EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021Y0125(01)

Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-15 ta’ Diċembru 2020 li temenda r-Rakkomandazzjoni BERS/2020/7 dwar ir-restrizzjoni tad-distribuzzjonijiet waqt il-pandemija tal-COVID-19 (BERS/2020/15) 2021/C 27/01

ĠU C 27, 25.1.2021, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

tal-15 ta’ Diċembru 2020

li temenda r-Rakkomandazzjoni BERS/2020/7 dwar ir-restrizzjoni tad-distribuzzjonijiet waqt il-pandemija tal-COVID-19

(BERS/2020/15)

(2021/C 27/01)

IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2)(b), (d) u (f) u l-Artikoli 16 sa 18 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(3)(e) u l-Artikoli 18 sa 20 tagħha,

Billi:

(1)

Meta faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19 il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) irrikonoxxa l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet finanzjarji jżommu livell robust ta’ fondi proprji biex jimmitigaw ir-riskju sistemiku u jikkontribwixxu lejn l-irkupru ekonomiku. Għal dak il-għan, il-BERS ħareġ ir-Rakkomandazzjoni BERS/2020/7 dwar ir-restrizzjoni tad-distribuzzjonijiet waqt il-pandemija tal-COVID-19 (3), li kellha l-mira li tiżgura li l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha li jistgħu jippreżentaw riskju għall-istabbiltà finanzjarja jżommu livelli għoljin ta’ kapital billi jsaqsu lill-awtoritajiet relevanti biex jitolbu lill-istituzzjonijiet finanzjarji sabiex joqogħdu lura milli jagħmnlu distribuzzjonijiet għat-tul ta’ żmien tal-pandemija tal-COVID-19 u ta’ mill-inqas sal-1 ta’ Jannar 2021.

(2)

Il-kriżi tal-COVID-19 għadha għaddejja fl-Ewropa u globalment, u għad hemm inċertezza dwar l-impatt futur fuq l-ekonomija u l-istituzzjonijiet finanzjarji, b’riskju li l-kundizzjonijiet tas-saħħa u ekonomiċi se jkomplu jmorru għall-agħar. Is-swieq u l-awtoritajiet m’għandhomx informazzjoni dwar l-impatt fit-tul tal-kriżi fuq is-settur finanzjarju u s-swieq tal-kreditu. L-istituzzjonijiet finanzjarji għadhom ukoll jiddependu bis-saħħa fuq l-appoġġ mill-politika pubblika. Huwa essenzjali li jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-sistema finanzjarja. Estensjoni eċċezzjonali tar-restrizzjonijiet fuq il-ħlasijiet ‘il barra biex tilqa’ għall-inċertezza fir-rigward tal-iżvilupp makroekonomiku futur isservi dan l-objettiv billi tippermetti lill-istituzzjonijiet finanzjarji jżommu livell għoli biżżejjed ta’ kapital sabiex jiġi mmitigat ir-riskju sistemiku u jsir kontribut għall-irkupru ekonomiku. Fl-istess ħin, il-BERS jirrikonoxxi l-progress li sar mill-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-mod kif indirizzat l-effetti tal-pandemija. Il-BERS huwa konxju wkoll mill-importanza tad-distribuzzjonijiet li jippermettu lill-istituzzjonijiet finanzjarji jiġbru l-kapital esternament, billi huwa kritiku li l-investituri jiġu ppremjati għall-investiment tagħhom għas-sostenibbiltà fit-tul tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji. Madankollu, il-BERS isejjaħ ukoll għal kawtela estrema fir-rigward tad-distribuzzjonijiet sabiex ma jpoġġux l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u l-proċess ta’ rkupru f’riskju, u jikkunsidra li kwalunkwe livell ta’ distribuzzjoni għandu jkun aktar baxx b’mod sinifikanti milli fis-snin reċenti ta’ qabel il-kriżi tal-COVID-19.

(3)

Ir-Rakkomandazzjoni BERS/2020/7 tkopri wkoll il-kontropartijiet ċentrali (CCPs) minħabba r-rwol sistemikament importanti tagħhom fl-ikklirjar ta’ tranżazzjonijiet tas-suq finanzjarju. L-eżitu intenzjonat kien li l-azzjonisti u l-personal ta’ grad għoli ma jitħallewx jiġbdu mill-kapital surplus tas-CCPs permezz ta’ distribuzzjonijiet f’mument meta r-riskju operazzjonali – li s-CCPs ikopru bir-riżorsi proprji tagħhom minflok b’kontribuzzjonijiet minn membri tal-ikklerjar – jinsab fl-aktar stat sever tiegħu, anke meta jitqiesu r-restrizzjonijiet fuq il-preżenza tal-persunal fl-uffiċċji tas-CCPs. Madankollu, l-eżerċizzju tat-test tal-istress fir-rigward tas-CCPs fl-Unjoni mmexxi mill-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq wara li faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19 ikkonferma r-reżiljenza operazzjonali ġenerali tas-CCPs tal-Unjoni għal xokkijiet komuni u inadempjenzi multipli għal riskji ta’ stress tal-kreditu, tal-likwidità u tal-konċentrazzjoni (4). Barra minn hekk, s’issa ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ fallimenti tas-sistema jew tal-proċess. L-effettività tal-miżuri implimentati mis-CCPs biex jiġi mmitigat ir-riskju operazzjonali tissuġġerixxi li ma għadux meħtieġ li s-CCPs jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni BERS/2020/7.

(4)

Il-miżuri koperti mir-Rakkomandazzjoni BERS/2020/7 huma ta’ natura temporanja u l-BERS se jkompli jimmonitorja l-implikazzjonijiet tagħhom għall-istituzzjonijiet finanzjarji u l-abbiltà tagħhom li jikkontribwixxu għall-irkupru ekonomiku. Meta jiddeċiedi jekk u meta din ir-Rakkomandazzjoni teħtieġ li tiġi emendata, il-BERS għandu jqis, inter alia, l-iżviluppi makroekonomiċi u d-data ġdida dwar l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

(5)

It-Taqsima 2, Punt 4 tar-Rakkomandazzjoni BERS /2020/7 tipprovdi li l-Bord Ġenerali jista’ jiddeċiedi jekk u meta r-Rakkomandazzjoni BERS/2020/7 teħtieġ li tiġi emendata. Tali emendi jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, l-estensjoni tal-perjodu li matulu tapplika r-Rakkomandazzjoni A.

(6)

Għalhekk, ir-Rakkomandazzjoni BERS/2020/7 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

EMENDI

Ir-Rakkomandazzjoni BERS/2020/7 hija emendata kif ġej:

1.

fit-Taqsima 1, ir-Rakkomandazzjoni A hija ssostitwita b'dan li ġej:

Rakkomandazzjoni A — Restrizzjoni fuq id-distribuzzjonijiet

Huwa rrakkomandat li mill-inqas sat-30 ta’ Settembru 2021 l-awtoritajiet rilevanti jitolbu lill-istituzzjonijiet finanzjarji taħt il-mandat superviżorju tagħhom (*1)biex joqogħdu lura milli jwettqu xi waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

jagħmlu distribuzzjoni ta’ dividendi jew jagħtu impenn irrevokabbli li jagħmlu distribuzzjoni ta’ dividendi;

(b)

jagħmlu riakkwist ta’ ishma ordinarji;

(c)

joħolqu obbligu li titħallas rimunerazzjoni varjabbli lil min jieħu riskju materjali,

li jkollha l-effett li tnaqqas il-kwantità jew il-kwalità tal-fondi proprji, ħlief jekk l-istituzzjonijiet finanzjarji japplikaw kawtela estrema fit-twettiq ta’ xi waħda minn dawk l-azzjonijiet u t-tnaqqis riżultanti ma jkunx jaqbeż il-livell limitu konservattiv stabbilit mill-awtorità kompetenti tagħhom. Huwa rakkomandat li l-awtoritajiet kompetenti jidħlu f’diskussjonijiet ma’ istituzzjonijiet finanzjarji qabel ma l-istituzzjonijiet finanzjarji jieħdu xi waħda mill-azzjonijiet imsemmija fil-punti (a) jew (b).

Din ir-Rakkomandazzjoni tapplika fil-livell tal-grupp tal-UE (jew fil-livell individwali fejn l-istituzzjoni finanzjarja ma tkunx parti minn grupp tal-UE), u, fejn xieraq, fil-livell subkonsolidat jew individwali.

(*1)  Dan ma jinkludix lill-friegħi ta’ istituzzjonijiet finanzjarji.”;"

2.

It-Taqsima 2(1)(1) hija emendata kif gej:

(a)

il-punt (b) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(b)

'awtorità kompetenti’ tfisser l-awtorità kompetenti jew superviżorja kif iddefinita fil-punt (40) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, fl-Artikolu 13(10) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), kif applikabbli;

(*2)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1)”"

(b)

il-punt (c) huwa mibdul b’dan li ġej:

“(c)

‘istituzzjoni finanzjarja’ tfisser kwalunkwe waħda mill-impriżi li ġejjin li għandhom l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju reġistrat tagħhom fl-Unjoni:

(i)

istituzzjoni kif definita fil-punt (3) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(ii)

impriża tal-assigurazzjoni kif iddefinita fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/138/KE;

(iii)

impriża tar-riassigurazzjoni kif iddefinita fl-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2009/138/KE;”;

(c)

il-punt (d) huwa mibdul b’dan li ġej:

“(d)

‘min jieħu riskju materjali’ tfisser membru ta’ kategorija ta’ persunal li l-attivitajiet professjonali tiegħu għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni finanzjarja, inkluż membru ta’ kategorija ta’ persunal imsemmija fl-Artikolu 92(2) tad-Direttiva 2013/36/UE jew il-punt (c) tal-Artikolu 275(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/35 (*3), kif applikabbli;

(*3)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1).”;"

3.

FIt-Taqsima 2(3), jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.

Meta jikkalibraw il-livell limitu konservattiv, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu debitament:

(a)

l-objettivi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, b’mod partikolari l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet finanzjarji jżommu livell għoli biżżejjed ta’ kapital - inkluż it-teħid inkunsiderazzjoni tat-trajettorja tal-kapital tagħhom - sabiex jiġi mmitigat ir-riskju sistemiku u jingħata kontribut għall-irkupru ekonomiku, filwaqt li jitqiesu r-riskji ta’ deterjorament tal-pożizzjoni ta’ solvenza tal-korporazzjonijiuet u l-unitajiet domestiċi fid-dawl tal-pandemija;

(b)

il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-livell ġenerali tad-distribuzzjonijiet ta’ istituzzjonijiet finanzjarji taħt il-mandat superviżorju tagħhom ikun inqas b’mod sinifikanti milli fis-snin reċenti qabel il-kriżi tal-COVID-19;

(c)

l-ispeċifiċitajiet ta’ kull settur taħt il-mandat tagħhom.”

4.

It-Taqsima 2(4) hija mibdula b’li ġej:

“4.   Skeda ta’ żmien għas-segwitu

Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, id-destinatarji jridu jikkomunikaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS, l-azzjonijiet li jkunu ħadu b’reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni jew jissostanzjaw kull nuqqas ta’ azzjoni. Kull destinatarju huwa meħtieġ li jibgħat rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni A sal-15 ta’ Ottubru 2021.”;

5.

It-Taqsima 2(5) hija mibdula b’li ġej:

“5.   Emendi għal din ir-Rakkomandazzjoni

Qabel it-30 ta’ Settembru 2021, il-Bord Ġenerali se jiddeċiedi jekk u meta din ir-Rakkomandazzjoni teħtieġ li tiġi emendata, filwaqt li jitqiesu, fost affarijiet oħrajn, l-iżviluppi makroekonomiċi u data ġdida dwar l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.”;

6.

Fit-Taqsima 2(6) dwar “Monitoraġġ u valutazzjoni”, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.

Is-Segretarjat tal-BERS se jassisti lid-destinatarji, billi jiżgura l-koordinazzjoni tar-rapportar u l-forniment tal-mudelli relevanti, u jagħti dettalji fejn meħtieġ dwar il-proċedura u l-iskeda ta' żmien għas-segwitu.”;

7.

L-Anness bit-titolu “Komunikazzjoni tal-azzjonijiet meħuda bħala b’risposta għal din ir-Rakkomandazzjoni” huwa mħassar.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-15 ta’ Diċembru 2020.

Il-Kap tas-Segretarjat tal-BERS,

F’isem il-Bord Ġenerali tal-BERS

Francesco MAZZAFERRO


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

(2)  ĠU C 58, 24.2.2011, p. 4.

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni BERS/2020/7 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tas-27 ta’ Mejju 2020 dwar ir-restrizzjoni tad-distribuzzjonijiet matul il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU C 212, 26.6.2020, p. 1).

(4)  Ara l-istqarrija għall-istampa tal-ESMA: “ESMA’s Third EU-Wide CCP Stress Test Finds System Resilient to Shocks”, disponibbli fuq:https://www.esma.europa.eu/press-news/esma-news/esma%E2%80%99s-third-eu-wide-ccp-stress-test-finds-system-resilient-shocks.


Top