Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1786

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1786 tal-15 ta’ Settembru 2023 li tħassar id-Decision 2006/928/KE dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni

    C/2023/5653

    ĠU L 229, 18.9.2023, p. 94–96 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 08/10/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1786/oj

    18.9.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 229/94


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1786

    tal-15 ta’ Settembru 2023

    li tħassar id-Decision 2006/928/KE dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat l-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 u 38 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fir-rapport ta’ monitoraġġ tagħha tas-26 ta’ Settembru 2006 dwar l-istat ta’ tħejjija għas-sħubija mal-UE tal-Bulgarija u r-Rumanija (1), qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ kwistjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-akkontabbiltà u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja u tal-korpi tal-infurzar tal-liġi fir-Rumanija, fejn kien għadu meħtieġ aktar progress sabiex tiġi żgurata l-kapaċità li jiġu implimentati u applikati l-miżuri adottati biex jiġi stabbilit is-suq intern u l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

    (2)

    Fit-13 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2006/928/KE (2) dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Din id-Deċiżjoni tistipula li għandha titħassar meta l-punti ta’ riferiment kollha jkunu ġew issodisfati b’mod sodisfaċenti.

    (3)

    Id-Deċiżjoni 2006/928/KE tirrikjedi li r-Rumanija tirrapporta regolarment lill-Kummissjoni dwar il-progress li jkun sar fl-indirizzar tal-punti ta’ riferiment. Il-Kummissjoni kkomunikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill il-kummenti u l-konstatazzjonijiet tagħha stess dwar ir-rapport tar-Rumanija għall-ewwel darba f’Ġunju 2007, u minn dak iż-żmien ’l hawn rrapportat fuq bażi regolari. Kull rapport tal-Kummissjoni kien ir-riżultat ta’ analiżi bir-reqqa, konkluża permezz tal-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll permezz tal-kontribut tas-soċjetà ċivili u ta’ partijiet ikkonċernati oħra, kif ukoll ta’ osservaturi.

    (4)

    Fir-rapport tagħha ta’ Jannar 2017 (3), il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni komprensiva tal-progress li sar mir-Rumanija mit-twaqqif tal-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni stabbiliet perkors għall-konklużjoni tal-mekkaniżmu, ibbażat fuq tnax-il rakkomandazzjoni li ċċaraw ir-rekwiżiti li r-Rumanija kellha tikkonforma magħhom biex tissodisfa l-erba’ parametri referenzjarji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2006/928/KE. Minħabba l-progress li sar, il-Kummissjoni qieset li t-twettiq ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet ikun biżżejjed biex jingħalaq il-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika, dment li ma jkun hemm l-ebda żvilupp sadanittant li jreġġa’ lura b’mod ċar it-triq tal-progress. Ħafna mir-rakkomandazzjonijiet iffukaw fuq il-bini ta’ salvagwardji interni biex tiġi żgurata l-irriversibbiltà tar-riżultati u biex jintwera li l-riformi li għaddejjin bħalissa se jitkomplew, u li l-progress se jiġi kkonsolidat, anke mingħajr il-mekkaniżmu.

    (5)

    Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Kummissjoni wettqet erba’ valutazzjonijiet tal-progress dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet (4). Ir-rapporti tal-Kummissjoni dwar il-progress fir-Rumanija permezz tal-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika mill-aħħar tal-2017 sal-2019 identifikaw rigress fir-riformi. Il-passi meħuda mir-Rumanija fetħu mill-ġdid kwistjonijiet li r-rapport ta’ Jannar 2017 kien qies bħala magħluqin, u saru tmien rakkomandazzjonijiet oħra fir-rapport ta’ Novembru 2018 (5).

    (6)

    Fir-rapport tagħha ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni laqgħet b’sodisfazzjon il-progress li sar fir-Rumanija biex jiġi konkluż b’ħeffa l-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika (6). Il-Kummissjoni qieset b’mod partikolari l-impetu mġedded tar-Rumanija għar-riforma u biex treġġa’ lura r-rigress tal-perjodu 2017-2019. Hija nnutat li sar progress fir-rakkomandazzjonijiet kollha li fadal, b’ħafna rakkomandazzjonijiet jaslu biex jintlaħqu jekk il-progress jibqa’ stabbli.

    (7)

    Ir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Novembru 2022 (7) stabbilixxa li l-progress li sar mir-Rumanija permezz tal-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika kien biżżejjed biex tissodisfa l-impenji li ħadet fiż-żmien tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, u li l-erba’ punti ta’ riferiment stabbiliti fid-Deċiżjoni 2006/928/KE, u ċċarati permezz tat-tnax-il rakkomandazzjoni tar-rapport ta’ Jannar 2017 u t-tmien rakkomandazzjonijiet addizzjonali tar-rapport ta’ Novembru 2018, kienu ġew osservati b’mod sodisfaċenti. Il-Kummissjoni ħadet nota b’mod partikolari tal-progress li sar mir-Rumanija fit-tisħiħ tal-indipendenza u l-effettività tal-ġudikatura permezz ta’ riforma komprensiva tas-sistema ġudizzjarja. Ġew adottati Liġijiet Ġodda dwar il-Ġustizzja li ġabu bidliet importanti rigward l-organizzazzjoni tal-karriera u r-reġimi ta’ responsabbiltà għall-maġistrati; il-ħatra, it-tkeċċija, u s-setgħat ta’ prosekuturi ta’ grad għoli; u l-governanza tal-Ispettorat Ġudizzjarju. Il-Kummissjoni nnutat ukoll il-progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali kontra l-korruzzjoni u r-rekord pożittiv fl-investigazzjoni u s-sanzjonar tal-korruzzjoni ta’ livell għoli. Hija nnutat wkoll li l-istituzzjonijiet responsabbli għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-integrità u l-kunflitti ta’ interess, u għall-ġestjoni u l-irkupru tal-assi kriminali, kienu qed jaħdmu b’mod effettiv.

    (8)

    Il-Kummissjoni nnutat fil-konklużjoni tar-rapport tagħha ta’ Novembru 2022 tliet impenji speċifiċi magħmula mill-gvern Rumen. Il-President tar-Rumanija informa lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ġunju 2023, dwar il-miżuri meħuda biex jiġu ssodisfati dawn l-impenji. L-ewwel nett, ir-Rumanija impenjat ruħha li tkompli tanalizza u tqis bl-akbar reqqa l-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja rigward il-Liġijiet dwar il-Ġustizzja u b’mod aktar ġenerali jekk ikunux meħtieġa aktar azzjonijiet. Twaqqaf bord ta’ esperti ta’ livell għoli biex jirrifletti fuq soluzzjonijiet leġiżlattivi adegwati biex isegwi l-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja, sabiex jissaħħu aktar l-effiċjenza u l-indipendenza tal-ġudikatura. It-tieni, ir-Rumanija impenjat ruħha li tlesti r-reviżjoni tal-Kodiċi Kriminali u l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, biex tiżgura allinjament mad-deċiżjonijiet li ħadet il-Qorti Kostituzzjonali tar-Rumanija sa mill-2016. Il-leġiżlazzjoni għal dan l-għan ġiet adottata mill-Parlament Rumen fit-28 ta’ Ġunju 2023. It-tlestija tar-reviżjoni taż-żewġ Kodiċijiet hija wkoll parti mill-impenji tar-Rumanija skont il-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħha (8). Fl-aħħar nett, il-gvern Rumen esprima l-fiduċja tiegħu fil-kapaċità tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura l-ġdid biex jikkontribwixxi għall-ispinta tar-riforma, u biex jagħti impetu ġdid lit-trasparenza u l-akkontabbiltà. Il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura adotta dikjarazzjoni tal-prinċipji dwar it-trasparenza u l-akkontabbiltà, li huwa ppubblika fit-3 ta’ April 2023.

    (9)

    Għaldaqstant, il-punti ta’ riferiment kollha stabbiliti fid-Deċiżjoni 2006/928/KE, u ċċarati permezz tat-tnax-il rakkomandazzjoni tar-rapport ta’ Jannar 2017 u t-tmien rakkomandazzjonijiet addizzjonali fir-rapport ta’ Novembru 2018, kif ukoll l-impenji speċifiċi (9) elenkati fil-konklużjonijiet tar-rapport tal-2022, ġew osservati b’mod sodisfaċenti.

    (10)

    L-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ġenerali tal-istat tad-dritt tal-Unjoni tat kuntest ġdid għall-kooperazzjoni tal-Kummissjoni mar-Rumanija. B’mod partikolari, iċ-ċiklu annwali tal-Istat tad-Dritt, imniedi mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2019 dwar “It-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Unjoni” (10) u fil-Linji Gwida Politiċi tal-President von der Leyen, jipprovdi qafas kontinwu b’perspettiva fit-tul li jakkumpanja r-riforma sostenibbli, fir-Rumanija kif ukoll fi Stati Membri oħra. Bħala parti minn dan iċ-ċiklu, ir-Rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt, li mill-2022 jinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri, jixpruna direzzjoni pożittiva dwar kwistjonijiet tal-istat tad-dritt, japprofondixxi d-djalogu u s-sensibilizzazzjoni konġunta u jipprevjeni li jitfaċċaw jew jiggravaw l-isfidi. Dan se jippermetti l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-riformi miftiehma tar-Rumanija.

    (11)

    Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport tagħha ta’ Novembru 2022, dwar il-progress fir-Rumanija permezz tal-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika, lill-Kumitat rilevanti tal-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni qieset kif xieraq l-osservazzjonijiet li rċeviet mill-Parlament Ewropew permezz ta’ ittra tal-President tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Frar 2023.

    (12)

    Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport tagħha ta’ Novembru 2022 dwar il-progress fir-Rumanija permezz tal-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika lill-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill, u l-Kummissjoni ħadet kont debitu tar-rapport tas-16 ta’ Diċembru 2022 tal-Presidenza tal-Kunsill.

    (13)

    Fil-5 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni infurmat lill-Kunsill bl-intenzjoni tagħha li tirrevoka d-Deċiżjoni 2006/928/KE li tistabbilixxi mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika għar-Rumanija u tagħlaq b’mod definittiv il-mekkaniżmu. Dan ġie kkomunikat ukoll lill-Parlament Ewropew. Permezz ta’ ittra ddatata s-26 ta’ Lulju, il-Kunsill ħa nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq formalment il-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika għall-Bulgarija u għar-Rumanija.

    (14)

    Dan ifisser li d-Deċizjoni tal-Kunsill 2006/928/KE, jenħtieġ li tiġi abrogata.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2006/928/KE hija mħassra.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Settembru 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  Rapport ta’ monitoraġġ dwar l-istat ta’ preparazzjoni għas-sħubija tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-UE, is-26 ta’ Settembru 2006, COM(2006) 549.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat-13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 56).

    (3)  Rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress fir-Rumanija permezz tal-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika, COM(2017) 44 final.

    (4)  COM(2017) 751; COM(2018) 851; COM(2019) 499; COM(2021) 370.

    (5)  COM(2018) 851.

    (6)  COM(2021) 370.

    (7)  COM(2022) 664.

    (8)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għar-Rumanija, is-26 ta’ Ottubru 2021, ST 12319 2021 INIT. Il-Kummissjoni se tivvaluta t-twettiq tal-objettiv intermedju fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tar-Rumanija mal-preżentazzjoni mir-Rumanija tat-talba għall-pagament rilevanti.

    (9)  Din il-valutazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tal-ilħuq tal-objettivi intermedji u l-miri rilevanti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tar-Rumanija.

    (10)  COM(2019) 343.


    Top