil-Ġermanja (B8-102/20), tal-25 ta’ Mejju 2022, il-punt C.1, p. 11.
(13) Bundeskartellamt, D. tal-10 ta’ Lulju 2018, B4-80/17, il-paragrafu 167 et seq. — EnBW/MWV; BKartA, ir-rapport tal-każ datat il-31 ta’ Mejju 2019, B8-28/19 — RWE/E.ON parteċipazzjoni azzjonarja ta’ minoranza.
(14) It-talba, il-punt 3.2.
(15) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/218/UE.
(16) Ara t-talba ta’ Ørsted p. 40.
(17) BNetzA/BKartA, ir-Rapport ta’ Monitoraġġ 2022. p. 52 et seq.
(18) Dikjarazzjoni mill-Bundeskartellamt, idib., il-paġna 44.
(19) In-numru 1 tas-sottotaqsima 1 tat-Taqsima 21 tal-EEG.
(20) Is-sottotaqsima 3 tat-Taqsima 21 tal-EEG.
(21) It-Taqsima 20 tal-EEG.
(22) It-Taqsimiet 20 u 22 tal-EEG.
(23) Il-paragrafu 2 tat-Taqsima 23 b tal-EEG.
(24) It-Taqsima 21 a tal-EEG.
(25) Id-Deċiżjonijiet (UE) 2018/71 (ĠU L 12, 17.1.2018, p. 53) (in-Netherlands), (UE) 2020/1499 (ĠU L 342, 16.10.2020, p. 8) (l-Italja) u (UE) 2020/1500 (ĠU L 342, 16.10.2020, p. 15) (il-Litwanja), (UE) 2022/1376 (ĠU L 206, 8.8.2022, p. 42) (id-Danimarka).
(26) Id-Deċiżjoni (UE) 2018/71 (in-Netherlands), il-Punt 21.
(27) Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1499 (l-Italja), il-Punt 38.
(28) Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1500 (il-Litwanja), il-Punt 30.
(29) Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1376, il-Punt 29 tad-deċiżjoni.
(30) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).
(31) Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ April 2016, Österreichische Post AG vs Il-Kummissjoni, T-463/14, EU:T:2016:243, il-punt 28. Ara wkoll id-Direttiva 2014/25/UE, il-premessa 44.