Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2277

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2277 tal-15 ta’ Novembru 2022 li taċċetta talba mressqa mir-Repubblika Taljana skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li ma tapplikax il-punt 4.2.1.5.2, (b)(1) tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1303/2014 (notifikata bid-dokument C(2022) 8068) (It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

    C/2022/8068

    ĠU L 300, 21.11.2022, p. 43–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/2277/oj

    21.11.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 300/43


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2277

    tal-15 ta’ Novembru 2022

    li taċċetta talba mressqa mir-Repubblika Taljana skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li ma tapplikax il-punt 4.2.1.5.2, (b)(1) tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1303/2014

    (notifikata bid-dokument C(2022) 8068)

    (It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Fit-28 ta’ Lulju 2022, l-Italja ressqet talba lill-Kummissjoni għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 4.2.1.5.2, (b)(1) tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1303/2014 (2) għall-mina ta’ Miglionico li tifforma parti mil-linja ferrovjarja Ferrandina — Matera La Martella. It-talba tal-Kummissjoni għal aktar informazzjoni tat-8 ta’ Awwissu 2022 ġiet imwieġba fis-16 ta’ Awwissu 2022, u b’hekk it-talba ġiet ikkompletata. Dik it-talba tressqet abbażi tal-Artikolu 7(1)(c) tad-Direttiva (UE) 2016/797.

    (2)

    Il-mina, binarju wieħed, hija twila 6,6 km u diġà teżisti. Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq il-linja Ferrandina — Matera La Martella twettqu parzjalment, iżda ma tlestewx, bejn l-1984 u l-2000 abbażi ta’ standards nazzjonali. Il-linja qatt ma daħlet fis-servizz peress li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ma ġewx iffinalizzati minħabba nuqqas ta’ fondi. Il-proċedura ta’ sejħa għall-offerti għall-finalizzazzjoni, għall-aġġornament u għall-ftuħ tal-linja Ferrandina — Matera La Martella, wara li ġarrbet dewmien sinifikanti, tnediet u hija ppjanata li tiġi ffinalizzata sa tmiem l-2022 (“il-proġett”). Il-finalizzazzjoni, l-aġġornament u l-ftuħ tal-mina ta’ Miglionico jipprevedu l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tal-ispeċifikazzjoni teknika ta’ interoperabbiltà (TSI) stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1303/2014, għajr għall-punt 4.2.1.5.2, (b)(1) tal-Anness tiegħu li jeħtieġ li l-ħruġ tal-emerġenza mill-ġenb u/jew vertikali għas-superfiċe jiġu pprovduti mill-inqas kull 1 000 metru; il-punt alternattiv 4.2.1.5.2, (b)(2) ma jistax japplika minħabba li hija mina b’tubu wieħed biss.

    (3)

    Bħala miżura alternattiva, il-proġett jipprevedi li jinħoloq aċċess għal żona sikura permezz ta’ ħruġ vertikali ta’ emerġenza għas-superfiċe wara 3,895 km mid-dħul tal-mina ta’ Miglionico, bl-għan li jiġu evakwati l-passiġġieri u jingħata aċċess għal vetturi ta’ salvataġġ. Il-miżura proposta tikkorrispondi għar-rekwiżit stabbilit skont id-Digriet Ministerjali Taljan tat-28 ta’ Ottubru 2005“sikurezza fil-mina ferrovjarja” (3), li jistipula l-bini ta’ ħruġ ta’ emerġenza madwar kull 4 km għall-mini itwal minn 5 km. Twettqet analiżi tar-riskju speċifika u dettaljata mill-maniġer tal-infrastruttura Taljan f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 402/2013 (4), li turi li f’dan il-każ ir-riskji kollha identifikati kienu inqas mil-livell ta’ nuqqas ta’ aċċettabbiltà u li għalhekk ikkonkludiet li s-sikurezza tal-mina hija meqjusa bħala aċċettabbli u li permezz tal-miżura ta’ mitigazzjoni stabbilita, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 4.2.1.5.2, (b)(1) tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1303/2014, ma jkunx jikkomprometti s-sikurezza tal-mina.

    (4)

    Jekk it-talba mressqa mir-Repubblika Taljana ma tiġix aċċetta, il-vijabbiltà ekonomika tal-proġett titqiegħed fil-periklu. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Maniġer Taljan tal-Infrastruttura, il-kost totali tal-proġett attwali huwa ta’ EUR 315,49-il miljun; il-kost tax-xogħlijiet żejda biex tiġi żgurata l-konformità mal-punt 4.2.1.5.2 (b)(1) tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1303/2014 ġie kkwantifikat għal EUR 165 miljun, li EUR 137 miljun minnhom huma maħsuba għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet u l-bqija għall-istudju u għall-appoġġ. Dan ikun iżid il-kost tal-investiment tal-proġett b’aktar minn 50 %, li jitla’ għal EUR 500 miljun. F’konformità mal-Artikolu 2(2)(b)(i) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/424 (5), l-analiżi tal-vijabbiltà ekonomika, imwettqa mill-maniġer tal-infrastruttura Taljana u mressqa lill-Kummissjoni, qieset id-dħul mill-użu tan-nonapplikazzjoni li tippermetti l-użu aktar bikri u l-vijabbiltà ekonomika fuq terminu itwal tal-proġett fis-sistema ferrovjarja nazzjonali u Ewropea. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, il-linja ma tkunx tifforma parti min-network komprensiv tat-TEN-T u tkun taqdi prinċipalment il-funzjonijiet tat-trasport lokali li jgħaqqdu l-belt ta’ Matera man-network ferrovjarju ewlieni Taljan. Jekk it-talba għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 4.2.1.5.2 (b)(1) tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1303/2014 tiġi aċċettata, il-proġett huwa mistenni li jipproduċi benefiċċji għall-komunità li jkunu akbar mill-użu tar-riżorsi. Għall-kuntrarju, huwa mistenni li, jekk it-talba tiġi miċħuda, il-proġett ma jipproduċix benefiċċji ogħla mill-kostijiet.

    (5)

    Għal dawk ir-raġunijiet, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(c) u fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 jistgħu jitqiesu ssodisfati.

    (6)

    Jenħtieġ li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 4.2.1.5.2, (b)(1) tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1303/2014 jkun permess sal-aġġornament jew it-tiġdid li jmiss tal-mina.

    (7)

    Sakemm tiġi applikata d-deroga, is-suppożizzjonijiet jew il-kunsiderazzjonijiet sottostanti li fuqhom hija bbażata l-analiżi tar-riskju msemmija fil-premessa (3) jistgħu jinbidlu. Għalhekk, f’dak il-każ, huwa xieraq li r-Repubblika Taljana tintalab tgħarraf lill-Kummissjoni minnufih dwar dawn il-bidliet u dwar kwalunkwe miżura ta’ mitigazzjoni possibbli oħra li trid tiġi implimentata.

    (8)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    It-talba tar-Repubblika Taljana biex ma tapplikax il-punt 4.2.1.5.2, (b)(1) tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1303/2014 għall-mina ta’ Miglionico hija aċċettata sakemm isir l-aġġornament jew it-tiġdid li jmiss tal-mina bil-kundizzjoni li tiġi applikata l-miżura alternattiva proposta mir-Repubblika Taljana.

    Ir-Repubblika Taljana għandha tgħarraf minnufih lill-Kummissjoni f’każ li jkollha informazzjoni li tista’ tqajjem dubju b’mod raġonevoli dwar is-sejba li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 4.2.1.5.2, (b)(1) tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1303/2014 ma jikkompromettix is-sikurezza tal-mina ta’ Miglionico.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Adina VĂLEAN

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1303/2014 tat-18 ta’ Novembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-“sikurezza fil-mini ferrovjarji” tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 356, 12.12.2014, p. 394).

    (3)  Id-digriet Ministerjali Taljan tat-28 ta’ Ottubru 2005“sikurezza fil-mina ferrovjarja” qed jiġi rieżaminat wara valutazzjoni negattiva mwettqa f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 402/2013 tat-30 ta’ April 2013 dwar il-metodu komuni ta’ sikurezza għall-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 352/2009 (ĠU L 121, 3.5.2013, p. 8).

    (5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/424 tad-19 ta’ Marzu 2020 dwar il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tan-nonapplikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ interoperabbiltà skont id-Direttiva (UE) 2016/797 (ĠU L 84, 20.3.2020, p. 20).


    Top