Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1833

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1833 tal-14 ta’ Lulju 2021 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika l-kriterji biex jiġi stabbilit meta attività għandha titqies bħala anċillari għan-negozju ewlieni fil-livell ta’ grupp (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/5115

    ĠU L 372, 20.10.2021, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/1833/oj

    20.10.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 372/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1833

    tal-14 ta’ Lulju 2021

    li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika l-kriterji biex jiġi stabbilit meta attività għandha titqies bħala anċillari għan-negozju ewlieni fil-livell ta’ grupp

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 2(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Il-valutazzjoni ta’ jekk persuni jkunux qegħdin jinnegozjaw f’isimhom stess jew ikunux qegħdin jipprovdu servizzi ta’ investiment f’derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet u derivattivi tagħhom fl-Unjoni bħala attività anċillari għan-negozju ewlieni tagħhom jenħtieġ li ssir fil-livell ta’ grupp. F’konformità mad-definizzjoni fl-Artikolu 2(11) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), “grupp” jitqies li jinkludi l-impriża prinċipali u l-impriżi sussidjarji kollha tagħha. Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, dan jinkludi entitajiet li jinsabu fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi irrispettivament minn jekk il-grupp għandux il-kwartieri ġenerali fl-Unjoni jew barra minnha.

    (2)

    Il-valutazzjoni jenħtieġ li titwettaq fil-forma ta’ tliet testijiet alternattivi (“testijiet ta’ attività anċillari”), li huma bbażati fuq l-attività ta’ negozjar tal-persuni fil-grupp. It-testijiet għandhom jiddeterminaw jekk il-persuni fil-grupp jinnegozjawx f’isimhom stess. Jekk dawk il-persuni jipprovdu servizzi ta’ investiment f’derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom fl-Unjoni f’daqs tant kbir meta mqabbel man-negozju ewlieni tal-grupp li dawk l-attivitajiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala anċillari fil-livell tal-grupp, jenħtieġ li dawk il-persuni jkunu meħtieġa jiksbu awtorizzazzjoni bħala ditta ta’ investiment. Sabiex titqies ir-realtà ekonomika tal-gruppi eteroġeni li għandhom iwettqu l-valutazzjoni ta’ jekk in-negozjar tagħhom huwiex anċillari għall-attivitajiet kummerċjali ewlenin tagħhom, jenħtieġ li dawk il-persuni jitħallew jiddeċiedu liema mit-tliet testijiet alternattivi għandhom iwettqu sabiex jiddeterminaw jekk l-attività ta’ negozjar tagħhom hijiex anċillari għan-negozju ewlieni ta’ grupp partikolari. Jekk l-attività tan-negozjar ta’ persuna tkun anċillari skont kwalunkwe wieħed minn dawk it-testijiet, jenħtieġ li din titqies bħala anċillari għan-negozju ewlieni għall-fini tal-Artikolu 2(1)(j) tad-Direttiva 2014/65/UE.

    (3)

    Skont l-ewwel test alternattiv, jenħtieġ li l-attività ta’ persuna tkun anċillari għan-negozju ewlieni jekk l-iskopertura nozzjonali netta pendenti tagħha f’derivattivi tal-komoditajiet jew kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom għas-saldu fi flus kontanti nnegozjati fl-Unjoni, esklużi derivattivi tal-komoditajiet jew kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom innegozjati f’ċentru tan-negozjar, tkun taħt livell limitu annwali ta’ EUR 3 biljun (it-“Test tal-Limitu De-Minimis”).

    (4)

    It-tieni test alternattiv iqabbel id-daqs tal-attività ta’ negozjar ta’ persuna mal-attività ġenerali ta’ negozjar tal-grupp fl-Unjoni (it-“Test tan-Negozjar”). Id-daqs tal-attività ta’ negozjar ta’ persuna jenħtieġ li jiġi stabbilit billi titnaqqas is-somma tad-daqs tat-tranżazzjonijiet għall-iskopijiet ta’ likwidità intragrupp jew għall-iskopijiet ta’ ġestjoni tar-riskju, it-tnaqqis oġġettivament miżurabbli tar-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali jew mal-attività ta’ finanzjament tat-teżor jew li jissodisfaw obbligi sabiex jipprovdu likwidità f’ċentru tan-negozjar (“tranżazzjonijiet privileġġati”) mid-daqs tal-attività globali ta’ negozjar imwettqa mill-persuna. Kuntratti fejn il-persuna fil-grupp li hija parti għal kwalunkwe wieħed minn dawk il-kuntratti hija awtorizzata f’konformità mad-Direttiva 2014/65/UE jew id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jenħtieġ li jitnaqqsu mill-attività ta’ negozjar ta’ persuna. L-attività ta’ negozjar ġenerali tal-grupp fl-Unjoni tinkludi tranżazzjonijiet u kuntratti privileġġati fejn il-persuna fil-grupp li jkun parti għal kwalunkwe wieħed minn dawk il-kuntratti tkun awtorizzata skont id-Direttiva 2014/65/UE jew id-Direttiva 2013/36/UE.

    (5)

    Jenħtieġ li d-daqs tal-attività ta’ negozjar jiġi determinat mill-valur nozzjonali gross tal-kuntratti f’derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet u derivattivi tagħhom fl-Unjoni abbażi ta’ medja rikorrenti tat-tliet perjodi annwali preċedenti.

    (6)

    Id-daqs tal-attività ta’ negozjar użata bħala l-parametru skont it-test tan-Negozjar huwa meħud bħala sostitut għall-attività kummerċjali li l-persuna jew il-grupp jipparteċipa fiha bħala n-negozju ewlieni tiegħu. Dan is-sostitut jenħtieġ li jkun faċli u kosteffiċjenti għall-persuni biex japplikawh billi jibni fuq id-data li diġà hija meħtieġa li tinġabar għal finijiet ta’ konformità, bħal għar-rapportar tat-tranżazzjonijiet filwaqt li fl-istess ħin jistabbilixxi test utli.

    (7)

    Dan is-sostitut huwa adattat minħabba li entità razzjonali avversa għar-riskju, bħal produttur, proċessur jew konsumatur ta’ komoditajiet jew kwoti tal-emissjonijiet, hija meqjusa li tiħħeġġja l-volum tal-attività kummerċjali tan-negozju ewlieni tagħha b’volum ekwivalenti ta’ derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom. Għalhekk il-volum tal-attività ta’ negozjar kollha tagħha f’derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom, imkejjel fil-valur nozzjonali gross tas-sottostanti, huwa sostitut xieraq għad-daqs tan-negozju ewlieni tal-grupp. Billi gruppi, li l-attivitajiet tan-negozju ewlieni tagħhom ma jkunux relatati ma’ komoditajiet jew kwoti tal-emissjonijiet ma jużawx id-derivattivi tal-komoditajiet jew tal-kwoti tal-emissjonijiet bħala għodda għat-tnaqqis tar-riskju, jenħtieġ li n-negozjar tagħhom f’derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom ma jikkwalifikax bħala ħħeġġjar.

    (8)

    Madankollu, l-użu tad-derivattivi tal-komoditajiet bħala għodda għat-tnaqqis tar-riskju ma jistax jitqies bħala sostitut perfett għall-attività kummerċjali li l-persuna jew il-grupp iwettqu bħala n-negozju ewlieni tagħhom billi jista’ ma jiħux kont ta’ investimenti oħra f’assi fissi mhux relatati mas-swieq tad-derivattivi.

    (9)

    It-tieni test jista’ ma jkejjilx adegwatament l-attività ewlenija ta’ persuni li jkollhom investimenti kapitali sinifikanti, meta mqabbla mad-daqs tagħhom, pereżempju fil-ħolqien ta’ infrastruttura,faċilitajiet ta’ trasport u faċilitajiet ta’ produzzjoni. Ma jirrikonoxxix lanqas investimenti li ma jistgħux jiġu ħħeġġjati fi swieq finanzjarji. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi pprovdut it-tielet metodu li juża metriku bbażat fuq il-kapital impjegat biex ikejjel jekk dik l-attività ta’ negozjar hijiex anċillari għan-negozju ewlieni tal-grupp.

    (10)

    It-tielet test alternattiv, it-Test tal-Kapital Impjegat, huwa pprovdut sabiex titqies ir-realtà ekonomika tal-gruppi eteroġenji li għandhom bżonn jagħmlu l-istima ta’ jekk in-negozjar tagħhom huwiex anċillari għan-negozju ewlieni tagħhom, inklużi gruppi li jwettqu investimenti kapitali sinifikanti, relattivament għad-daqs tagħhom, pereżempju fil-ħolqien ta’ infrastruttura, faċilitajiet ta’ trasport u faċilitajiet ta’ produzzjoni, kif ukoll investimenti li ma jistgħux jiġu ħħeġġjati faċilment fis-swieq finanzjarji. Billi t-tliet testijiet alternattivi jaqdu r-realtajiet ekonomiċi sottostanti differenti ta’ diversi gruppi, jenħtieġ li t-testijiet kollha jikkostitwixxu metodi ugwalment adattati, alternattivi u indipendenti biex jiddeterminaw jekk l-attività ta’ negozjar hijiex anċillari għan-negozju ewlieni ta’ grupp partikolari. Jekk jinstab li l-attività tan-negozjar ta’ persuna hija anċillari skont kwalunkwe wieħed minn dawk it-testijiet, jenħtieġ li din tkun anċillari għan-negozju ewlieni għall-fini tal-Artikolu 2(1)(j) tad-Direttiva 2014/65/UE.

    (11)

    It-tielet test juża l-kapital stmat li grupp mhux finanzjarju jkun meħtieġ li jżomm kontra r-riskju tas-suq inerenti fil-pożizzjonijiet tiegħu li jirriżultaw min-negozjar f’derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet u derivattivi tagħhom fl-Unjoni, għajr dawk minn pożizzjonijiet privileġġati, bħala sostitut għall-ammont ta’ attivitajiet anċillari mwettqa mill-persuni fi grupp. Il-qafas żviluppat taħt l-awspiċji tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja u implimentat fl-Unjoni permezz tad-Direttiva 2013/36/UE jintuża biex japplika piż proporzjonali tal-kapital nozzjonali proporzjonat għall-pożizzjonijiet. F’dan il-qafas, il-pożizzjoni netta f’derivattiv ta’ komodità, kwota ta’ emissjonijiet jew derivattiv tagħha fl-Unjoni jenħtieġ li tiġi stabbilita billi jiġi kkalkulat il-valur nett tal-pożizzjonijiet twal u qosra f’tip partikolari ta’ kuntratt ta’ derivattiv tal-komoditajiet, kwota tal-emissjonijiet jew kuntratt ta’ derivattiv tagħha, bħal futuri, opzjoni, forward jew warrants. Fl-istabbiliment tal-pożizzjoni netta, jenħtieġ li l-kalkolu tal-valur nett iseħħ irrispettivament minn fejn jiġi nnegozjat il-kuntratt, il-kontroparti tal-kuntratt jew il-maturità tiegħu. Il-pożizzjoni grossa f’derivattiv ta’ komodità rilevanti, kuntratt ta’ kwota tal-emissjonijiet jew kuntratt ta’ derivattiv tagħha jenħtieġ, mill-banda l-oħra, li tiġi kkalkulata billi jiġu miżjuda l-pożizzjonijiet netti tat-tipi ta’ kuntratti li jirrigwardaw komodità partikolari jew, kwota ta’ emissjonijiet jew id-derivattiv tagħha. F’dan il-kuntest, il-pożizzjonijiet netti f’tip partikolari ta’ kuntratt ta’ derivattiv ta’ komodità, kuntratt ta’ kwota tal-emissjonijiet jew kuntratt ta’ derivattiv tagħha jenħtieġ li ma jiġux nnettjati kontra xulxin.

    (12)

    Fit-tielet test, jenħtieġ li l-ammont tal-kapital stmat ta’ grupp ikun imqabbel mal-ammont reali tal-kapital impjegat ta’ dak il-grupp li jenħtieġ li jirrifletti d-daqs tal-attività ewlenija tiegħu. Jenħtieġ li l-kapital impjegat jiġi kkalkulat abbażi tas-somma tal-assi totali tal-grupp li minnhom jitnaqqas id-dejn kurrenti tiegħu. Jenħtieġ li dak id-dejn kurrenti jinkludi d-dejn li jkun se jiġi saldat fi żmien 12-il xahar.

    (13)

    Ir-razzjonal tat-testijiet tal-attività anċillari huwa li jiġi ċċekkjat jekk jenħtieġx li l-persuni fi ħdan grupp li ma jkunux awtorizzati skont id-Direttiva 2014/65/UE japplikaw għal awtorizzazzjoni minħabba d-daqs relattiv jew assolut tal-attività tagħhom f’derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet u derivattivi tagħhom fl-Unjoni. It-testijiet tal-attività anċillari jiddeterminaw id-daqs tal-attivitajiet f’derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet u derivattivi tagħhom fl-Unjoni li persuni fi grupp jistgħu jwettqu mingħajr awtorizzazzjoni b’konformità mad-Direttiva 2014/65/UE minħabba li dawk l-attivitajiet ikunu anċillari għan-negozju ewlieni tal-grupp. Għalhekk huwa xieraq li d-daqs tal-attività anċillari tal-grupp jiġi kkalkulat permezz ta’ kriterji li jeskludu għat-tliet testijiet kollha l-attività mwettqa minn membri tal-grupp li jkunu awtorizzati skont dik id-Direttiva sabiex jiġi valutat id-daqs tal-attività anċillari ġenwina mwettqa minn membri tal-grupp li ma jkunux awtorizzati.

    (14)

    Biex il-parteċipanti fis-suq ikunu jistgħu jippjanaw u joperaw in-negozju tagħhom b’mod raġonevoli u sabiex jittieħed kont tal-mudelli staġjonali tal-attività, il-kalkolu tat-testijiet alternattivi li jistabbilixxu meta attività titqies li hija anċillari għan-negozju ewlieni jenħtieġ li jkun ibbażat fuq perjodu ta’ tliet snin. Għalhekk, l-entitajiet jenħtieġ li jwettqu l-valutazzjoni dwar jekk jiksrux wieħed mit-tliet livelli limitu tat-tliet testijiet alternattivi fuq bażi annwali billi jikkalkulaw medja sempliċi ta’ tliet snin fuq bażi kontinwa. Dan l-obbligu jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-awtorità kompetenti li titlob fi kwalunkwe ħin persuna tirrapporta l-bażi li fuqha dik il-persuna tkun ivvalutat l-attività tagħha, għall-finijiet tal-Artikolu 2(1)(j), punti (i) u (ii), tad-Direttiva 2014/65/UE, li tkun anċillari għan-negozju ewlieni tagħha.

    (15)

    It-tranżazzjonijiet oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali jew l-attività ta’ finanzjament tat-teżor u t-tranżazzjonijiet intragrupp jenħtieġ li jitqiesu f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Madankollu, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet f’derivattivi li jkunu oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali jew l-attività ta’ finanzjament tat-teżor, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 (5) jirreferi biss għal derivattivi mhux kummerċjati fi swieq regolati filwaqt li l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2014/65/UE jkopri d-derivattivi negozjati f’ċentri tan-negozjar. Għalhekk, meta t-testijiet tal-attività anċillari jkopru ugwalment derivati nnegozjati fi swieq regolati u derivati mhux innegozjati fi swieq regolati, huwa xieraq li jitqiesu derivati nnegozjati fi swieq regolati fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet li huma meqjusa oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji direttament relatati ma’ attività kummerċjali jew ta’ finanzjament tat-teżor.

    (16)

    F’xi ċirkostanzi, pereżempju meta l-likwidità tas-suq eżistenti ma tkunx biżżejjed jew kuntratt tad-derivattivi korrispondenti ma jkunx disponibbli, jista’ ma jkunx possibbli li jiġi ħħeġġjat riskju kummerċjali bl-użu ta’ kuntratt ta’ derivattiv ta’ komodità relatat direttament, jiġifieri kuntratt eżattament bl-istess sottostanti u data tas-saldu bħar-riskju li jkun qed jiġi kopert. F’każ bħal dan, jenħtieġ li l-persuna titħalla tuża tuża ħħeġġjar proxy permezz ta’ strument korrelatat mill-qrib biex tkopri l-iskopertura tagħha, bħal strument b’sottostanti differenti iżda qrib ħafna. Barra minn hekk, jista’ jkun permess jintuża ħħeġġjar makro jew ta’ portafoll minn persuni, li jidħlu f’kuntratti ta’ derivattivi ta’ komoditajiet biex jiħħeġġjaw riskju fir-rigward tar-riskji ġenerali tagħhom jew ir-riskji ġenerali tal-grupp. Dawk il-kuntratti ta’ derivattivi tal-komoditajiet b’iħħeġġjar makro, ta’ portafoll jew proxy jenħtieġ li jikkostitwixxu ħħeġġjar għall-finijiet tat-testijiet tal-attività anċillari. Meta persuna li tkun qiegħda tapplika t-testijiet tal-attività anċillari tuża ħħeġġjar ta’ portafoll jew makro, hija tista’ ma tkunx kapaċi tistabbilixxi rabta waħda għal waħda bejn tranżazzjoni speċifika f’derivattiv ta’ komodità u riskju speċifiku direttament relatat mal-attivitajiet kummerċjali u ta’ finanzjament tat-teżor li tidħol fihom biex tiħħeġġjah. Ir-riskji direttament relatati mal-attivitajiet kummerċjali u ta’ finanzjament tat-teżor jistgħu jkunu ta’ natura kumplessa, pereżempju diversi swieq ġeografiċi, diversi prodotti, perjodi ta’ żmien jew entitajiet. Il-portafoll ta’ kuntratti ta’ derivattivi tal-komoditajiet li wieħed jidħol fihom sabiex jimmitiga dawk ir-riskji jista’ joħroġ minn sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju kumplessi. F’każijiet bħal dawn, is-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju jenħtieġ li jimpedixxu tranżazzjonijiet mhux ta’ ħħeġġjar milli jiġu kklassifikati bħala ħħeġġjar u jipprovdu għal stampa suffiċjentement diżaggregata tal-portafoll ta’ ħħeġġjar sabiex il-komponenti spekulattivi jiġu identifikati u magħduda għal-livelli limitu. Il-pożizzjonijiet jenħtieġ li ma jikkwalifikawx bħala li jnaqqsu r-riskji relatati ma’ atività kummerċjali fuq il-bażi biss li jiffurmaw parti minn portafoll ta’ tnaqqis tar-riskju fuq bażi ġenerali.

    (17)

    Riskju jista’ jevolvi maż-żmien u, sabiex jadatta għall-evoluzzjoni tar-riskju, id-derivattivi tal-komoditajiet jew tal-kwoti tal-emissjonijiet eżegwiti inizjalment għat-tnaqqis tar-riskju relatat mal-attività kummerċjali jista’ jkollu jiġi paċut permezz tal-użu ta’ kuntratti addizzjonali ta’ derivattivi tal-komoditajiet jew tal-kwoti tal-emissjonijiet. Bħala riżultat, l-iħħeġġjar ta’ riskju jista’ jinkiseb permezz ta’ taħlita ta’ kuntratti ta’ derivati ta’ komodità jew ta’ emissjoni, inklużi kuntratti ta’ derivattivi ta’ komodità li jikkumpensaw għal dawk il-kuntratti ta’ derivattivi ta’ komodità li saru mhux relatati mar-riskju kummerċjali. Barra minn hekk, l-evoluzzjoni ta’ riskju li jkun ġie indirizzat billi pożizzjoni tiddaħħal f’derivattiv tal-komoditajiet jew ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-finijiet tat-tnaqqis ta’ dak ir-riskju jenħtieġ li ma tagħtix sussegwentement lok għall-evalwazzjoni mill-ġdid ta’ dik il-pożizzjoni bħala li mhijiex tranżazzjoni privileġġata ab initio.

    (18)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/592 (6) jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE fir-rigward tal-kriterji biex jiġi stabbilit meta attività titqies bħala anċillari għan-negozju ewlieni. Dik id-Direttiva ġiet emendata fis-16 ta’ Frar 2021 bid-Direttiva (UE) 2021/338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġodda rigward l-eżenzjoni tal-attività anċillari u t-testijiet tal-attività anċillari, u li tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta att delegat li jispeċifika l-kriterji biex jiġi stabbilit meta attività għandha titqies bħala anċillari għan-negozju ewlieni fil-livell tal-grupp. B’mod partikolari, it-Test tas-Suq Ġenerali tneħħa peress li x-xenarju tad-derivattivi tal-komoditajiet fl-Unjoni nbidel sal-punt li t-Test tas-Suq Ġenerali jagħmel li l-entitajiet ma jibqgħux eliġibbli għall-eżenzjoni tal-attività anċillari anki mingħajr ebda bidla fl-imġiba kummerċjali tagħhom. Barra minn hekk, it-Test tal-Limitu De-Minimis huwa introdott u l-limiti għat-Test tan-Negozjar u t-Test tal-Kapital Impjegat inbidlu. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2017/592 jitħassar u li jiġi ssostitwit b’dan ir-Regolament.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Klassijiet ta’ assi eliġibbli għat-test tal-attività anċillari

    Sabiex jitqiesu bħala anċillari għan-negozju ewlieni tal-grupp, l-attivitajiet tal-persuni msemmija fl-Artikolu 2(1)(j), il-punti (i) u (ii) tad-Direttiva 2014/65/UE għandhom jirrelataw ma’ kwalunkwe waħda jew aktar mill-klassijiet ta’ assi li ġejjin:

    (a)

    derivattivi ta’ komoditajiet li huma relatati ma’ komodità jew sottostanti msemmija fil-punti (5), (6), (7) u (10) tat-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE;

    (b)

    kwoti tal-emissjonijiet imsemmija fl-Anness I, it-Taqsima C 11, tad-Direttiva 2014/65/UE jew id-derivattivi tal-kwoti tal-emissjonijiet imsemmija fl-Anness I, it-Taqsima C 4 tad-Direttiva 2014/65/UE.

    Artikolu 2

    Testijiet ta’ attività anċillari

    1.   L-attivitajiet tal-persuni msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jitqiesu bħala anċillari għan-negozju ewlieni fil-livell ta’ grupp meta jikkonformaw ma’ kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-iskopertura nozzjonali pendenti netta f’derivattivi ta’ komoditajiet għas-saldu fi flus kontanti jew kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom għal saldu fi flus kontanti innegozjat fl-Unjoni kkalkulat skont l-Artikolu 3, esklużi derivattivi ta’ komoditajiet jew kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom innegozjati f’ċentru tan-negozjar, hija taħt livell limitu annwali ta’ EUR 3 biljun (it-Test tal-Limitu De-Minimis);

    (b)

    id-daqs ta’ dawk l-attivitajiet ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 4(1) jammonta għal 50 % jew inqas tad-daqs totali tal-attivitajiet ta’ negozjar l-oħra tal-grupp ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 4(2);

    (c)

    il-kapital impjegat stmat għat-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet, ikkalkulat skont l-Artikolu 5, paragrafi 1 u 3, ma jammontax għal aktar minn 50 % tal-kapital impjegat fil-livell ta’ grupp għat-twettiq tan-negozju ewlieni, ikkalkulat skont l-Artikolu 5(4).

    2.   Grupp jitqies li jinkludi l-impriża prinċipali u l-impriżi sussidjarji kollha tagħha. Dan jinkludi entitajiet li jinsabu fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi irrispettivament minn jekk il-grupp għandux il-kwartieri ġenerali fl-Unjoni jew barra minnha.

    Artikolu 3

    Test tal-Limitu De-Minimis

    1.   L-iskopertura nozzjonali pendenti netta msemmija fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1, il-punt (a), għandha tiġi kkalkulata billi tittieħed il-medja tal-valuri nozzjonali pendenti netti aggregati fi tmiem ix-xahar għat-12-il xahar preċedenti li jirriżultaw mill-kuntratti kollha f’derivattivi ta’ komoditajiet għas-saldu fi flus kontanti jew kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom għas-saldu fi flus kontanti li persuna fil-grupp tkun daħħlet fl-Unjoni.

    Il-valuri nozzjonali netti pendenti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi tal-kuntratti kollha f’derivattivi ta’ komoditajiet għas-saldu fi flus kontanti jew kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom għas-saldu fi flus kontanti li mhumiex innegozjati f’ċentru tan-negozjar li fih kwalunkwe persuna li tinsab fl-Unjoni tkun parti matul il-perjodu kontabilistiku annwali rilevanti msemmi fl-Artikolu 6(2).

    Il-kuntratti f’derivattivi ta’ komoditajiet jew derivattivi ta’ kwoti tal-emissjonijiet għas-saldu fi flus kontanti msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafu għandhom jinkludu l-kuntratti kollha tad-derivattivi relatati ma’ komoditajiet jew kwoti tal-emissjonijiet li jridu jiġu saldati fi flus kontanti jew li jistgħu jiġu saldati fi flus kontanti skont l-għażla ta’ waħda mill-partijiet għajr minħabba inadempjenza jew avveniment ieħor ta’ terminazzjoni.

    2.   L-aggregazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu ma għandhiex tinkludi pożizzjonijiet minn kuntratti li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4), ir-raba’ subparagrafu, il-punti (a), (b) u (c), tad-Direttiva 2014/65/UE jew minn kuntratti fejn il-persuna fil-grupp li hija parti għal kwalunkwe waħda minnhom tkun awtorizzata skont id-Direttiva 2014/65/UE jew id-Direttiva 2013/36/UE.

    3.   Il-valuri nozzjonali netti pendenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ddeterminati skont il-metodoloġija tan-nettjar tal-Artikolu 5(2).

    4.   Il-valuri li jirriżultaw mill-aggregazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu għandhom ikunu denominati fil-munita EUR.

    Artikolu 4

    Test tan-Negozjar

    1.   Id-daqs tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2, paragrafu 1, punt (b), imwettqa fl-Unjoni minn persuna fil-grupp għandu jiġi kkalkulat billi jiġi aggregat il-valur nozzjonali gross tal-kuntratti kollha f’derivattivi ta’ komoditajiet jew kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom li dik il-persuna tkun parti għalihom.

    L-aggregazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandhiex tinkludi kuntratti li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4), ir-raba’ subparagrafu, punti (a), (b) u (c) tad-Direttiva 2014/65/UE jew kuntratti fejn il-persuna fil-grupp li tkun parti għal kwalunkwe wieħed minnhom tkun awtorizzata skont id-Direttiva 2014/65/UE jew id-Direttiva 2013/36/UE.

    2.   Id-daqs totali tal-attivitajiet l-oħra ta’ negozjar tal-grupp imsemmi fl-Artikolu 2, paragrafu 1, punt (b) għandu jiġi kkalkulat permezz ta’ aggregazzjoni tal-valur nozzjonali gross tal-kuntratti kollha f’derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet u derivattivi tagħhom li l-persuni f’dak il-grupp ikunu parti fihom.

    L-aggregazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi kuntratti li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4), ir-raba’ subparagrafu, punti (a), (b) u (c), tad-Direttiva 2014/65/UE jew kuntratti fejn persuna fil-grupp li tkun parti għal kwalunkwe wieħed minnhom tkun awtorizzata skont id-Direttiva 2014/65/UE jew id-Direttiva 2013/36/UE.

    3.   L-attivitajiet globali tan-negozjar tas-suq imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu kkalkulati billi jiġi aggregat il-valur nozzjonali gross tal-kuntratti kollha li mhumiex innegozjati f’ċentru tan-negozjar li kwalunkwe persuna li tinsab fl-Unjoni hija parti fih u ta’ kwalunkwe kuntratt ieħor li huwa innegozjat f’ċentru tan-negozjar li jinsab fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ kontabilità annwali rilevanti msemmi fl-Artikolu 6(2).

    4.   Il-valuri aggregati msemmija f’dan l-Artikolu għandhom ikunu denominati fil-munita EUR.

    Artikolu 5

    Test tal-Kapital Impjegat

    1.   Il-kapital impjegat stmat sabiex jitwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2, paragrafu 1, punt (c), għandu jkun is-somma ta’ dan li ġej:

    (a)

    15 % ta’ kull pożizzjoni netta, twila jew qasira, immultiplikat bil-prezz għad-derivattiv ta’ komodità, kwota tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħha;

    (b)

    3 % tal-pożizzjoni grossa, twila u qasira, immultiplikat bil-prezz għad-derivattiv ta’ komodità, kwota tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħha.

    Il-pożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi tal-kuntratti kollha li mhumiex innegozjati f’ċentru tan-negozjar li kwalunkwe persuna li tinsab fl-Unjoni hija parti fih u ta’ kwalunkwe kuntratt ieħor li huwa nnegozjat f’ċentru tan-negozjar li jinsab fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ kontabilità annwali rilevanti msemmi fl-Artikolu 6(2).

    2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), il-pożizzjoni netta f’derivattiv ta’ komodità, kwota tal-emissjonijiet jew derivattiv tagħha fl-Unjoni għandha tiġi determinata billi jiġi kkalkulat il-valur nett tal-pożizzjonijiet twal u qosra:

    (a)

    f’kull tip ta’ kuntratt ta’ derivattiv ta’ komodità b’komodità partikolari bħala sottostanti sabiex tiġi kkalkulata l-pożizzjoni netta għal kull tip ta’ kuntratt b’dik il-komodità bħala sottostanti;

    (b)

    f’kuntratt ta’ kwota tal-emissjonijiet sabiex tiġi kkalkulata l-pożizzjoni netta f’dak il-kuntratt ta’ kwoti tal-emissjonijiet; jew

    (c)

    f’kull tip ta’ kuntratt ta’ derivattiv ta’ kwoti tal-emissjonijiet sabiex tiġi kkalkulata l-pożizzjoni netta għal kull tip ta’ kuntratt ta’ derivattiv tal-kwoti tal-emissjonijiet.

    Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), il-pożizzjonijiet netti f’tipi differenti ta’ kuntratti bl-istess komodità bħala sottostanti jew tipi differenti ta’ kuntratti ta’ derivattivi bl-istess kwota ta’ emissjonijiet bħala sottostanti jistgħu jiġu nnettjati kontra xulxin.

    3.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), il-pożizzjoni grossa f’derivattiv ta’ komodità, kwota ta’ emissjonijiet jew kuntratt ta’ derivattiv tagħha, għandha tiġi determinata permezz ta’ komputazzjoni tas-somma tal-valuri assoluti tal-pożizzjonijiet netti għal kull tip ta’ kuntratt b’komodità partikolari bħala s-sottostanti, għal kull kuntratt ta’ kwota tal-emissjonijiet jew għal kull tip ta’ kuntratt bi kwota partikolari ta’ emissjonijiet bħala s-sottostanti.

    Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), il-pożizzjonijiet netti f’tipi differenti ta’ kuntratti ta’ derivattivi bl-istess komodità bħala sottostanti jew tipi differenti ta’ kuntratti ta’ derivattivi bl-istess kwota ta’ emissjonijiet bħala sottostanti ma jistgħux jiġu nnettjati kontra xulxin.

    Il-kalkolu tal-kapital stmat ma għandux jinkludi pożizzjonijiet li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4), ir-raba’ subparagrafu, il-punti (a), (b) u (c), tad-Direttiva 2014/65/UE jew kuntratti fejn il-persuna fil-grupp li hija parti għal kwalunkwe wieħed minnhom hija awtorizzata skont id-Direttiva 2014/65/UE jew id-Direttiva 2013/36/UE.

    4.   Il-kapital impjegat sabiex jitwettaq in-negozju ewlieni ta’ grupp għandu jkun is-somma tal-assi totali tal-grupp li minnha jitnaqqas id-dejn ta’ terminu qasir kif irreġistrat fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati tal-grupp fit-tmiem tal-perjodu ta’ kalkolu annwali rilevanti. Għall-iskopijiet ta’ dan il-paragrafu, dejn ta’ terminu qasir ifisser dejn b’maturità ta’ anqas minn 12-il xahar.

    5.   Il-valuri li jirriżultaw mill-kalkoli msemmija f’dan l-Artikolu għandhom ikunu denominati fil-munita EUR.

    Artikolu 6

    Proċedura għall-kalkolu

    1.   Il-kalkolu tat-Test tal-Limitu De-Minimis imsemmi fl-Artikolu 3 għandu jiġi ddeterminat b’referenza għal tliet perjodi ta’ kalkolu annwali li jiġu qabel id-data tal-kalkolu, fejn il-medja sempliċi tal-valuri annwali li jirriżultaw għandha titqabbel mal-limitu msemmi fl-Artikolu 2, paragrafu 1, punt (a). Il-kalkolu tad-daqs tal-attivitajiet ta’ negozjar u tal-kapital impjegat imsemmija fl-Artikolu 4 u 5 għandu jkun ibbażat fuq medja sempliċi tal-attivitajiet ta’ negozjar ta’ kuljum jew tal-kapital stmat allokat għal dawk l-attivitajiet ta’ negozjar, matul tliet perjodi ta’ kalkolu annwali li jippreċedu d-data tal-kalkolu. Il-kalkoli għandhom jitwettqu kull sena fl-ewwel trimestru tas-sena kalendarja li jsegwi perjodu ta’ kalkolu annwali, fejn il-medja sempliċi tal-valuri annwali li jirriżultaw għandha titqabbel mal-limiti rispettivi msemmija fl-Artikolu 2, paragrafu 1, punti (b) u (c).

    2.   Għall-iskop tal-paragrafu 1, perjodu ta’ kalkolu annwali jfisser perjodu li jibda fl-1 ta’ Jannar ta’ sena partikolari u jintemm fil-31 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena.

    3.   Għall-iskop tal-paragrafu 1, il-kalkolu tad-daqs tal-attivitajiet ta’ negozjar jew tal-kapital stmat allokat għall-attivitajiet ta’ negozjar li se jseħħu fl-2022 għandu jqis it-tliet perjodi ta’ kalkolu annwali preċedenti, li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2019, l-1 ta’ Jannar 2020 u l-1 ta’ Jannar 2021, u l-kalkolu li se jsir fl-2023 għandu jqis it-tliet perjodi ta’ kalkolu annwali preċedenti, li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2020, l-1 ta’ Jannar 2021 u l-1 ta’ Jannar 2022.

    4.   B’deroga mill-paragrafu 3, il-perjodu ta’ referenza għall-kalkolu tal-attivitajiet ta’ negozjar ta’ kuljum jew il-kapital stmat allokat għal tali attivitajiet ta’ negozjar għandu jinkludi biss l-aktar perjodu ta’ kalkolu annwali riċenti meta jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-attivitajiet ta’ negozjar ta’ kuljum jew il-kapital stmat allokat għal tali attivitajiet ta’ negozjar jonqsu b’aktar minn 10 %, meta jitqabbel l-ewwel mit-tliet perjodi ta’ kalkolu annwali preċedenti mal-aktar perjodu ta’ kalkolu annwali riċenti; kif ukoll

    (b)

    l-attivitajiet ta’ negozjar ta’ kuljum jew il-kapital stmat allokat għal tali attivitajiet ta’ negozjar fl-aktar perjodu riċenti mit-tliet perjodi ta’ kalkolu annwali jkunu aktar baxxi milli fiż-żewġ perjodi ta’ kalkolu preċedenti.

    Artikolu 7

    Tranżazzjonijiet li jikkwalifikaw bħala li jnaqqsu r-riskji

    1.   Għall-iskopijiet tal-Artikolu 2(4), ir-raba’ subparagrafu, punt (b) tad-Direttiva 2014/65/UE, tranżazzjoni f’derivattivi għandha titqies bħala oġġettivament miżurabbli bħala li tnaqqas ir-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali jew l-attività ta’ finanzjament tat-teżor meta jiġi ssodisfat wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin:

    (a)

    it-tranżazzjoni tnaqqas ir-riskji li jirriżultaw mill-bidla potenzjali fil-valur tal-assi, servizzi, inputs, prodotti, komoditajiet jew obbligazzjonijiet li l-persuna jew il-grupp tagħha jippossjedu, jipproduċu, jimmanifatturaw, jipproċessaw, ifornu, jixtru, jikkummerċjalizzaw, jikru, ibigħu jew iġarrbu jew li b’mod raġonevoli jantiċipaw li se jippossjedu, jipproduċu, jimmanifatturaw, jipproċessaw, ifornu, jixtru, jikkummerċjalizzaw, jikru, ibigħu jew iġarrbu tul il-ħidma normali tan-negozju tagħhom;

    (b)

    it-tranżazzjoni tkopri r-riskji li jirriżultaw mill-impatt indirett potenzjali fuq il-valur tal-assi, is-servizzi, l-inputs, il-prodotti, il-komoditajiet jew l-obbligazzjonijiet imsemmija fil-punt (a), li jirriżultaw minn varjazzjoni tar-rati tal-imgħax, ir-rati tal-inflazzjoni, ir-rati tal-kambju jew ir-riskju tal-kreditu;

    (c)

    it-tranżazzjoni tikkwalifika bħala kuntratt ta’ ħħeġġjar skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) adottati f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (8).

    2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, tranżazzjoni li tikkwalifika bħala li tnaqqas ir-riskju, meħuda waħedha jew f’kombinazzjoni ma’ derivattivi oħra, hija waħda li għaliha entità mhux finanzjarja

    (a)

    tiddeskrivi dan li ġej fil-linji politiċi interni tagħha:

    (i)

    it-tipi ta’ kuntratti ta’ derivattivi ta’ komoditajiet, ta’ kwoti tal-emissjonijiet jew ta’ derivattivi tagħhom inklużi fil-portafolji użati sabiex inaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali jew l-attività ta’ finanzjament tat-teżor u l-kriterji tal-eliġibbiltà tagħhom;

    (ii)

    ir-rabta bejn il-portafoll u r-riskji li l-portafoll qiegħed itaffi;

    (iii)

    il-miżuri adottati sabiex ikun żgurat li t-tranżazzjonijiet fir-rigward ta’ dawk il-kuntratti ma jservu l-ebda għan ieħor ħlief li jkopru r-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali jew l-attività ta’ finanzjament tat-teżor tal-entità mhux finanzjarja, u li kwalunkwe tranżazzjoni li sservi għan ieħor tista’ tiġi identifikata b’mod ċar;

    (b)

    tkun kapaċi tipprovdi stampa suffiċjentement diżaggregata tal-portafolji f’termini tal-klassi tad-derivattivi tal-komoditajiet, kwoti tal-emissjonijiet jew derivattivi tagħhom, il-komodità sottostanti, il-perjodu taż-żmien u kwalunkwe fattur rilevanti ieħor.

    Artikolu 8

    Tħassir

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/592 jitħassar.

    Ir-referenzi għar-Regolament Delegat (UE) 2017/592 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella tal-korrelazzjoni fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

    (2)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

    (3)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-arranġamenti tal-ikklerjar indiretti, l-obbligu tal-ikklerjar, ir-reġistru pubbliku, l-aċċess għal ċentru tan-negozjar, kontropartijiet nonfinanzjarji, tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskji għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 11).

    (6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/592 tal-1 ta’ Diċembru 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-kriterji sabiex jiġi stabbilit meta attività titqies li hija anċillari għan-negozju ewlieni (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 492).

    (7)  Id-Direttiva (UE) 2021/338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2021 li temenda d-Direttiva 2014/65/UE fir-rigward ta’ rekwiżiti ta’ informazzjoni, governanza tal-prodotti u limiti ta’ pożizzjoni, u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/878 fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom għad-ditti tal-investiment, għas-sostenn tal-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 68, 26.2.2021, p. 14).

    (8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).


    ANNESS

    Tabella ta’ korrelazzjoni

    Dan ir-Regolament

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/592

    L-Artikolu 1

    L-Artikolu 2(1)

    L-Artikolu 2

    L-Artikolu 1

    L-Artikolu 3

    L-Artikolu 2(2), (3) u (4)

    L-Artikolu 3(3) u (4)

    L-Artikolu 4

    L-Artikolu 2(2), (3) u (4)

    L-Artikolu 3(1), punt (a), Artikolu 3(2), punti (a) u (b), l-Artikolu 3(3) u (4)

    L-Artikolu 5

    L-Artikolu 3(1), punt (b), Artikolu 3(5) sa (10)

    L-Artikolu 6

    L-Artikolu 4

    L-Artikolu 7

    L-Artikolu 5

    L-Artikolu 8

    L-Artikolu 9

    L-Artikolu 6


    Top