Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0658

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/658 tat-23 ta’ Jannar 2023 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd tas-Seychelles għall-ilmijiet ta’ Mayotte

ST/15045/2022/INIT

ĠU L 83, 22.3.2023, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/658/oj

Related international agreement

22.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 83/7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/658

tat-23 ta’ Jannar 2023

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd tas-Seychelles għall-ilmijiet ta’ Mayotte

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar tal-Majott, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea (1) (“il-Ftehim tal-2014”) ġie ffirmat fl-20 ta’ Mejju 2014, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/331/UE (2).

(2)

Il-Ftehim tal-2014 stabbilixxa, għal perjodu ta’ sitt snin mid-data tal-applikazzjoni proviżorja tiegħu, l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tas-Seychelles fiż-żona tas-sajd taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni f’Mayotte. Il-perjodu tal-applikazzjoni tal-Ftehim tal-2014 skada fl-20 ta’ Mejju 2020.

(3)

Il-Ftehim tal-2014, abbażi tal-Artikolu 17 tiegħu, ġie mġedded b’mod taċitu għal perjodu addizzjonali ta’ sitt snin.

(4)

Fl-24 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati mas-Seychelles sabiex tikkonkludi ftehim ġdid. Dawk in-negozjati ġew konklużi b’suċċess u l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd tas-Seychelles għall-ilmijiet ta’ Mayotte (“il-Ftehim”) ġie inizjalat fl-10 ta’ Ġunju 2022.

(5)

L-għan tal-Ftehim huwa li jippermetti lill-Unjoni u lis-Seychelles isaħħu aktar is-sħubija strateġika tagħhom u li jallinja l-kundizzjonijiet tekniċi u finanzjarji tal-Ftehim mal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (3) u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu ffirmat fl-2020, kif ukoll li jikkontribwixxi għal sajd responsabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u li jiżviluppa l-politika tas-sajd f’Mayotte.

(6)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(7)

Sabiex jippermetti, malajr kemm jista’ jkun, il-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd mill-bastimenti tas-Seychelles, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi applikat b’mod proviżorju mal-iffirmar tiegħu.

(8)

Jenħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ mal-adozzjoni tagħha għal raġunijiet ta’ ġestjoni amministrattiva aħjar tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd.

(9)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u ta opinjoni tiegħu fit-12 ta’ Diċembru 2022,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd tas-Seychelles għall-ilmijiet ta’ Mayotte (“il-Ftehim”) b’dan qed jiġi awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tat-tali Ftehim (5).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mid-data li jiġi ffirmat (6), sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data li tiġi adottata.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Jannar 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 167, 6.6.2014, p. 4.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/331/UE tal-14 ta’ April 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar tal-Majott, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 167, 6.6.2014, p. 1).

(3)   ĠU L 60, 28.2.2020, p. 5.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(5)  Ara l-paġna 9 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(6)  Id-data li minnha l-Ftehim għandu japplika b’mod proviżorju ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


Top