Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021H1970

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1970 tal-10 ta’ Novembru 2021 dwar spazju komuni Ewropew tad-data għall-wirt kulturali

C/2021/7953

ĠU L 401, 12.11.2021, p. 5–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2021/1970/oj

12.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 401/5


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1970

tal-10 ta’ Novembru 2021

dwar spazju komuni Ewropew tad-data għall-wirt kulturali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

It-teknoloġiji diġitali qed ibiddlulna ħajjitna b’pass mgħaġġel, u jipprovdu opportunitajiet ġodda għas-soċjetà, inkluż għall-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali. It-teknoloġiji diġitali joffru lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali għodod aktar effettivi li bihom jistgħu jiddiġitalizzaw l-assi tal-wirt kulturali u jilħqu udjenzi usa’. Dan joħloq aktar modi li bihom il-pubbliku jaċċessa, jiskopri, jesplora u jgawdi assi kulturali u joħloq aktar possibbiltajiet għall-użu mill-ġdid tal-assi kulturali għal servizzi u għal prodotti innovattivi u kreattivi f’diversi setturi, bħal setturi kulturali u kreattivi oħrajn, kif ukoll it-turiżmu.

(2)

Kif tenfasizza l-Komunikazzjoni “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali” (1) , it-teknoloġiji diġitali saru essenzjali, aktar minn qatt qabel, għax-xogħol, għall-apprendiment, għas-soċjalizzazzjoni, għat-tgawdija tad-divertiment u għall-aċċess ta’ firxa wiesgħa ta’ servizzi u ta’ prodotti mis-servizzi tas-saħħa sal-kultura.

(3)

Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat l-aspetti b’saħħithom u l-vulnerabbiltajiet tas-settur tal-wirt kulturali u l-ħtieġa li titħaffef it-trasformazzjoni diġitali tiegħu sabiex isir l-aħjar użu mill-opportunitajiet ipprovduti. Ħafna istituzzjonijiet kulturali ġarrbu telf finanzjarju kbir jew kellhom jagħlqu. Madankollu, minkejja l-isfidi finanzjarji maħluqin mill-pandemija, ħafna rnexxielhom iżommu jew saħansitra jkabbru l-udjenzi tagħhom billi jżidu s-servizzi diġitali tagħhom (eż. l-involviment tal-udjenzi, il-kondiviżjoni tal-kollezzjonijiet, l-offerta ta’ għodod diġitali), u dan juri għal darb’oħra l-valur għoli tagħhom għas-soċjetà u għall-ekonomija Ewropea.

(4)

Il-wirt kulturali ma huwiex biss element ewlieni fil-bini ta’ identità Ewropea li tiddependi fuq valuri komuni iżda wkoll kontributur importanti għall-ekonomija Ewropea, li jrawwem l-innovazzjoni, il-kreattività u t-tkabbir ekonomiku. Pereżempju, it-turiżmu kulturali jirrappreżenta sa 40 % tat-turiżmu kollu fl-Ewropa (2), u l-wirt kulturali huwa parti essenzjali mit-turiżmu kulturali. Id-diġitalizzazzjoni avvanzata tal-assi tal-wirt kulturali u l-użu mill-ġdid ta’ tali kontenut jistgħu jiġġeneraw impjiegi ġodda mhux biss fis-settur tal-wirt kulturali iżda wkoll f’setturi kulturali u kreattivi oħrajn, inkluż pereżempju fl-industriji tal-logħob vidjo u tal-films. L-industriji kulturali u kreattivi jikkontribwixxu għal 3,95 % tal-valur miżjud tal-UE (EUR 477 biljun), jimpjegaw 8,02 miljun persuna u jinvolvu 1,2 miljun ditta li 99,9 % minnhom huma SMEs (3).

(5)

L-evalwazzjoni (4) tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet ta’ materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali (2011/711/UE) ikkonkludiet li bosta mill-isfidi affaċċjati mis-settur tal-wirt kulturali 10 snin ilu għadhom preżenti llum, bħall-ħtieġa urġenti li jiġi protett u ppreservat il-wirt kulturali Ewropew, u, b’mod partikolari, il-wirt kulturali fil-periklu. Madankollu, l-evalwazzjoni rrikonoxxiet ukoll li l-pajsaġġ tal-wirt kulturali nbidel b’mod sinifikanti matul l-aħħar snin, bi ħtiġijiet ġodda, iżda, fuq kollox, b’opportunitajiet ġodda li jistgħu jkomplu jżidu l-kontribut tal-wirt kulturali għall-ekonomija Ewropea. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi żgurat rispons politiku li jissodisfa dawn il-ħtiġijiet u l-aspettattivi l-ġodda tas-settur tal-wirt kulturali, tas-setturi kulturali u kreattivi u tas-soċjetà b’mod ġenerali.

(6)

Din ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu oqfsa xierqa sabiex isaħħu l-irkupru u t-trasformazzjoni tas-settur tal-wirt kulturali u jappoġġaw lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali sabiex jingħataw aktar is-setgħa u jsiru aktar reżiljenti fil-futur. Dan iwassal għal diġitalizzazzjoni, għal użu mill-ġdid u għal preservazzjoni diġitali ta’ kwalità ogħla madwar l-UE, u jkollu effetti konsegwenzjali f’setturi ewlenin oħrajn tal-ekonomija Ewropea, bħat-turiżmu, ir-riċerka, u setturi kulturali u kreattivi oħrajn.

(7)

L-Istati Membri għandhom diversi approċċi għall-wirt kulturali, li jindirizzaw il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali sa punt li jvarja. Strateġija diġitali komprensiva għas-settur tal-wirt kulturali, li tistabbilixxi viżjoni ċara u konkreta u l-aktar mezzi xierqa għall-implimentazzjoni tagħha, tkun tiżgura rispons politiku aktar effettiv u tagħmel lis-settur aktar b’saħħtu. Sabiex tinkiseb trasformazzjoni diġitali effettiva, jiġu stabbiliti l-fiduċja u kooperazzjoni b’saħħitha, jenħtieġ li l-Istati Membri jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fit-tħejjija tal-istrateġija.

(8)

L-iżvilupp ta’ teknoloġiji diġitali avvanzati, bħat-3D, l-intelliġenza artifiċjali, l-apprendiment awtomatiku, il-cloud computing, it-teknoloġiji tad-data, ir-realtà virtwali u r-realtà awmentata, ġabu opportunitajiet bla preċedent għad-diġitalizzazzjoni, għall-aċċess online u għall-preservazzjoni diġitali. It-teknoloġiji diġitali avvanzati jwasslu għal proċessi aktar effiċjenti (eż. il-ġenerazzjoni awtomatizzata tal-metadata, l-estrazzjoni tal-għarfien, it-traduzzjoni awtomatizzata, ir-rikonoxximent tat-test permezz ta’ sistemi ottiċi ta’ rikonoxximent tal-karattri) u kontenut ta’ kwalità ogħla. Dawn jippermettu forom innovattivi ta’ ħolqien artistiku, filwaqt li jiftħu modi ġodda ta’ involviment diġitali ma’ kontenut kulturali u ta’ tgawdija tiegħu permezz tal-kurazzjoni komuni, tal-kodisinn u tal-finanzjament kollettiv, filwaqt li jħeġġu l-parteċipazzjoni pubblika. L-intelliġenza artifiċjali, il-blockchain u teknoloġiji avvanzati oħrajn jistgħu jiġu esplorati wkoll biex tiġi identifikata b’mod awtomatiku l-proprjetà kulturali li tiġi ttraffikata b’mod illeċitu. L-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati bħal dawn għandha impatt sinifikanti fuq l-irkupru u fuq it-tkabbir Ewropej wara l-pandemija tal-COVID-19, u jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġawha billi jieħdu miżuri xierqa.

(9)

Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jagħmlu użu mill-opportunitajiet mingħajr preċedent ipprovduti mit-teknoloġiji diġitali avvanzati sabiex jixprunaw l-azzjoni klimatika u jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija tal-UE aktar ekoloġika u aktar sostenibbli, kif stabbilit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew (5). Pereżempju, l-assi tal-wirt kulturali diġitalizzati fi 3D jistgħu jkunu sors ta’ għarfien rilevanti dwar l-impatt, l-adattament u r-reżiljenza relatati mal-klima (eż. it-3D tippermetti analiżi mhux distruttiva tal-assi, viżwalizzazzjoni tal-ħsarat u informazzjoni għar-restawr, għall-konservazzjoni, eċċ.). Bl-istess mod, tewmin diġitali u teknoloġiji ta’ osservazzjoni tad-dinja jistgħu jkunu ta’ importanza kbira fiż-żieda tar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u fl-appoġġ għall-konservazzjoni preventiva ta’ monumenti, ta’ bini u ta’ siti ta’ wirt kulturali. F’dan il-kuntest, id-diġitalizzazzjoni hija wkoll fattur sabiex jiġu appoġġati l-esperti fil-ġlieda kontra r-reati ambjentali f’siti speċifiċi.

(10)

Huwa importanti li l-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom sabiex jiddiġitalizzaw (6) u jippreservaw b’mod diġitali l-assi tal-wirt kulturali. L-istabbiliment ta’ għanijiet speċifiċi għad-diġitalizzazzjoni u għall-preservazzjoni, abbażi ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet u ta’ kriterji ċari u oġġettivi, ikun iwassal għal riżultati konkreti u li jistgħu jitkejlu. Dan ikun partikolarment importanti għall-wirt kulturali f’riskju. F’każijiet bħal dawn, id-diġitalizzazzjoni 3D bl-ogħla livell ta’ dettall tista’ tkun ukoll ħtieġa, pereżempju għall-finijiet ta’ konservazzjoni u ta’ restawr. Madankollu, anke fejn ir-riskju ta’ deterjorament jew ta’ qerda jkun baxx, jenħtieġ li jkun prijorità minħabba l-potenzjal għoli ta’ użu mill-ġdid tal-assi tal-wirt kulturali diġitalizzati, bħal pereżempju għal esperjenzi innovattivi u għal turiżmu sostenibbli, sabiex jiġu appoġġati l-irkupru u r-reżiljenza ġenerali tal-ekonomija, f’konformità mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom għal taħt id-dominji diġitalizzati, bħall-bini, il-monumenti u s-siti, u l-wirt kulturali intanġibbli.

(11)

Minbarra li jaqdu l-finijiet ta’ konservazzjoni u ta’ restawr, it-teknoloġiji 3D jistgħu jipprovdu wkoll opportunitajiet akbar għall-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali sabiex jilħqu udjenzi akbar b’esperjenzi aktar immersivi li jinkludu aċċess virtwali għal postijiet li normalment ma jkunux aċċessibbli (eż. taħt l-ilma) jew li jkunu magħluqin temporanjament, jew sabiex jilħqu persuni b’vista batuta billi joffru, pereżempju, esperjenzi aċċessibbli bil-mess. Għalhekk, enfasi partikolari fuq id-diġitalizzazzjoni 3D tal-wirt kulturali f’riskju u tal-monumenti, tal-bini u tas-siti kulturali u ta’ wirt bl-akbar numru ta’ żjarat ittejjeb il-valur u l-potenzjal tal-wirt kulturali. Din tkun ukoll konformi mad-Dikjarazzjoni dwar “Kooperazzjoni dwar l-avvanz fid-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali” ta’ April 2019 (7), li fiha l-Istati Membri qablu li jżidu l-isforzi u jsegwu l-progress flimkien, taħt il-pilastru ta’ inizjattiva pan-Ewropea għad-diġitalizzazzjoni 3D ta’ artefatti, ta’ monumenti u ta’ siti tal-wirt kulturali.

(12)

Madankollu, id-diġitalizzazzjoni ma tinvolvix il-preservazzjoni diġitali b’mod awtomatiku. Sabiex jiġi żgurat l-aċċess għall-assi diġitalizzati fuq terminu twil, l-Istati Membri jeħtieġ li jippjanaw u jwettqu bir-reqqa l-preservazzjoni diġitali tal-assi tagħhom, filwaqt li jqisu l-isfidi finanzjarji, organizzattivi u tekniċi rilevanti kollha fuq terminu twil. L-għanijiet ta’ preservazzjoni diġitali jistgħu jinkludu mhux biss l-assi tal-wirt kulturali li huma meqjusin bħala prijorità għad-diġitalizzazzjoni (eż. assi f’riskju, il-monumenti u s-siti bl-akbar numru ta’ żjarat, jew taħt id-dominji diġitalizzati) iżda wkoll l-assi li qabel kienu diġitalizzati.

(13)

Il-qafas finanzjarju attwali jipprovdi opportunitajiet mingħajr preċedent għall-Istati Membri sabiex jużaw flussi ta’ finanzjament differenti bl-għan li jagħtu spinta b’mod sinifikanti lid-diġitalizzazzjoni u lill-preservazzjoni u jibnu kapaċità ferm akbar fis-settur tal-wirt kulturali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jżidu s-sensibilizzazzjoni fost l-atturi tas-settur dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament li l-Ewropa Diġitali, Orizzont Ewropa (8), il-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni (9), REACT-EU (10), l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (11) u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (12) jipprovdu sabiex jappoġġaw l-investimenti meħtieġa għall-irkupru u għat-trasformazzjoni diġitali tas-settur, bl-għan li jagħtu aċċess akbar għall-kultura u jkollhom impatt pożittiv fuq il-komunitajiet lokali.

(14)

Id-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali tal-Ewropa tirrikjedi riżorsi finanzjarji sinifikanti. Sabiex jikkondividu l-isforzi finanzjarji u fl-istess ħin iħaffu l-aċċess pubbliku għall-wirt kulturali, l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali qegħdin jikkooperaw ma’ atturi privati. Madankollu, ħafna minn dawn l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni jagħtu drittijiet esklużivi lis-sħab privati. Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) tistabbilixxi sett ta’ regoli minimi li jirregolaw l-użu mill-ġdid u tistabbilixxi arranġamenti prattiċi sabiex tagħmel aktar faċli l-użu mill-ġdid tad-dokumenti eżistenti miżmumin mill-korpi tas-settur pubbliku tal-Istati Membri. B’mod partikolari, tirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (eż. mużewijiet, arkivji, libreriji) jikkonformaw ma’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar arranġamenti esklużivi, kif stabbilit fl-Artikolu 12 tad-Direttiva. Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess ġust u mhux diskriminatorju għal kulħadd għall-assi tal-wirt kulturali, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali li jissieħbu mas-settur privat, inklużi dawk li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva msemmija hawn fuq, ikollhom l-għan li japplikaw il-prinċipji stabbiliti f’dak l-Artikolu 12.

(15)

Kif enfasizzat fl-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa (14), il-pandemija tal-COVID-19 wessgħet id-diskrepanza diġà eżistenti fil-ħiliet diġitali, filwaqt li qed jitfaċċaw inugwaljanzi ġodda, peress li ħafna professjonisti ma għandhomx il-livell meħtieġ ta’ ħiliet diġitali li huma meħtieġa fuq il-post tax-xogħol. Dan huwa validu wkoll għas-settur tal-wirt kulturali, fejn id-distakk diġitali jħalli istituzzjonijiet żgħar (eż. mużewijiet) b’mod partikolari li qed isibuha diffiċli jagħmlu użu minn teknoloġiji avvanzati, bħall-intelliġenza 3D jew artifiċjali. Għalhekk, f’konformità mal-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa u l-ewwel inizjattiva ewlenija tagħha, il-Patt għall-Ħiliet, u b’appoġġ għall-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (15), jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu miri speċifiċi għat-titjib tal-ħiliet jew għat-taħriġ mill-ġdid tal-professjonisti tal-wirt kulturali. B’mod komplementari għal dan, u filwaqt li jibnu fuq l-Alleanza tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-wirt kulturali (il-KARTA), l-industriji kulturali u kreattivi, bħala waħda mill-14-il ekosistema identifikati mill-istrateġija tas-suq uniku, bħalissa qed jibnu sħubija fuq skala kbira għall-iżvilupp tal-ħiliet li jenħtieġ li jissieħbu fil-Patt għall-Ħiliet.

(16)

L-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali ltaqgħu ma’ ostakli differenti relatati mad-drittijiet tal-awtur meta ddiġitalizzaw u kkondividu l-wirt kulturali, bħall-kostijiet assoċjati mal-ikklerjar tad-dritt tal-awtur, in-nuqqas ta’ għarfien espert suffiċjenti dwar id-drittijiet tal-awtur fost il-professjonisti tal-wirt kulturali, il-limitazzjonijiet għall-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-istituzzjonijiet. Għalhekk, ittieħdu miżuri speċifiċi fil-livell tal-UE sabiex jiġu indirizzati sfidi bħal dawn. Pereżempju, id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-suq uniku diġitali tistabbilixxi diversi dispożizzjonijiet li jimmodernizzaw il-qafas tad-drittijiet tal-awtur li jirregolaw kif l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali joperaw fl-ambjent diġitali. Waħda mill-aktar bidliet importanti introdotti mid-Direttiva hija qafas ċar għad-diġitalizzazzjoni u għad-disseminazzjoni ta’ xogħlijiet li ma humiex fis-suq li l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali għandhom fil-kollezzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, id-Direttiva tintroduċi eċċezzjonijiet armonizzati u obbligatorji sabiex isiru kopji ta’ konservazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali u għall-estrazzjoni tat-test u tad-data għar-riċerka xjentifika. Fl-aħħar nett, id-Direttiva tiċċara l-istatus tax-xogħlijiet ta’ arti viżwali fid-dominju pubbliku bl-għan li tiżdied iċ-ċertezza legali. B’mod partikolari, ir-regoli l-ġodda dwar id-drittijiet tal-awtur jiffaċilitaw missjoni ewlenija ta’ interess pubbliku tal-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali billi jtejbu l-konservazzjoni u d-disponibbiltà tal-wirt kulturali u billi jiffaċilitaw b’mod sinifikanti l-użu ta’ xogħlijiet li ma għadhomx disponibbli kummerċjalment għall-benefiċċju tal-kultura Ewropea u taċ-ċittadini kollha. Għalhekk, l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw implimentazzjoni u applikazzjoni effettivi tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur sabiex l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-qafas tad-drittijiet tal-awtur, kif aġġornat b’mod partikolari mid-Direttiva (UE) 2019/790.

(17)

Europeana (17) kienet kruċjali fit-tisħiħ tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni u standardizzazzjoni bejn il-fruntieri, fl-UE u lil hinn minnha. L-oqfsa standardizzati tagħha għall-kondiviżjoni tal-kontenut diġitali u tal-metadata online, b’mod partikolari, il-Mudell tad-Data Europeana (18), id-Dikjarazzjonijiet tad-Drittijiet (19) u l-Qafas ta’ Pubblikazzjoni Europeana (20) ġew adottati b’mod mifrux fis-settur tal-wirt kulturali fl-Ewropa u internazzjonalment. Pereżempju, il-Mudell tad-Data Europeana jippermetti rappreżentazzjoni standardizzata tad-data pprovduta f’Europeana mill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali minn dominji differenti li jużaw formati differenti. Il-qafas RightsStatements.org jipprovdi sett ta’ dikjarazzjonijiet standardizzati tad-drittijiet li jistgħu jintużaw mill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali sabiex jikkomunikaw l-istatus tad-drittijiet tal-awtur u tal-użu mill-ġdid ta’ oġġetti diġitali lill-pubbliku. Madankollu, l-interoperabbiltà tibqa’ sforz kontinwu f’termini ta’ formati u ta’ standards għall-kontenut u għall-metadata diġitali, bħal fil-każ tat-3D jew tal-użu ta’ entitajiet kuntestwali u tal-fajls tal-awtorità għall-interoperabbiltà semantika. Fid-Dikjarazzjoni dwar il-“Kooperazzjoni dwar l-avvanz fid-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali” ta’ April 2019, l-Istati Membri qablu li jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jiżviluppaw u jippromwovu aktar l-istandards u l-oqfsa tal-interoperabbiltà fl-inizjattivi ta’ diġitalizzazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jsaħħu l-isforzi tagħhom sabiex jappoġġaw jew jaderixxu mal-istandards u mal-oqfsa rilevanti sabiex jitħaffu l-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid tad-data.

(18)

Il-ħolqien ta’ spazju komuni Ewropew tad-data għall-wirt kulturali se jagħti lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali l-possibbiltà li jibnu fuq l-iskala tas-suq uniku, f’konformità mal-istrateġija Ewropea tad-data (21). Se jrawwem l-użu mill-ġdid tal-kontenut u jixpruna l-kreattività f’diversi setturi, b’valur għall-ekonomija u għas-soċjetà kollha. B’mod partikolari, se jipprovdi kontenut ta’ kwalità għolja u aċċess effiċjenti, affidabbli u faċli għall-użu għall-assi tal-wirt kulturali diġitali Ewropew. Se jkompli jtejjeb il-kollaborazzjonijiet, is-sħubijiet u l-involviment man-network tas-sħab tad-data (eż. mużewijiet, galleriji, libreriji, arkivji madwar l-Ewropa), aggregaturi u esperti li jaħdmu fil-qasam tal-wirt kulturali diġitali. L-ispazju tad-data se jibni fuq l-istrateġija attwali Europeana għall-2020-2025 (22), li l-għan tagħha huwa li tagħti s-setgħa lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom.

(19)

Bħalissa Europeana tagħti aċċess għal 52 miljun assi ta’ wirt kulturali, li 45 % minnhom jistgħu jerġgħu jintużaw f’diversi setturi. L-immaġnijiet u t-test jammontaw għal 97,5 % tal-assi, bi 2,47 % biss irrappreżentati minn kontenut awdjoviżiv u b’0,03 % biss minn 3D. Żieda fil-kontribuzzjonijiet ta’ assi diġitalizzati ta’ kwalità għolja, bħal fit-3D, ittejjeb l-innovazzjoni u l-ħolqien permezz tal-użu u l-użu mill-ġdid tal-assi tal-wirt kulturali diġitalizzati f’diversi dominji ewlenin (eż. l-edukazzjoni, il-bliet intelliġenti u l-immudellar ambjentali, it-turiżmu sostenibbli u s-setturi kreattivi kulturali). L-introduzzjoni ta’ 40 miljun ass addizzjonali, ta’ kwalità għolja, diġitalizzati u diversifikati permezz tal-ispazju tad-data żżid mar-rikkezza tal-materjal disponibbli online, filwaqt li tippromwovi aktar il-wirt kulturali Ewropew tagħna. Din iż-żieda tippermetti wkoll użu mill-ġdid imtejjeb u, għalhekk, servizzi u applikazzjonijiet ġodda potenzjali. Huwa importanti li l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jagħtu kontribuzzjonijiet sinifikanti għall-ispazju tad-data, bl-appoġġ tal-Istati Membri.

(20)

L-aggregaturi nazzjonali u tad-dominju jew tematiċi għandhom rwol ewlieni fix-xenarju tal-wirt kulturali, billi jibnu pontijiet bejn id-diversi atturi fis-settur tal-wirt kulturali u lil hinn minnu, fil-livell nazzjonali u Ewropew. Pereżempju, l-aggregaturi nazzjonali jaggregaw u jarrikkixxu l-kontenut għal Europeana, jagħtu aċċess għall-assi tal-wirt kulturali ta’ pajjiżhom u jippromwovuhom, u jakkomunaw riżorsi u għarfien siewja għas-settur tal-wirt kulturali. Madankollu, għalkemm il-biċċa l-kbira tal-aggregaturi madwar l-UE għandhom mandat uffiċjali għall-attivitajiet tagħhom, għad hemm ħafna oħrajn li jeħtieġu wieħed u li qegħdin isibuha diffiċli sabiex jiżguraw riżorsi suffiċjenti u sostenibbli jew appoġġ organizzazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jindirizzaw din l-isfida billi jsaħħu r-rwol tal-aggregaturi, jipprovdu appoġġ adegwat u jappoġġaw il-kontribut tagħhom għall-ispazju komuni Ewropew tad-data għall-wirt kulturali.

(21)

Iż-żieda mistennija fin-numru u fil-kumplessità tal-assi diġitali se tirrikjedi soluzzjonijiet siguri, reżiljenti, effiċjenti u sostenibbli bbażati fuq il-cloud għall-ipproċessar, għall-aċċess u għall-ġestjoni ta’ tali settijiet ta’ data. Għalhekk, l-appoġġ tal-Istati Membri (23) għall-federazzjoni Ewropea ta’ infrastruttura u ta’ servizzi cloud-to-edge se jkun kruċjali għall-aċċess effettiv għall-assi tal-wirt kulturali diġitalizzati.

(22)

Din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq ir-Rakkomandazzjoni 2011/711/UE u tissostitwixxiha,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Fini u kamp ta’ applikazzjoni

1.

Il-fini ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li twitti t-triq għal spazju komuni Ewropew tad-data għall-wirt kulturali (“spazju tad-data”), u b’hekk tgħin lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jħaffu l-isforzi tagħhom ta’ diġitalizzazzjoni u ta’ preservazzjoni, u li jaħtfu l-opportunitajiet maħluqa mit-trasformazzjoni diġitali. Din ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu oqfsa xierqa sabiex isaħħu l-irkupru u t-trasformazzjoni tas-settur u sabiex jgħinu lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jsiru aktar reżiljenti fil-futur.

2.

Din ir-Rakkomandazzjoni tkopri t-tipi kollha ta’ wirt kulturali (tanġibbli, intanġibbli, naturali, nattivi diġitali), inklużi l-kategoriji kollha ta’ wirt kulturali f’riskju.

Definizzjonijiet

3.

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“assi ta’ wirt kulturali” tfisser assi ta’:

(a)

wirt kulturali tanġibbli, bħal monumenti, siti arkeoloġiċi, materjal awdjo u awdjoviżiv, kotba, ġurnali, gazzetti, ritratti, oġġetti tal-mużewijiet, dokumenti arkivjali;

(b)

wirt kulturali intanġibbli;

(c)

wirt naturali, bħal pajsaġġi u siti naturali, kif definit fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-patrimonju dinji kulturali u naturali (24);

(d)

wirt tan-nattivi diġitali.

(2)

“wirt kulturali intanġibbli” tfisser prattiki, rappreżentazzjonijiet, espressjonijiet, għarfien, ħiliet – kif ukoll l-istrumenti, l-oġġetti, l-artefatti u l-ispazji kulturali assoċjati magħhom – li l-komunitajiet, il-gruppi u, f’xi każijiet, l-individwi jirrikonoxxu bħala parti mill-wirt kulturali tagħhom, skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli (25).

(3)

“nattivi diġitali” tfisser assi maħluqin f’forma diġitali, bħal arti diġitali jew animazzjoni, mużewijiet virtwali, mingħajr ekwivalenti analogu, jew kontenut kulturali maħluq barra mill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, bħal fuq il-media soċjali jew l-industrija tal-logħob.

(4)

“istituzzjoni tal-wirt kulturali” tfisser librerija jew mużew aċċessibbli għall-pubbliku, arkivju jew istituzzjoni tal-wirt ċinematografiku jew tal-awdjo, kif definita fil-punt (3) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/790.

(5)

“diġitalizzazzjoni” tfisser il-konverżjoni ta’ assi minn format analogu għal wieħed diġitali.

(6)

“trasformazzjoni diġitali” tfisser kemm il-proċess kif ukoll ir-riżultat tal-ingranaġġ tat-teknoloġiji diġitali sabiex jiġi ttrasformat il-mod kif organizzazzjoni topera u twassal valur.

(7)

“preservazzjoni diġitali” tfisser sett ta’ attivitajiet neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-oġġetti diġitali jkunu jistgħu jiġu llokalizzati, jingħataw, jintużaw u jinftiehmu fil-futur.

KAPITOLU II

DIĠITALIZZAZZJONI AVVANZATA U PRESERVAZZJONI DIĠITALI TAL-WIRT KULTURALI

4.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu u/jew jaġġornaw regolarment strateġija diġitali komprensiva u li tħares ’il quddiem għall-wirt kulturali fil-livell nazzjonali jew reġjonali rilevanti sabiex titħaffef it-trasformazzjoni diġitali tas-settur. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkollaboraw mal-partijiet ikkonċernati kollha jew jagħmlu arranġamenti għall-kollaborazzjoni tagħhom, bħall-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali u l-awtoritajiet kompetenti, sabiex iħejju l-istrateġija diġitali u jenħtieġ li jipprovdu riżorsi/appoġġ għall-implimentazzjoni tagħha.

5.

Jenħtieġ li l-istrateġija nazzjonali jkun fiha miżuri li jappoġġaw lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali fit-teħid ta’ teknoloġiji avvanzati, bħat-3D, l-intelliġenza artifiċjali, ir-realtà estiża, il-cloud computing, it-teknoloġiji tad-data u l-blockchain, sabiex jiġu żgurati proċess aktar effiċjenti ta’ diġitalizzazzjoni u ta’ preservazzjoni diġitali u kontenut ta’ kwalità ogħla għal aċċess, għal użu u għal użu mill-ġdid aktar mifruxin.

6.

Jenħtieġ li l-istrateġija diġitali tistabbilixxi miri ċari ta’ diġitalizzazzjoni u ta’ preservazzjoni diġitali. Jenħtieġ li dawk l-għanijiet ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u ċari, filwaqt li jinkludu:

(a)

il-wirt kulturali f’riskju,

(b)

il-monumenti, il-bini u s-siti kulturali u ta’ wirt bl-akbar numru ta’ żjarat fiżiċi u

(c)

il-livell baxx ta’ diġitalizzazzjoni għal kategoriji speċifiċi ta’ assi ta’ wirt kulturali.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddiġitalizzaw fi 3D il-monumenti u s-siti kollha li jaqgħu taħt (a) u 50 % ta’ dawk li jaqgħu taħt (b) sal-2030.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddiġitalizzaw 40 % tal-miri ġenerali għall-2030 sal-2025.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-assi kulturali diġitalizzati kollha msemmijin fil-punt 6(a), (b) u (c) jiġu ppreservati b’mod diġitali wkoll.

7.

Fl-ippjanar tad-diġitalizzazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jieħdu approċċ olistiku. Jenħtieġ li approċċ bħal dan, pereżempju, iqis l-iskop tad-diġitalizzazzjoni, il-gruppi ta’ utenti fil-mira, l-ogħla kwalità affordabbli, il-preservazzjoni diġitali tal-assi tal-wirt kulturali diġitalizzati, inklużi aspetti bħall-formati, il-ħżin, il-migrazzjonijiet futuri, il-manutenzjoni kontinwa u r-riżorsi finanzjarji u tal-persunal neċessarji fuq terminu twil. Jenħtieġ li l-istrateġija diġitali tipprevedi mandat ċar u ddefinit sew għall-aggregaturi nazzjonali jew reġjonali sabiex jikkollaboraw mal-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali bl-għan li jagħmlu l-assi tal-wirt kulturali diġitalizzati disponibbli permezz ta’ Europeana u tal-ispazju tad-data. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu r-rwol tal-aggregaturi bħala intermedjarji bejn Europeana u l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali u jħeġġu l-kontribut attiv tagħhom għall-ispazju tad-data.

8.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw sħubijiet bejn is-settur tal-wirt kulturali u setturi oħrajn, bħall-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-industriji kreattivi u t-turiżmu kulturali sostenibbli, sabiex jistimolaw l-innovazzjoni għal servizzi u għal applikazzjonijiet ġodda.

9.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiffaċilitaw l-involviment ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju bl-għan li jappoġġaw it-trasformazzjoni diġitali tas-settur tal-wirt kulturali, b’mod partikolari lejn id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni mmexxija mid-data.

10.

Meta l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jidħlu fi sħubijiet mas-settur privat, jenħtieġ li jiżguraw li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ċari u ġusti għall-użu mill-ġdid tal-assi diġitalizzati, f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni u mad-Direttiva (UE) 2019/1024, u b’mod partikolari mar-regoli dwar l-arranġamenti esklużivi stabbiliti fl-Artikolu 12 ta’ dik id-Direttiva, fejn rilevanti.

11.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jivvalutaw id-diskrepanza fil-ħiliet diġitali fis-settur bl-għan li l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jkunu jistgħu jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji diġitali avvanzati. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu objettivi ambizzjużi li għandhom jintlaħqu sal-2030 sabiex itejbu l-ħiliet u jagħtu taħriġ mill-ġdid lill-professjonisti tal-wirt kulturali, inkluż dwar il-ġestjoni u l-analitika tad-data, l-intelliġenza artifiċjali, id-diġitalizzazzjoni avvanzata u t-teknoloġiji tar-realtà estiża.

12.

Sabiex jiffaċilitaw it-trasformazzjoni diġitali tal-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali u sabiex jgħinu fit-twessigħ tal-aċċess għall-wirt kulturali u fil-promozzjoni tiegħu, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet offruti mill-qafas attwali tad-drittijiet tal-awtur billi:

(a)

jiżguraw implimentazzjoni korretta u effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur, b’mod partikolari dawk stabbiliti mid-Direttiva (UE) 2019/790,

(b)

jakkumpanjaw lill-partijiet kollha fl-applikazzjoni prattika u effiċjenti tar-regoli ta’ implimentazzjoni nazzjonali,

(c)

jimmonitorjaw mill-qrib ir-regoli ta’ implimentazzjoni nazzjonali sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni b’suċċess tagħhom u

(d)

jappoġġaw lill-professjonisti tal-wirt kulturali fil-kisba tal-ħiliet relatati mad-drittijiet tal-awtur u mal-liċenzjar u billi jipprovdu għarfien espert dwar id-drittijiet tal-awtur.

13.

Sabiex isibu reazzjonijiet kondiviżi għall-isfidi komuni għad-diġitalizzazzjoni u għall-preservazzjoni avvanzati u għall-iskambju tal-aħjar prattiki, sabiex jintwerew u jiġu promossi l-kultura, il-valuri u l-istejjer ta’ suċċess Ewropej, jenħtieġ li l-Istati Membri jħeġġu l-kollaborazzjoni u s-sħubijiet transfruntiera mal-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali fil-livell internazzjonali, f’komplementarjetà mal-azzjonijiet promossi mill-UNESCO u mill-Kunsill tal-Ewropa.

14.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet kollha ta’ finanzjament fil-livell Ewropew u nazzjonali sabiex iħaffu l-isforzi ta’ diġitalizzazzjoni u ta’ preservazzjoni.

KAPITOLU III

PRINĊIPJI TA’ GWIDA GĦAL SPAZJU KOMUNI EWROPEW TAD-DATA GĦALL-WIRT KULTURALI

15.

Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jaderixxu mal-istandards u mal-oqfsa rilevanti, bħal dawk użati mill-inizjattiva Europeana għall-kondiviżjoni tal-kontenut u tal-metadata diġitali, inkluż il-Mudell tad-Data Europeana, RightsStatements.org, u l-Qafas tal-Pubblikazzjoni Europeana, sabiex tinkiseb l-interoperabbiltà fil-livell Ewropew. Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jippromwovu u jiffaċilitaw l-aderenza ma’ tali standards u ma’ oqfsa eżistenti u futuri u jikkollaboraw fil-livell Ewropew sabiex iwessgħuhom fil-kuntest tal-ispazju tad-data.

16.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jħeġġu b’mod attiv lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali bl-għan li jagħmlu l-assi diġitalizzati tagħhom disponibbli permezz ta’ Europeana u b’hekk jikkontribwixxu għall-ispazju tad-data, f’konformità mal-istandards u mal-oqfsa msemmijin fil-punt 15 u mal-miri indikattivi previsti fl-Anness I u fl-Anness II.

17.

Il-kontribuzzjonijiet mill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, imsemmijin fil-punt 16, jenħtieġ li jinkludu, b’mod partikolari, assi ta’ wirt kulturali diġitalizzati 3D għall-promozzjoni tal-ġawhar kulturali Ewropej, isaħħu l-użu mill-ġdid potenzjali f’dominji importanti bħax-xjenzi soċjali u x-xjenzi umanisti, it-turiżmu kulturali sostenibbli, is-setturi kulturali u kreattivi, jew jgħinu sabiex tiġi identifikata l-proprjetà kulturali li tiġi ttraffikata b’mod illeċitu.

18.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, bħala riżultat tal-politiki tagħhom, id-data li tirriżulta minn proġetti ta’ diġitalizzazzjoni ffinanzjati pubblikament issir u tibqa’ rintraċċabbli, aċċessibbli, interoperabbli u riutilizzabbli (“il-prinċipji FAIR”) permezz ta’ infrastrutturi diġitali (li jinkludu l-ispazju tad-data) sabiex titħaffef il-kondiviżjoni tad-data.

19.

Jenħtieġ li l-finanzjament pubbliku kollu għall-proġetti futuri ta’ diġitalizzazzjoni ta’ assi ta’ wirt kulturali jintrabat bil-kundizzjoni ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kontenut diġitalizzat f’Europeana u fl-ispazju tad-data, kif imsemmi fil-punt 16.

20.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jappoġġaw u jqajmu sensibilizzazzjoni dwar Europeana fost il-pubbliku ġenerali u b’mod partikolari fis-settur tal-edukazzjoni u fl-iskejjel, inkluż permezz ta’ materjali edukattivi.

21.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jisfruttaw il-federazzjoni Ewropea tal-infrastruttura u tas-servizzi cloud-to-edge sabiex jespandu l-ħżin, il-ġestjoni u l-aċċess għall-assi diġitalizzati ta’ wirt kulturali.

KAPITOLU IV

SEGWITU GĦAR-RAKKOMANDAZZJONI

Jenħtieġ li l-Istati Membri jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-azzjonijiet meħudin bħala rispons għal din ir-Rakkomandazzjoni 24 xahar mill-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u mbagħad kull sentejn.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Thierry BRETON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  COM(2021) 118 final

(2)  Rapport tal-UNWTO dwar is-Sinerġiji tat-Turiżmu u l-Kultura

(3)  SWD/2021/351 final

(4)  SWD(2021)15 final

(5)  COM(2019) 640 final

(6)  Inkluża d-diġitalizzazzjoni 2D.

(7)  https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/news/eu-member-states-sign-cooperate-digitising-cultural-heritage

(8)  https://ec.europa.eu/info/horizon-europe_mt

(9)  https://ec.europa.eu/regional_policy/mt/2021_2027/

(10)  https://ec.europa.eu/regional_policy/mt/newsroom/coronavirus-response/react-eu

(11)  https://ec.europa.eu/info/overview-funding-programmes/technical-support-instrument-tsi_mt

(12)  https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/recovery-coronavirus/recovery-and-resilience-facility_mt

(13)  Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56).

(14)  COM/2020/274 final

(15)  COM(2021) 102 final

(16)  Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).

(17)  COM/2018/612 final

(18)  https://pro.europeana.eu/page/edm-documentation

(19)  https://rightsstatements.org/

(20)  https://pro.europeana.eu/post/publishing-framework

(21)  COM/2020/66 final

(22)  https://op.europa.eu/s/pjHV

(23)  https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/news/towards-next-generation-cloud-europe

(24)  UNESCO, Il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Dinji Kulturali u Naturali, Pariġi, is-16 ta’ Novembru 1972.

(25)  UNESCO, Il-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli 2003, Pariġi, is-17 ta’ Ottubru 2003.


ANNESS I

Miri indikattivi għall-kontribut tal-kontenut lil Europeana u l-ispazju tad-data sal-2030 għal kull Stat Membru (1)

 

A

B

C

D

E

F

Għadd ta’ rekords fl-1 ta’ Frar 2021

Għadd ta’ rekords ta’ kwalità għolja (2) fl-1 ta’ Frar 2021

Rekords ġodda ta’ kwalità għolja sal-2030

Għadd totali ta’ rekords sal-2030

[= A+C]

Għadd totali ta’ rekords ta’ kwalità għolja sal-2030 (3)

[=B+C]

Assi diġitali 3D sal-2030 (4)

L-Awstrija

2 372 357

1 106 942

1 002 892

3 375 249

2 109 834

401 157

Il-Belġju

2 499 646

2 247 432

1 215 817

3 715 463

3 463 249

486 327

Il-Bulgarija

94 447

62 647

329 454

423 901

392 101

131 782

Il-Kroazja

67 357

5 456

235 877

303 234

241 332

94 351

Ċipru

30 959

1 858

71 466

102 425

73 324

28 586

Iċ-Ċekja

881 263

369 602

889 329

1 770 592

1 258 931

355 732

Id-Danimarka

1 032 422

662 712

676 884

1 709 306

1 339 596

270 754

L-Estonja

648 205

486 024

99 825

748 030

585 849

39 930

Il-Finlandja

1 093 297

960 899

548 428

1 641 725

1 509 327

219 371

Franza

3 860 232

1 779 567

6 381 064

10 241 296

8 160 631

2 552 426

Il-Ġermanja

5 536 786

4 107 742

8 924 266

14 461 052

13 032 008

3 569 707

Il-Greċja

661 593

383 327

642 175

1 303 768

1 025 502

256 870

L-Ungerija

732 033

571 425

637 732

1 369 765

1 209 157

255 093

L-Irlanda

86 765

44 424

856 780

943 545

901 204

342 712

L-Italja

2 150 207

687 421

5 119 900

7 270 107

5 807 321

2 047 960

Il-Latvja

128 505

113 341

117 705

246 210

231 046

47 082

Il-Litwanja

224 359

182 337

209 875

434 234

392 212

83 950

Il-Lussemburgu

65 600

1 325

145 567

211 167

146 893

58 227

Malta

50 310

1 006

46 013

96 323

47 019

18 405

In-Netherlands

9 126 499

7 554 003

1 992 463

11 118 962

9 546 466

796 985

Il-Polonja

3 040 221

936 996

2 477 819

5 518 040

3 414 815

991 127

Il-Portugall

203 044

138 963

727 333

930 377

866 297

290 933

Ir-Rumanija

135 213

84 549

1 209 889

1 345 102

1 294 438

483 956

Is-Slovakkja

15 106

453

341 636

356 742

342 089

136 654

Is-Slovenja

598 310

382 081

166 799

765 109

548 880

66 720

Spanja

2 960 596

1 228 351

3 851 622

6 812 218

5 079 973

1 540 649

L-Iżvezja

4 307 321

3 047 430

1 098 975

5 406 296

4 146 404

439 590

UE 27

42 602 653

27 148 311

40 017 586

82 620 239

67 165 896

16 007 034


(1)  Il-miri indikattivi għal kull Stat Membru huma proporzjonali għall-popolazzjoni ta’ kull Stat Membru, aġġustati għall-PDG per capita tal-Istat Membru (f’PPS)

(2)  Ir-rekords ta’ kwalità għolja jaderixxu mar-rekwiżiti tal-Livell 2 jew ogħla (Livell 2+) tal-Qafas ta’ Pubblikazzjoni Europeana għall-kontenut u mar-rekwiżiti tal-Livell A jew ogħla għall-metadata. Dawn l-istandards huma meħtieġa biex jitrawwem l-użu mill-ġdid għal diversi finijiet.

(3)  L-Istati Membri huma mħeġġa jtejbu l-kwalità tar-rekords tal-Livell 1 u għalhekk l-għadd totali ta’ rekords ta’ kwalità għolja jista’ jkompli jiżdied.

(4)  40 % tar-rekords il-ġodda jenħtieġ li jkunu assi diġitali 3D. L-għadd ta’ assi diġitali 3D attwalment disponibbli f’Europeana huwa meqjus negliġibbli.


ANNESS II

Miri intermedji għall-kontribut tal-kontenut lil Europeana u l-ispazju tad-data sal-2025 għal kull Stat Membru

 

A

B

C

D

E

F

Għadd ta’ rekords fl-1 ta’ Frar 2021

Għadd ta’ rekords (1) ta’ kwalità għolja fl-1 ta’ Frar 2021

Rekords ġodda sal-2025  (2)

Għadd totali ta’ rekords sal-2025

[= A+C]

Għadd totali ta’ rekords ta’ kwalità għolja sal-2025 (3)

[=B+C]

Assi f’3D sal-2025 (4)

L-Awstrija

2 372 357

1 106 942

401 157

2 773 514

1 508 099

60 174

Il-Belġju

2 499 646

2 247 432

486 327

2 985 973

2 733 759

72 949

Il-Bulgarija

94 447

62 647

131 782

226 229

194 428

19 767

Il-Kroazja

67 357

5 456

94 351

161 708

99 807

14 153

Ċipru

30 959

1 858

28 586

59 545

30 444

4 288

Iċ-Ċekja

881 263

369 602

355 732

1 236 995

725 333

53 360

Id-Danimarka

1 032 422

662 712

270 754

1 303 176

933 465

40 613

L-Estonja

648 205

486 024

39 930

688 135

525 954

5 989

Il-Finlandja

1 093 297

960 899

219 371

1 312 668

1 180 270

32 906

Franza

3 860 232

1 779 567

2 552 426

6 412 658

4 331 993

382 864

Il-Ġermanja

5 536 786

4 107 742

3 569 707

9 106 493

7 677 448

535 456

Il-Greċja

661 593

383 327

256 870

918 463

640 197

38 530

L-Ungerija

732 033

571 425

255 093

987 126

826 518

38 264

L-Irlanda

86 765

44 424

342 712

429 477

387 136

51 407

L-Italja

2 150 207

687 421

2 047 960

4 198 167

2 735 381

307 194

Il-Latvja

128 505

113 341

47 082

175 587

160 423

7 062

Il-Litwanja

224 359

182 337

83 950

308 309

266 287

12 593

Il-Lussemburgu

65 600

1 325

58 227

123 827

59 552

8 734

Malta

50 310

1 006

18 405

68 715

19 411

2 761

In-Netherlands

9 126 499

7 554 003

796 985

9 923 484

8 350 988

119 548

Il-Polonja

3 040 221

936 996

991 127

4 031 348

1 928 124

148 669

Il-Portugall

203 044

138 963

290 933

493 977

429 897

43 640

Ir-Rumanija

135 213

84 549

483 956

619 169

568 504

72 593

Is-Slovakkja

15 106

453

136 654

151 760

137 107

20 498

Is-Slovenja

598 310

382 081

66 720

665 030

448 800

10 008

Spanja

2 960 596

1 228 351

1 540 649

4 501 245

2 769 000

231 097

L-Iżvezja

4 307 321

3 047 430

439 590

4 746 911

3 487 019

65 938

UE 27

42 602 653

27 148 311

16 007 034

58 609 687

43 155 345

2 401 055


(1)  Ir-rekords ta’ kwalità għolja jaderixxu mar-rekwiżiti tal-Livell 2 jew ogħla (Livell 2+) tal-Qafas ta’ Pubblikazzjoni Europeana għall-kontenut u mar-rekwiżiti tal-Livell A jew ogħla għall-metadata. Dawn l-istandards huma meħtieġa biex jitrawwem l-użu mill-ġdid għal diversi finijiet.

(2)  Mira intermedja: 40 % tal-miri indikattivi sal-2030

(3)  L-Istati Membri huma mħeġġa jtejbu l-kwalità tar-rekords tal-Livell 1 u għalhekk l-għadd totali ta’ rekords ta’ kwalità għolja jista’ jkompli jiżdied.

(4)  Mira intermedja għall-assi diġitali 3D: 15 % tal-miri għall-2030


Top