Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2189

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2189 tad-9 ta’ Novembru 2022 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1784 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-aluminju llaminati ċatti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    C/2022/7904

    ĠU L 289, 10.11.2022, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2189/oj

    10.11.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 289/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2189

    tad-9 ta’ Novembru 2022

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1784 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-aluminju llaminati ċatti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-aluminju llaminati ċatti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina huma soġġetti għal dazji anti-dumping definittivi impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1784 (2).

    (2)

    Alnan Aluminium Inc., kodiċi addizzjonali TARIC (3) C616, kumpanija soġġetta għal rata ta’ dazju anti-dumping individwali ta’ 19,0 %, infurmat lill-Kummissjoni fit-13 ta’ Ġunju 2022 li kienet bidlet l-isem Ingliż tagħha għal ALG Aluminium Inc.

    (3)

    Il-kumpanija talbet lill-Kummissjoni biex tikkonferma li l-bidla fid-denominazzjoni Ingliża tagħha ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju anti-dumping individwali applikata lilha skont id-denominazzjoni Ingliża preċedenti tagħha.

    (4)

    Il-Kummissjoni eżaminat l-informazzjoni fornuta u kkonkludiet li l-bidla fl-isem ġiet irreġistrata kif suppost mal-awtoritajiet rilevanti, u ma wasslitx għal xi relazzjoni ġdida ma’ gruppi oħrajn ta’ kumpaniji li ma kinux investigati mill-Kummissjoni.

    (5)

    Għaldaqstant, din il-bidla fl-isem ma taffettwax is-sejbiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1784 u b’mod partikolari r-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli għaliha.

    (6)

    Il-bidla fl-isem jenħtieġ li tidħol fis-seħħ mid-data li fiha l-kumpanija biddlet isimha, jiġifieri s-7 ta’ Ġunju 2022. Il-Kummissjoni talbet lill-applikant jikkonferma jekk din id-data kinitx xierqa.

    (7)

    Minħabba l-kunsiderazzjonijiet fil-premessi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1784 jiġi emendat biex jirrifletti l-bidla fl-isem tal-kumpanija li qabel kienet attribwita għall-kodiċi addizzjonali TARIC C616.

    (8)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1784 huwa emendat kif ġej:

    “Alnan Aluminium Inc.

    C616”

    huwa sostitwit bi

    “ALG Aluminium Inc.

    C616”

    2.   Il-kodiċi addizzjonali TARIC C616 li qabel kien attribwit lil Alnan Aluminium Inc. għandu japplika għal ALG Aluminium Inc., mis-7 ta’ Ġunju 2022. Kull dazju definittiv imħallas fuq importazzjonijiet ta’ prodotti manifatturati minn ALG Aluminium Inc. li jaqbżu d-dazju anti-dumping stabbilit fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1784 fir-rigward ta’ Alnan Aluminium Inc. għandu jitħallas lura jew jinħafer skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1784 tat-8 ta’ Ottubru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-aluminju llaminati ċatti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 359, 11.10.2021, p. 6).

    (3)  It-Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea.


    Top