Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0097

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/97 tal-5 ta’ Jannar 2023 li tidentifika lill-Kamerun bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

    C/2023/11

    ĠU L 8, 11.1.2023, p. 4–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/97/oj

    11.1.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 8/4


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/97

    tal-5 ta’ Jannar 2023

    li tidentifika lill-Kamerun bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (1) (ir-Regolament IUU), u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

    Billi:

    1.   INTRODUZZJONI

    (1)

    Ir-Regolament IUU jistabbilixxi sistema tal-Unjoni li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

    (2)

    Il-Kapitolu VI tar-Regolament IUU jistabbilixxi l-proċedura għall-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, id-démarches fir-rigward ta’ pajjiżi bħal dawn, l-istabbiliment ta’ lista ta’ tali pajjiżi, it-tneħħija minn dik il-lista, il-pubbliċità ta’ dik il-lista u kwalunkwe miżura ta’ emerġenza.

    (3)

    Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni Ewropea għandha tidentifika l-pajjiżi terzi li hija tqis bħala pajjiżi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. Pajjiż terz jista’ jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax jekk jonqos milli jaqdi d-dmirijiet tiegħu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, biex jieħu azzjoni sabiex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

    (4)

    L-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU trid tkun ibbażata fuq ir-rieżami tal-informazzjoni kollha kif stabbilit skont l-Artikolu 31(2) ta’ dak ir-Regolament. Għandha tkun ibbażata fuq ir-rieżami tal-informazzjoni kollha miksuba skont ir-Regolament IUU jew, kif ikun xieraq, fuq kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, bħal pereżempju d-data dwar il-qbid, informazzjoni dwar il-kummerċ miksuba mill-istatistika nazzjonali u sorsi affidabbli oħra, reġistri u bażijiet tad-data tal-bastimenti, dokumenti jew programmi ta’ dokumenti statistiċi dwar il-qbid u l-listi ta’ bastimenti IUU adottati minn organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs), kif ukoll fuq kwalunkwe informazzjoni oħra miksuba fil-portijiet u fil-postijiet għas-sajd.

    (5)

    F’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament IUU, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar lista ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx. Il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 38 tar-Regolament IUU japplikaw għal dawk il-pajjiżi.

    (6)

    Skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament IUU, prodotti tas-sajd iridu jiġu importati lejn l-Unjoni biss meta jkunu akkumpanjati b’ċertifikat tal-qbid f’konformità ma’ dak ir-Regolament.

    (7)

    Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament IUU, l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati tal-qbid validati minn pajjiżi terzi li huma Stati tal-bandiera hija soġġetta għal notifika mill-Istat tal-bandiera kkonċernat lill-Kummissjoni li tiċċertifika l-arranġamenti nazzjonali għall-implimentazzjoni, għall-kontroll u għall-infurzar tal-liġijiet, tar-regolamenti u tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni li jridu jikkonformaw magħhom il-bastimenti tas-sajd tiegħu u l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi tiegħu li jikkonfermaw il-veraċità tal-informazzjoni li hemm fiċ-ċertifikati tal-qbid.

    (8)

    F’konformità mal-Artikolu 20(4) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tikkoopera b’mod amministrattiv ma’ pajjiżi terzi f’oqsma li għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament relatati maċ-ċertifikazzjoni tal-qbid.

    (9)

    Ir-Repubblika tal-Kamerun (“minn hawn ’il quddiem il-Kamerun”) ippreżentat lill-Kumissjoni n-notifika tagħha bħala Stat tal-bandiera skont l-Artikolu 20 tar-Regolament IUU u din ġiet aċċettata mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Lulju 2009.

    (10)

    Abbażi tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni qieset li kien hemm indikazzjonijiet qawwija li l-Kamerun naqas milli jaqdi d-dmirijiet li huwa responsabbli milli jwettaq skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, li jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi jew jelimina sajd IUU.

    (11)

    Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni ddeċidiet, bid-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 (2), li tinnotifika lill-Kamerun bil-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament IUU.

    (12)

    Id-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 inkludiet informazzjoni dwar il-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom hija bbażata tali identifikazzjoni possibbli.

    (13)

    Id-Deċiżjoni ġiet innotifikata lill-Kamerun flimkien ma’ ittra li tistieden lill-Kamerun sabiex jimplimenta, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, pjan ta’ azzjoni sabiex jirrettifika n-nuqqasijiet identifikati.

    (14)

    Il-Kummissjoni stiednet lill-Kamerun b’mod partikolari biex: (i) jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimenta l-azzjonijiet li jinsabu fil-pjan ta’ azzjoni ssuġġerit mill-Kummissjoni u (ii) jivvaluta l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li jinsabu fil-pjan ta’ azzjoni ssuġġerit mill-Kummissjoni.

    (15)

    Il-Kamerun ingħata l-opportunità li jwieġeb għad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 kif ukoll għal informazzjoni rilevanti oħra kkomunikata mill-Kummissjoni, li tippermettilu jissottometti evidenza li tikkontradixxi jew li tikkompleta l-fatti msemmija fid-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar. Il-Kamerun ġie aċċertat dwar id-dritt tiegħu li jitlob, jew li jipprovdi, informazzjoni addizzjonali.

    (16)

    Bid-Deċiżjoni tagħha tas-17 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni fetħet proċess ta’ djalogu mal-Kamerun.

    (17)

    Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li hija qieset meħtieġa. Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub li tressqu mill-Kamerun wara d-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 ġew ikkunsidrati u meqjusa. Il-Kamerun inżamm infurmat, bil-fomm jew bil-miktub, dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni.

    (18)

    Fid-dawl tal-elementi miġbura, kif muri fil-premessi (34) sa (86), il-Kamerun ma indirizzax biżżejjed l-oqsma ta’ tħassib u n-nuqqasijiet deskritti fid-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 u naqas milli jimplimenta bis-sħiħ il-miżuri ssuġġeriti fil-pjan ta’ azzjoni li jakkumpanja d-Deċiżjoni.

    2.   PROĊEDURA FIR-RIGWARD TAL-KAMERUN

    (19)

    Fis-17 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Kamerun, skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, li kienet qiegħda tikkunsidra l-possibbiltà li tidentifika lill-Kamerun bħala pajjiż terz li ma jikkooperax.

    (20)

    Il-Kummissjoni stiednet lil-Kamerun biex, b’kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi tagħha, jimplimenta pjan ta’ azzjoni biex jiġu rettifikati n-nuqqasijiet identifikati fid-Deċiżjoni tagħha tas-17 ta’ Frar 2021.

    (21)

    In-nuqqasijiet ewlenin identifikati mill-Kummissjoni kienu relatati ma’ diversi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-obbligi tad-dritt internazzjonali, marbuta b’mod partikolari mal-adozzjoni ta’ qafas legali adegwat u aġġornat, in-nuqqas ta’ proċeduri ċari u trasparenti ta’ reġistrazzjoni u liċenzjar u n-nuqqas ta’ monitoraġġ effiċjenti u adegwat tal-bastimenti tas-sajd. In-nuqqasijiet identifikati huma relatati, b’mod aktar ġenerali, mal-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-bastimenti tas-sajd u l-kontroll tagħhom skont id-dritt internazzjonali. Ġie identifikat ukoll nuqqas ta’ konformità ma’ rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet minn korpi rilevanti bħall-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjoni tal-FAO kontra s-Sajd Illegali, Mhux Iddikjarat u Mhux Irregolat tan-Nazzjonijiet Uniti (IPOA-IUU) (3) u l-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera (4). Madankollu, in-nuqqas ta’ konsistenza ma’ rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet mhux vinkolanti tqies biss bħala evidenza ta’ sostenn u mhux bħala bażi għall-identifikazzjoni.

    (22)

    Permezz tal-ittri tiegħu datati s-17 ta’ Marzu 2021, it-22 ta’ Marzu 2021, is-16 ta’ April 2021 u l-21 ta’ Marzu 2022, il-Kamerun informa lill-Kummissjoni dwar ir-rieda tiegħu li jindirizza n-nuqqasijiet identifikati fid-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, li jikkoopera mal-Kummissjoni u aċċetta l-pjan ta’ azzjoni.

    (23)

    Fid-9 ta’ April 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-Ministeru għall-Industriji tal-Bhejjem, tas-Sajd u tal-Annimali li tindika li d-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 ġiet adottata u qiegħda fis-seħħ, u li l-awtoritajiet tal-Kamerun għandhom skadenza ta’ sitt xhur biex jirrispondu għall-progress miksub wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021.

    (24)

    Permezz ta’ ittra elettronika datata l-25 ta’ April 2021, l-awtoritajiet tal-Kamerun ikkonfermaw li l-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Kamerun ma humiex awtorizzati jwettqu attivitajiet ta’ sajd f’ilmijiet ta’ pajjiżi terzi. L-Artikolu 119 tal-Liġi Nru 94/01 (“Loi n° 94/01 portant régime des forêts, de la faune et de la pêche”) jipprevedi biss il-possibbiltà li tinkiseb liċenzja għas-sajd fl-ibħra internazzjonali. L-awtoritajiet tal-Kamerun affermaw ulterjorment li bħalissa ma nħarġet l-ebda liċenzja lill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Kamerun li tawtorizzahom joperaw barra mill-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Kamerun, inkluż fl-ibħra internazzjonali u fl-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiżi oħra.

    (25)

    Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Kamerun organizzaw konferenza telefonika fit-28 ta’ April 2021 biex jiddiskutu l-arranġamenti tal-kooperazzjoni tagħhom u s-segwitu fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni. Matul dik il-laqgħa, l-awtoritajiet tal-Kamerun tennew ir-rieda tagħhom li jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u li jikkooperaw mal-Kummissjoni.

    (26)

    Wara dik il-vidjokonferenza, l-iskambji komplew bil-miktub. Fis-17 ta’ April, fid-19 ta’ April, fil-25 ta’ April, fis-27 ta’ April, fis-6 ta’ Mejju, fis-27 ta’ Mejju, fid-29 ta’ Ġunju u fis-26 ta’ Ottubru 2021, l-awtoritajiet tal-Kamerun ippreżentaw b’mezzi elettroniċi: (i) il-Liġi Nru 94/01 u r-regolamenti tas-sajd applikabbli, (ii) abbozz ta’ liġi rivedut dwar is-sajd, li l-Kummissjoni pprovdiet kummenti dwaru, (iii) dokument li jiġbor fil-qosor il-proċedura ta’ reġistrazzjoni u dettalji ulterjuri dwar din il-proċedura, (iv) elementi dwar il-proċedura ta’ liċenzjar tal-bastimenti tas-sajd fil-Kamerun, (v) żewġ listi differenti ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Kamerun, li t-tnejn li huma ma kinux kompluti, (vi) żewġ listi differenti ta’ bastimenti tas-sajd liċenzjati mill-awtoritajiet tal-Kamerun, (vii) żewġ listi ta’ bastimenti tas-sajd li tneħħew mir-reġistru nazzjonali, li waħda minnhom ma kinitx kompluta, (viii) u kopji taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni u ta’ tneħħija mir-reġistru ta’ bastimenti tas-sajd.

    (27)

    L-awtoritajiet tal-Kamerun ippreżentaw rapport ta’ progress fil-15 ta’ Settembru 2021 li jelenka l-azzjonijiet imwettqa fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet inklużi fil-pjan ta’ azzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni talbet dokument profond u aktar dettaljat, peress li dan ir-rapport ma kienx biżżejjed biex il-progress jiġi vvalutat kif xieraq.

    (28)

    Permezz ta’ ittra datata l-11 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni enfasizzat it-tħassib tagħha fir-rigward tal-iżvilupp tad-djalogu u n-nuqqas ta’ progress mill-Kamerun fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet inklużi fil-pjan ta’ azzjoni wara d-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021.

    (29)

    L-awtoritajiet tal-Kamerun ippreżentaw rapport ta’ progress aġġornat fil-21 ta’ Ottubru 2021 li fih il-miżuri li qed jittieħdu mill-pajjiż biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati fid-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021. Il-Kamerun iddikjara li beda r-reviżjoni tal-qafas legali tiegħu, inkluż dak tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-bastimenti u l-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali tiegħu kontra s-sajd IUU (NPOA-IUU). L-awtoritajiet tal-Kamerun bdew ukoll démarches biex jirratifikaw il-Ftehim ta’ Cape Town (5), stabbilew kumitat interministerjali biex jivverifika r-reġistru nazzjonali u l-qafas legali applikabbli, organizzaw laqgħat bejn il-Ministeru għall-Industriji tal-Bhejjem, tas-Sajd u tal-Annimali u l-Ministeru għat-Trasport, nedew proċess biex ineħħu mir-reġistru nazzjonali tagħhom bastimenti tas-sajd suspettati li wettqu attivitajiet ta’ sajd IUU jew li wettqu tali attivitajiet fiż-żoni ekonomiċi esklużivi (ŻEE) ta’ pajjiżi terzi. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-Kamerun indikaw li s-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (VMS) ma għadhiex taħdem. Id-dokumenti b’appoġġ għall-azzjonijiet imsemmija hawn fuq ġew ippreżentati lill-Kummissjoni f’Ġunju 2022 biss.

    (30)

    Bejn April 2021 u Frar 2022, il-Kummissjoni kompliet tfittex li tikkuntattja lill-awtoritajiet tal-Kamerun, filwaqt li saħqet fuq il-ħtieġa li jinżamm djalogu strutturat, sinifikanti u effettiv, filwaqt li fakkret fl-urġenza li jiġu pprovduti dokumenti b’appoġġ għall-affermazzjonijiet miktuba u spjegat l-implikazzjonijiet possibbli f’każ ta’ nuqqas fl-indirizzar tan-nuqqasijiet stabbiliti f’diversi okkażjonijiet. Madankollu, l-awtoritajiet tal-Kamerun ma pprovdewx tweġibiet sħaħ lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawn il-komunikazzjonijiet.

    (31)

    F’Ġunju 2022, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-awtoritajiet tal-Kamerun li tenfasizza l-importanza li jiġu pprovduti l-informazzjoni u l-kjarifika mitluba sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva fir-rigward tas-suġġett. Wara din l-ittra, l-awtoritajiet tal-Kamerun ipprovdew fl-istess xahar l-informazzjoni u d-dokumenti addizzjonali mitluba fil-korrispondenza preċedenti ta’ April 2021. Fost l-oħrajn, l-awtoritajiet ipprovdew il-listi ta’ bastimenti rreġistrati taħt il-bandiera tagħhom għal kull distrett marittimu tal-Kamerun, rapport tal-progress aġġornat, kopja tal-NPOA-IUU, dokument li jelenka s-sanzjonijiet deċiżi fl-2017 lejn tliet bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiżi terzi, u abbozz ta’ digriet biex jinħoloq ċentru ta’ monitoraġġ. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat, f’ittra elettronika mibgħuta f’Lulju 2022, li mhux l-informazzjoni kollha mitluba kienet ġiet ipprovduta u li xi dokumenti pprovduti ma kinux kompleti u kien fihom inkonsistenzi ċari, bħal-listi ta’ bastimenti reġistrati taħt il-bandiera tal-Kamerun.

    3.   IDENTIFIKAZZJONI TAL-KAMERUN BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

    (32)

    Skont l-Artikolu 31(3) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni rrieżaminat il-konformità tal-Kamerun mal-obbligi internazzjonali tiegħu bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq. Għall-finijiet ta’ dan ir-rieżami, il-Kummissjoni qieset il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU.

    3.1.   Miżuri li ttieħdu fir-rigward tar-rikorrenza tal-Bastimenti IUU u l-flussi tal-kummerċ ta’ prodotti ġejjin minn sajd IUU (l-Artikolu 31(4) tar-Regolament IUU)

    (33)

    Kif enfasizzat fid-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni stabbiliet li l-Kamerun naqas milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, li jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

    (34)

    Fil-premessi (16) sa (26) tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni stabbiliet li erba’ bastimenti tas-sajd kienu qed iġorru l-bandiera tal-Kamerun wara l-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC): UTHAIWAN, SEA VIEW, SEA WIND u PROGRESO (6). L-awtoritajiet tal-Kamerun ikkonfermaw li dawn il-bastimenti kienu qed itajru l-bandiera tal-Kamerun wara l-inklużjoni tagħhom fil-lista tal-bastimenti IUU tal-IOTC.

    (35)

    Abbażi tal-informazzjoni miksuba permezz ta’ bażijiet tad-data miftuħa, il-Kummissjoni stabbiliet li l-Kamerun ta n-nazzjonalità tiegħu lill-bastiment tas-sajd FREEDOM 7, li huwa bastiment elenkat fl-IUU (7), f’April 2021, wara d-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021. Wara diversi talbiet, il-Kummissjoni fl-aħħar irċeviet tweġiba mingħand l-awtoritajiet tal-Kamerun fir-rigward ta’ dan il-bastiment tas-sajd f’Ġunju 2022, li permezz tagħha l-awtoritajiet tal-Kamerun ċaħdu li rreġistraw il-bastiment ikkonċernat. Madankollu, il-Kummissjoni ġabret informazzjoni li tindika li l-bastiment kien qed itajjar il-bandiera tal-Kamerun u għadu qed itajjar il-bandiera tiegħu.

    (36)

    Dan jikkonferma li, wara d-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, l-awtoritajiet tal-Kamerun ma rrieżaminaw l-ebda proċedura ta’ reġistrazzjoni biex jivverifikaw l-istorja ta’ konformità tal-bastimenti tas-sajd kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jikkonformaw ma’ kwalunkwe regolament u miżura internazzjonali applikabbli. L-awtoritajiet tal-Kamerun lanqas ma vverifikawx il-listi tal-bastimenti IUU adottati mill-RFMOs. Dan ma huwiex konformi mal-punti 36 u 42 tal-IPOA-IUU, kif enfasizzat fil-premessa (19) tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021.

    (37)

    Skont informazzjoni ulterjuri miġbura mill-Kummissjoni, il-Kamerun ta n-nazzjonalità tiegħu lil tliet bastimenti tas-sajd mid-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 (8).

    (38)

    Skont id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet tal-Kamerun matul l-iskambji mal-Kummissjoni f’April 2021, id-distretti marittimi (9) ma kinux aktar permessi jirreġistraw direttament il-bastimenti tas-sajd, u t-talbiet kollha għar-reġistrazzjoni tal-bastimenti tas-sajd iridu jintbagħtu lill-amministrazzjoni ċentrali minn qabel. L-awtoritajiet tal-Kamerun infurmaw lill-Kummissjoni li l-bażi għal tali projbizzjoni ġiet stabbilita f’Ċirkolari maħruġa mill-Ministeru għat-Trasport, li ġiet kondiviża mal-Kummissjoni f’Ġunju 2022 (10). Madankollu, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda indikazzjoni li l-Ministeru għat-Trasport kien ġie kkonsultat fir-rigward tal-bastimenti tas-sajd imsemmija fil-premessa (37) ta’ din id-Deċiżjoni.

    (39)

    Barra minn hekk, minn Frar 2021, il-Kamerun ta n-nazzjonalità tiegħu lil mill-anqas sitt bastimenti tas-sajd oħra (bastimenti tal-ġarr u ta’ appoġġ) (11). Il-Kummissjoni ma tistax teskludi li dawn il-bastimenti, li kollha joperaw f’ilmijiet barra mill-ġuriżdizzjoni tal-Kamerun, jinvolvu ruħhom f’attivitajiet relatati mas-sajd mingħajr ma jiġi żgurat il-kontroll tas-sajd meħtieġ kif deskritt fil-premessi (43) u (44) ta’ din id-Deċiżjoni.

    (40)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tosserva li l-Kamerun kompla jiżviluppa l-flotta tas-sajd fuq distanzi twal tiegħu wara d-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, filwaqt li ddikjara li ma nħarġux liċenzji tas-sajd għal bastimenti tas-sajd li joperaw barra mill-ilmijiet ġuriżdizzjonali tiegħu. L-awtoritajiet tal-Kamerun affermaw ulterjorment li l-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu u li joperaw fl-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiżi terzi ma jiksrux il-Liġi Nru 94/01, peress li ma fiha l-ebda obbligu għall-bastimenti tas-sajd li jkollhom liċenzji tas-sajd mill-Kamerun biex joperaw f’ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiżi terzi (f’ibħra internazzjonali biss).

    (41)

    Kif sottolinjat fil-premessa (35) tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, dan ma huwiex konformi mal-punt 30 tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO għall-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera li jiddikjara li l-Istati tal-bandiera jimplimentaw reġim għall-awtorizzazzjoni ta’ attivitajiet tas-sajd u relatati mas-sajd, kif ukoll mal-paragrafu 45 tal-IPOA-IUU, li skontu l-Istati għandhom jiżguraw li bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera tiegħu li jistad f’ilmijiet barra mis-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tiegħu jkollu awtorizzazzjoni valida maħruġa mill-awtoritajiet xierqa tal-Istat tal-bandiera.

    (42)

    Barra minn hekk, kif diġà ġie enfasizzat fil-premessa (34) tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, il-Kamerun, fil-kapaċità tiegħu ta’ Stat tal-bandiera, irid jiżgura kontroll fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu, f’konformità mal-Artikolu 94(2)(b) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS), li jipprevedi li l-Istat tal-bandiera jassumi ġuriżdizzjoni skont il-liġi interna tiegħu fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu.

    (43)

    Barra dan, il-punti 31, 32 u 33 tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO għall-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera jiddikjaraw li l-Istati tal-bandiera jridu jimplimentaw skema ta’ kontroll fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom. Il-Liġi Nru 94/01 applikabbli ma fiha l-ebda dispożizzjoni fir-rigward tal-kontroll u s-sorveljanza ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Kamerun, b’mod partikolari barra minn ilmijiet taħt ġuriżdizzjoni tal-Kamerun. Barra minn hekk, matul l-iskambji f’April 2021, l-awtoritajiet tas-sajd tal-Kamerun indikaw lill-Kummissjoni li huma ma jafux jekk il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Kamerun joperawx f’ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiżi terzi, peress li ma humiex fil-pussess ta’ informazzjoni dwar liema bastimenti tas-sajd itajru l-bandiera tal-Kamerun u peress li dawn il-bastimenti ma humiex soġġetti għar-rekwiżiti tal-liċenzja tas-sajd skont il-Liġi msemmija hawn fuq.

    (44)

    L-awtoritajiet tal-Kamerun ikkonfermaw ulterjorment li l-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom ma humiex ikkontrollati permezz ta’ VMS. Il-bastimenti tas-sajd huma kkontrollati biss permezz tas-sistema ta’ identifikazzjoni awtomatika (AIS) (12), li hija maħsuba l-aktar għal skopijiet ta’ sikurezza marittima, mill-awtoritajiet marittimi li ma humiex kompetenti biex jinfurzaw il-leġiżlazzjoni tas-sajd. Dan in-nuqqas ta’ kontroll xieraq ma huwiex konformi mal-punt 24 tal-IPOA-IUU, li jindika li l-Istati jenħtieġ li jwettqu monitoraġġ, kontroll u sorveljanza (MCS) komprensivi u effettivi tas-sajd inkluż billi jimplimentaw, fejn xieraq, VMS, kif ukoll mal-punt 31 tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO għall-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera, li jiddikjara li l-Istati tal-bandiera jimplimentaw reġim ta’ kontroll fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom li jinkludi mill-anqas għodod ta’ monitoraġġ, bħal VMS. L-awtoritajiet tal-Kamerun komplew jagħtu l-bandiera tagħhom lill-bastimenti tas-sajd, minkejja li ma stabbilewx il-mezzi meħtieġa biex jikkontrollaw il-bastimenti u l-attivitajiet tas-sajd u relatati mas-sajd tagħhom.

    (45)

    Dan in-nuqqas ta’ kontroll huwa msaħħaħ ulterjorment mill-fatt li bastiment tas-sajd, li tneħħa mir-reġistru nazzjonali tal-Kamerun fit-3 ta’ Mejju 2019 skont l-informazzjoni provduta mill-awtoritajiet tal-Kamerun, ġie miċħud id-dħul f’port ta’ pajjiż terz wara dik id-data. Il-bastiment inkwistjoni taparsi kien qed itajjar il-bandiera tal-Kamerun.

    (46)

    Barra minn hekk, żewġ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Kamerun inqabdu jwettqu attivitajiet ta’ sajd IUU fl-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz. Iż-żewġ bastimenti ġew immultati mill-Istat kostali rilevanti.

    (47)

    Barra minn hekk, minkejja diversi talbiet mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-Kamerun naqsu milli jipprovdu lista eżawrjenti tal-bastimenti tas-sajd kollha li jtajru l-bandiera tagħhom. Il-listi pprovduti lill-Kummissjoni ma fihomx il-bastimenti tas-sajd kollha li jtajru l-bandiera tal-Kamerun, u ma humiex aġġornati. Pereżempju, il-Kummissjoni osservat li bastimenti tas-sajd li tneħħew mir-reġistru fl-2020 kienu inklużi f’lista pprovduta fl-2021. Barra minn hekk, żewġ bastimenti inklużi f’listi pprovduti fl-2021 ma jidhrux li qed itajru aktar il-bandiera tal-Kamerun, filwaqt li ma humiex fuq il-listi ta’ bastimenti li tneħħew mir-reġistru (13) u bastiment jidher bħala li huwa rreġistrat fl-2020 filwaqt li ma kienx inkluż fil-listi pprovduti fl-2021 (14). Dan jikkonferma l-elementi previsti fil-premessa (21) tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, li enfasizzat li l-lista tal-bastimenti tas-sajd ma hijiex miżmuma kif suppost. Dan imur kontra l-Artikolu 94(2)(a) tal-UNCLOS u ma huwiex konformi mal-paragrafu 42 tal-IPOA-IUU li jipprevedi li kull Stat għandu jżomm reġistru tal-bastimenti li jkun fih l-ismijiet u d-dettalji tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu.

    (48)

    Fir-rigward tal-informazzjoni stabbilita fil-premessi (34) sa (47), il-Kummissjoni tqis li l-Kamerun naqas milli jirrispetta r-responsabbiltajiet tiegħu bħala Stat tal-bandiera li jeżerċita kontroll fuq il-flotta tiegħu u jipprevjeni lill-flotta tiegħu milli tkun involuta f’attivitajiet ta’ sajd IUU f’ilmijiet barra mill-ġuriżdizzjoni tiegħu. Dan imur kontra l-Artikolu 94(1) u (2) tal-UNCLOS, li jipprevedi li kull Stat għandu jiżgura b’mod effettiv il-ġuriżdizzjoni u l-kontroll tiegħu fuq il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu. Għaldaqstant, il-Kamerun naqas milli jaqdi l-obbligu ta’ diliġenza dovuta tiegħu li juża mezzi adegwati, jeżerċita l-aħjar sforzi possibbli u jagħmel l-aħjar li jista’ biex jipprevjeni sajd IUU minn bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu. Dan in-nuqqas lanqas ma huwa konformi mal-paragrafi 34 u 35 tal-IPOA-IUU li jipprevedu li l-Istati jenħtieġ li jiżguraw li l-bastimenti tas-sajd intitolati li jtajru l-bandiera tagħhom ma jinvolvux ruħhom jew ma jappoġġawx attivitajiet ta’ sajd IUU u li jiżguraw ukoll li, qabel ma jirreġistraw bastiment tas-sajd, l-Istati tal-bandiera jistgħu jeżerċitaw ir-responsabbiltà tagħhom li jiżguraw li tali bastimenti ma jkunux involuti f’sajd IUU.

    (49)

    B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni ma tistax teskludi li bastimenti tas-sajd irreġistrati fil-Kamerun, flimkien maż-żewġ bastimenti msemmija fil-premessa (46), u li b’hekk għandhom in-nazzjonalità tiegħu u huma intitolati li jtajru l-bandiera tiegħu, wettqu sajd IUU jew attivitajiet relatati mas-sajd IUU f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali tal-Kamerun, inkluż f’żoni taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiżi terzi u użaw il-portijiet ta’ pajjiżi terzi. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ kontroll min-naħa tal-Kamerun fuq bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu jippermetti li tali bastimenti jħottu u/jew jittrażbordaw prodotti tas-sajd u għalhekk ma jistax jimpedixxi d-dħul ta’ prodotti tas-sajd li jirriżultaw minn sajd IUU fis-swieq.

    (50)

    Fid-dawl tal-iżviluppi li jseħħu wara s-17 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni tqis, skont l-Artikolu 31(3) u (4)(a) tar-Regolament IUU, li l-Kamerun naqas milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera biex jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU, u skont l-Artikolu 31(3) u (4)(b) tar-Regolament IUU, ma ħax azzjoni suffiċjenti biex jipprevjeni l-aċċess tal-prodotti tas-sajd li jirriżultaw mis-sajd IUU għas-swieq.

    3.2.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni u ta’ infurzar (l-Artikolu 31(5) tar-Regolament IUU)

    (51)

    Kif deskritt fil-premessi (30) sa (43) tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni analizzat jekk il-Kamerun ikkooperax b’mod effettiv mal-Kummissjoni biex iwieġeb għall-mistoqsijiet, jipprovdi feedback jew jinvestiga kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sajd IUU u attivitajiet relatati.

    (52)

    Wara d-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni baqgħet issib diffikultajiet sabiex tistabbilixxi kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Kamerun. Il-Kamerun ma pprovdiex lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa u bi tweġiba dwar mistoqsijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu u mal-attivitajiet tagħhom, inkluża lista komprensiva ta’ bastimenti tas-sajd irreġistrati taħt il-bandiera tiegħu.

    (53)

    Wara l-iskambji f’April 2021, il-Kummissjoni stiednet lill-Kamerun jipprovdi għadd ta’ dokumenti. Sal-lum u minkejja diversi messaġġi ta’ segwitu mibgħuta, il-Kummissjoni ma rċevietx id-dokumenti u l-informazzjoni kollha dwar il-kooperazzjoni.

    (54)

    Skont id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet tal-Kamerun kif ukoll dokumenti miġbura mill-Kummissjoni, dan in-nuqqas ta’ kooperazzjoni huwa aggravat min-nuqqas ta’ koordinazzjoni interna fl-amministrazzjoni tal-Kamerun, jiġifieri bejn l-awtoritajiet marittimi responsabbli għar-reġistrazzjoni tal-bastimenti u dawk responsabbli għall-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd.

    (55)

    Wara d-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, l-awtoritajiet marittimi tal-Kamerun komplew jirreġistraw bastimenti tas-sajd elenkati fl-IUU, minkejja l-indikazzjonijiet tagħhom li kienu saru laqgħat bejn iż-żewġ amministrazzjonijiet u li kienet qed tiġi abbozzata deċiżjoni konġunta dwar il-proċedura ta’ reġistrazzjoni. Rapporti ta’ dawn il-laqgħat ġew ipprovduti lill-Kummissjoni f’Ġunju 2022, iżda mhux id-deċiżjoni konġunta bejn iż-żewġ amministrazzjonijiet infushom. Fil-fatt, ġie indikat li din id-deċiżjoni ma hijiex se tiġi adottata mill-awtoritajiet tal-Kamerun (15).

    (56)

    Barra minn hekk, kif sottolinjat fil-premessa (31) tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, meta ġie vvalutat jekk il-Kamerun ikkonformax mal-obbligi tiegħu bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali u tas-suq, il-Kummissjoni analizzat ukoll jekk il-Kamerun ikkooperax ma’ Stati oħra u ma’ RFMOs rilevanti fir-rigward ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu u li huma elenkati fil-listi ta’ bastimenti IUU minn tali organizzazzjonijiet.

    (57)

    Wara l-korrispondenza mill-Kummissjoni, il-Kamerun ikkuntattja lill-awtoritajiet tal-Bangladesh fir-rigward tal-istatus ta’ reġistrazzjoni tal-bastimenti tas-sajd SEA VIEW u SEA WIND. L-awtoritajiet tal-Kamerun semmew ukoll li huma kkuntattjaw lill-awtoritajiet tal-Pakistan fir-rigward ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera tal-Kamerun.

    (58)

    Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni pprovdiet il-kuntatti meħtieġa lill-Kamerun, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda prova li tindika li l-awtoritajiet tal-Kamerun ikkuntattjaw lis-Segretarjat tal-IOTC biex jinfurmawh bit-tneħħija mir-reġistru nazzjonali ta’ tliet bastimenti IUU elenkati (16). Għalhekk, dawn il-bastimenti jkomplu jidhru bħala li jtajru l-bandiera tal-Kamerun f’diversi listi IUU tal-RFMOs (17).

    (59)

    Il-Kamerun ma weġibx għal talbiet ta’ assistenza reċiproka mibgħuta minn Stat Membru wieħed fl-2020 skont l-Artikolu 51 tar-Regolament IUU, kif deskritt fil-premessa (31) tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, u għal talbiet magħmula fl-2021 minn Stat Membru ieħor fir-rigward ta’ informazzjoni dwar bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu, minkejja d-domanda mill-Kummissjoni.

    (60)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tosserva li ma sar l-ebda progress f’dan ir-rigward mid-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021.

    (61)

    Is-sitwazzjoni deskritta fil-premessi (52) sa (60) tindika li l-Kamerun naqas milli jikkoopera u milli jikkoordina attivitajiet ma’ Stati oħra fejn operaw bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Kamerun, inkluż billi jużaw portijiet ta’ pajjiżi terzi, sabiex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU kif stabbilit fil-punt 28 tal-IPOA IUU. Barra minn hekk, kif stabbilit fil-punt 31 tal-IPOA-IUU, il-Kamerun, bħala Stat tal-bandiera, jenħtieġ li jikkunsidra li jidħol fi ftehimiet jew f’arranġamenti ma’ Stati oħra u li jikkoopera mod ieħor għall-infurzar tal-liġijiet u l-miżuri ta’ ġestjoni applikabbli jew dispożizzjonijiet adottati fil-livell nazzjonali, reġjonali jew internazzjonali, b’mod partikolari mal-pajjiżi fejn joperaw il-bastimenti tiegħu. Il-Kummissjoni ma ġietx infurmata bl-eżistenza ta’ ftehimiet bħal dawn, anke jekk diversi bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Kamerun joperaw f’ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiżi terzi u jużaw il-portijiet ta’ pajjiżi terzi.

    (62)

    Kif spjegat fil-premessi (33) sa (39) tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni analizzat ukoll jekk il-Kamerun kienx ħa miżuri ta’ infurzar effettivi biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU u jekk ġewx applikati sanzjonijiet severi biżżejjed biex it-trasgressuri jiġu mċaħħda mill-benefiċċji li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ sajd IUU tagħhom.

    (63)

    L-evidenza disponibbli tikkonferma li l-Kamerun ma ssodisfax l-obbligi tiegħu skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni tiegħu u l-kontroll fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu.

    (64)

    L-awtoritajiet tal-Kamerun spjegaw li bdew proċess ta’ tneħħija mir-reġistru nazzjonali tal-bastimenti tas-sajd kollha involuti fi jew suspettati li jistadu IUU fiż-ŻEE tal-Istati kostali. Skont l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni, iż-żewġ bastimenti tas-sajd li kienu ssanzjonati minn Stat kostali għal attivitajiet ta’ sajd IUU (18) għadhom itajru l-bandiera tal-Kamerun (19). Barra minn hekk, wara d-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, skont l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-Kamerun taw in-nazzjonalità tagħhom tal-anqas lil bastiment wieħed elenkat li jagħmel sajd IUU (il-bastiment FREEDOM 7), minkejja l-fatt li dan il-bastiment huwa inkluż f’diversi listi IUU tal-RFMOs (20).

    (65)

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-Kamerun indikaw lill-Kummissjoni li l-bastimenti li kienu nqabdu jwettqu attivitajiet ta’ sajd IUU f’ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Kamerun kienu sanzjonati finanzjarjament u b’mod amministrattiv f’konformità mar-regoli applikabbli. Madankollu, skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet tal-Kamerun f’Ġunju 2022, ittieħdu sanzjonijiet fl-2017, fir-rigward tal-attivitajiet tas-sajd IUU mwettqa minn tliet bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiżi terzi, u mhux fir-rigward tal-każijiet reċenti msemmija fil-premessa (46) ta’ din id-Deċiżjoni.

    (66)

    Skont l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni u l-informazzjoni miksuba minn bażijiet tad-data miftuħa, il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Kamerun komplew joperaw f’ilmijiet barra mill-ġuriżdizzjoni tal-Kamerun wara d-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021. Filwaqt li l-Kamerun afferma li l-Liġi Nru 94/01 ma tipprekludix il-possibbiltà li l-bastimenti tas-sajd tiegħu joperaw f’ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiżi terzi (21), il-Kummissjoni ma ġiet infurmata b’ebda miżura meħuda mill-awtoritajiet tal-Kamerun biex jiġi żgurat kontroll effettiv fuq dawk il-bastimenti, ħlief l-abbozz ta’ digriet biex jinħoloq ċentru ta’ monitoraġġ tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Kamerun. Madankollu, għadu ma huwiex ċar jekk u kif il-bastimenti tas-sajd jistgħux jiġu kkontrollati b’mod effettiv mill-awtoritajiet fil-futur permezz tal-użu tat-teknoloġija tal-AIS biss (22). Barra minn hekk, il-Kamerun kompla jagħti l-bandiera tiegħu lil bastimenti tas-sajd li joperaw barra mill-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu.

    (67)

    Barra minn hekk, fl-2021, bastiment tas-sajd kompla jopera f’ilmijiet barra mill-ġuriżdizzjoni tal-Kamerun taħt il-bandiera tal-Kamerun filwaqt li kien tneħħa mir-reġistru nazzjonali u ilu mingħajr ċertifikat ta’ reġistrazzjoni validu minn Mejju 2019. In-nuqqas ta’ ssodisfar mill-Kamerun tal-obbligu tiegħu li jikkontrolla l-bastimenti tiegħu ppermetta lil tali bastiment tas-sajd ikompli jopera taħt il-bandiera tal-Kamerun (23).

    (68)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tosserva li l-Kamerun ma kienx irrimedja s-sitwazzjoni ta’ monitoraġġ nieqes tal-flotta tas-sajd tiegħu u għalhekk naqas milli jissodisfa l-Artikolu 94(2)(b) tal-UNCLOS li jipprevedi li Stat tal-bandiera jassumi ġuriżdizzjoni skont il-liġi interna tiegħu fuq kull bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu u l-kaptan, l-uffiċjali u l-ekwipaġġ tiegħu.

    (69)

    Barra minn hekk, kif enfasizzat fil-premessa (34) tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, dan ukoll ma huwiex f’konformità mal-punti 31, 32 u 33 tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO għall-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera li jirrikjedu li l-Istati tal-bandiera jimplimentaw skema ta’ kontroll fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u jrid ikollhom stabbiliti miżuri ta’ infurzar li jippermettu, fost l-oħrajn, li jidentifikaw ksur tal-liġijiet, tar-regolamenti u tal-miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni u ġestjoni applikabbli kif ukoll l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet u miżuri adegwati kontra t-trasgressuri. Is-sanzjonijiet u l-miżuri jenħtieġ li jkunu adegwati fis-severità biex ikunu effettivi fl-iżgurar tal-konformità u biex jiskoraġġixxu l-ksur kull fejn iseħħ u jenħtieġ li jċaħħdu lit-trasgressuri mill-benefiċċji li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ sajd illegali tagħhom.

    (70)

    L-awtoritajiet tal-Kamerun ikkonfermaw it-tneħħija mir-reġistru nazzjonali tagħhom ta’ tliet bastimenti elenkati li jagħmlu sajd IUU msemmija fil-premessa (34) minħabba “sajd illegali” (24). Madankollu, l-awtoritajiet tal-Kamerun ma semmewx sanzjonijiet oħra għal dawn il-bastimenti u għall-operaturi tagħhom għajr it-tneħħija mir-reġistru. Kif sottolinjat fil-premessa (37) tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, it-tneħħija mir-reġistru tal-bastimenti tas-sajd ma hijiex miżura suffiċjenti li għandu jieħu Stat tal-bandiera, peress li tali miżura ma tindirizzax l-attività tas-sajd IUU, u ma tiżgurax l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet ta’ deterrent jew ta’ miżuri kontra l-attivitajiet tas-sajd IUU mwettqa.

    (71)

    Barra minn hekk, kif indikat fil-premessa (46), żewġ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Kamerun ġew issanzjonati għal attivitajiet ta’ sajd IUU fl-2021 minn pajjiż terz. Il-Kummissjoni ma ġiet infurmata bl-ebda sanzjoni meħuda mill-Kamerun fil-konfront ta’ dawn il-bastimenti tas-sajd u l-operaturi tagħhom. L-awtoritajiet tal-Kamerun indikaw biss li wieħed minn dawn il-bastimenti tneħħa mir-reġistru nazzjonali, mingħajr ma pprovdew evidenza ta’ din it-tneħħija mir-reġistru jew tas-saldu tas-sanzjonijiet imposti mill-pajjiż terz, f’konformità mal-paragrafu 24 tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO għall-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera.

    (72)

    Kif diġà indikat fil-premessa (38) tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, dan ma huwiex f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet li jittieħdu miżuri ta’ infurzar fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ sajd IUU u li tingħata sanzjoni lit-trasgressuri b’biżżejjed severità biex b’mod effettiv ikun prevenut, skoraġġut u eliminat is-sajd IUU u li t-trasgressuri jiġu mċaħħda mill-benefiċċji li jirriżultaw minn sajd bħal dan, kif stabbilit fil-paragrafu 21 tal-IPOA-IUU, fil-paragrafu 8(2)(7) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-FAO għas-Sajd Responsabbli kif ukoll fil-punti 31 sa 33, 35 u 38 tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO għall-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera.

    (73)

    F’konformità mal-Artikolu 31(5)(c) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni analizzat il-firxa u l-gravità tal-manifestazzjonijiet tas-sajd IUU kkunsidrati.

    (74)

    Il-Kummissjoni qieset in-nuqqasijiet ripetittivi mill-awtoritajiet tal-Kamerun u l-bastimenti tas-sajd tiegħu li wasslu għad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, wara l-adozzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni.

    (75)

    Wara d-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, l-awtoritajiet tal-Kamerun irreġistraw bastiment elenkat IUU ieħor u komplew jespandu l-flotta tas-sajd fuq distanzi twal tagħhom minkejja li ma kellhomx il-mezzi meħtieġa biex jikkontrollaw l-attivitajiet ta’ tali bastimenti.

    (76)

    Wara d-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, l-awtoritajiet ma kkuntattjawx lill-Istati u lill-RFMOs rilevanti sabiex jikkooperaw u jipprovdu informazzjoni ulterjuri dwar bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Kamerun.

    (77)

    Kif enfasizzat fil-premessi (51) sa (53) tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, il-livell ta’ żvilupp tal-Kamerun ma jistax jitqies bħala fattur li jimmina l-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jikkooperaw ma’ pajjiżi oħra u jieħdu azzjonijiet ta’ infurzar. L-evalwazzjoni tar-restrizzjonijiet speċifiċi li jirriżultaw mil-livell ta’ żvilupp tal-Kamerun hija deskritta ulterjorment fil-premessi (86) sa (90) ta’ din id-Deċiżjoni.

    (78)

    Fid-dawl tal-premessi (30) sa (42) tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 u tal-iżviluppi li seħħew wara s-17 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, skont l-Artikolu 31(3) u (5) tar-Regolament IUU, il-Kamerun naqas milli jaqdi d-dmirijiet tiegħu skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tal-kooperazzjoni u l-isforzi ta’ infurzar.

    3.3.   Nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-regoli internazzjonali (l-Artikolu 31(6) tar-Regolament IUU).

    (79)

    Kif deskritt fil-premessi (45) sa (49) tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, f’konformità mal-Artikolu 31(6)(a) u (b) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni analizzat ir-ratifika jew l-adeżjoni tal-Kamerun għall-istrumenti internazzjonali rilevanti tas-sajd u l-istatus tiegħu bħala parti kontraenti għall-RFMOs jew il-qbil tiegħu li japplika miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati minnhom.

    (80)

    Kif indikat fil-premessi (45) u (47) tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, il-Kamerun ma rratifikax strumenti legali internazzjonali relatati mal-ġestjoni tas-sajd, ħlief l-UNCLOS, u lanqas ma huwa parti kontraenti jew parti mhux kontraenti li tikkoopera ma’ kwalunkwe RFMO.

    (81)

    L-awtoritajiet tal-Kamerun indikaw li ġie stabbilit grupp ta’ ħidma fid-dawl tar-ratifika tal-Ftehim ta’ Cape Town tal-2012, relatat mas-sikurezza tal-bastimenti tas-sajd (25). Il-Kummissjoni ma ġiet infurmata bl-ebda démarche simili fir-rigward ta’ ftehimiet oħrajn. Madankollu, l-awtoritajiet tal-Kamerun irrikonoxxew li jenħtieġ li jaderixxu għal ċerti ftehimiet internazzjonali rilevanti dwar is-sajd.

    (82)

    Kif enfasizzat fil-premessa (46) tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, dan ma huwiex f’konformità mad-dmir li wieħed jikkoopera u mal-obbligu li jieħu, jew li jikkoopera biex jieħu l-miżuri meħtieġa għall-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar fl-ibħra internazzjonali kif stabbilit fl-Artikoli 117 u 118 tal-UNCLOS. Dan in-nuqqas ta’ kooperazzjoni jmur ukoll kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-paragrafu 11 tal-IPOA-IUU, li jħeġġu lill-Istati, bħala kwistjoni ta’ prijorità, sabiex jirratifikaw, jaċċettaw jew jaderixxu mal-UNFSA u mal-Ftehim ta’ Konformità tal-FAO. Dan ma huwiex f’konformità wkoll mal-paragrafu 14 tal-IPOA-IUU li jipprevedi li l-Istati jenħtieġ li jimplimentaw bis-sħiħ u b’mod effettiv il-Kodiċi ta’ Kondotta tas-Sajd tal-FAO u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Internazzjonali assoċjati tiegħu.

    (83)

    F’konformità mal-Artikolu 31(6)(c) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni analizzat jekk il-Kamerun setax kien involut f’xi att jew f’xi ommissjoni li setgħet naqqset l-effettività ta’ liġijiet, regolamenti jew miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni applikabbli.

    (84)

    Kif indikat fil-premessa (49) tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, billi rreġistraw bastimenti tas-sajd elenkati taħt il-listi IUU tal-RFMOs fir-reġistru nazzjonali tal-Kamerun u għalhekk tawhom id-dritt li jtajru l-bandiera tagħhom, l-awtoritajiet tal-Kamerun naqqsu l-effettività tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati mill-RFMOs u dan ma huwiex konformi mal-punt 35 tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO għall-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera u mal-paragrafi 38 u 39 tal-IPOA-IUU. Kif deskritt fil-premessa (36) ta’ din id-deċiżjoni, din il-politika ta’ reġistrazzjoni kompliet wara d-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021.

    (85)

    Fid-dawl tal-premessi (45) sa (49) tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 u l-iżviluppi sussegwenti msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tqis, skont l-Artikolu 31(3) u (6) tar-Regolament IUU, li l-Kamerun naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu skont il-liġi internazzjonali fir-rigward ta’ regoli, regolamenti, kif ukoll miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni internazzjonali.

    3.4.   Restrizzjonijiet speċifiċi ta’ pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp (l-Artikolu 31(7) tar-Regolament IUU)

    (86)

    Huwa mfakkar li skont l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHDI), fl-2019, il-Kamerun kien meqjus bħala pajjiż b’livell medju ta’ żvilupp uman, fejn ġie kklassifikat fil-153 post minn fost 189 pajjiż (26).

    (87)

    Kif deskritt fil-premessa (52) tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, ma nstabet ebda evidenza ta’ korroborazzjoni li tissuġġerixxi li n-nuqqas tal-Kamerun milli jaqdi d-dmirijiet tiegħu skont id-dritt internazzjonali huwa riżultat ta’ restrizzjonijiet tal-iżvilupp.

    (88)

    Għalkemm jista’ jkun hemm restrizzjonijiet speċifiċi tal-kapaċità fejn jidħol il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tal-flotta tiegħu, ir-restrizzjonijiet speċifiċi tal-Kamerun dovuti għal-livell ta’ żvilupp tiegħu ma jiġġustifikawx in-nuqqasijiet kollha identifikati fit-taqsimiet preċedenti. B’mod partikolari, in-natura tan-nuqqasijiet stabbiliti tal-Kamerun, bħan-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fil-qafas legali nazzjonali li jirreferu għall-ġestjoni tal-flotta tas-sajd tiegħu u għall-ġlieda, l-iskoraġġiment u l-eliminazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd IUU, in-nuqqas ta’ proċeduri li jiżguraw verifika xierqa tar-reġistrazzjoni tal-bastimenti tas-sajd taħt il-bandiera tiegħu u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni, mal-RFMOs jew mal-amministrazzjonijiet ta’ pajjiżi oħra, ma tistax tiġi korrelatata mal-livell ta’ żvilupp tal-Kamerun u mar-restrizzjonijiet speċifiċi li jista’ jkollu. Ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza mill-awtoritajiet tal-Kamerun li tindika li n-nuqqasijiet identifikati huma konsegwenza ta’ nuqqas ta’ kapaċità u infrastruttura.

    (89)

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-Kamerun irċevew appoġġ biex isaħħu l-azzjonijiet nazzjonali fil-ġlieda kontra s-sajd IUU mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) (27).

    (90)

    Fid-dawl tal-premessi (51), (52), u (53) tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 u l-iżviluppi wara din id-data, il-Kummissjoni hija tal-fehma, skont l-Artikolu 31(7) tar-Regolament IUU, li l-livell ta’ żvilupp tal-Kamerun ma jfixkilx il-prestazzjoni ġenerali tiegħu bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq fir-rigward tas-sajd u għalhekk ma jistax jiskuża kompletament jew inkella jiġġustifika l-insuffiċjenza tal-azzjonijiet tiegħu biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

    4.   KONKLUŻJONI DWAR L-IDENTIFIKAZZJONI BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

    (91)

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet li saru fir-rigward tan-nuqqas tal-Kamerun milli jissodisfa d-dmirijiet tiegħu skont il-liġijiet internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, u biex jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU, dan il-pajjiż jenħtieġ li jiġi identifikat, f’konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament IUU, bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

    (92)

    B’kunsiderazzjoni għall-Artikolu 18(1)(g) tar-Regolament IUU, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma marbuta li jirrifjutaw l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti tas-sajd mingħajr ma jkollhom għalfejn jitolbu xi evidenza addizzjonali jew jibagħtu talba għal assistenza lill-Istat tal-bandiera meta jsiru konxji li ċ-ċertifikat tal-qbid ġie vvalidat mill-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera identifikat bħala Stat li ma jikkooperax f’konformità mal-Artikolu 31 ta’ dak ir-Regolament.

    (93)

    Jenħtieġ li jiġi ddikjarat li l-identifikazzjoni tal-Kamerun bħala pajjiż li l-Kummissjoni tqis li ma jikkooperax ma tipprekludi ebda pass sussegwenti meħud mill-Kunsill għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ lista ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx.

    5.   PROĊEDURA TA’ KUMITAT

    (94)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Kamerun huwa identifikat bħala pajjiż terz li l-Kummissjoni tqis bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Jannar 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Frar 2021 li tinnotifika lir-Repubblika tal-Kamerun dwar il-possibbiltà li din tiġi identifikata bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU CI 59, 19.2.2021, p. 1).

    (3)  International Plan of Action to Prevent, Deter and Eliminate Illegal, Unreported and Unregulated Fishing, Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, 2001.

    (4)  Voluntary Guidelines for Flag State Performance, Marzu 2014, miksuba minn: http://www.fao.org/3/a-i4577t.pdf

    (5)  Il-Ftehim ta’ Cape Town tal-2012 dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Protokoll tal-1993 relatati mal-Konvenzjoni Internazzjonali ta’ Torremolinos għas-Sikurezza tal-Bastimenti tas-Sajd.

    (6)  UTHAIWAN (isem preċedenti WISDOM SEA REEFER, IMO Nru 7637527), SEA VIEW (isem preċedenti AL WESAM 2, IMO Nru 8692342) u SEA WIND (isem preċedenti AL WESAM 1, IMO Nru 8692354), PROGRESO (isem preċedenti AL WESAM 5).

    (7)  Il-bastiment FREEDOM 7, IMO Nru 7302548, ismijiet preċedenti ZHI MING/GOLDEN LAKE/No 101 GLORIA, elenkat mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) fl-2006, u mbagħad elenkat b’inkroċju mill-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (CCSBT), il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM), l-IOTC, il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC), u l-Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan (SIOFA).

    (8)  Il-bastiment MARIGOLDS (IMO Nru 9447110) irreġistrat fis-6 ta’ Mejju 2021, il-bastiment KAPITAN RUSAK (IMO Nru 9121106) irreġistrat fis-27 ta’ Settembru 2021 u l-bastiment DUNBOY (IMO Nru 9147564), irreġistrat fid-29 ta’ Marzu 2022. Skont l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni, il-bastiment KAPITAN RUSAK jopera fl-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Mauritania. Il-bastiment DUNBOY kien jinsab fil-port ta’ Walvis Bay, fin-Namibja (minn Lulju 2022 sa mill-anqas Settembru 2022). Skont l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni permezz ta’ bażijiet tad-data miftuħa, il-bastiment MARIGOLDS apparentament instab li qiegħed fil-port ta’ Punta Arenas, fiċ-Ċilì f’Marzu 2022. Dawn il-bastimenti tas-sajd ġew irreġistrati mid-distrett marittimu ta’ Kribi (“Circonscription maritime, fluviale et lacustre du Sud et de l’Est”)

    (9)  Inkluż id-distrett marittimu ta’ Kribi

    (10)  Ittra Ċirkolari Nru 000007, iffirmata mill-Ministeru għat-Trasport fil-11 ta’ Settembru 2020. Din iċ-Ċirkolari hija relatata ma’ bastimenti b’tunnellaġġ gross ta’ aktar minn 50, li huwa l-każ għall-bastimenti MARIGOLDS, KAPITAN RUSAK u DUNBOY.

    (11)  Il-bastimenti GABU REEFER (IMO Nru 8300949), SALY REEFER (IMO Nru 7813925), SOLARTE (IMO Nru 8210285), SILVER ICE (IMO Nru 7819759), WAN YANG (IMO Nru 8627309), u WRAITH (IMO Nru 9101871). Dawn il-bastimenti huma deskritti bħala bastimenti tal-ġarr/reefer u ta’ appoġġ.

    (12)  F’Ġunju 2022, l-awtoritajiet tal-Kamerun ipprovdew abbozz ta’ digriet għall-istabbiliment ta’ ċentru ta’ monitoraġġ tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Kamerun, li l-missjoni tiegħu se tkun, taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet marittimi, li jikkontrolla l-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Kamerun permezz tal-AIS.

    (13)  Il-bastimenti KONYUI u PILOT WHALE (IMO Nru 7703986).

    (14)  Il-bastiment AKT, IMO Nru 9923310, irreġistrat fis-16 ta’ Novembru 2020.

    (15)  Minflok, ġie deċiż li l-awtoritajiet tas-sajd jiġu involuti fiċ-ċentru ta’ monitoraġġ skont abbozz ta’ digriet, digriet li jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-bastimenti.

    (16)  Il-bastimenti SEA WIND, SEA VIEW u PROGRESO li ġew elenkati fl-ewwel istanza mill-IOTC.

    (17)  Listi tal-RFMOs: CCSBT, ICCAT, IOTC, NEAFC, SIOFA.

    (18)  Ara l-premessa (46).

    (19)  Skont l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni fuq bażi tad-data miftuħa u apparti din, iż-żewġ bastimenti ma humiex inklużi fil-lista ta’ bastimenti li tneħħew mir-reġistru pprovduta f’Ġunju 2022 mill-awtoritajiet tal-Kamerun.

    (20)  Ara l-premessa (35).

    (21)  Ara l-premessa (40).

    (22)  Ara l-premessa (44).

    (23)  Ara l-premessa (45).

    (24)  Il-bastiment UTHAIWAN (l-isem preċedenti WISDOM SEA REEFER, IMO Nru 7637527) ġie skrappjat.

    (25)  Ara l-premessa (29).

    (26)  Informazzjoni miksuba minn https://hdr.undp.org/en/countries/profiles/CMR

    (27)  https://www.fao.org/iuu-fishing/capacity-development/en/


    Top