This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021R1375
Commission Delegated Regulation (EU) 2021/1375 of 11 June 2021 amending Delegated Regulation (EU) 2019/33 as regards the modification of traditional terms in the wine sector
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1375 tal-11 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/33 fir-rigward tal-modifika ta’ termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1375 tal-11 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/33 fir-rigward tal-modifika ta’ termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid
C/2021/4116
ĠU L 297, 20.8.2021, p. 16–17
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
20.8.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 297/16 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1375
tal-11 ta’ Ġunju 2021
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/33 fir-rigward tal-modifika ta’ termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (2), li ssostitwixxa u ħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009 (3), jistabbilixxi regoli li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-protezzjoni, tat-tħassir u tal-modifika ta’ termini tradizzjonali. |
(2) |
L-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 jistabbilixxi li l-modifika ta’ terminu tradizzjonali rreġistrat jista’ jikkonċerna biss l-elementi msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 26(1) ta’ dak ir-Regolament, li jirreferu rispettivament għat-tip ta’ terminu tradizzjonali, għal-lingwa li fiha t-terminu tradizzjonali huwa espress u l-kategorija ta’ prodotti tad-dwieli kkonċernata mill-użu tiegħu. |
(3) |
Madankollu, l-Artikolu 42a tar-Regolament (KE) Nru 607/2009 ippreveda lista itwal ta’ modifiki possibbli. B’mod partikolari, inkluda l-possibilità li jiġi modifikat it-terminu tradizzjonali nnifsu, il-lingwa li biha t-terminu tradizzjonali huwa indikat, l-inbid jew l-inbejjed ikkonċernati u s-sommarju tad-definizzjoni jew il-kundizzjonijiet tal-użu tat-terminu tradizzjonali. Għaldaqstant, il-possibilitajiet tal-modifika skont ir-Regolament (KE) Nru 607/2009 kienu aktar wiesgħa u ppermettew lill-produtturi tal-inbid biex jestendu jew jillimitaw, pereżempju, il-lista tal-inbejjed b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta li kienu awtorizzati biex jużaw terminu tradizzjonali jew biex jemendaw il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ terminu tradizzjonali, inklużi l-metodi ta’ produzzjoni tal-inbejjed ikkonċernati. |
(4) |
Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 fir-rigward ta’ termini tradizzjonali ġew abbozzati bl-intenzjoni li tiġi żgurata l-kontinwità tal-qafas komuni relatata mat-termini tradizzjonali li ġew stabbiliti skont ir-Regolament (KE) Nru 607/2009, filwaqt li jkomplu u jiċċaraw il-proċeduri eżistenti kull meta jkun meħtieġ. L-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 jagħmel referenzi diretti għall-elementi ta’ formola ta’ applikazzjoni kkompletati kif xieraq, kif stabbilit fl-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, minħabba ommissjoni involontarja, il-punt (a) tal-Artikolu 26(1), li jirreferi għall-isem tat-terminu tradizzjonali kkonċernat, il-punt (e) tal-Artikolu 26(1), li jirreferi għas-sommarju tad-definizzjoni u l-kundizzjonijiet tal-użu u l-punt (f) tal-Artikolu 26(1), li jirreferi għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti jew għall-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti kkonċernati, ma kinux imsemmija fil-lista stabbilita fl-Artikolu 34, minkejja li dawn l-elementi kienu inklużi fl-Artikolu 42a tar-Regolament (KE) Nru 607/2009. Dan għandu l-konsegwenza mhux intenzjonata li l-possibilitajiet għall-modifika ta’ terminu tradizzjonali jkunu ristretti għall-modifika tat-tip ta’ terminu tradizzjonali, il-lingwa u l-kategorija ta’ prodotti ta’ dwieli kkonċernati. |
(5) |
F’termini prattiċi, il-formulazzjoni attwali tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 34 ixekkel il-possibilità li jiġi estiż l-użu ta’ terminu tradizzjonali għal denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti jew ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti ġodda jew li jiġu esklużi mil-lista tal-inbejjed awtorizzati biex jużaw terminu tradizzjonali ta’ dawk li ma għadhomx konformi mal-kundizzjonijiet tal-użu tiegħu. Barra minn hekk, ma tippermettix, pereżempju, l-adattament tal-metodi ta’ produzzjoni msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ terminu tradizzjonali f’każ li dawk il-metodi jevolvu minħabba l-kundizzjonijiet ambjentali jew klimatiċi li qed jinbidlu. |
(6) |
Sabiex tiġi kkoreġuta din l-ommissjoni mhux intenzjonata u biex tiġi rkuprata l-flessibilità mogħtija lid-detenturi ta’ termini tradizzjonali skont ir-Regolament (KE) Nru 607/2009, il-lista ta’ modifiki possibbli ta’ terminu tradizzjonali rreġistrat imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 jenħtieġ li jiġi estiż biex jinkludi l-elementi msemmija fil-punti (a), (e) u (f) tal-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-Regolament. |
(7) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2019/33 jiġi emendat skont dan. |
(8) |
Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali u sabiex jiġi żgurat trattament indaqs tal-applikazzjonijiet kollha għall-modifika ta’ terminu tradizzjonali rreġistrat, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika b’mod retroattiv mill-14 ta’ Jannar 2019, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 34
Modifika ta’ terminu tradizzjonali
Applikant li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 25 jista’ japplika għall-approvazzjoni ta’ modifika ta’ terminu tradizzjonali rreġistrat li jikkonċerna l-elementi msemmija fil-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 26(1).
L-Artikoli 26 sa 31 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-applikazzjonijiet għal modifika.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-14 ta’ Jannar 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Ġunju 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni (ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009 tal-14 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (ĠU L 193, 24.7.2009, p. 60).