Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0826

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/826 tat-23 ta’ Marzu 2022 li jikkoreġi u jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet mill-kaxxa tal-barbun tat-tbajja’

C/2022/1698

ĠU L 147, 30.5.2022, p. 22–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/826/oj

30.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 147/22


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/826

tat-23 ta’ Marzu 2022

li jikkoreġi u jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet mill-kaxxa tal-barbun tat-tbajja’

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1241 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi fih żball fil-Parti C tal-Anness V li jrid jiġi kkoreġut.

(2)

Filwaqt li l-premessa 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1160 (2) tirreferi għal “tartaruni Daniżi ankrati”, id-dispożizzjoni korrispondenti fl-anness tirreferi għat-“tartaruni Daniżi” biss. Peress li l-Artikolu 6(18) tar-Regolament (UE) 2019/1241 ma jagħmilx distinzjoni bejn it-tartaruni Daniżi u t-tartaruni Skoċċiżi/“flyshooters”, id-dispożizzjoni fl-Anness V kif inhi tista’ għalhekk tinqara bħala li tapplika b’mod skorrett kemm għat-tartaruni Daniżi ankrati kif ukoll għat-tartaruni Skoċċiżi.

(3)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/1160 huwa bbażat fuq rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata fid-19 ta’ Ottubru 2020 mill-Belġju, mid-Danimarka, mill-Ġermanja, minn Franza, min-Netherlands u mill-Iżvezja (il-Grupp ta’ Scheveningen), li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd fil-Baħar tat-Tramuntana. It-Taqsima 3.1.2 tar-rakkomandazzjoni konġunta speċifikament għamlet distinzjoni bejn it-tartarun Daniż li jerfa’ l-irkaptu tas-sajd waqt li l-bastiment ikun ankrat (sajd b’tartarun ankrat) u t-tartarun Skoċċiż, u dan jikkonferma li l-Istati Membri kellhom l-intenzjoni li l-eżenzjoni mitluba tapplika biss għat-tartaruni Daniżi ankrati.

(4)

Il-valutazzjoni tal-STECF, li kkonkludiet li mhux mistenni li l-introduzzjoni tal-eżenzjoni speċifika għat-tartaruni Daniżi jkollha xi effett sinifikanti fuq il-livell ta’ protezzjoni fiż-żona, irreferiet biss għat-“tartarun Daniż ankrat” (kodiċi tal-irkaptu SDN (3)) u mhux għat-tartaruni “Skoċċiżi” jew flyshooter/flydragger seines (kodiċi tal-irkaptu SSC  (3)).

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/1241 jiġi kkoreġut biex jiċċara li l-eżenzjoni proposta tapplika biss għal dawk it-tartaruni Daniżi li jerfgħu l-irkaptu tas-sajd waqt li l-bastiment ikun ankrat (tartarun Daniż ankrat (kodiċi tal-irkaptu SDN)).

(6)

Peress li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih wara l-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2019/1241 huwa kkoreġut f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1160 tat-12 ta’ Mejju 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kaxxa tal-laċċ ikħal u l-kaxxa tal-barbun tat-tbajja’ fil-Baħar tat-Tramuntana (ĠU L 250, 15.7.2021, p. 4).

(3)  L-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 64).


ANNESS

Il-Parti C tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/1241 hija emendata kif ġej:

(1)

il-punt 2.2(d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

bastimenti li s-saħħa tal-magna tagħhom taqbeż il-221 kW u li jużaw tartaruni Daniżi li jerfgħu l-irkaptu tas-sajd waqt li l-bastiment ikun ankrat (tartarun Daniż ankrat – SDN), diment li tali bastimenti jikkonformaw mad-daqs tal-malji previst fil-punt 1.1 tal-Parti B ta’ dan l-Anness.”


Top