This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021R1686
Commission Delegated Regulation (EU) 2021/1686 of 7 July 2021 amending Delegated Regulation (EU) 2016/161 as regards the evaluation of notifications by national competent authorities to the Commission and the inclusion of cicatrizants with ATC code D03AX and pharmaceutical form fly larvae in the list of medicinal products that shall not bear the safety features (Text with EEA relevance)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1686 tas-7 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/161 fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-notifiki mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali lill-Kummissjoni u l-inklużjoni taċ-ċikatrizzanti bil-kodiċi ATC D03AX u l-forma farmaċewtika “larvi tad-dubbien” fil-lista ta’ prodotti mediċinali li ma għandux ikollhom il-karatteristiċi ta’ sigurtà (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1686 tas-7 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/161 fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-notifiki mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali lill-Kummissjoni u l-inklużjoni taċ-ċikatrizzanti bil-kodiċi ATC D03AX u l-forma farmaċewtika “larvi tad-dubbien” fil-lista ta’ prodotti mediċinali li ma għandux ikollhom il-karatteristiċi ta’ sigurtà (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2021/4934
ĠU L 332, 21.9.2021, pp. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
21.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 332/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1686
tas-7 ta’ Lulju 2021
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/161 fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-notifiki mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali lill-Kummissjoni u l-inklużjoni taċ-ċikatrizzanti bil-kodiċi ATC D03AX u l-forma farmaċewtika “larvi tad-dubbien” fil-lista ta’ prodotti mediċinali li ma għandux ikollhom il-karatteristiċi ta’ sigurtà
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (1), u b’mod partikolari l-punti (b) u (c) tal-Artikolu 54a(2) tagħha,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 54a(1) tad-Direttiva 2001/83/KE jipprevedi li l-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika għandu jkollhom karatteristiċi ta’ sigurtà msemmija fil-punt (o) tal-Artikolu 54, ta’ dik id-Direttiva, sakemm ma jkunux ġew elenkati f’konformità mal-proċedura skont il-punt (b) tal-Artikolu 54a(2), ta’ dik id-Direttiva. Il-lista għandha tiġi stabbilita b’kont meħud tar-riskju ta’ falsifikazzjoni u tar-riskju li jirriżulta mill-falsifikazzjoni relatata mal-prodotti mediċinali jew ma’ kategoriji ta’ prodotti mediċinali, filwaqt li jiġu applikati l-kriterji deskritti fil-punt (b) tal-Artikolu 54a(2) tad-Direttiva 2001/83/KE. |
|
(2) |
L-Artikolu 47 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/161 (2) jipprevedi li meta, wara notifika kif imsemmi fl-Artikolu 46 ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni jew Stat Membru jkunu tal-fehma, abbażi ta’ mwiet jew ospitalizzazzjonijiet ta’ ċittadini tal-Unjoni li jkunu ġew esposti għal prodotti mediċinali ffalsifikati, li tkun meħtieġa azzjoni ta’ malajr biex jipproteġu s-saħħa pubblika, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien u sa fl-aktar tard, fi żmien 45 jum, tevalwa n-notifika. Sabiex jintlaħaq aħjar l-objettiv ta’ dak l-Artikolu, jenħtieġ li r-referenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni tiġi sostitwita b’referenza għal persuni fl-Unjoni għaliex jenħtieġ li l-avvenimenti avversi kollha fl-Unjoni jiġu kkunsidrati u mmonitorjati irrispettivament miċ-ċittadinanza. |
|
(3) |
L-Artikolu 46(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/161 jistabbilixxi li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar prodotti mediċinali li huma jqisu li mhumiex f’riskju ta’ falsifikazzjoni. |
|
(4) |
L-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2016/161 jistabbilixxi lista ta’ prodotti mediċinali jew kategoriji ta’ prodotti suġġetti għal preskrizzjoni medika li ma għandux ikollhom il-karatteristiki tas-sigurtà. Il-kategorija tal-prodott “ċikatrizzanti bil-kodiċi ATC D03AX” bil-forma farmaċewtika “larvi tad-dubbien” mhijiex inkluża f’dik il-lista. |
|
(5) |
Fit-22 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni rċeviet notifika mill-awtorità kompetenti Ġermaniża li tiddikjara li hija qieset li l-prodott mediċinali suġġett għal preskrizzjoni medika “BioBag” (bil-kodiċi ATC D03AX u l-forma farmaċewtika “larvi tad-dubbien”) ma kienx f’riskju ta’ falsifikazzjoni f’konformità mal-kriterji stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 54a(2), tad-Direttiva 2001/83/KE, u li għalhekk jenħtieġ li l-prodott mediċinali jiġi eżentat mir-rekwiżit li jkollu karatteristiċi ta’ sigurtà. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni evalwat ir-riskji ta’ falsifikazzjoni tal-prodott mediċinali kkonċernat u li jirriżultaw minnha, filwaqt li qieset il-kriterji elenkati fil-punt (b) tal-Artikolu 54a(2) tad-Direttiva 2001/83/KE. B’mod partikolari, il-karatteristiċi speċifiċi u l-ħajja qasira fuq l-ixkaffa tal-forma farmaċewtika “larvi tad-dubbien” ifissru li r-riskju ta’ falsifikazzjoni huwa negliġibbli u, għalhekk, dawk il-kriterji jistgħu jitqiesu li ġew issodisfati. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni kkonsultat mal-grupp ta’ esperti “Att delegat dwar il-karatteristiċi ta’ sigurtà għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem”, li nnota l-perjodu ta’ konservazzjoni estremament qasir u l-fatt li l-prodott fih organiżmi ħajjin (3). |
|
(8) |
Għalhekk, jixraq li tiġi inkluża l-kategorija ta’ prodotti “ċikatrizzanti bil-kodiċi ATC D03AX” bil-forma farmaċewtika “larvi tad-dubbien” fil-lista ta’ prodotti mediċinali jew kategoriji ta’ prodotti suġġetti għal preskrizzjoni medika li ma għandux ikollhom il-karatteristiki tas-sigurtà, stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2016/161. |
|
(9) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2016/161 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/161 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
l-Artikolu 47 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 47 Evalwazzjoni tan-notifiki Meta, wara l-wasla ta’ notifika kif imsemmi fl-Artikolu 46, il-Kummissjoni jew Stat Membru jkunu tal-fehma li tkun meħtieġa azzjoni rapida biex jipproteġu s-saħħa pubblika, minħabba mwiet jew ospitalizzazzjonijiet ta’ persuni tal-Unjoni li jkunu ġew esposti għal prodotti mediċinali ffalsifikati, il-Kummissjoni għandha tevalwa n-notifika mingħajr dewmien, u l-aktar tard fi żmien 45 jum.”; |
|
(2) |
l-Anness I huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/161 tat-2 ta’ Ottubru 2015 li jissupplimenta lid-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar il-karatteristiki tas-sigurtà li jkunu jidhru fuq il-pakketti tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 32, 9.2.2016, p. 1).
(3) Il-minuti tad-29 Grupp ta’ Esperti dwar l-att delegat dwar il-karatteristiċi ta’ sigurtà għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem: https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/meetings/consult?lang=en&meetingId=20450&fromExpertGroups=true
ANNESS
Fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2016/161, tiżdied l-annotazzjoni li ġejja:
|
Isem is-sustanza attiva jew il-kategorija ta’ prodotti |
Forma farmaċewtika |
Qawwa |
Rimarki |
|
“Cikatrizzanti bil-kodiċi ATC D03AX |
Larvi tad-dubbien” |
|
|