This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021R1229
Regulation (EU) 2021/1229 of the European Parliament and of the Council of 14 July 2021 on the public sector loan facility under the Just Transition Mechanism
Regolament (UE) 2021/1229 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fl-14 ta’ Lulju 2021 Dwar il-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku taħt il-mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta
Regolament (UE) 2021/1229 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fl-14 ta’ Lulju 2021 Dwar il-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku taħt il-mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta
PE/33/2021/REV/1
ĠU L 274, 30.7.2021, p. 1–19
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
30.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 274/1 |
REGOLAMENT (UE) 2021/1229 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
fl-14 ta’ Lulju 2021
Dwar il-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku taħt il-mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 322 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),
Billi:
(1) |
Fil-11 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni intitolata “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li fasslet pjan direzzjonali li jistabbilixxi strateġija ġdida ta’ tkabbir għall-Ewropa u objettivi ambizzjużi kontra t-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent. F’konformità mal-objettiv li tinkiseb il-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u li tinkiseb n-newtralità klimatika fl-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2050 b’mod effettiv u soċjalment ġust, il-Patt Ekoloġiku Ewropew ippropona Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, biex jipprovdi riżorsi biex tiġi ffaċċata l-isfida tal-proċess ta’ tranżizzjoni lejn il-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika fl-Unjoni sal-2050 filwaqt li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Dawk ir-reġjuni u n-nies l-iktar vulnerabbli huma dawk li l-iktar jiġu esposti għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali. It-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima hija s-sors ta’ opportunitajiet ekonomiċi ġodda, b’potenzjal sinifikanti għall-ħolqien tal-impjiegi, b’mod partikolari f’territorji li bħalissa jiddependu fuq il-karburanti fossili. Dan jista’ jikkontribwixxi wkoll għat-titjib tas-sigurtà u r-reżiljenza tal-enerġija. Madanakollu, it-tranżizzjoni tista’ twassal ukoll għal kostijiet soċjali u ekonomiċi fuq terminu qasir f’territorji li għaddejjin minn proċess qawwi ta’ dekarbonizzazzjoni, u li diġà ddgħajfu mill-effetti ekonomiċi u soċjali ta’ tfixkil tal-kriżi tal-COVID-19. |
(2) |
Il-ġestjoni tat-tranżizzjoni ser teħtieġ bidliet strutturali sinifikanti kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak reġjonali Sabiex tirnexxi, it-tranżizzjoni teħtieġ li tnaqqas l-inugwaljanzi, toħloq effett nett fuq l-impjiegi b’impjiegi ġodda ta’ kwalità għolja, u tkun ġusta u soċjalment aċċettabbli għal kulħadd, filwaqt li ssaħħaħ il-kompetittività. F’dak ir-rigward, huwa kritiku li t-territorji milquta b’mod l-aktar negattiv mit-tranżizzjoni, b’mod partikolari r-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam, jistgħu jiġu appoġġati biex jiddiversifikaw u jagħtu ħajja ġdida lill-ekonomiji lokali tagħhom u joħolqu opportunitajiet ta’ impjieg sostenibbli għall-ħaddiema milquta. |
(3) |
Fl-14 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni intitolata “Il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli - il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa Sostenibbli, li fiha pproponiet Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta li jiffoka fuq dawk ir-reġjuni u s-setturi li huma l-aktar milquta mit-tranżizzjoni minħabba id-dipendenza tagħhom fuq il-karburanti fossili, bħall-faħam, il-pit u x-shale bituminuż, jew id-dipendenza tagħhom fuq proċessi industrijali b’emissjonijiet għoljin ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, iżda għandhom kapaċità inqas li jiffinanzjaw l-investimenti meħtieġa. Il-ħolqien ta’ Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta ġie affermat ukoll mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 ta’ Lulju 2020. Il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) jikkonsisti minn tliet pilastri: Fond għal Tranżizzjoni Ġusta implimentat taħt ġestjoni kondiviża, Skema ddedikata ta’ Tranżizzjoni Ġusta taħt InvestEU, u faċilità ta’ self għas-settur pubbliku biex jiġu mmobilizzati investimenti addizzjonali għar-reġjuni kkonċernati. Dawk it-tliet pilastri jipprovdu appoġġ komplementari lil dawk ir-reġjuni, bil-ħsieb li titrawwem it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima sal-2050. |
(4) |
Għall-ipprogrammar u l-implimentazzjoni aħjar tal-JTF, għandhom jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ tranżizzjoni ġusti, li jistabbilixxu l-passi ewlenin u l-iskeda ta’ żmien tal-proċess ta’ tranżizzjoni u li jidentifikaw it-territorji li huma l-aktar milquta b’mod negattiv mit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u li għandhom inqas kapaċità li jindirizzaw l-isfidi ta’ tranżizzjoni. Il-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta għandhom jitħejjew flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali rilevanti u jinvolvu l-imsieħba rilevanti kollha skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Dawn jistgħu jiġu emendati, flimkien mal-programmi korrispondenti appoġġati mill-JTF, f’konformità mal-Artikolu 24 ta’ dak ir-Regolament, biex jinkludu territorji ġodda li jkunu affettwati serjament mit-tranżizzjoni b’mod li ma kienx antiċipat fil-mument tal-adozzjoni inizjali tagħhom. |
(5) |
Jenħtieġ li tiġi stabbilita faċilità ta’ self għas-settur pubbliku (il-“Faċilità”). Din tikkostitwixxi t-tielet pilastru tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, li għandu l-għan li jappoġġa l-investimenti mill-entitajiet tas-settur pubbliku, minħabba r-rwol ewlieni tas-settur pubbliku fl-indirizzar tal-fallimenti tas-suq. Tali investimenti jenħtieġ li jilħqu l-ħtiġijiet ta’ żvilupp li jirriżultaw minn sfidi ta’ tranżizzjoni deskritti fil-pjanijiet ta’ tranżizzjoni territorjali ġusta li ġew approvati mill-Kummissjoni. L-attivitajiet previsti għal appoġġ taħt il-Faċilità jenħtieġ li jkunu konsistenti ma’, u jenħtieġ li jikkumplimentaw, l-attivitajiet appoġġati skont iż-żewġ pilastri l-oħra tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta. Sabiex id-durata tagħha tkun allinjata mal-perijodu tal-qafas finanzjarju pluriennali mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 (il-“QFP 2021-2027”) stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (6), jenħtieġ li l-Faċilità tiġi stabbilita għal perijodu ta’ seba’ snin. |
(6) |
Sabiex jissaħħu l-koeżjoni u d-diversifikazzjoni ekonomika tat-territorji milquta mit-tranżizzjoni, il-Faċilità jenħtieġ li tkopri firxa wiesgħa ta’ investimenti sostenibbli, diment li tali investimenti jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ żvilupp ta’ dawn it-territorji ikkawżati mit-tranżizzjoni lejn il-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119 u n-newtralità klimatika tal-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2050, kif deskritt fil-pjanijiet għal tranżizzjoni territorjali ġusta. Sabiex tittejjeb l-effettività tal-Faċilità, jenħtieġ li hija tkun tista’ tappoġġa proġetti eliġibbli li bdew l-istadju ta’ implimentazzjoni tagħhom qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni minn benefiċjarji lill-Faċilità. Jenħtieġ li l-Faċilità ma tappoġġax investimenti li jkopru xi waħda mill-attivitajiet eskluża taħt l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), iżda jistgħu jappoġġaw investimenti fl-enerġija rinnovabbli ul-mobbiltà ekoloġika u sostenibbli, inkluż il-promozzjoni tal-idroġenu ekoloġiku, f’networks effiċjenti tat-tisħin distrettwali, fir-riċerka pubblika, fid-diġitalizzazzjoni, fl-infrastruttura ambjentali għall-ġestjoni intelliġenti tal-iskart u tal-ilma, u jistgħu jappoġġaw l-enerġija sostenibbli, l-effiċjenza enerġetika u l-miżuri ta’ integrazzjoni, inkluż ir-rinnovazzjonijiet u l-konverżjonijiet tal-bini, it-tiġdid u r-riġenerazzjoni urbani, it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, ir-restawr u d-dekontaminazzjoni tal-art u tal-ekosistema, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, il-bijodiversità, kif ukoll it-taħriġ ta’ aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid, taħriġ u infrastruttura soċjali, inkluż il-faċilitajiet ta’ kura u l-akkomodazzjoni soċjali. |
(7) |
L-iżviluppi fl-infrastruttura jistgħu jinkludu wkoll proġetti u soluzzjonijiet transfruntiera li jwasslu għal reżiljenza mtejba li jifilħu għal diżastri ekoloġiċi, b’mod partikolari dawk aċċentwati mit-tibdil fil-klima. Approċċ ta’ investiment komprensiv jenħtieġ li jkun preferut, b’mod partikolari għal territorji bi bżonnijiet importanti ta’ tranżizzjoni. L-investimenti f’setturi oħra jistgħu jiġu appoġġati wkoll jekk ikunu konsistenti mal-pjanijiet ta’ tranżizzjoni territorjali ġusta approvati. Billi tappoġġa investimenti li ma jiġġenerawx biżżejjed flussi ta’ dħul biex ikopru l-kostijiet tal-investiment tagħhom, il-Faċilità jenħtieġ li jkollha l-għan li tipprovdi lill-entitajiet tas-settur pubbliku riżorsi addizzjonali meħtieġa biex jindirizzaw l-isfidi territorjali, soċjali, ekonomiċi u ambjentali li ser jirriżultaw mill-aġġustament għat-tranżizzjoni. Sabiex tgħin fl-identifikazzjoni ta’ investimenti li huma eliġibbli taħt il-Faċilità u li għandhom impatt ambjentali pożittiv għoli, inkluż fir-rigward tal-bijodiversità, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis, meta twettaq l-evalwazzjoni tal-Faċilità, it-tassonomija tal-UE dwar attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli. Jenħtieġ li s-sħab finanzjarji kollha jużaw, fejn applikabbli, it-tassonomija tal-UE dwar attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, inkluż il-prinċipju “tagħmilx ħsara sinifikanti”, biex jipprevedu għat-trasparenza fir-rigward ta’ proġetti sostenibbli. |
(8) |
Ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari, l-ugwaljanza bejn is-sessi, jenħtieġ li jiġu żgurati, kif xieraq, matul it-tħejjija, l-evalwazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-proġetti eliġibbli taħt il-Faċilità. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-benefiċjarji u l-Kummissjoni jevitaw ukoll kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi ta’ ġeneru, ta’ oriġini razzjali jew etnika, ta’ reliġjon jew twemmin, ta’ diżabbiltà, ta’ età jew ta’ orjentazzjoni sesswali matul l-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-objettivi tal-Faċilità jenħtieġ li jiġu segwiti skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, il-Ftehim ta’ Pariġi adottat taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (8) (il-“Ftehim ta’ Pariġi”) u l-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”. |
(9) |
Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) (ir-“Regolament Finanzjarju”) u jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz tal-għotjiet, premjijiet, akkwist, ġestjoni indiretta, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, assistenza finanzjarja u r-rimborż ta’ esperti esterni, u jipprovdu għal verifiki dwar ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta’ kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni. |
(10) |
Jenħtieġ li l-Faċilità tipprovdi appoġġ fil-forma ta’ għotjiet ipprovduti mill-Unjoni flimkien ma’ self ipprovdut minn sieħeb finanzjarju f’konformità mar-regoli, il-politiki u l-proċeduri ta’ self tagħha Il-pakkett finanzjarju għall-komponent tal-għotja, implimentat mill-Kummissjoni b’ġestjoni diretta jenħtieġ li jieħu l-forma ta’ finanzjament mhux marbut mal-kostijiet, f’konformità mal-Artikolu 125 tar-Regolament Finanzjarju. Dik il-forma ta’ finanzjament jenħtieġ li tgħin biex il-promoturi tal-proġetti jkunu jistgħu jipparteċipaw u jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-Faċilità b’mod effiċjenti meta mqabbla mad-daqs tas-self. Il-komponent tas-self jenħtieġ li jiġi pprovdut mill-Bank Ewropew tal-Investiment (il-BEI). Għandu jkun possibbli li l-Faċilità tiġi estiża biex sħab finanzjarji oħra jkunu jistgħu jipprovdu l-komponent ta’ self, fejn isiru disponibbli riżorsi addizzjonali għall-komponent ta’ għotja jew fejn ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni korretta tal-Faċilità. F’tali każijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew dwar l-intenzjoni li testendi l-Faċilità u tagħżel sħab finanzjarji addizzjonali, filwaqt li tqis il-kapaċità tagħhom li jissodisfaw l-objettivi tal-Faċilità, li jikkontribwixxu r-riżorsi proprji tagħhom u li jiżguraw kopertura ġeografika xierqa. |
(11) |
Jenħtieġ li jiġu ffirmati ftehimiet amministrattivi bejn il-Kummissjoni u s-sħab finanzjarji. Dawk il-ftehimiet jenħtieġ li jistabbilixxu l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ ta’ proġetti, kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi rispettivi ta’ kull parti, inkluż l-arranġamenti dettaljati tal-awditi, ta’ rappurtar u ta’ komunikazzjoni. Jenħtieġ li l-arranġamenti ta’ komunikazzjoni jinkludu, b’mod partikolari, l-obbligu li tiġi ppubblikata informazzjoni għal kull proġett jew skema ta’ self individwali li tirċievi appoġġ taħt il-Faċilità. |
(12) |
Billi tindirizza l-ħtiġijiet ta’ investiment tat-territorji l-aktar milquta b’mod negattiv mit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, jenħtieġ li l-Faċilità tipprovdi kontribut ewlieni biex jiġu integrati l-azzjonijiet klimatiċi. Ir-riżorsi mill-komponent tal-għotja tal-Faċilità għalhekk ser jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi bl-istess mod bħall-JTF. |
(13) |
EUR 250 000 000 tal-komponent tal-għotja tal-Faċilità jenħtieġ li jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 u jenħtieġ li jikkostitwixxi l-ammont primarju ta’ referenza, skont it-tifsira tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f’materji marbuta mal-baġit u dwar l-amministrazzjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (10), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali. |
(14) |
EUR 275 000 000 tal-komponent tal-għotja tal-Faċilità jenħtieġ li jiġi ffinanzjat permezz ta’ ħlasijiet lura li ġejjin mill-istrumenti finanzjarji stabbiliti taħt il-programmi elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament. Dan id-dħul joriġina minn programmi mitmuma indipendenti mill-Faċilità u jenħtieġ li jitqies bħala dħul assenjat estern b’deroga mill-punt (f) tal-Artikolu 21(3) tar-Regolament Finanzjarju abbażi tal-Artikolu 322(1) TFUE. |
(15) |
EUR 1 000 000 000 tal-komponent tal-għotja tal-Faċilità jenħtieġ li jiġu ffinanzjati minn eċċess prevedibbli tal-proviżjonament għall-garanzija tal-UE stabbilita bir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Għalhekk, jenħtieġ li ssir deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 213(4) tar-Regolament Finanzjarju, li jipprevedi obbligu għal kwalunkwe eċċess ta’ provvedimenti għal garanzija baġitarja li għandu jiġi rritornat lill-baġit, sabiex dak l-eċċess jiġi assenjat lill-Faċilità. Dak id-dħul assenjat jenħtieġ li jitqies bħala dħul assenjat estern b’deroga mill-punt (f) tal-Artikolu 21(3) tar-Regolament Finanzjarju abbażi tal-Artikolu 322(1) TFUE. |
(16) |
F’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 12(4) tar-Regolament Finanzjarju, l-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għad-dħul assenjat estern jistgħu awtomatikament jiġu trasferiti għall-programm jew azzjoni suċċessivi. Dik id-dispożizzjoni tippermetti t-tqabbil tal-iskeda pluriennali tad-dħul assenjat mal-perkors ta’ implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-Faċilità. |
(17) |
Jenħtieġ li jiġu previsti wkoll riżorsi għall-appoġġ konsultattiv sabiex jiġu promossi t-tħejjija, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ proġetti eliġibbli, u t-tħejjija bikrija ta’ proġetti qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni mill-benefiċjarju għall-Faċilità. Sehem minn dawk ir-riżorsi jenħtieġ li jiġi ddedikat għall-appoġġ tal-kapaċità endoġena tal-benefiċjarji biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-proġetti eliġibbli. |
(18) |
Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-komponent tal-għotjiet, jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu biex jalloka minn qabel l-ishma nazzjonali matul l-ewwel stadju, kif stabbilit fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2021/1056. Madankollu, sabiex dak l-objettiv jiġi rrikonċiljat mal-ħtieġa li jiġi ottimizzat l-impatt ekonomiku tal-Faċilità u l-implimentazzjoni tagħha, tali ishma nazzjonali jenħtieġ li ma jiġux allokati minn qabel għall-perijodu wara l-31 ta’ Diċembru 2025. Minn hemm ’il quddiem, ir-riżorsi disponibbli li jifdal għall-komponent tal-għotja jenħtieġ li jiġu pprovduti mingħajr ebda sehem nazzjonali allokat minn qabel u fuq bażi kompetittiva fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li tiġi żgurata l-prevedibbiltà għall-investiment u jiġi segwit approċċ ta’ konverġenza reġjonali u bbażat fuq il-ħtiġijiet. |
(19) |
Il-kondizzjonijiet tal-eliġibbiltà u l-kriterji tal-għoti jenħtieġ li jiġu stabbiliti fil-programm ta’ ħidma u fis-sejħa għall-proposti. Dawk il-kondizzjonijiet ta’ eliġibbiltà u l-kriterji tal-għoti jenħtieġ li jqisu r-rilevanza tal-proġett fil-kuntest tal-ħtiġijiet tal-iżvilupp deskritti fil-pjanijiet ta’ tranżizzjoni territorjali ġusta, l-objettiv ġenerali tal-promozzjoni tal-konverġenza reġjonali u territorjali u s-sinifikat tal-komponent tal-għotja għall-vijabbiltà tal-proġett. Jenħtieġ ukoll li l-programmi ta’ ħidma jistabbilixxu kriterji tal-għoti għal każijiet fejn ir-riżorsi ma jkunux biżżejjed biex jappoġġaw proġetti eliġibbli. Jenħtieġ li tingħata prijorità lil proġetti li jinsabu f’reġjuni inqas żviluppati, lil proġetti li jikkontribwixxu direttament għall-kisba tal-miri klimatiċi tal-Unjoni u proġetti promossi minn entitajiet tas-settur pubbliku li jkunu adottaw pjanijiet ta’ dekarbonizzazzjoni b’din il-ġerarkija korrispondenti ta’ kriterji, fejn applikabbli. L-Appoġġ tal-Unjoni mogħti taħt il-Faċilità jenħtieġ li b’hekk isir disponibbli biss lill-Istati Membri li għandhom b’mill-inqas pjan wieħed ta’ tranżizzjoni ġusta approvat. Il-programm ta’ ħidma u s-sejħiet għal proposti jenħtieġ li jqisu wkoll il-pjanijiet ta’ tranżizzjoni territorjali ippreżentati mill-Istati Membri biex jiżguraw li tiġi żgurata l-koerenza fost il-pilastri differenti tal-mekkaniżmu. Sabiex jiġi ottimizzat l-impatt tal-Faċilità, jenħtieġ li proġetti individwali appoġġati taħt il-Faċilità ma jirċievux appoġġ minn programmi oħra tal-Unjoni, ħlief fir-rigward tat-tħejjija tal-proġetti.Madanakollu, għal operazzjonijiet magħmula minn proġetti separati identifikabbli, dawk il-proġetti jistgħu jiġu appoġġati minn programmi differenti tal-Unjoni, f’konformità mar-regoli ta’ eliġibbiltà applikabbli. |
(20) |
Sabiex tiġi ottimizzata l-effettività tal-assistenza tal-Unjoni u tiġi evitata s-sostituzzjoni ta’ appoġġ u investiment potenzjali minn riżorsi alternattivi, l-appoġġ taħt il-Faċilità jenħtieġ li jiġi pprovdut biss lil proġetti li ma jiġġenerawx flussi suffiċjenti ta’ dħul biex ikopru l-kostijiet tal-investiment tagħhom. Jenħtieġ li dak id-dħul jikkorrispondi għal dħul, għajr trasferimenti baġitarji, li huma ġġenerati direttament mill-attivitajiet imwettqa mill-proġett, bħal bejgħ, tariffi jew ħlasijiet għall-użu tat-triq u tfaddil inkrementali ġġenerat permezz tat-titjib tal-assi eżistenti. |
(21) |
Peress li l-komponent tal-għotja jenħtieġ li jqis il-ħtiġijiet ta’ żvilupp diverġenti tar-reġjuni madwar l-Istati Membri, tali appoġġ għandu jiġi aġġustat, favur reġjuni inqas żviluppati. Meta wieħed iqis il-fatt li l-entitajiet tas-settur pubbliku f’reġjuni inqas żviluppati ġeneralment jesperjenzaw inqas kapaċità ta’ investiment pubbliku, ir-rati tal-għotja applikati għal self ipprovdut lil tali entitajiet jenħtieġ li jkunu komparattivament ogħla. |
(22) |
Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-Faċilità, jista’ jkun meħtieġ li jingħata appoġġ konsultattiv għat-tħejjija, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ proġetti. Jenħtieġ li tali appoġġ jiġi pprovdut permezz taċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU għal proġetti eliġibbli u għat-tħejjija ta’ proġetti qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-benefiċjarji li għandhom kapaċità amministrattiva aktar baxxa jew li jinsabu f’reġjuni inqas żviluppati. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li tali appoġġ jingħata taħt programmi oħra tal-Unjoni. |
(23) |
Sabiex tkejjel l-effettività tal-Faċilità, il-kapaċità tagħha li tilħaq l-objettivi tagħha u tappoġġa t-tħejjija tal-estensjoni possibbli tagħha lil hinn mill-2027, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjonijiet interim u finali, inkluż valutazzjoni tal-possibbiltà li jiġu adottati dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tas-sessi, jekk ikun xieraq, u jenħtieġ li tippreżenta r-rapporti ta’ evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (12), jenħtieġ li l-Faċilità tiġi evalwata abbażi tal-informazzjoni miġbura f’konformità ma’ rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ, filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv, b’mod partikolari fuq l-Istati Membri, kif ukoll ir-regolamentazzjoni żejda. |
(24) |
Sabiex titħaffef l-implimentazzjoni u biex jiġi żgurat li r-riżorsi jintużaw fil-ħin, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi salvagwardji speċifiċi li għandhom jiġu inklużi fil-ftehimiet ta’ għotja. Fid-dawl ta’ dak l-objettiv, il-Kummissjoni, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, jenħtieġ li tkun tista’ tnaqqas jew ittemm kwalunkwe appoġġ tal-Unjoni f’każijiet fejn hemm nuqqas serju ta’ progress fl-implimentazzjoni tal-proġett. Ir-Regolament Finanzjarju japplika għall-Faċilità. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza fl-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni, jenħtieġ li r-Regolament Finanzjarju japplika għall-komponent tal-għotja u għar-riżorsi għall-appoġġ konsultattiv ipprovdut taħt il-Faċilità. |
(25) |
F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (14), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (15) u (UE) 2017/1939 (16), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, is-sejbien, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi, mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett, u, fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi. B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolamenti (UE, Euratom) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17). F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi mill-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi personali tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE u tiżgura li kwalunkwe terza persuna involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti. |
(26) |
Sabiex jiġu emendati ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-progress tal-Faċilità. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati. |
(27) |
Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-programmi ta’ ħidma u l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-għażla ta’ sħab finanzjarji minbarra l-BEI. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18). |
(28) |
Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li t-territorji li huma l-aktar milquta b’mod negattiv mit-tranżizzjoni jibbenefikaw billi jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-iżvilupp korrispondenti permezz tal-ingranaġġ tal-investiment pubbliku, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom, minħabba d-diffikultajiet li l-entitajiet tas-settur pubbliku għandhom biex jappoġġaw l-investimenti li ma jiġġenerawx biżżejjed flussi ta’ dħul biex ikopru l-kostijiet tal-investiment tagħhom, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-ħtieġa għal qafas ta’ implimentazzjoni koerenti taħt ġestjoni diretta, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku (il-“Faċilità”) għad-durata tal-QFP 2021-2027 bħala appoġġ għall-entitajiet tas-settur pubbliku billi jgħaqqad l-għotjiet mill-baġit tal-Unjoni ma’ self mogħti mis-sħab finanzjarji, u jistabbilixxi l-objettivi tal-Faċilità. Huwa jistipula regoli għall-komponent tal-għotjiet tal-Faċilità, li jkopru b’mod partikolari l-baġit tagħha, il-forom ta’ appoġġ tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet dwar l-eliġibbiltà.
Il-Faċilità għandha tipprovdi appoġġ għall-benefiċċju tat-territorji tal-Unjoni li jiffaċċjaw sfidi soċjali, ekonomiċi u ambjentali serji li jirriżultaw mit-tranżizzjoni lejn il-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika fl-Unjoni sal-2050.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“ftehim amministrattiv” tfisser strument legali li jistabbilixxi l-qafas ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u s-sieħeb finanzjarju li jistabbilixxi l-kompiti u r-responsabbiltajiet rispettivi għall-implimentazzjoni tal-Faċilità skont dan ir-Regolament; |
(2) |
“benefiċjarju” tfisser entità legali stabbilita fi Stat Membru bħala korp tal-liġi pubblika jew stabbilita bħala korp irregolat mil-liġi privata inkarigati b’missjoni tas-servizz pubbliku, li miegħu l-Kummissjoni tkun iffirmat ftehim tal-għotja taħt l-Faċilità; |
(3) |
“sħab finanzjarji” tfisser il-BEI, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra, banek promozzjonali nazzjonali u istituzzjonijiet finanzjarji, inkluż istituzzjonijiet privati, li magħhom il-Kummissjoni tiffirma ftehim amministrattiv biex tikkoopera permezz tal-Faċilità; |
(4) |
“proġett” tfisser kwalunkwe azzjoni identifikata mill-Kummissjoni bħala eliġibbli għal appoġġ mill-Unjoni taħt il-Faċilità, maħsuba li twettaq kompitu indiviżibbli ta’ natura ekonomika jew teknika preċiża, li għandha objettiv predefinit u perijodu stabbilit li matulu trid tiġi implimentata u ffinalizzata; |
(5) |
“pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta” tfisser pjan stabbilit f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/1056 u approvat mill-Kummissjoni; |
(6) |
“skema ta’ self” tfisser self mogħti lil benefiċjarju minn sħab finanzjarji bil-għan li tiġi ffinanzjata ġabra ta’ diversi proġetti determinati minn qabel taħt il-Faċilità; |
(7) |
“reġjun inqas żviluppat” tfisser reġjun inqas żviluppat kif imsemmi fl-Artikolu 108(2) tar-Regolament (UE) 2021/1060. |
Artikolu 3
Objettivi
1. L-objettiv ġenerali tal-Faċilità huwa li tindirizza l-isfidi soċjali, ekonomiċi u ambjentali serji li jirriżultaw mit-tranżizzjoni lejn il-miri klimatiċi u tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv ta’ newtralità klimatika fl-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2050, stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, għall-benefiċċju tat-territorji tal-Unjoni identifikati fil-pjanijiet territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta.
2. L-objettiv speċifiku tal-Faċilità huwa li jżid l-investimenti tas-settur pubbliku li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-iżvilupp tat-territorji identifikati fil-pjanijiet territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta, billi tiffaċilita l-finanzjament ta’ proġetti li ma jiġġenerawx biżżejjed flussi ta’ dħul biex ikopru l-kostijiet tal-investiment tagħhom, sabiex tiġi evitata s-sostituzzjoni ta’ appoġġ u investiment potenzjali minn riżorsi alternattivi.
3. Fit-twettiq tal-objettiv speċifiku msemmi fil-paragrafu 2, dan ir-Regolament għandu wkoll l-għan li jiżgura li jingħata appoġġ konsultattiv għat-tħejjija, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ proġetti eliġibbli, meta meħtieġ, inkluż appoġġ għat-tħejjija tal-proġetti qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni. Dak l-appoġġ konsultattiv għandu jiġi pprovdut f’konformità mar-regoli u l-metodi ta’ implimentazzjoni għaċ-Ċentru ta’ Konsulenza ta’ InvestEU stabbilit bl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19).
Artikolu 4
Prinċipji orizzontali
1. Ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-ugwaljanza bejn is-sessi, għandhom jiġu żgurati, kif xieraq, matul it-tħejjija, l-evalwazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-proġetti eliġibbli.
2. Il-benefiċjarji u l-Kummissjoni għandhom jevitaw kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi ta’ ġeneru, ta’ oriġini razzjali jew etnika, ta’ reliġjon jew twemmin, ta’ diżabbiltà, ta’ età jew ta’ orjentazzjoni sesswali matul l-implimentazzjoni tal-Faċilità. B’mod partikolari, matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-proġetti eliġibbli, meta rilevanti, għandha titqies l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà.
3. L-objettivi tal-Faċilità għandhom jiġu segwiti skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, il-Ftehim ta’ Pariġi u l-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”.
Artikolu 5
Baġit
1. Mingħajr preġudizzju għal riżorsi addizzjonali allokati fil-baġit tal-Unjoni għall-perijodu 2021-2027, il-komponent tal-għotja tal-Faċilità għandu jiġi ffinanzjat minn:
(a) |
riżorsi mill-baġit tal-Unjoni li jammontaw għal EUR 250 000 000 fi prezzijiet kurrenti; u |
(b) |
dħul assenjat kif imsemmi fil-paragrafu 2 sal-ammont massimu ta’ EUR 1 275 000 000 fi prezzijiet kurrenti. |
2. Id-dħul assenjat imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandu jiġi pprovdut permezz ta’ ħlasijiet lura li jirriżultaw minn strumenti finanzjarji stabbiliti taħt il-programmi elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament, sal-ammont massimu ta’ EUR 275 000 000, u mis-surplus tal-proviżjonament għall-garanzija tal-UE stabbilita mir-Regolament (UE) 2015/1017, sal-ammont massimu ta’ EUR 1 000 000 000.
3. Ir-riżorsi u d-dħul assenjat imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu kkomplementati mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri, minn pajjiżi terzi u minn korpi għajr dawk stabbiliti taħt it-TFUE jew it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. Dawk il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.
4. B’deroga mill-punt (f) tal-Artikolu 21(3) tar-Regolament Finanzjarju, ir-riżorsi li jirriżultaw mill-ħlasijiet lura msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju. B’deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 213(4) tar-Regolament Finanzjarju, ir-riżorsi li jirriżultaw mis-surplus ta’ proviżjonament għall-garanzija tal-UE imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.
5. Ammont sa 2 % tar-riżorsi msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jintużaw għall-assistenza teknika u amministrattiva biex tiġi implimentata l-Faċilità, bħal attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ awditu u ta’ evalwazzjoni, inklużi fir-rigward ta’ sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattiva, kif ukoll infiq u tariffi amministrattivi tas-sħab finanzjarji.
6. Riżorsi sa ammont ta’ EUR 35 000 000 inklużi f’dawk imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu pprovduti għall-attivitajiet stabbiliti fl-Artikolu 3(3), li minnhom mill-inqas EUR 10 000 000 għandhom jappoġġaw il-kapaċità amministrattiva tal-benefiċjarji, b’mod partikolari fir-reġjuni inqas żviluppati.
7. L-impenji baġitarji għal azzjonijiet li jkunu ta’ aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq diversi snin fi ħlasijiet parzjali annwali.
KAPITOLU II
APPOĠĠ TAL-UNJONI
Artikolu 6
Forma ta’ appoġġ mill-Unjoni u metodu ta’ implimentazzjoni
1. L-appoġġ tal-Unjoni pprovdut taħt il-Faċilità għandu jiġi pprovdut fil-forma ta’ għotjiet f’konformità mat-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.
2. L-appoġġ tal-Unjoni pprovdut taħt il-Faċilità għandu jiġi implimentat b’ġestjoni diretta f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.
Artikolu 7
Disponibbiltà ta’ riżorsi
1. Ir-riżorsi msemmija fl-Artikolu 5(1) u (3), wara t-tnaqqis ta’ dispożizzjoni għan-nefqa teknika u amministrattiva msemmija fl-Artikolu 5(5), għandhom jintużaw biex jiġu ffinanzjati proġetti f’konformità mal-paragrafi 2 u 3.
2. Għal għotjiet mogħtija skont sejħiet għal proposti ppubblikati mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2025, l-appoġġ mill-Unjoni mogħti għal proġetti eliġibbli fi Stat Membru ma għandux jaqbeż l-ishma nazzjonali stabbiliti fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2021/1056.
3. Għal għotjiet mogħtija skont sejħiet għal proposti ppubblikati mill-1 ta’ Jannar 2026, l-appoġġ tal-Unjoni għal proġetti eliġibbli għandu jingħata mingħajr l-ebda sehem nazzjonali preallokat u fuq bażi kompetittiva fil-livell tal-Unjoni sakemm ir-riżorsi li jifdal jiġu eżawriti. L-għoti ta’ dawn l-għotjiet għandu jqis il-ħtieġa li tiġi żgurata l-prevedibbiltà tal-investiment u l-promozzjoni tal-konverġenza reġjonali, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lil reġjuni anqas żviluppati skont il-kriterji tal-għotjiet kif previst fl-Artikolu 14(2).
Artikolu 8
Ftehimiet amministrattivi mas-sħab finanzjarji
Qabel ma tiġi implimentata l-Faċilità ma’ sieħeb finanzjarju, il-Kummissjoni u s-sieħeb finanzjarju għandhom jiffirmaw ftehim amministrattiv. Il-ftehim għandu jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi rispettivi ta’ kull parti għall-ftehim, inkluż dwar arranġamenti ta’ awditjar u ta’ komunikazzjoni inkluż b’mod partikolari l-obbligu li tiġi ppubblikata informazzjoni dwar kull proġett iffinanzjat permezz tal-Faċilità u l-fini tal-iskemi ta’ self.
KAPITOLU III
ELIĠIBBILTÀ
Artikolu 9
Proġetti eliġibbli
1. Huma biss dawk il-proġetti li jikkontribwixxu għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin li għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ mill-Unjoni taħt il-Faċilità:
(a) |
il-proġetti jkollhom impatt li jista’ jitkejjel, u jinkludu indikaturi tal-output fejn xieraq, meta jindirizzaw l-isfidi soċjali, ekonomiċi u ambjentali serji li jirriżultaw mit-tranżizzjoni lejn il-miri klimatiċi u tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika fl-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2050 u jkunu ta’ benefiċċju għat-territorji identifikati fil-pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta, anke jekk il-proġetti ma jkunux jinsabu f’dawk it-territorji; |
(b) |
il-proġetti ma jirċievu l-ebda appoġġ taħt l-ebda programm ieħor tal-Unjoni; |
(c) |
il-proġetti jirċievu self minn sieħeb finanzjarju taħt il-Faċilità; u |
(d) |
il-proġetti ma jiġġenerawx flussi suffiċjenti ta’ dħul biex ikopru l-kostijiet tal-investiment tagħhom, sabiex jipprevjenu s-sostituzzjoni ta’ appoġġ u investiment potenzjali minn riżorsi alternattivi; |
2. B’deroga mill-punt (b) tal-paragrafu 1, proġetti li jirċievu appoġġ mill-Unjoni taħt il-Faċilità jistgħu jirċievu wkoll appoġġ ta’ konsulenza u assistenza teknika minn programmi oħra tal-Unjoni għat-tħejjija, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tagħhom.
3. Il-Faċilità ma għandhiex tappoġġa attivitajiet esklużi skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2021/1056.
Artikolu 10
Persuni u entitajiet eliġibbli
Minkejja l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 197 tar-Regolament Finanzjarju, l-entitajiet legali biss li huma stabbiliti fi Stat Membru bħala korp irregolat bil-liġi pubblika jew stabbilita bħala korp irregolat mil-liġi privata inkarigat b’missjoni ta’ servizz pubbliku, għandhom ikunu eliġibbli biex japplikaw bħala benefiċjarji potenzjali skont dan ir-Regolament.
KAPITOLU IV
GĦOTJIET
Artikolu 11
Għotjiet
1. L-għotjiet għandhom jieħdu l-forma ta’ finanzjament mhux marbut ma’ kostijiet f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 125(1) tar-Regolament Finanzjarju.
2. L-ammont tal-għotja ma għandux jaqbeż il-15 % tal-ammont tas-self ipprovdut mis-sieħeb finanzjarju taħt il-Faċilità. Għal proġetti li jinsabu f’territorji fir-reġjuni l-inqas żviluppati, l-ammont tal-għotja ma għandux jaqbeż l-25 % tal-ammont tas-self ipprovdut mis-sieħeb finanzjarju taħt il-Faċilità.
3. Il-pagamenti ta’ għotja aġġudikata jistgħu jinqasmu f’diversi pagamenti marbuta mal-progress fl-implimentazzjoni kif stabbilit fil-ftehim tal-għotja.
Artikolu 12
Tnaqqis jew terminazzjoni tal-għotjiet
1. Minbarra r-raġunijiet speċifikati fl-Artikolu 131(4) tar-Regolament Finanzjarju, wara li jiġi kkonsultat is-sieħeb finanzjarju, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas l-ammont tal-għotja jew tittermina l-ftehim tal-għotja, jekk fi żmien sentejn mid-data tal-iffirmar tal-ftehim tal-għotja, ma jkunx ġie ffirmat il-kuntratt għall-provvisti, il-kuntratt tax-xogħlijiet jew il-kuntratt tas-servizzi l-aktar ekonomikament sinifikanti, u l-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt tkun prevista skont il-ftehim tal-għotja.
2. Fejn l-appoġġ tal-Unjoni jkun ikkombinat ma’ skemi ta’ self jew fejn kuntratt ta’ provvista, kuntratt ta’ xogħlijiet jew kuntratt ta’ servizzi ma jkunx previst, il-paragrafu 1 ma japplikax.
F’tali każijiet, wara konsultazzjoni mas-sieħeb finanzjarju, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas l-ammont tal-għotja jew ittemm il-ftehim tal-għotja, u tirkupra kwalunkwe ammont relatat imħallas, f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim tal-għotja.
KAPITOLU V
SERVIZZI TA’ APPOĠĠ KONSULTATTIV
Artikolu 13
Servizzi ta’ appoġġ konsultattiv
1. L-appoġġ konsultattiv skont dan ir-Regolament għandu jiġi implimentat b’ġestjoni diretta f’konformità mar-regoli u l-metodi ta’ implimentazzjoni għaċ-Ċentru ta’ Konsulenza ta’ InvestEU.
2. L-attivitajiet meħtieġa għall-appoġġ tat-tħejjija, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-proġetti għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ konsultattiv u għandhom ikunu ffinanzjati skont l-Artikolu 5(6).
KAPITOLU VI
PROGRAMMAZZJONI, MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U KONTROLL
Artikolu 14
Programmi ta’ ħidma
1. Il-Faċilità għandha tiġi implimentata permezz ta’ programmi ta’ ħidma stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju.
2. Il-programmi ta’ ħidma għandhom jinkludu kriterji tal-għoti, li japplikaw kull meta l-appoġġ tal-għotja mitlub totali għal proġetti eliġibbli jaqbeż ir-riżorsi disponibbli. Dawn il-kriterji għandhom jinkludu prijoritajiet, fejn applikabbli, għal:
(a) |
proġetti promossi mill-benefiċjarji li jinsabu f’reġjuni inqas żviluppati; |
(b) |
proġetti li jikkontribwixxu direttament għall-kisba tal-miri klimatiċi u tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika fl-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2050; u |
(c) |
għal proġetti promossi mill-benefiċjarji li jkunu adottaw pjanijiet ta’ dekarbonizzazzjoni. |
3. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-programmi ta’ ħidma permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 20.
Artikolu 15
Għażla tas-sħab finanzjarji minbarra l-BEI
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-għażla ta’ sħab finanzjarji minbarra l-BEI permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 20.
2. Il-kondizzjonijiet għall-għażla tas-sħab finanzjarji minbarra l-BEI għandhom jirriflettu l-objettivi tal-Faċilità.
3. B’mod partikolari, fl-għażla tas-sħab finanzjarji, il-Kummissjoni għandha tqis il-kapaċità ta’ sħab finanzjarji potenzjali:
(a) |
li jiżguraw li l-politika tas-self tagħhom tkun konsistenti mal-istandards ambjentali u soċjali tal-Unjoni, mal-miri klimatiċi tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 u mal-objettiv ta’ newtralità klimatika sal-2050; |
(b) |
li jikkontribwixxu b’riżorsi proprji suffiċjenti biex jimmassimizzaw l-impatt tal-għotja tal-Unjoni; |
(c) |
li jiżguraw kopertura ġeografika xierqa tal-Faċilità u jippermettu l-finanzjament ta’ proġetti individwali iżgħar; |
(d) |
li jimplimentaw bir-reqqa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 155(2) u (3) tar-Regolament Finanzjarju relatati mal-ħasil tal-flus, mal-finanzjament tat-terroriżmu, mal-evitar tat-taxxa, mal-frodi tat-taxxa, mal-evażjoni tat-taxxa u mal-ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx; |
(e) |
li jiżguraw trasparenza u viżibbiltà adegwata dwar kull proġett iffinanzjat permezz tal-Faċilità. |
4. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta’ sħab finanzjarji magħżula f’konformità ma’ dan l-Artikolu.
Artikolu 16
Monitoraġġ u rapportar
1. L-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jżommu taħt monitoraġġ l-implimentazzjoni tal-Faċilità u l-progress tagħha fir-rigward tal-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 huma stabbiliti fl-Anness II.
2. Is-sistema tar-rappurtar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data li tirrigwarda l-indikaturi msemmija fil-paragrafu 1 tinġabar b’mod effettiv, effiċjenti u fil-ħin. Il-benefiċjarji u s-sħab finanzjarji għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni d-data dwar dawk l-indikaturi f’konformità mal-ftehimiet tal-għotja u mal-ftehimiet amministrattivi, rispettivament.
3. Sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena kalendarja, li tibda mill-2022, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità. Dak ir-rapport għandu jipprovdi informazzjoni dwar il-livell ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità fir-rigward tal-objettivi, il-kondizzjonijiet u l-indikaturi tal-prestazzjoni tagħha.
4. Fejn ir-rapport tal-evalwazzjoni interim imsemmi fl-Artikolu 17(2) isib li l-indikaturi stabbiliti fl-Anness II ma jippermettux valutazzjoni xierqa tal-Faċilità, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 19 biex temenda l-indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin stabbiliti fl-Anness II.
Artikolu 17
Evalwazzjoni
1. L-evalwazzjonijiet tal-implimentazzjoni tal-Faċilità u tal-kapaċità tagħha li tikseb l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 għandhom jitwettqu b’mod f’waqtu biżżejjed biex tittieħed azzjoni adatta.
2. L-evalwazzjoni interim tal-Faċilità għandha titwettaq sal-30 ta’ Ġunju 2025 u rapport dwar dik l-evalwazzjoni interim għandha tiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill,. L-evalwazzjoni interim għandha b’mod partikolari tivvaluta:
(a) |
safejn l-appoġġ tal-Unjoni pprovdut taħt il-Faċilità kkontribwixxa fl-indirizzar tal-ħtiġijiet tat-territorji li jimplimentaw il-pjanijiet territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta; |
(b) |
kif ikunu tqiesu l-prinċipji orizzontali msemmija fl-Artikolu 4; |
(c) |
il-ħtieġa li titwettaq valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tas-sessi; |
(d) |
l-applikazzjoni tal-kondizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 9 u kif ġew applikati l-obbligi ta’ viżibbiltà; |
(e) |
abbażi tal-proġetti appoġġati mill-Faċilità safejn il-Faċilità kkontribwiet għall-objettivi ambjentali stipulati fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), filwaqt li tqis il-kriterji ta’ skrinjar applikabbli previsti f’dak ir-Regolament. |
Ir-rapport ta’ evalwazzjoni interim jista’ jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva li tqis, b’mod partikolari, l-aġġustamenti possibbli għall-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà.
3. Fi tmiem il-perijodu ta’ implimentazzjoni, fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2031, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni finali dwar ir-riżultati u l-impatt fit-tul tal-Faċilità, li għandu jivvaluta wkoll il-kwistjonijiet msemmija fil-paragrafu 2.
Artikolu 18
Awditjar
1. L-awditi dwar l-użu tal-appoġġ tal-Unjoni mogħti taħt il-Faċilità li jitwettaq minn persuni jew minn entitajiet, inklużi persuni jew entitajiet oħrajn apparti dawk imqabbda mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni, għandhom jiffurmaw il-bażi tal-garanzija kumplessiva skont l-Artikolu 127 tar-Regolament Finanzjarju.
2. Il-benefiċjarji u s-sħab finanzjarji, f’konformità mal-ftehimiet ta’ għotja u amministrattivi rispettivi tagħhom, għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lil kwalunkwe awditur nnominat id-dokumenti kollha disponibbli li huma neċessarji biex huma jwettqu l-kompiti ta’ verifika tagħhom.
3. L-awditjar estern tal-attivitajiet imwettqa f’konformità ma’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-użu tal-appoġġ tal-Unjoni pprovdut taħt il-Faċilità għandu jitwettaq mill-Qorti tal-Awdituri f’konformità mal-Artikolu 287 TFUE. Għal dawk il-finijiet, il-Qorti tal-Awdituri għandha, fuq talba tagħha, tingħata aċċess għal kwalunkwe dokument jew informazzjoni neċessarji biex twettaq il-kompiti ta’ awditjar tagħha, inkluż kwalunkwe informazzjoni dwar l-evalwazzjonijiet tal-applikazzjonijiet u l-eżitu tagħhom, f’konformità mal-Artikolu 287(3) TFUE.
Artikolu 19
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 16(4) hija mogħtija lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2028.
3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 16(4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 16(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 20
Proċedura ta’ Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 115(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI
Artikolu 21
Informazzjoni, komunikazzjoni u viżibbiltà
1. Il-benefiċjarji u s-sħab finanzjarji għandhom jiżguraw il-viżibbiltà tal-appoġġ tal-Unjoni pprovdut taħt il-Faċilità, b’mod partikolari meta jippromwovu l-proġetti u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata lil diversi udjenzi, inkluż lill-media u lill-pubbliku.
2. Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni dwar il-Faċilità, il-proġetti ffinanzjati u r-riżultati ta’ dawk il-proġetti. Dak jinkludi, b’mod partikolari, li l-Istati Membri jiġu infurmati bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-Faċilità biex tiffinanzja sħab oħra minbarra l-BEI u li l-Istati Membri jiġu infurmati dwar is-sejħiet għal proposti li ġew ippubblikati, kif ukoll iż-żieda fil-konsapevolezza rigward l-appoġġ tekniku u amministrattiv ipprovdut lill-benefiċjarji. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Faċilità għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu relatati mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna regolarment il-lista ta’ proġetti ffinanzjati taħt il-Faċilità.
Artikolu 22
Dispożizzjonijiet tranżitorji
Jekk meħtieġ, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit lil hinn mill-2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 5(5) biex tkun tista’ ssir il-ġestjoni tal-azzjonijiet li ma jkunux tlestew sal-31 ta’ Diċembru 2027.
Artikolu 23
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2021.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
D. M. SASSOLI
Għall-Kunsill
Il-President
A. LOGAR
(1) ĠU C 373, 4.11.2020, p. 1.
(2) ĠU C 429, 11.12.2020, p. 240.
(3) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2021.
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).
(7) Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1).
(8) ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.
(9) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(10) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(11) Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1).
(12) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(13) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(14) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).
(15) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
(16) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).
(17) Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).
(18) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(19) Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30).
(20) Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).
ANNESS I
Strumenti finanzjarji li minnhom jistgħu jintużaw ripagamenti għall-Faċilità
A. Strumenti ta’ Ekwità:
— |
Faċilità Teknoloġika Ewropea (ETF98): id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 98/347/KE tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar miżuri ta’ assistenza finanzjarja għal impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) innovattivi u li joħolqu l-impjiegi - l-inizjattiva tkabbir u impjiegi (ĠU L 155, 29.5.1998, p. 43); |
— |
TTP: id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni ta’ finanzjament rigward il-finanzjament ta’ azzjonijiet tal-attività “Suq intern tal-beni u politiki settorjali” tad-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija għall-2007 u li tadotta d-deċiżjoni qafas rigward il-finanzjament tal-azzjoni preparatorja “L-UE tassumi r-rwol tagħha f’dinja globalizzata” u ta’ erba’ proġetti pilota: “Erasmus għal Intraprendituri Żgħażagħ”, “Miżuri biex jippromovu l-kooperazzjoni u s-sħubiji bejn l-intrapriżi żgħar ħafna, dawk żgħar u dawk medji”, “Trasferiment Teknoloġiku” u “Destinazzjonijiet Ewropej ta’ Eċċellenza” tad-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija għall-2007 (C(2007) 531); |
— |
Faċilità Teknoloġika Ewropea (ETF01): id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/819/KE tal-20 ta’ Diċembru 2000 dwar programm multi-annwali għall-intrapriża u l-intraprenditorija, u partikolarment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (IŻM) (2001-2005) (ĠU L 333, 29.12.2000, p. 84); |
— |
GIF: id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) (ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15); |
— |
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE): ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129) kif modifikat mir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1); |
— |
EFG tal-COSME: ir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (COSME) (2014 - 2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 33); |
— |
Ekwità InnovFin:
|
— |
Tieqa tal-EaSI għall-Investimenti ta’ Bini ta’ Kapaċità: ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (“EaSI”) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238). |
B. Strumenti ta’ Garanzija:
— |
Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs ‘98 (SMEG98): id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/347/KE tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar miżuri ta’ assistenza finanzjarja għal impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) innovattivi u li joħolqu l-impjiegi - l-inizjattiva tkabbir u impjiegi (ĠU L 155, 29.5.1998, p. 43); |
— |
Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs ‘01 (SMEG01): id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/819/KE tal-20 ta’ Diċembru 2000 dwar programm multi-annwali għall-intrapriża u l-intraprenditorija, u partikolarment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) (2001-2005) (ĠU L 333, 29.12.2000, p. 84); |
— |
Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs ‘07 (SMEG07): id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) (ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15); |
— |
Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress – Garanzija (EPMF-G): id-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2010 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 87, 7.4.2010, p. 1); |
— |
Strumenti ta’ Qsim tar-Riskju
|
— |
Garanzija EaSI: ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (“EaSI”) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238); |
— |
Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self tal-Programm COSME (COSME LGF): ir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (COSME) (2014 - 2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 33); |
— |
Dejn InnovFin:
|
— |
Faċilità ta’ Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi (CCS GF): ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221); |
— |
Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self lill-Istudenti (SLGF): ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50); |
— |
Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika (PF4EE): ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 185). |
C. Strumenti għall-Kondiviżjoni tar-Riskji:
— |
InnovFin:
|
— |
Strument ta’ Dejn tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF DI): ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129); |
— |
Faċilità ta’ Finanzjament tal-Kapital Naturali (NCFF): ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 185). |
D. Strumenti ta’ Investiment Dedikati:
— |
Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress – Fonds commun de placements – fonds d’investissements spécialisés (EPMF FCP-FIS): id-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2010 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 87, 7.4.2010, p. 1); |
— |
Marguerite:
|
— |
Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (EEEF): ir-Regolament (UE) Nru 1233/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 663/2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija (ĠU L 346, 30.12.2010, p. 5). |
ANNESS II
Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (1)
1.
Volum ta’ għotjiet mogħtija
2.
Volum ta’ self iffirmat
2.1. |
Self individwali |
2.2. |
Skemi ta’ self |
3.
Investiment totali mobilizzat, maqsum kif ġej
3.1. |
Ammont ta’ finanzjament privat mobilizzat |
3.2. |
Ammont ta’ finanzjament pubbliku mobilizzat |
4.
Għadd ta’ proġetti li jirċievu appoġġ klassifikati skont:
4.1. |
il-Pajjiż |
4.2. |
ir-Reġjun NUTS 2 |
4.3. |
it-Territorju tat-tranżizzjoni ġusta appoġġat |
5.
Numru ta’ proġetti li qed jirċievu finanzjament taħt il-Faċilità
6.
Numru ta’ proġetti skont is-settur
6.1. |
Trasport |
6.2. |
Infrastruttura soċjali |
6.3. |
Utilitajiet pubbliċi (l-ilma, l-ilma mormi, it-tisħin distrettwali, l-enerġija, il-ġestjoni tal-iskart) |
6.4. |
Appoġġ dirett biex jiffaċilita t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika (enerġija rinnovabbli, dekarbonizzazzjoni, effiċjenza enerġetika) |
6.5. |
Objettivi ambjentali |
6.6. |
Infrastruttura urbana u akkomodazzjoni |
6.7. |
Oħrajn |
7.
Tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b’effett serra, fejn rilevanti
8.
Ħolqien ta’ impjiegi, fejn rilevanti
(1) L-indikaturi kollha għandhom jiġu mqassma skont ir-reġjun, fejn rilevanti. Id-data personali kollha għandha tiġi mqassma skont il-ġeneru, fejn rilevanti.