Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1628

    Deċiżjoni (UE) 2022/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Settembru 2022 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna, li ssaħħaħ il-fond ta’ proviżjonament komuni permezz ta’ garanziji mill-Istati Membri u permezz ta’ proviżjonament speċifiku għal xi obbligazzjonijiet finanzjarji relatati mal-Ukrajna ggarantiti skont id-Deċiżjoni 466/2014/UE, u li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/1201

    PE/49/2022/REV/1

    ĠU L 245, 22.9.2022, p. 1–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1628/oj

    22.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 245/1


    DEĊIŻJONI (UE) 2022/1628 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-20 ta’ Settembru 2022

    li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna, li ssaħħaħ il-fond ta’ proviżjonament komuni permezz ta’ garanziji mill-Istati Membri u permezz ta’ proviżjonament speċifiku għal xi obbligazzjonijiet finanzjarji relatati mal-Ukrajna ggarantiti skont id-Deċiżjoni 466/2014/UE, u li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/1201

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ukrajna (2), inkluż Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017.

    (2)

    Fir-rebbiegħa 2014, l-Ukrajna bdiet programm ambizzjuż ta’ riforma bil-għan li tistabbilizza l-ekonomija tagħha u ttejjeb l-għajxien taċ-ċittadini tagħha. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni kif ukoll riformi kostituzzjonali, elettorali u ġudizzjarji, huma fost l-ogħla prijoritajiet fuq l-aġenda. L-implimentazzjoni ta’ dawk ir-riformi kienet appoġġata minn programmi konsekuttivi ta’ assistenza makrofinanzjarja, li taħthom l-Ukrajna rċeviet assistenza fil-forma ta’ self għal total ta’ EUR 6,6 biljun. L-assistenza makrofinanzjarja ta’ emerġenza, li saret disponibbli fil-kuntest ta’ tensjonijiet dejjem akbar fil-fruntiera mar-Russja skont id-Deċiżjoni (UE) 2022/313 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ipprovdiet EUR 1,2 biljun f’self lill-Ukrajna, żborżat f’żewġ pagamenti parzjali ta’ EUR 600 miljun kull wieħed, f’Marzu u Mejju 2022. L- assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni sa EUR 1 biljun skont id-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), ipprovdiet appoġġ rapidu u urġenti għall-baġit tal-Ukrajna u ġiet żborżata bis-sħiħ b’żewġ pagamenti parzjali fl-1 u t-2 ta’ Awwissu 2022. Dik l-assistenza kkonstitwit l-ewwel stadju tal-pakkett sħiħ ta’ assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali ppjanat tal-Unjoni lill-Ukrajna sa EUR 9 biljun, mħabbar mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tat-18 ta’ Mejju 2022 intitolata “L-Ukrajna: Għajnuna u Rikostruzzjoni” u approvata mill-Kunsill Ewropew tat-23-24 ta’ Ġunju 2022. Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi t-tieni stadju fl-implimentazzjoni ta’ dik l-assistenza mikrofinanzjarja eċċezzjonali prevista. Hija tistabbilixxi l-bażi għall-għoti lill-Ukrajna ta’ ammont ieħor sa EUR 5 biljun ta’ assistenza makrofinanzjarja fil- forma ta’ self b’termini konċessjonali ħafna. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tiġi segwita malajr bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni oħra li timplimenta t-tielet stadju tal-assistenza makrofinanzjarja sħiħa eċċezzjonali ppjanata tal-Unjoni għal ammont ieħor sa EUR 3 biljun ladarba d-disinn ta’ dik l-assistenza jkun ġie determinat.

    (3)

    L-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022 ikkawżat lill-Ukrajna telf ta’ aċċess għas-suq u tnaqqis drastiku fid-dħul pubbliku, filwaqt li l-infiq pubbliku biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja u biex tinżamm il-kontinwità tas-servizzi tal-Istat żdied b’mod sinifikanti. F’dik is-sitwazzjoni volatili u inċerta ħafna, l-aħjar stimi tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) jindikaw diskrepanza straordinarja fil-finanzjament ta’ madwar USD 39 biljun fl-2022 li madwar nofshom jistgħu jiġu ssodisfati jekk l-appoġġ internazzjonali mwiegħed sa issa jiġi żborżat bis-sħiħ. L-għoti rapidu mill-Unjoni tal- assistenza makrofinanzjarja lill-Ukrajna, skont din-Deċiżjoni għandha, fiċ-ċirkostanzi straordinarji attwali, titqies bħala rispons xieraq għal terminu qasir għar-riskji mdaqqsa għall-istabbiltà makrofinanzjarja tal-Ukrajna. Dan l-ammont ulterjuri sa EUR 5 biljun f’assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni taħt din id-Deċiżjoni għandu jappoġġa l-istabbilizzazzjoni makrofinanzjarja tal-Ukrajna, isaħħaħ ir-reżiljenza immedjata tal-pajjiż u jsostni l-kapaċità tiegħu lejn l-irkupru, u b’hekk jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku tal-Ukrajna u l-kapaċità tagħha li fl-aħħar mill-aħħar tkun f’pożizzjoni li tħallas lura l-obbligi finanzjarji tagħha.

    (4)

    Din l-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni skont din id- Deċiżjoni ser tikkontribwixxib’mod sinifikanti biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna kif stmat mill-FMI u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra, filwaqt li titqies il-kapaċità tal-Ukrajna li tiffinanzja lilha nnifisha bir-riżorsi proprji tagħha. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni tqis ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija mingħand donaturi bilaterali u multilaterali, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tal-piż bejn l-Unjoni u donaturi oħrajn, kif ukoll l-implimentazzjoni diġà eżistenti tal-istrumenti ta’ finanzjament esterni l-oħrajn tal-Unjoni fl-Ukrajna u l-valur miżjud tal-involviment ġenerali tal-Unjoni. Jenħtieġ li jiġi rikonoxxut l-impenn tal-awtoritajiet tal-Ukrajna li jikkooperaw mill-qrib mal-FMI dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza għal żmien qasir u l-intenzjoni tagħhom li jaħdmu mal-FMI fuq programm ekonomiku xieraq meta l-kundizzjonijiet jippermettu. Programm bħal dan intalab formalment f’Awwissu 2022. L-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni jenħtieġ li jkollha l-għan li żżomm l-istabbiltà makrofinanzjarja u r-reżiljenza fiċ-ċirkostanzi tal-gwerra. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-prinċipji u l-objettivi ewlenin tal-miżuri meħuda fl-oqsma differenti tal-azzjoni esterna u politiki oħrajn rilevanti tal-Unjoni.

    (5)

    Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni tappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni rigward l-Ukrajna. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jaħdmu flimkien mill-qrib matul l-operazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja kollha sabiex jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u jiżguraw il-konsistenza tagħha.

    (6)

    Jenħtieġ li prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni tkun li l-Ukrajna tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi sistema parlamentari b’diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Il-gwerra li għaddejja bħalissa, u b’mod partikolari l-istat attwali ta’ liġi marzjali, jenħtieġ li ma jaffettwawx dawk il-prinċipji, minkejja l-konċentrazzjoni tal-poter fil-fergħa eżekuttiva.

    (7)

    Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta mal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Ukrajna tadotta l-miżuri xierqa relatati mal-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u kull irregolarità oħra marbuta ma’ dik l-assistenza, u l-ġlieda kontrihom. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun hemm dispożizzjonijiet fil-ftehim ta’ self biex il-Kummissjoni twettaq verifiki, biex il-Qorti tal-Awdituri twettaq awditi u biex l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jeżerċita l-kompetenzi tiegħu, skont l-Artikoli 129 u 220 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (ir-“Regolament Finanzjarju”).

    (8)

    L-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni jenħtieġ li tkun marbuta ma’ rekwiżiti ta’ rappurtar u kundizzjonijiet ta’ politika stretti, li għandhom jiġu stabbiliti f’memorandum ta’ qbil (il-“MtQ”). Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti stretti ta’ rappurtar ikollhom l-għan, fiċ-ċirkostanzi attwali tal-gwerra, li jiżguraw li l-fondi jintużaw b’mod effiċjenti, trasparenti u responsabbli. Jenħtieġ li l-kundizzjonijiet ta’ politika ikollhom l-għan li jsaħħu r-reżiljenza immedjata tal-Ukrajna u s-sostenibbiltà tad-dejn fit-tul tiegħu, u b’hekk inaqqsu r-riskji marbuta mal-ħlas lura tal-obbligi finanzjarji pendenti u futuri tiegħu.

    (9)

    Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

    (10)

    Is-self ipprovdut skont din id-Deċiżjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 jenħtieġ li jkollhom flimkien maturità medja massima ta’ 25 sena.

    (11)

    Minħabba li s-self skont din id-Deċiżjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 jimplika l-istess riskji għall-baġit tal-Unjoni u jenħtieġ li jkollhom flimkien maturità medja massima ta’ 25 snin, l-ammont totali tal-assistenza makrofinanzjarja ta’ EUR 6 biljun lill-Ukrajna skont din id-Deċiżjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 jenħtieġ li jkun kopert minn metodoloġija komuni għall-ġestjoni tal-implikazzjonijiet finanzjarji u baġitarji. B’mod partikolari, l-istess livell ta’ kopertura baġitarja jenħtieġ li jiġi stabbilit bħala protezzjoni adegwata kontra l-possibbiltà li l-Ukrajna ma tħallasx lura s-self kollu jew parti minnu fiż-żmien skedat. Id-dispożizzjonijiet magħmula disponibbli mill-baġit tal-Unjoni kontra ż-żewġ settijiet ta’ self tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu ġestiti bħala sett integrat ta’ dispożizzjonijiet. Tali ġestjoni se ssaħħaħ ir-reżiljenza u l-flessibbiltà tal-baġit tal-Unjoni b’reazzjoni għal kwalunkwe sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ pagament. Jenħtieġ għalhekk, li d-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 tiġi emendata skont dan.

    (12)

    L-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali skont din id-Deċiżjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 tikkostitwixxi obbligazzjoni finanzjarja għall-Unjoni fil-volum ġenerali tal-Garanzija għall-Azzjoni Esterna skont ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). L-ammont totali sa EUR 6 biljun ta’ self eċċezzjonali ta’ assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Ukrajna jenħtieġ li jibbenefika minn 9 % tal-proviżjonament imħallas disponibbli għal self ta’ assistenza makrofinanzjarja skont il-Garanzija għall-Azzjoni Esterna. L-ammont ta’ proviżjonament jenħtieġ li jiġi ffinanzjat mill-pakkett finanzjarju ipprogrammat għall-assistenza makrofinanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2021/947 għal ammont totali ta’ EUR 540 miljun. Jenħtieġ li dak l-ammont jiġi impenjat u mħallas fil-fond ta’ proviżjonament komuni taħt il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (8).

    (13)

    F’konformità mal-Artikolu 210(3) tar-Regolament Finanzjarju, l-obbligazzjonijiet kontinġenti li jirriżultaw minn garanziji baġitarji jew assistenza finanzjarja mġarrba mill-baġit tal-Unjoni għandhom jitqiesu sostenibbli jekk l-evoluzzjoni pluriennali prevista tagħhom tkun kompatibbli mal-limiti stabbiliti mir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 u l-limitu massimu fuq l-approprjazzjonijiet ta’ pagament annwali stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 (9). Sabiex l-Unjoni tkun tista’ tipprovdi appoġġ sostanzjali lill-Ukrajna permezz tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni f’ammonti mingħajr preċedent b’mod finanzjarjament sikur, filwaqt li tippreżerva l-affidabbiltà għolja tal-kreditu tal-Unjoni u, għalhekk, il-kapaċità tagħha li twassal finanzjament effettiv fil-kuntest kemm tal-politiki interni kif ukoll dawk esterni tagħha, huwa essenzjali li l-baġit tal-Unjoni jiġi protett b’mod adegwat mill-materjalizzazzjoni ta’ dawk l-obbligazzjonijiet kontinġenti u li jiġi żgurat li dawn ikunu finanzjarjament sostenibbli skont it-tifsira tal-Artikolu 210(3) tar-Regolament Finanzjarju.

    (14)

    F’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, il-fond ta’ proviżjonament komuni jenħtieġ li jissaħħaħ b’mezzi proporzjonati għar-riskji li jirriżultaw mir-responsabbiltajiet kontinġenti marbuta ma’ din l-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni kbira b’mod mhux preċedenti lil benefiċjarju wieħed. Mingħajr tali tisħiħ, il-baġit tal-Unjoni ma jkunx jista’ jipprovdi, għal raġunijiet finanzjarjament sikuri, l-assistenza kbira bla preċedent li l-ħtiġijiet relatati mal-gwerra jeħtieġu mill-Ukrajna. Sabiex jiġi protett il-baġit tal-Unjoni, is-self tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni lill-Ukrajna sa EUR 6 biljun jenħtieġ li jibbenefika minn kopertura ta’ 70 % permezz ta’ proviżjonament imħallas (fil-livell ta’ 9 %) li jkun jista’ jiġi ssupplimentat b’garanziji mill-Istati Membri biex tiġi pprovduta kopertura baġitarja għal telf sa 61 % oħra tal-valuri tas-self.

    (15)

    Ir-riżorsi skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 huma taħt pressjoni għolja fid-dawl tal-prijoritajiet ta’ nfiq ġenerali tal-Unjoni. Għalhekk, huwa xieraq li tinstab soluzzjoni alternattiva għal riżorsi addizzjonali li ma taffettwax in-nefqa regolari prevista fl-ipprogrammar finanzjarju tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027.

    (16)

    Il-kontribuzzjonijiet volontarji mill-Istati Membri fil-forma ta’ garanziji ġew identifikati bħala għodda xierqa biex tiġi pprovduta protezzjoni lil hinn mill-proviżjonament imħallas inizjalment. Il-garanziji tal-Istati Membri jenħtieġ li jiġu provduti b’mod volontarju u jenħtieġ li jikkostitwixxu garanzija ta’ kontinġenza komuni adatta biex jappoġġjaw il-baġit tal-Unjoni, wara li d-dispożizzjonijiet tal-fond ta’ proviżjonament komuni fir-rigward tal-obbligazzjonijiet finanzjarji taħt din id-Deċiżjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 ikun ġew prelevati jew se jiġu prelevati bis-sħiħ. Il-kontribuzzjonijiet taħt dawk il-garanziji jenħtieġ li jiġu inklużi fl-ammont ta’ obbligazzjoni finanzjarja awtorizzata b’deroga mill-Artikolu 211(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament Finanzjarju. Dawk l-ammonti jenħtieġ li jitqiesu għall-kalkolu tal-proviżjonament li jirriżulta mir-rata ta’ proviżjonament imsemmija fl-Artikolu 211(1) tar-Regolament Finanzjarju, b’deroga tmill-Artikolu 211(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament Finanzjarju.

    (17)

    Il-garanziji pprovduti mill-Istati Membri jenħtieġ li jkopru s-self eċċezzjonali tal-assistenza makrofinanzjarja skont din id-Deċiżjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 (“l-AMF koperti”). Jenħtieġ li dawk il-garanziji ikunu irrevokabbli, mingħajr kundizzjonijiet u fuq talba. Jenħtieġ li dawk il-garanziji jiżguraw il-kapaċità tal-Unjoni li tħallas lura l-fondi mislufa fis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji. Jenħtieġ li dawn jissejħu biss meta jiġu ssodisfati kundizzjonijiet stretti, relatati mal-adegwatezza tad-dispożizzjonijiet disponibbli, u f’każ li l-Unjoni ma tirċevix pagament mill-Ukrajna tas-self ta’ assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali mogħti skont l-AMF koperti fil-ħin biex jiġu ssodisfati l-obbligi finanzjarji tal-Unjoni minn bonds jew f’każ li l-iskeda ta’ pagament tas-self mogħti l-AMF koperti kellha tiġi mibdula. Jenħtieġ li ssir sejħa fuq il-garanziji provvduti mill-Istati Membri għal ammont li jikkorrispondi għall-ammont li jirriżulta minn telf fuq l-assistenza finanzjarja lill-Ukrajna skont l-AMF koperti u biex il-fond ta’ proviżjonament komuni jiġi rikostitwit għal-livell meħtieġ ta’ proviżjonament imħallas. Is-sejħiet għall-garanziji tal-Istati Membri jenħtieġ li jsiru biss wara li l-ammont ta’ proviżjonament inizjali mwarrab fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali skont l-AMF koperti jkun ġie prelevat jew se jiġi prelevat bis-sħiħ. L-ammonti rkuprati skont il-ftehimiet ta’ self fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna skont l-AMF koperti jenħtieġ li jiġu rimborżati lill-Istati Membri li jkunu onoraw it-talbiet għal ħlas ta’ garanzija, b’deroga mill-Artikolu 211(4), il-punt (c) tar-Regolament Finanzjarju.

    (18)

    F’każ li l-ħlas tal-obbligi finanzjarji tal-Unjoni li jirriżultaw minn bonds għall-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna skont l-AMF koperti ġew issodisfati temporanjament mid-dispożizzjonijiet imwarrba fil-fond ta’ proviżjonament komuni biex ikopru obbligazzjonijiet finanzjarji oħra tal-Unjoni, is-sejħa fuq il-garanziji provvduti mill-Istati Membri tista’ tintuża għar-rikostituzzjoni tal-proviżjonament ta’ dawk l-obbligazzjonijiet finanzjarji.

    (19)

    Minħabba n-natura eċċezzjonali tal-assistenza makrofinanzjarja appoġġata mill-garanziji, huwa xieraq li jiġu ġestiti d-dispożizzjonijiet miżmuma kontra l-obbligazzjonijiet finanzjarji li jirriżultaw mill-assistenza makrofinanzjarja skont l-AMF koperti u għal kwalunkwe żborż wara l-15 ta’ Lulju 2022 ta’ self garantit skont id-Deċiżjoni 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) separatament minn obbligazzjonijiet finanzjarji oħra skont il-Garanzija għall-Azzjoni Esterna u l-Fond ta’ Garanzija għall-azzjoni esterna. Għalhekk, huwa xieraq li l-proviżjonament imwarrab fil-fond ta’ proviżjonament komuni jintuża biss għal obbligazzjonijiet finanzjarji mill-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali skont l-AMF koperti, minflok tiġi applikata r-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 31(6) tar-Regolament (UE) 2021/947. Barra minn hekk, huwa xieraq li jintuża l-proviżjonament imwarrab fil-fond ta’ proviżjonament komuni fir-rigward tas-self garantit skont id-Deċiżjoni 466/2014/UE żborżat wara l-15 ta’ Lulju 2022 għall-obbligazzjonijiet finanzjarji biss minn dak is-self u li jiġu applikati r-regoli tar-Regolament Finanzjarju għall-proviżjonament, minflok tiġi applikata r-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 31(8) tar-Regolament (UE) 2021/947. Dak jenħtieġ li jiġi kkomplementat bl-esklużjoni tal-proviżjonament imwarrab fir-rigward ta’ din l-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali skont din id-Deċiżjoni mill-applikazzjoni tar-rata ta’ proviżjonament effettiva, b’deroga mill-Artikolu 213 tar-Regolament Finanzjarju.

    (20)

    Is-sehem relattiv tal-kontribuzzjonijiet ta’ kull Stat Membru (koeffiċjent tal-kontribuzzjoni) għall-ammont globali garantit jenħtieġ li jikkorrispondi għall-ishma relattivi tal-Istati Membri fl-introjtu nazzjonali gross totali tal-Unjoni. Jenħtieġ li s-sejħiet fuq il-garanziji jsiru pro rata u japplikaw dak il-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni.

    (21)

    Huwa importanti li l-Istati Membri jlestu l-proċeduri nazzjonali tagħhom biex il-garanziji jidħlu fis-seħħ bħala kwistjoni tal-akbar prijorità. Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, iż-żmien meħtieġ għat-tlestija ta’ dawk il-proċeduri jenħtieġ li jdewwimx l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali meħtieġa b’mod urġenti lill-Ukrajna skont din id-Deċiżjoni. Is-self addizzjonali tal-assistenza makrofinanzjarja skont din id-Deċiżjoni se jiġi organizzat malajr mad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, mal-adozzjoni tal-MtQ u mal-iffirmar tal-ftehim ta’ self.

    (22)

    Minħabba s-sitwazzjoni diffiċli kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, u biex tiġi appoġġata l-Ukrajna fit-triq tal-istabbiltà fit-tul tagħha, huwa xieraq li ssir deroga mill-Artikolu 220(5), il-punt (e), tar-Regolament Finanzjarju u biex l-Unjoni jkollha l-possibbiltà li tkopri l-ispejjeż tar-rata tal-imgħax relatata mas-self skont din id-Deċiżjoni u li tirrinunzja l-ispejjeż amministrattivi li inkella jkunu jridu jinġarru mill-Ukrajna. Is-sussidju tar-rata tal-imgħax jenħtieġ li jingħata bħala strument meqjus xieraq biex tiġi żgurata l-effettività tal-appoġġ fis-sens tal-Artikolu 220(1) tar-Regolament Finanzjarju u jenħtieġ li jiġġarrab mill-baġit tal-Unjoni mill-inqas matulil-perjodu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027. Matul il-perjodu mill-2021 sal-2027, jenħtieġ li s-sussidju tar-rata tal-imgħax jinġarr mill-pakkett finanzjarju imsemmi fl-Artikolu 6(2), il-punt (a), l-ewwel inċiż, tar-Regolament (UE) 2021/947.

    (23)

    Jenħtieġ li l-Ukrajna tkun tista’ titlob is-sussidju tar-rata tal-imgħax u l-eżenzjoni mill-ispejjeż amministrattivi kull sena, sal-aħħar ta’ Marzu. Sabiex ikun hemm flessibbiltà fil-ħlas lura tal-kapital, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li jiġi riportat is-self assoċjat kuntrattat f’isem l-Unjoni, b’deroga mill-Artikolu 220(2) tar-Regolament Finanzjarju.

    (24)

    Quddiem il-ħtiġijiet urġenti ta’ finanzjament tal-Ukrajna, f’Lulju 2022 il-Kummissjoni qablet dwar l-għoti ta’ skop ġdid u l-iżborż ta’ EUR 1,59 biljun oħra f’self tal-Bank Ewropew tal-Investiment lill-Ukrajna garantit taħt il-Mandat ta’ Self Estern 2014-2020 (ELM). Madankollu, billi dak is-self huwa għas-sovran Ukrenu għall-entitajiet tal-istat, dan jinkorpora l-istess livell ta’ riskju għal baġit tal-Unjoni daqs is-self tal-assistenza makrofinanzjarja. Jenħtieġ li l-baġit tal-Unjoni konsegwentement japplika l-istess approċċ prekawzjonarju għal dawk l-iskoperturi bħalma japplika għas-self tal- assistenza makrofinanzjarja skont l-AMF koperti. Għalhekk, din id-Deċiżjoni tapplika rata ta’ proviżjonament ta’ 70 % għas- self tal-ELM bi skop ġdid ta’ EUR 1,59 biljun kif ukoll għal kwalunkwe żborż ulterjuri ta’ self tal-ELM lill-Ukrajna. Jenħtieġ li dik ir-rata ta’ proviżjonament tapplika minflok ir-rata ta’ proviżjonament stabbilita fl-Artikolu 31(8), it-tielet sentenza, tar-Regolament (UE) 2021/947. Il-proviżjonament ta’ 70 % għall-iżborżi ta’ self tal-ELM ta’ EUR 1,59 biljun lill-Ukrajna se jiġi ffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni.

    (25)

    Jenħtieġ li jsir rieżami regolari tal-proviżjonament għas-self tal-assistenza makrofinanzjarja u tal-ELM rispettivi kull sitt xhur, li jibda fit-30 ta’ Ġunju 2023 jew qabel, jekk ikun xieraq. Dak ir-rieżami jenħtieġ li jivvaluta b’mod partikolari jekk is-sitwazzjoni tal-Ukrajna evolvietx b’mod li jiġġustifika żieda jew tnaqqis fir-rata ta’ proviżjonament. Il-Kummissjoni tista’ tivvaluta mill-ġdid ir-rata ta’ proviżjonament fuq bażi ad hoc, b’mod partikolari jekk tkun iġġustifikata minn avveniment rilevanti notevoli. Sabiex jiġi żgurat li r-rata ta’ proviżjonament tibqa’ adegwata għar-riskji finanzjarji, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ żieda jew tnaqqis tar-rata ta’ proviżjonament kif xieraq. Hija ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, anke fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 (11). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

    (26)

    Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri li tingħata assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni lill-Ukrajna bil-ħsieb li tappoġġa, b’mod partikolari, ir-reżiljenza u l-istabbiltà ekonomika tagħha, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

    (27)

    Fid-dawl tal-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja, huwa meqjus xieraq li tiġi invokata l- eċċezzjoni għall-perijodu ta’ tmien ġimgħat previst fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

    (28)

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ b’urġenza, fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    KAPITOLU I

    GĦAJNUNA MAKROFINANZJARJA EĊĊEZZJONALI TAL-UNJONI

    Artikolu 1

    Tqegħid għad-dispożizzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni

    1.   L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Ukrajna assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali ta’ ammont massimu ta’ EUR 5 000 000 000 (l- “assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni”) bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbiltà makrofinanzjarja tal-Ukrajna. L-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni għandha tingħata lill-Ukrajna fil-forma ta’ self. Din l-assistenza għandha tikkontribwixxi biex tkopri d-diskrepanza fil-finanzjament tal-Ukrajna kif identifikata f’kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

    2.   Sabiex tiffinanzja l-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f’isem l-Unjoni, li tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji u li ssellifhom lill-Ukrajna. Is-self ipprovdut skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u skont id-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 għandu jkollhom flimkien maturità medja massima ta’ 25 sena.

    3.   L-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-jum wara d-dħul fis-seħħ tal-MtQ imsemmi fl-Artikolu 3(1) u matul il-perjodu ta’ disponibbiltà stabbilit fih, anki jekk il-garanziji stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu II ta’ din id-Deċiżjoni jkunu għadhom ma ġewx ipprovduti.

    4.   Jekk il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna jonqsu b’mod fundamentali matul il-perjodu tal-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni meta mqabbla mal-proġettazzjonijiet inizjali, il-Kummissjoni għandha tnaqqas l-ammont tal-assistenza, tissospendih jew tikkanċellah.

    Artikolu 2

    Prekundizzjoni għall-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni

    1.   Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni għandha tkun li l-Ukrajna tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluża sistema parlamentari multipartitika, u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem.

    2.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja t-twettiq tal-prekundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni, b’mod partikolari qabel ma jsiru l-iżborżi, filwaqt li tqis ukoll iċ-ċirkostanzi fl-Ukrajna u l-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-liġi marzjali hemmhekk.

    3.   Il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (12).

    Artikolu 3

    Memorandum ta’ Ftehim

    1.   Il-Kummissjoni għandha taqbel mal-Ukrajna dwar il-kundizzjonijiet ta’ politika li l-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni għandha tkun marbuta magħhom. Il-kundizzjonijiet ta’ politika għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2). Dawk il-kundizzjonijiet ta’ politika għandhom jiġu stabbiliti f’Memorandum ta’ Qbil (il-“MtQ”).

    2.   Ir-rekwiżiti ta’ rappurtar li ġew adottati skont id-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 għandhom jiġu inklużi fil-MtQ u għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-użu tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni.

    3.   It-termini finanzjarji dettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni għandhom jiġu stipulati fi ftehim dwar is-self li għandu jintlaħaq bejn il-Kummissjoni u l-Ukrajna.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika, f’intervalli regolari, l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rappurtar u l-progress li jkun sar lejn l-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ politika stabbiliti fil-MtQ. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati ta’ dik il-verifika.

    Artikolu 4

    Rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni

    1.   Soġġett għar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3, l-assistenza makrofinanzjarja (AMF) eċċezzjonali tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni f’pagamenti parzjali, u kull wieħed minnhom għandu jkun jikkonsisti f’self. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-perjodu ta’ żmien għall-iżborż ta’ kull pagament parzjali. Pagament parzjali jista’ jiġi żborżat f’parti waħda jew iktar.

    2.   Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni għandu jkun ġestit mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-MtQ.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali, skont il-valutazzjoni tagħha tar-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)

    ir-rispett għall-prekondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1);

    (b)

    l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-obbligi ta’ rapportar miftiehma fil-MtQ;

    (c)

    għat-tieni pagament parzjali u għall-pagamenti parzjali sussegwenti, progress sodisfaċenti lejn l-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ politika stabbiliti fil-MtQ.

    Qabel ma jiġi żborżat l-ammont massimu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet ta’ politika kollha stabbiliti fil-MtQ ġew sodisfatti.

    4.   Meta r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3 ma jiġux issodisfati, il-Kummissjoni għandha tissospendi temporanjament jew tħassar l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni. F’tali każijiet, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-raġunijiet għas-sospensjoni jew it-tħassir.

    5.   L-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni għandha, fil-prinċipju, tiġi żborżata lill-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna. Soġġetti għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu maqbula fil-MtQ, inkluża konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu żborżati lill-Ministeru tal-Finanzi tal-Ukrajna bħala l-benefiċjarju aħħari.

    Artikolu 5

    Operazzjonijiet mutwatarji u mutwanti

    1.   L-operazzjonijiet mutwatarji u mutwanti għandhom jitwettqu f’konformità mal-Artikolu 220 tar-Regolament Finanzjarju.

    2.   Fejn ikun meħtieġ, b’deroga mill-Artikolu 220(2) tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni tista’ tirriporta t-teħid ta’ self assoċjat ikkuntrattat f’isem l-Unjoni.

    Artikolu 6

    Sussidju tar-rata tal-imgħax

    1.   B’deroga mill-Artikolu 220(5), il-punt (e), tar-Regolament Finanzjarju, l-Unjoni tista’ ġġarrab l-imgħax billi tagħti sussidju fuq ir-rata tal-imgħax u tkopri spejjeż amministrattivi relatati mal-għoti u teħid b’self, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż relatati mal-ħlas lura bikri tas-self, fir-rigward tas-self skont din id-Deċiżjoni.

    2.   L-Ukrajna tista’ titlob is-sussidju tar-rata tal-imgħax u l-kopertura tal-ispejjeż amministrattivi mill-Unjoni sal-aħħar ta’ Marzu ta’ kull sena.

    3.   Il-pakkett finanzjarju imsemmi fl-Artikolu 6(2), il-punt (a), l-ewwel inċiż, tar-Regolament (UE) 2021/947 għandu jintuża biex ikopri l-ispejjeż tal-pagamenti tal-imgħax relatati mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni matul il-perjodu tal- qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 bħala sussidju tar-rata tal-imgħax.

    Artikolu 7

    Informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

    Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-iżviluppi fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni, inklużi l-iżborżi tagħha, u l-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2), u għandha tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet bid-dokumenti rilevanti fi żmien xieraq.

    Artikolu 8

    Valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni

    Matul l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta mill-ġdid, permezz ta’ valutazzjoni operazzjonali, is-solidità tal-arranġamenti finanzjarji tal-Ukrajna, il-proċeduri amministrattivi, u l-mekkaniżmi ta’ kontroll interni u esterni li huma rilevanti għall-assistenza. Dik il-valutazzjoni operazzjonali tista’ titwettaq flimkien mal-valutazzjoni operazzjonali prevista fid-Deċiżjoni (UE) 2022/1201.

    KAPITOLU II

    TISĦIĦ TAL-FOND TA’ PROVIŻJONAMENT KOMUNI

    Taqsima 1

    Garanziji mill-Istati Membri għall-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni skont din id-Deċiżjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2022/1201

    Artikolu 9

    Kontribuzzjonijiet fil-forma ta’ garanziji mill-Istati Membri

    1.   L-Istati Membri jistgħu jikkomplementaw il-proviżjonament fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja miżmuma fil-fond ta’ proviżjonament komuni, billi jipprovdu garanziji sa ammont totali ta’ EUR 3 660 000 000 fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni lill-Ukrajna skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni u skont id-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 (“l-AMF koperti”).

    2.   Meta jsiru kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri, dawn għandhom jiġu pprovduti fil-forma ta’ garanziji irrevokabbli, mhux kundizzjonali u b’talba permezz ta’ ftehim ta’ garanzija li jrid jiġi konkluż mal-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 10.

    3.   Is-sehem relattiv tal-kontribuzzjoni tal-Istat Membru konċernat (koeffiċjent tal-kontribuzzjoni) għall-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jikkorrispondi għas-sehem relattiv ta’ dak l-Istat Membru fl-introjtu nazzjonali gross totali tal-Unjoni, kif jirriżulta mill- intestatura “Dħul Ġenerali” tal-baġit għall-2022, il-Parti A “Introduzzjoni u finanzjament tal-baġit ġenerali”, it-Tabella 4, il-kolonna (1), stabbilit fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2022, kif definittivament adottat fl-24 ta’ Novembru 2021 (13).

    4.   Il-garanziji għandhom isiru effettivi fir-rigward ta’ kull Stat Membru mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta’ garanzija, msemmi fl-Artikolu 10, bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat.

    Artikolu 10

    Ftehimiet ta’ garanzija

    Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta’ garanzija ma’ kull Stat Membru li jipprovdi garanzija msemmija fl-Artikolu 9. Dak il-ftehim għandu jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw il-garanzija, li għandhom ikunu l-istess għall-Istati Membri kollha, inklużi, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet:

    (a)

    li jistabbilixxu l-obbligu tal-Istati Membri li jonoraw it-talbiet għall-ħlas ta’ garanzija magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tal-AMF koperti, ladarba l-ammonti kumplessivi tal-proviżjonament inizjali, jew rikostitwiti sussegwentement, imwarrba fil-fond ta’ proviżjonament komuni fir-rigward tal-obbligazzjoni finanzjarja li jirriżultaw mill-AMF koperti jkunu ġew prelevati jew ikunu se jiġu prelevati bis-sħiħ;

    (b)

    li jiżguraw li t-talbiet għal garanzija jsiru pro rata u japplikaw il-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni msemmi fl-Artikolu 9(3);

    (c)

    li jipprovdu li t-talbiet għall-ħlas ta’ garanzija jiżguraw l-abilità tal-Unjoni li tħallas lura l-fondi mislufa, skont l-Artikolu 1(2), fis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji wara nonpagament mill-Ukrajna, inklużi każijiet ta’ tibdil tal-iskeda ta’ pagamenti għal kwalunkwe raġuni, kif ukoll nonpagamenti mistennija;

    (d)

    li jiżguraw li it-talbiet għall-ħlas ta’ garanzija jistgħu jintużaw għar-riforniment tal-fond ta’ proviżjonament komuni għall-proviżjonament fejn ikun ġie prelevat fir-rigward tal-AMF koperti;

    (e)

    li jiżguraw li Stat Membru li jkun naqas milli jonora talba jibqa’ obbligat li jonoraha;

    (f)

    fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-ħlas.

    Taqsima 2

    Proviżjonament tal-AMF koperti u ta’ xi obbligazzjonijiet finanzjarji tal-ELM fl-Ukrajna

    Artikolu 11

    Proviżjonament tal-AMF koperti

    1.   Għall-AMF, għandha tapplika rata ta’ proviżjonament ta’ 70 % minflok ir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 31(5), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/947. Madankollu, il-livell ta’ proviżjonament imħallas fil-fond ta’ proviżjonament komuni għandu jinżamm għal, u jekk jiġi prelevat għandu jiġu rikostitwit, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, il-punt (a), ta’ dan id-Deċiżjoni, għal 9 % tal-obbligazzjoni pendenti mill-AMF koperti sakemm ikunu prelevati bis-sħiħ il-garanziji msemmija fl-Artikolu 9.

    2.   L-ammonti li jirriżultaw minn talbiet għal ħlas tal-garanziji msemmija fl-Artikolu 9 għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern għar-ripagament tal-obbligi finanzjarji mill-AMF koperti u għall-pagamenti għall-fond ta’ proviżjonament komuni f’konformità mal-Artikolu 21(2), il-punt (a)(ii), tar-Regolament Finanzjarju.

    3.   B’deroga mill-Artikolu 211(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza, tar-Regolament Finanzjarju, l-ammont ta’ garanziji msemmija fl-Artikolu 9(1) għandu jiġi inkluż fl-ammont tal-obbligazzjoni finanzjarja awtorizzata. Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 211(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament Finanzjarju, l-ammonti ta’ proviżjonament imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jitqiesu għall-kalkolu tal-proviżjonament li jirriżulta mir-rata ta’ proviżjonament fir-rigward tal-AMF koperti.

    4.   B’deroga mill-Artikolu 211(4), il-punt (c) tar-Regolament Finanzjarju, ammonti rkuprati mill-Ukrajna fir-rigward tal-AMF koperti ma għandhomx jikkontribwixxu għall-proviżjonament sal-ammont tat-talba għal ħlas ta’ garanzija onorat mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10, il-punt (a) ta’ din id-Deċiżjoni. Dawk l-ammonti għandhom ikunu rimborżati lil dawk l-Istati Membri.

    Artikolu 12

    Tisħiħ tal-proviżjonament fir-rigward ta’ xi obbligazzjonijiet finanzjarji fl-Ukrajna garantiti skont id-Deċiżjoni 466/2014/UE

    1.   B’deroga mill-Artikolu 31(8), it-tielet sentenza, tar-Regolament (UE) 2021/947, ir-rata ta’ proviżjonament ta’ 70 % għandha tapplika għall-ammonti ta’ self żborżati wara l-15 ta’ Lulju 2022 taħt l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fl-Ukrajna ffirmati mill-BEI qabel l-31 ta’ Diċembru 2021 u ggarantiti mill-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni 466/2014/UE (l-“obbligazzjonijiet finanzjarji tal-ELM koperti fl-Ukrajna”), u milll-Artikoli 211, 212 u 213 tar-Regolament Finanzjarju għandhom japplikaw, soġġett għall-Artikoli 13 u 14 ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 211(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament Finanzjarju, sal-31 ta’ Diċembru 2027 il-proviżjonament għandu jilħaq il-livell li jikkorrispondi mar-rata ta’ proviżjonament applikata għall-ammont totali ta’ obbligazzjonijiet pendenti minn obbligazzjonijiet finanzjarji tal-ELM koperti fl-Ukrajna.

    Artikolu 13

    Valutazzjoni tal-adegwatezza tar-rata ta’ proviżjonament u proċedura ta’ rieżami

    1.   Kull sitt xhur mit-30 ta’ Ġunju 2023, u kull meta l-Kummissjoni tikkonkludi li raġunijiet jew avvenimenti oħra jindikaw il-ħtieġa li jsir dan, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk hemmx żviluppi ġodda li jista’ jkollhom impatt b’mod dejjiemi u sinifikanti fuq l-adegwatezza tar-rata ta’ proviżjonament, inkluża r-rata tal-proviżjonament imħallas, imsemmija fl-Artikoli 11 u 12. Il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tidentifika l-preżenza ta’ bidla sinifikanti sostnuta fil-profil tar-riskju tal-kreditu ta’ dawk l-iskoperturi bl-użu tad-data minn perjodu ta’ mill-inqas sentejn.

    2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat skont l-Artikolu 16 biex temenda l-Artikoli 11 u 12 biex taġġusta r-rata ta’ proviżjonament, b’mod partikolari biex tirrifletti l-iżviluppi msemmija fil-paragrafu 1.

    Artikolu 14

    Proviżjonament miżmum fil-fond ta’ proviżjonament komuni

    1.   Minflok ir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 31(6)tar-Regolament (UE) 2021/947, l-obbligazzjoni finanzjarja mill-AMF koperti għandha tkun koperta separatament minn obbligazzjonijiet finanzjarji oħra bil-Garanzija għall-Azzjoni Esterna, u l-proviżjonament imwarrab fil-fond ta’ proviżjonament komuni fir-rigward tal-AMF koperti għandu jintuża biss għall-obbligazzjonijiet finanzjarji skont l-AMF koperti.

    Minflok ir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 31(8) tar-Regolament (UE) 2021/947, l-obbligazzjoni finanzjarja mill-obbligazzjonijiet finanzjarji tal-ELM koperti fl-Ukrajna għandha tkun koperta separatament minn obbligazzjonijiet finanzjarji oħra fil-Fond ta’ Garanzija għall-Azzjoni Esterna, u l-proviżjonament imwarrab fil-fond ta’ proviżjonament komuni fir-rigward tal-obbligazzjonijiet finanzjarji tal-ELM koperti fl-Ukrajna għandu jintuża biss għall-obbligazzjonijiet finanzjarji skont l-AMF koperti.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 213 tar-Regolament Finanzjarju, ir-rata ta’ proviżjonament effettiva ma għandhiex tapplika għall-proviżjonament imwarrab fil-fond ta’ proviżjonament komuni fir-rigward tal-AMF koperti u l-obbligazzjonijiet finanzjarji tal-ELM koperti fl-Ukrajna.

    3.   B’deroga mill-Artikolu 213(4), il-punt (a), tar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe surplus ta’ proviżjonament imsemmi fl-Artikoli 12(2) ta’ din id-Deċiżjoni għandu jikkostitwixxi dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju għall-programm ta’ assistenza esterna li skontu l-Ukrajna hija eliġibbli.

    KAPITOLU III

    DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

    Artikolu 15

    Proċedura ta’ Kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 16

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 13(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mit-23 ta’ Settembru 2022.

    3.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 13(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 13(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn b’inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 17

    Rapport annwali

    1.   Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, bħala parti mir-rapport annwali tagħha, valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Kapitolu I ta’ din id-Deċiżjoni fis-sena ta’ qabel, inkluża evalwazzjoni ta’ dik l-implimentazzjoni. Dan ir-rapport għandu:

    (a)

    jeżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni;

    (b)

    jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tal-Ukrajna, kif ukoll l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) u (2);

    (c)

    jindika l-konnessjoni bejn ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-MtQ, is-sitwazzjoni makrofinanzjarja attwali tal-Ukrajna u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-pagamenti parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni.

    2.   Sa mhux aktar tard minn sentejn wara tmiem il-perjodu ta’ disponibbiltà, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport ta’ evalwazzjoni ex post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali mitmuma tal-Unjoni u sa liema punt din ikkontribwiet għall-għanijiet tal-assistenza.

    KAPITOLU IV

    EMENDI GĦAD-DEĊIŻJONI (UE) 2022/1201 U DISPOŻIZZJONI FINALI

    Artikolu 18

    Emendi għad-Deċiżjoni (UE) 2022/1201

    Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 hija emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 1(2), it-tieni sentenza, hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Is-self skont il-paragrafu 1 u skont id-Deċiżjoni (UE) 2022/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) għandu jkollhom flimkien maturità medja massima ta’ 25 sena.”

    (*1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Settembru 2022 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna, li ssaħħaħ il-fond ta’ proviżjonament komuni permezz ta’ garanziji mill-Istati Membri u permezz ta’ proviżjonament speċifiku għal xi obbligazzjonijiet finanzjarji relatati mal-Ukrajna ggarantiti skont id-Deċiżjoni 466/2014/UE, u li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 (ĠU L 245, 21.9.2022, p. 1).;"

    (2)

    L-Artikolu 7 huwa mħassar.

    Artikolu 19

    Dispożizzjoni finali

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Settembru 2022.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. BEK


    (1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Settembru 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Settembru 2022.

    (2)  Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3).

    (3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/313 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-24 ta’ Frar 2022 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukraina (ĠU L 55, 28.2.2022, p. 4).

    (4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna (ĠU L 186, 13.7.2022, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (7)  Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1).

    (8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).

    (9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).

    (10)  Id-Deċiżjoni 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta’ finanzjament li jappoġġaw proġetti ta’ investiment barra mill-Unjoni Ewropea (ĠU L 135, 8.5.2014, p. 1).

    (11)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

    (13)  ĠU L 45, 24.2.2022.


    Top