EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1041

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1041 tad-16 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/127 fir-rigward tar-rekwiżiti dwar il-pestiċidi fil-formula tat-trabi u fil-formula ta’ prosegwiment (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/2525

ĠU L 225, 25.6.2021, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/1041/oj

25.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 225/4


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1041

tad-16 ta’ April 2021

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/127 fir-rigward tar-rekwiżiti dwar il-pestiċidi fil-formula tat-trabi u fil-formula ta’ prosegwiment

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/127 (2) jistabbilixxi, fost kwistjonijiet oħrajn, rekwiżiti speċifiċi dwar il-pestiċidi u r-residwi tagħhom fil-formula tat-trabi u fil-formola ta’ prosegwiment.

(2)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/127 jiddefinixxi r-residwu tal-pestiċidi billi juża t-terminoloġija tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(3)

Madankollu, l-Artikolu 3(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jipprevedi definizzjoni aktar preċiża għar-residwi ta’ pestiċida.

(4)

Għall-finijiet taċ-ċertezza u taċ-ċarezza tad-dritt, huwa meħtieġ li d-definizzjoni ta’ residwu tal-pestiċida li tinsab fir-Regolament Delegat (UE) 2016/127 tiġi allinjata mad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 396/2005.

(5)

B’kont meħud li d-definizzjonijiet tar-residwu għas-sustanzi attivi jenħtieġ li japplikaw kif definit fir-Regolament (KE) Nru 396/2005, huwa xieraq li jiġu inklużi biss il-komposti oriġinarji tas-sustanzi attivi fil-listi stabbiliti fl-Annessi IV u V tar-Regolament Delegat (UE) 2016/127, fid-dawl ta’ emendi futuri għar-Regolament (KE) Nru 396/2005.

(6)

Għaldaqstant ir-Regolament Delegat (UE) 2016/127 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/127 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “residwu” tfisser ir-residwi ta’ pestiċida kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 396/2005.”

Artikolu 2

L-Annessi IV u V tar-Regolament Delegat (UE) 2016/127 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-16 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/127 tal-25 ta’ Settembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni tal-formuli tat-trabi u tal-formuli ta’ prosegwiment u fir-rigward ta’ rekwiżiti dwar l-informazzjoni dwar it-tmigħ tat-trabi u tat-tfal żgħar (ĠU L 25, 2.2.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).


ANNESS

L-Annessi IV u V tar-Regolament Delegat (UE) 2016/127 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness IV huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS IV

SUSTANZI ATTIVI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4(3)

Isem kimiku tal-kompost oriġinarju tas-sustanza  (1)

Livell massimu ta’ residwi (mg/kg)

Kadusafos

0,006

Demeton-S-metil

Demeton-S-methylsulfone

Oxydemeton-methyl

0,006

Etoprofos

0,008

Fipronil

0,004

Propineb

0,006

(2)

L-Anness V huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS V

SUSTANZI ATTIVI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4(4)

Isem kimiku tal-kompost oriġinarju tas-sustanza  (2)

Aldrin

Dieldrin

Disulfoton

Endrin

Fensulfotijon

Fentin

Alossifop

Heptachlor

Eżaklorobenżen

Nitrofen

Ometoat

Terbufos.


(1)  Tapplika l-aktar definizzjoni aġġornata tar-residwu kif stabbilita fl-Annessi II, III, IV jew V rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 (id-definizzjoni tar-residwu hija msemmija fil-parenteżi wara l-kompost oriġinarju tas-sustanza).

(2)  Tapplika l-aktar definizzjoni aġġornata tar-residwu kif stabbilita fl-Annessi II, III, IV jew V rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 (id-definizzjoni tar-residwu hija msemmija fil-parenteżi wara l-kompost oriġinarju tas-sustanza).


Top