Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1416

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1416 tas-17 ta’ Ġunju 2021 li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-esklużjoni ta’ titjiriet li jidħlu mir-Renju Unit mill-iskema tal-Unjoni għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/4244

ĠU L 305, 31.8.2021, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/1416/oj

31.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 305/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1416

tas-17 ta’ Ġunju 2021

li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-esklużjoni ta’ titjiriet li jidħlu mir-Renju Unit mill-iskema tal-Unjoni għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25a(1), it-tieni subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 25a tad-Direttiva 2003/87/KE jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta dispożizzjonijiet li jeskludu t-titjiriet li jaslu minn pajjiż terz mill-iskema tal-Unjoni għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS). Jenħtieġ li tali dispożizzjonijiet jipprevedu interazzjoni ottimali bejn l-EU ETS u l-miżuri ta’ pajjiż terz biex jitnaqqas l-impatt tal-avjazzjoni fuq it-tibdil fil-klima.

(2)

F’Diċembru 2020 intlaħaq ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (2). Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”), ġie ffirmat mill-Unjoni abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2252 (3), u ġie approvat mill-Unjoni abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 (4). Il-Ftehim ġie applikat proviżorjament sad-dħul fis-seħħ tiegħu fl-1 ta’ Mejju 2021 (5). Il-Ftehim jipprevedi li kull parti għandu jkollha fis-seħħ sistema effettiva ta’ pprezzar tal-karbonju li tkopri l-avjazzjoni u li t-titjiriet minn ajrudromi li jinsabu fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) lejn ajrudromi li jinsabu fir-Renju Unit għandhom jiġu rregolati fil-qafas tal-EU ETS. Skont l-Artikolu 28a(7) tad-Direttiva 2003/87/KE, id-deroga fl-Artikolu 28a(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, li skontha l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ir-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva fir-rigward tal-emissjonijiet minn ċerti titjiriet lejn u minn ajrudromi li jinsabu f’pajjiżi barra ż-ŻEE, għandha tapplika biss f’konformità mat-termini tal-Ftehim.

(3)

Għalhekk jeħtieġ li tiġi emendata d-Direttiva 2003/87/KE sabiex jiġu esklużi mill-EU ETS it-titjiriet minn ajrudromi li jinsabu fir-Renju Unit lejn ajrudromi li jinsabu fiż-ŻEE. Sabiex tinżamm l-istabbiltà fir-rigward tal-kopertura tal-operaturi, tal-inġenji tal-ajru bl-EU ETS, jenħtieġ li dik l-esklużjoni tat-titjiriet minn ajrudromi li jinsabu fir-Renju Unit lejn ajrudromi li jinsabu fiż-ŻEE ma taffettwax id-dispożizzjonijiet li jeskludu ċerti attivitajiet tal-avjazzjoni mill-EU ETS abbażi ta’ limiti speċifikati f’termini ta’ għadd ta’ titjiriet jew emissjonijiet għal kull operatur.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2003/87/KE tiġi emendata skont dan.

(5)

Peress li l-Ftehim ġie applikat proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2021, dan ir-Regolament għandu japplika fir-rigward tal-emissjonijiet li jseħħu minn dik id-data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fid-Direttiva 2003/87/KE, fl-Anness I, it-tieni paragrafu tal-annotazzjoni “Avjazzjoni” tal-kolonna “Attivitajiet” tat-tabella huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-punt (j), it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“It-titjiriet imsemmija fil-punti (l) u (m) jew imwettqin esklussivament għat-trasport, fuq missjoni uffiċjali, ta’ Rejiet jew Reġini renjanti u l-familja immedjata tagħhom, Kapijiet ta’ Stat, Kapijiet ta’ Gvern u Ministri ta’ Gvern, ta’ Stat Membru ma jistgħux jiġu esklużi taħt dan il-punt;”

(2)

il-punt (k) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(k)

mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2030, titjiriet li, ħlief għal dan il-punt, jaqgħu fi ħdan din l-attività, imwettqa minn operatur tal-inġenji tal-ajru mhux kummerċjali li jopera titjiriet b’emissjonijiet annwali totali ta’ inqas minn 1 000 tunnellata fis-sena (inkluż emissjonijiet minn titjiriet imsemmija fil-punti (l) u (m));”

(3)

jiżdied il-punt (m) li ġej:

“(m)

titjiriet minn ajrudromi li jinsabu fir-Renju Unit lejn ajrudromi li jinsabu fiż-ŻEE.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, (ĠU L 444, 31.12.2020, p. 14).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2252 tad-29 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 444, 31.12.2020, p. 2).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2).

(5)  Avviż dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2560).


Top