This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021H0319(01)
Council Recommendation of 12 March 2021 on Roma equality, inclusion and participation 2021/C 93/01
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2021 dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom 2021/C 93/01
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2021 dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom 2021/C 93/01
ST/6070/2021/INIT
ĠU C 93, 19.3.2021, p. 1–14
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
19.3.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 93/1 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tat-12 ta’ Marzu 2021
dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom
(2021/C 93/01)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292, flimkien mal-Artikolu 19(1), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE (1) tistabbilixxi qafas għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' oriġini razzjali jew etnika fl-Unjoni kollha b'rabta mal-impjiegi, l-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali, inklużi s-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa, il-vantaġġi soċjali u l-aċċess għal prodotti u servizzi u l-provvista tagħhom, inkluża l-akkomodazzjoni. Skop wieħed ta' din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni effettiva ta' dik id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri. |
(2) |
Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI (2) tobbliga lill-Istati Membri jikkriminalizzaw l-inċitament pubbliku għall-vjolenza jew il-mibegħda fuq il-bażi tar-razza, l-kulur, ir-reliġjon, id-dixxendenza jew l-oriġini nazzjonali jew etnika u jiżguraw li motivazzjoni razzista u ksenofobika titqies bħala ċirkostanza aggravanti jew, alternattivament, li tista' titqies mill-qrati nazzjonali fid-determinazzjoni tal-pieni. Din ir-Rakkomandazzjoni hija mfassla biex issaħħaħ il-miżuri meħuda kontra d-diskors ta' mibegħda, ir-reati ta' mibegħda u l-vjolenza diretti fil-konfront tal-persuni Rom. F'konformità mad-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), din ir-Rakkomandazzjoni għandha wkoll l-għan li tippromwovi l-appoġġ għall-vittmi Rom ta' tali kriminalità. |
(3) |
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jesprimi prinċipji u drittijiet li l-għan tagħhom huwa li jappoġġaw u jżidu l-ġustizzja soċjali, irrispettivament mis-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Miżuri universali kkomplementati minn miżuri mmirati biex jipproteġu u jappoġġaw gruppi f'riskju għoli ta' diskriminazzjoni jew esklużjoni soċjali bħal dawk stabbiliti f'din ir-Rakkomandazzjoni huma kruċjali għall-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Soċjali. It-twettiq tal-Pilastru huwa impenn politiku kondiviż u responsabbiltà. Jenħtieġ li jiġi implimentat kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri f'konformità mal-kompetenzi rispettivi, b'kont debitu meħud tal-ambjenti soċjoekonomiċi differenti u d-diversità tas-sistemi nazzjonali, inkluż ir-rwol tas-sħab soċjali, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. |
(4) |
Din ir-Rakkomandazzjoni tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp sostnut ta' soċjetajiet demokratiċi ugwali u inklużivi f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
(5) |
Il-Kummissjoni ppreżentat proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027, il-Fond Soċjali Ewropew Plus għall-2021-2027 (il-“FSE+ għall-2021-2027”), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni għall-2021-2027. Dawk il-proposti jirreferu għall-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni bħala prinċipji orizzontali li għandu jkun hemm adeżjoni magħhom fl-implimentazzjoni ta' dawk il-Fondi. Il-proposta għall-FSE+ għall-2021-2027 tistieden speċifikament lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni u tirreferi għall-promozzjoni tal-integrazzjoni soċjoekonomika ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u l-inklużjoni ta' komunitajiet emarġinati bħar-Rom, li hija marbuta mal-kundizzjoni abilitanti ta' qafas strateġiku nazzjonali tar-Rom. Sa meta jiġu adottati dawk il-proposti, din ir-Rakkomandazzjoni tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni futura effettiva tagħhom. |
(6) |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010, intitolata "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (l-"istrateġija Ewropa 2020"), tat spinta sinifikanti lill-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali billi stabbiliet miri komuni Ewropej biex jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali u biex iżżid il-livelli tal-edukazzjoni u tal-impjiegi. Dawk il-miri ma jistgħux jintlaħqu mingħajr ma jittejbu l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom, u din ir-Rakkomandazzjoni toffri gwida speċifika dwar dan. |
(7) |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' April 2011, intitolata "Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom fl-2020", li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri javvanzaw b'mod komprensiv l-inklużjoni soċjali u ekonomika tar-Rom u tistabbilixxi miri fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni, kienet ġiet approvata mill-Kunsill fid-19 ta' Mejju 2011. Minkejja l-limitazzjonijiet fit-tfassil inizjali, il-qafas tal-UE kellu valur miżjud importanti li fuqu tkompli tibni r-Rakkomandazzjoni attwali, fost l-oħrajn billi tintegra t-tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tal-qafas. |
(8) |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2013 (4) tfasslet biex issaħħaħ il-miżuri nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom. Fiha, il-Kunsill stieden lill-Istati Membri biex jinformaw lill-Kummissjoni kull sena dwar kwalunkwe miżura meħuda f'konformità mar-Rakkomandazzjoni u kwalunkwe progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-integrazzjoni tar-Rom (NRIS). Din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq dik l-esperjenza, u tirrevedi u tespandi l-miżuri li għandhom jittieħdu. |
(9) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta' Diċembru 2016 dwar "L-aċċellerar tal-proċess ta' integrazzjoni tar-Rom", il-Kunsill sejjaħ lill-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom għall-2020 ("evalwazzjoni fil-fond") u biex tipproponi, abbażi ta' dan, inizjattiva għal wara l-2020. Filwaqt li l-evalwazzjoni fil-fond li saret tirrikonoxxi l-valur miżjud tal-qafas, tinnota li l-persuni Rom fl-Ewropa għadhom qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali u ekonomika. |
(10) |
L-evalwazzjoni fil-fond u l-konklużjonijiet li ġew misluta minnha mill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili nazzjonali u madwar l-Ewropa kollha juru l-ħtieġa għal impenn imġedded u aktar b'saħħtu għall-ugwaljanza u l-inklużjoni tar-Rom. Dan l-impenn jenħtieġ li jiżgura attenzjoni speċifika fuq in-nondiskriminazzjoni, inkluż billi jindirizza l-antiżingariżmu – forma speċifika ta' razziżmu kontra l-poplu Rom – u jiffoka fuq l-erba' oqsma ta' inklużjoni soċjoekonomika tal-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni. Jenħtieġ li jirrifletti wkoll il-bżonnijiet ta' gruppi speċifiċi u d-diversità tal-popolazzjoni Rom; jinvolvi lir-Rom fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-istrateġiji għall-ugwaljanza u l-inklużjoni tar-Rom; itejjeb l-iffissar tal-miri, il-ġbir tad-data, il-monitoraġġ u r-rappurtar; u jagħmel il-politiki ġenerali aktar sensittivi għall-ugwaljanza u l-inklużjoni tar-Rom. Meta jitfasslu l-miżuri, jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-perspettiva tal-ġeneru. |
(11) |
Din ir-Rakkomandazzjoni tibni wkoll fuq diversi konklużjonijiet li kienu stabbiliti qabel fir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2015 u tat-12 ta' Frar 2019, fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2016 u fir-rapporti annwali tal-Kummissjoni mill-2013 ‘l hawn. |
(12) |
Wara l-"qafas tal-UE għal strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom sal-2020", fis-7 ta’ Ottubru 2020 il-Kummissjoni adottat pakkett li jinkludi l-proposta għal din ir-Rakkomandazzjoni u l-Komunikazzjoni "Unjoni tal-Ugwaljanza: Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni" ("il-Komunikazzjoni tas-7 ta’ Ottubru 2020"). Il-Komunikazzjoni tas-7 ta’ Ottubru 2020 tistabbilixxi objettivi fil-livell tal-UE u, fejn rilevanti, miri u impenji minimi għall-Istati Membri kollha, possibbilment ikkomplementati minn sforzi nazzjonali addizzjonali u appoġġ mill-Unjoni skont il-kuntest nazzjonali u d-daqs tal-popolazzjoni Rom. Data reċenti turi li sitta minn kull għaxar Ewropej għadhom jemmnu li d-diskriminazzjoni kontra l-persuni Rom hija mifruxa sew f'pajjiżhom, filwaqt li aktar minn sitta minn kull għaxar Ewropej jaqblu li s-soċjetà tista' tibbenefika jekk ir-Rom ikunu integrati aħjar (5). L-objettiv prinċipali ta' din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tagħti daqqa t'id fil-promozzjoni tal-ugwaljanza u fil-ġlieda kontra l-esklużjoni tar-Rom, bl-involviment attiv tagħhom. |
(13) |
Matul il-pandemija tal-COVID-19, il-komunitajiet Rom esklużi u żvantaġġati kienu esposti għal impatti negattivi serji kemm fuq is-saħħa kif ukoll soċjoekonomiċi, fattur li jirriskja li jkomplu jiġu aggravati l-inugwaljanzi eżistenti u r-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Din ir-Rakkomandazzjoni hija favur it-tnaqqis tal-inugwaljanzi strutturali li jiffaċċjaw ir-Rom billi jiġi indirizzat, fejn rilevanti, l-aċċess limitat tar-Rom għall-ilma nadif, l-infrastruttura sanitarja u s-servizzi tal-kura tas-saħħa, inkluż is-servizzi tat-tilqim, u n-nuqqas ta' faċilitajiet u ħiliet diġitali li jippermettu lir-Rom jipparteċipaw b'mod attiv fis-soċjetà, inkluż fl-edukazzjoni mill-bogħod, kif ukoll billi jiġu eliminati l-livelli għoljin ta' prekarjetà ekonomika, abitazzjonijiet b’familji ffullati żżejjed, insedjamenti jew kampijiet segregati. |
(14) |
Fil-kuntest taż-żieda fil-populiżmu u r-razziżmu fl-Unjoni (6), hemm bżonn li tingħata attenzjoni lill-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-prevenzjoni tagħha, inkluż billi jiġi indirizzat l-antiżingariżmu, li huwa kawża ewlenija ta', u jaggrava, id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni. Il-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025 tat-18 ta’ Settembru 2020 għalhekk jistabbilixxi firxa ta' azzjonijiet konkreti biex jiġġieled kontra, ir-razziżmu. L-antiżingariżmu huwa forma prevalenti mhux tas-soltu (7) ta' razziżmu, li għandu l-oriġini tiegħu fil-mod kif is-soċjetà ġenerali tħares u tittratta lil dawk meqjusa bħala ''żingari'' fi proċess ta' ''trattament ta’ ħaddieħor'' storiku (8), li jibni fuq sterjotipi u attitudnijiet negattivi li xi drabi jistgħu jkunu mhux intenzjonati jew inkonxji (9). Il-Parlament Ewropew ilu mill-2005 juża t-terminu antiżingariżmu fir-rapporti u fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-28 ta' April 2005, tal-15 ta' April 2015, tal-25 ta' Ottubru 2017 u tat-12 ta' Frar 2019. Diversi organizzazzjonijiet internazzjonali u tas-soċjetà ċivili rrikonoxxew il-fenomenu, magħruf ukoll bħala r-razziżmu kontra r-Rom, ir-romafobija, u l-antiżiganiżmu. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta' Diċembru 2016, il-Kunsill irrikonoxxa l-ħtieġa li "jiġġieled il-forom kollha ta' razziżmu kontra r-Rom, xi drabi msejjaħ antiżingariżmu, peress li huwa kawża fundamentali tal-esklużjoni soċjali tagħhom u d-diskriminazzjoni kontrihom". Fit-8 ta' Ottubru 2020, l-Alleanza Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawst (IHRA) adottat definizzjoni mhux legalment vinkolanti (10) tal-antiżingariżmu/diskriminazzjoni kontra r-Rom. |
(15) |
Meta fil-mira jkun hemm il-popolazzjoni Rom, huwa importanti li jiġu rikonoxxuti l-ħtiġijiet jew il-vulnerabbiltajiet speċifiċi ta' ċerti gruppi (11), inkluż in-nisa Rom, iż-żgħażagħ Rom, it-tfal Rom, il-persuni LGBTI Rom, l-anzjani Rom, il-persuni Rom b'diżabbiltà, dawk li huma ċittadini ta' pajjiżi terzi jew mingħajr Stat, u r-Rom li jiċċaqilqu fl-UE. Din ir-Rakkomandazzjoni għalhekk tqis l-importanza li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni multipla (12). Hija tipproponi miżuri li jipproteġu aħjar u jinkludu lit-tfal Rom, li huma partikolarment esposti għad-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni. Konformement mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2016, hija tħares ukoll lejn il-ħolqien ta' opportunitajiet u l-użu tal-potenzjal mhux sfruttat taż-żgħażagħ Rom billi żżid il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fi programmi u miżuri mmirati lejn iż-żgħażagħ bħal dawk imsemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Lulju 2020 intitolata "L-Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ: Pont għall-Impjiegi għall-Ġenerazzjoni li Jmiss". |
(16) |
Filwaqt li jirrikonoxxi d-diversità li teżisti fost ir-Rom, it-terminu "Rom" jintuża bħala terminu ġeneriku biex jirreferi għal għadd ta' gruppi differenti ta' oriġini Romani bħar-Rom, is-Sinti, il-Kale, iż-Żingari, ir-Romanichels u l-Boyash/Rudari. Jiġbor fih ukoll gruppi bħall-Ashkali, l-Eġizzjani, il-gruppi tal-Lvant (inkluż id-Dom, il-Lom, ir-Rom u l-Abdal), kif ukoll popolazzjonijiet ta' vjaġġaturi, inklużi l-Vjaġġaturi etniċi, il-Yenish jew dawk iddeżinjati bit-terminu amministrattiv "Gens du Voyage", u persuni li jidentifikaw lilhom infushom bħala Żingari, Tsiganes jew Tziganes, mingħajr ma jiċħdu l-karatteristiċi speċifiċi ta' dawk il-gruppi. |
(17) |
Fil-kuntest tal-mobbiltà intra-Unjoni, huwa meħtieġ li jiġu rrispettati d-dritt għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-kondizzjonijiet għall-eżerċitar tiegħu. Dawk il-kondizzjonijiet jinkludu l-pussess ta' riżorsi suffiċjenti u kopertura komprensiva tal-assigurazzjoni tal-mard, f'konformità mad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Fl-istess ħin, jeħtieġ li wieħed ifittex li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien tar-Rom u li jittieħdu miżuri li jippromwovu l-inklużjoni ekonomika u soċjali tagħhom fl-Istati Membri ta' oriġini tagħhom kif ukoll fl-Istati Membri ta' residenza tagħhom. |
(18) |
Filwaqt li tirrikonoxxi li l-Istati Membri jenħtieġ li jagħżlu l-metodi ta' monitoraġġ tagħhom stess, inklużi metodi adatti għall-ġbir tad-data u b'kont meħud tal-fatt li l-ġbir ta' informazzjoni relatata mal-etniċità huwa kwistjoni sensittiva u mhuwiex possibbli f'ċerti Stati Membri, din ir-Rakkomandazzjoni tenfasizza l-importanza li tinġabar data bħala tagħrif fundamentali meħtieġ għat-tfassil ta' miżuri li jtejbu b'mod effettiv is-sitwazzjoni tal-popolazzjoni Rom, f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u l-Linji Gwida tal-2018 dwar it-titjib tal-ġbir u l-użu tad-data dwar l-ugwaljanza ppubblikati mis-sottogrupp dwar id-Diskriminazzjoni u d-Diversità (15). Din ir-Rakkomandazzjoni tirrikonoxxi wkoll l-importanza tal-indikaturi bħala metodu ta' monitoraġġ. Il-Komunikazzjoni tas-7 ta’ Ottubru 2020 tispjega li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu indikaturi minn portafoll ta' indikaturi għall-kejl tal-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom, miġbura flimkien mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri. |
(19) |
Din ir-Rakkomandazzjoni tiffoka b'mod espliċitu fuq miżuri biex tiġi promossa l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom mingħajr ma għandha l-għan li teskludi gruppi żvantaġġati oħra. Dawn il-miżuri għandhom ikunu bbażati fuq l-istess prinċipji f'sitwazzjonijiet komparabbli. F'dan ir-rigward, il-prinċipji bażiċi komuni għall-inklużjoni tar-Rom jibqgħu rilevanti (16). Il-miżuri għandhom jintegraw ukoll l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom kemm fl-inizjattivi ta' politika tal-Unjoni kif ukoll f'dawk nazzjonali, b'attenzjoni speċjali għall-intersezzjonalità u d-dimensjoni tal-ġeneru. Il-Komunikazzjoni tas-7 ta’ Ottubru 2020 tipprovdi aktar linji gwida dwar l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-oqfsa strateġiċi nazzjonali tar-Rom. |
(20) |
Wieħed mill-iskopijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tikkonferma impenn fit-tul għall-objettivi kondiviżi dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom u li tipprovdi gwida mġedda u msaħħa billi tistabbilixxi miżuri li l-Istati Membri jistgħu jadottaw biex jilħqu dawk l-objettivi. |
(21) |
Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà u r-responsabbiltà primarja tal-Istati Membri f'dan il-qasam. Hija mingħajr preġudizzju għall-prinċipji tal-liġi proċedurali nazzjonali u t-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri. Jenħtieġ li jiġi applikat approċċ komuni, iżda differenzjat, b'kont debitu meħud taċ-ċirkostanzi nazzjonali, bħall-għadd u s-sehem ta' persuni Rom fil-popolazzjoni totali, il-kuntest ekonomiku ġenerali, il-karatteristiċi speċifiċi tal-popolazzjonijiet fil-mira f'kull Stat Membru u l-possibbiltà li jistabbilixxu politiki mmirati lejn grupp etniku speċifiku jew le. L-approċċi nazzjonali u l-miżuri rilevanti għall-promozzjoni tal-inklużjoni, l-ugwaljanza u l-parteċipazzjoni tar-Rom għandhom jitfasslu u jintgħażlu f'konformità maċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet speċifiċi fuq il-post, li jinkludu l-ħtieġa li jiġu indirizzati gruppi żvantaġġati, bħar-Rom, f'kuntest usa'. Għandhom jitfasslu miżuri ġenerali biex jiġi żgurat li l-persuni Rom jintlaħqu b'mod effettiv. |
(22) |
Qafas strateġiku nazzjonali dwar ir-Rom jirreferi għal strateġiji nazzjonali dwar ir-Rom u/jew settijiet integrati ta' miżuri ta' politika f'kuntest soċjoekonomiku usa', li huma rilevanti għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA KIF ĠEJ:
1. |
L-Istati Membri għandhom jadottaw oqfsa strateġiċi nazzjonali dwar ir-Rom fi ħdan il-politiki usa' tagħhom dwar l-inklużjoni soċjali li jtejbu s-sitwazzjoni tar-Rom, u jikkomunikawhom lill-Kummissjoni Ewropea, preferibbilment sa Settembru 2021. Skont id-dritt nazzjonali u tal-Unjoni, ir-riżorsi disponibbli u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom, kif xieraq, jikkunsidraw ir-rilevanza għall-kuntest nazzjonali tal-miżuri stabbiliti f'din ir-Rakkomandazzjoni u jimplimentawhom b'mod proporzjonat u selettiv, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Meta jivvalutaw dik ir-rilevanza, l-Istati Membri huma mħeġġa li bħala gwida jkollhom impenji minimi volontarji, u skont il-kuntest nazzjonali, ikun hemm il-possibbiltà ta' sforzi addizzjonali, kif previst fil-Komunikazzjoni. |
Objettivi orizzontali: ugwaljanza, inklużjoni u parteċipazzjoni
2. |
L-Istati Membri għandhom jikkonsolidaw l-isforzi biex jadottaw u jimplimentaw miżuri biex jippromwovu l-ugwaljanza u jipprevjenu u jiġġieldu b'mod effettiv id-diskriminazzjoni, l-antiżingariżmu, u l-esklużjoni soċjali u dik ekonomika, kif ukoll il-kawżi ewlenin tagħhom. Dawk l-isforzi għandhom jinkludu miżuri bħal dawn li ġejjin:
|
3. |
L-Istati Membri għandhom jiġġieldu kontra r-rata għolja ħafna ta' riskju ta' faqar u d-deprivazzjoni materjali u soċjali fost il-popolazzjoni Rom, sabiex jipprovdu appoġġ effettiv għall-inklużjoni, l-ugwaljanza u l-parteċipazzjoni tar-Rom. Fejn rilevanti, l-Istati Membri għandhom isegwu approċċ integrat li jiffoka fuq l-oqsma ta' politika rilevanti kollha. Dawk l-isforzi jistgħu jinkisbu permezz ta' miżuri bħal dawn li ġejjin:
|
4. |
L-Istati Membri għandhom, kif xieraq, iżidu l-parteċipazzjoni sinifikanti u l-konsultazzjoni tal-poplu Rom, inkluż in-nisa, it-tfal, iż-żgħażagħ, l-anzjani, u l-persuni b'diżabbiltà sabiex jipprovdu appoġġ effettiv għall-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni tar-Rom. Dan għandu jinkludi miżuri bħal dawn li ġejjin:
|
Objettivi settorjali
Aċċess għal edukazzjoni ġenerali inklużiva ta' kwalità
5. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-Rom kollha jkollhom aċċess ugwali effettiv u jkunu kapaċi jipparteċipaw fl-istadji kollha tal-edukazzjoni, mill-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-indukrar tat-tfal sal-edukazzjoni terzjarja, inkluż l-edukazzjoni li tagħti ċans ieħor, l-edukazzjoni għall-adulti, u t-tagħlim tul il-ħajja, u jkunu jistgħu jipparteċipaw fihom. |
6. |
L-Istati Membri għandhom itejbu l-aċċess ugwali għall-edukazzjoni ta' kwalità u inklużiva tal-istudenti Rom, inkluż permezz ta' miżuri bħal dawn li ġejjin:
|
7. |
L-Istati Membri għandhom jaħdmu biex jegħlbu d-diskriminazzjoni, l-inugwaljanza u l-iżvantaġġi kollha f'termini ta' opportunitajiet edukattivi, eżiti u kisbiet, inkluż fejn rilevanti permezz ta' miżuri bħal dawn li ġejjin:
|
Aċċess għal impjiegi ta' kwalità u sostenibbli
8. |
L-Istati Membri għandhom jippromwovu aċċess ugwali effettiv għar-Rom, b'mod partikolari liż-żgħażagħ Rom, għal impjiegi ta' kwalità u sostenibbli, inkluż, fejn rilevanti, permezz ta' miżuri bħal dawn li ġejjin:
|
Is-saħħa u l-aċċess għal servizzi tal-kura tas-saħħa u servizzi soċjali li jkunu ta' kwalità
9. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw aċċess ugwali effettiv mingħajr ostakli għal servizzi tal-kura tas-saħħa u servizzi soċjali li jkunu ta' kwalità, speċjalment għal dawk il-gruppi li huma l-aktar f'riskju jew dawk li jgħixu f'lokalitajiet emarġinati jew remoti, inkluż permezz ta' miżuri biex:
|
Aċċess għal akkomodazzjoni xierqa mhux segregata u għal servizzi essenzjali
10. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw trattament ugwali tal-persuni Rom fl-aċċess għal akkomodazzjoni xierqa mhux segregata u servizzi essenzjali, inkluż permezz ta' miżuri bħal dawn li ġejjin:
|
Sħubijiet u kapaċità istituzzjonali
Involviment u appoġġ tal-punti ta' kuntatt nazzjonali tar-Rom
11. |
L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-punti ta' kuntatt nazzjonali tar-Rom b'riżorsi adegwati u meħtieġa, kapaċità tal-persunal u awtorità istituzzjonali, u jagħtuhom is-setgħa sabiex ikunu jistgħu jikkoordinaw u jimmonitorjaw b'mod effettiv il-politiki nazzjonali għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom, inkluż is-sensibilizzazzjoni fil-livell lokali. |
12. |
L-Istati Membri għandhom jgħinu lill-punti ta' kuntatt nazzjonali tar-Rom jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni u l-involviment tas-soċjetà ċivili tar-Rom fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u r-reviżjoni ta’ oqfsa strateġiċi nazzjonali għar-Rom u pjanijiet ta' azzjoni lokali, permezz ta' proċessi riformati tal-pjattaformi nazzjonali tar-Rom. |
13. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-punti ta' kuntatt nazzjonali tar-Rom ikunu involuti fit-tfassil tal-politiki ta' inklużjoni soċjali u tas-servizzi universali, sabiex itejbu r-rilevanza tagħhom għall-poplu Rom u l-azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni li joffru, inkluż, fejn rilevanti, fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-ipprogrammar u l-monitoraġġ tal-fondi tal-Unjoni. |
Involviment tal-korpi għall-promozzjoni ta' trattament ugwali
14. |
L-Istati Membri għandhom, fi ħdan l-oqfsa legali nazzjonali rispettivi tagħhom, jappoġġaw korpi għall-promozzjoni tat-trattament ugwali (''korpi tal-ugwaljanza'') sabiex ikunu jistgħu, fl-ambitu tal-mandati tagħhom, jiffunzjonaw b’mod effettiv u indipendenti u jikkooperaw mal-atturi rilevanti kollha, inklużi l-punti ta’ kuntatt nazzjonali tar-Rom, l-awtoritajiet pubbliċi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-settur privat. Tali appoġġ għandu jinkludi, fejn applikabbli, li l-korpi tal-ugwaljanza jingħataw il-possibbiltà li:
|
15. |
L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-korpi tal-ugwaljanza li jkunu involuti mill-qrib, u li jikkontribwixxu b'mod effettiv, fir-rigward tat-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u r-rieżami tal-oqfsa strateġiċi nazzjonali tar-Rom għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni u tal-programmi rilevanti ta' fondi tal-Unjoni, fejn rilevanti, inkluż billi:
|
Mobilizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati lokali u reġjonali
16. |
L-Istati Membri għandhom jinvolvu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u lis-soċjetà ċivili lokali fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u r-rieżami tal-oqfsa strateġiċi nazzjonali kif rilevanti. |
17. |
L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, fil-mandati rispettivi tagħhom, biex jiżviluppaw jew jaġġornaw il-pjanijiet ta' azzjoni jew desegregazzjoni lokali tagħhom jew l-oqfsa strateġiċi tar-Rom għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni. Dawk il-pjanijiet lokali jew oqfsa strateġiċi għandhom, kemm jista' jkun possibbli, jinkludu miżuri, linji bażi, punti ta' riferiment, objettivi li jistgħu jitkejlu u allokazzjoni ta' finanzjament. |
18. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali u lokali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi ta' finanzjament tal-Unjoni rilevanti għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni tar-Rom, sabiex ikun żgurat li l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom ikunu previsti matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi, u sabiex jissaħħaħ id-direzzjonar aħjar tal-fondi tal-Unjoni fil-livell lokali. |
19. |
L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-inklużività u d-diversità permezz ta' miżuri adatti, bħal azzjoni pożittiva biex jiġi żgurat aċċess ugwali għall-impjiegi għar-Rom fl-istituzzjonijiet pubbliċi fil-livell lokali u reġjonali. |
20. |
L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-għoti ta’ setgħat lin-nisa u l-irġiel Rom u jirrikonoxxu r-rappreżentanzi tagħhom fil-livell lokali. |
Kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili
21. |
L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-innovazzjoni soċjali, is-sħubija u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u r-Rom u s-soċjetà ċivili pro-Rom. |
22. |
L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-pjattaformi nazzjonali tar-Rom jew minn kwalunkwe mezz ieħor ta' kooperazzjoni u djalogu fl-Istati Membri biex jinvolvu lir-Rom u lis-soċjetà ċivili pro-Rom u partijiet ikkonċernati oħra, b'mod trasparenti u inklużiv, fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u r-rieżami tal-oqfsa strateġiċi nazzjonali tar-Rom u l-pjanijiet ta' azzjoni lokali. |
23. |
L-Istati Membri għandhom jappoġġaw lis-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ u r-rapportar ta' reati ta' mibegħda u diskors ta' mibegħda kif ukoll reati oħra kontra r-Rom u jassistu lill-vittmi fir-rappurtar ta' reati ta' mibegħda u diskors ta' mibegħda. |
24. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw finanzjament għall-appoġġ tal-pluralità u l-indipendenza tar-Rom u tas-soċjetà ċivili pro-Rom, inkluż l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ Rom, biex b'hekk ikunu jistgħu jirrapportaw dwar l-oqfsa strateġiċi nazzjonali tar-Rom u jwettqu monitoraġġ tagħhom, bħala organizzazzjonijiet indipendenti ta' kontroll (watchdogs), u biex iżommu l-kapaċità amministrattiva tagħhom. |
25. |
L-Istati Membri għandhom jinvolvu lis-soċjetà ċivili u lill-komunitajiet Rom matul iċ-ċiklu tal-programm tal-fondi tal-Unjoni, fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali inkluż bħala membri tal-kumitati rilevanti tal-monitoraġġ tal-fondi tal-Unjoni. |
26. |
L-Istati Membri għandhom jippromwovu t-tisħiħ tal-kapaċitajiet u t-tmexxija fis-soċjetà ċivili tar-Rom, inkluż l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, biex il-korpi u l-organizzazzjonijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-politika u fil-ħajja pubblika inġenerali. |
27. |
L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-ħidma transsettorjali u alleanzi usa' għall-ugwaljanza u l-inklużjoni, billi jinvolvu lill-gvern, lis-soċjetà ċivili, lin-negozju u lill-industrija, lill-akkademiċi u r-riċerka. Dan jista' jwassal għal azzjonijiet konġunti fost l-entitajiet li jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, jiġġieldu kontra r-razziżmu, id-diskriminazzjoni abbażi ta' oriġini razzjali jew etnika, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata magħha, jew li jaħdmu favur id-drittijiet tat-tfal, tal-anzjani, tar-Rom, tal-persuni LGBTI, tal-persuni b'diżabbiltajiet, tal-persuni li jfittxu ażil, tar-refuġjati u ta' migranti oħra u persuni mingħajr Stat. |
Kooperazzjoni tranżnazzjonali
28. |
L-Istati Membri għandhom jintensifikaw il-kooperazzjoni u t-tagħlim bejn il-pari dwar l-aktar metodi effettivi għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi ewlenin rilevanti kollha tal-Unjoni. |
29. |
L-Istati Membri għandhom irawmu sħubija u skambju tranżnazzjonali billi jappoġġaw in-network ta' punti ta' kuntatt nazzjonali tar-Rom, in-network UE-Rom, il-Pjattaforma Ewropea għar-Rom. |
30. |
Xi ċittadini Rom li jiċċaqilqu fl-UE li jistabbilixxu rwieħhom fi Stati Membri li ma jkunux l-Istati Membri ta' oriġini tagħhom, jew li joqogħdu temporanjament f’tali Stat Membru, inkluż biex jeżerċitaw opportunitajiet ta' impjieg staġjonali jew fuq perijodu qasir, jinsabu f'sitwazzjonijiet vulnerabbli. Fejn rilevanti, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-istabbiliment ta’ forom adatti ta’ kooperazzjoni tranżnazzjonali fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, u l-parteċipazzjoni attiva fihom, inkluż proġetti u ftehimiet bilaterali jew multilaterali, filwaqt li jirrispettaw il-qafas legali tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali fis-seħħ. Dan jista’ jinkludi, pereżempju, kooperazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-aċċess għall-edukazzjoni, l-esperjenza u l-eżiti tal-edukazzjoni, fost it-tfal Rom, u l-ħtiġijiet u l-isfidi fil-livell muniċipali. Din il-kooperazzjoni għandha tinkludi l-parteċipazzjoni tar-Rom stess. |
Finanzjament
31. |
L-Istati Membri, b'mod partikolari dawk bi sfidi akbar fl-ambitu tal-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom u/jew komunitajiet akbar tar-Rom, għandhom jagħmlu użu sħiħ u ottimali mill-fondi nazzjonali u tal-Unjoni ġenerali u mmirati li jkunu ta' rilevanza għall-prevenzjoni ta’, u l-ġlieda kontra, id-diskriminazzjoni tar-Rom, li jaf jinkludi l-għażla ta' objettivi speċifiċi għall-promozzjoni tal-integrazzjoni soċjoekonomika tal-gruppi żvantaġġati u l-komunitajiet emarġinati bħar-Rom (23), u l-iżgurar ta' koordinazzjoni effettiva bejn is-sorsi ta' finanzjament nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti għall-ugwaljanza u l-inklużjoni soċjoekonomika tar-Rom. |
32. |
L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali, lokali, urbani u awtoritajiet pubbliċi oħra, is-sħab soċjali u ekonomiċi u korpi rilevanti li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi, u l-korpi inkarigati mill-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, tad-drittijiet fundamentali u tan-nondiskriminazzjoni matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi tal-Unjoni, inkluż il-parteċipazzjoni fil-kumitati ta' monitoraġġ. |
33. |
L-Istati Membri għandhom jallokaw riżorsi nazzjonali adegwati għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta' politika mressqa mill-qafas strateġiku għar-Rom tal-UE għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni, u mill-oqfsa strateġiċi nazzjonali, filwaqt li jiżguraw li dawn jirriflettu l-ħtiġijiet reali tal-komunitajiet Rom u jkunu proporzjonali mad-daqs u l-isfidi tal-komunitajiet Rom. |
34. |
Il-pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza (24) għandhom iqisu u jippromwovu d-drittijiet ta’, u l-opportunitajiet indaqs għal, kulħadd u jrawmu l-inklużjoni ta' gruppi żvantaġġati, inkluż ir-Rom u persuni oħra bi sfond razzjali jew etniku minoritarju. |
35. |
L-Istati Membri għandhom itejbu t-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi tal-Unjoni jew ir-riformi strutturali għall-inklużjoni soċjoekonomika tal-minoranzi, pereżempju billi jitolbu assistenza teknika mill-programm ta' appoġġ għal riformi strutturali. |
36. |
L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-użu ta' fondi nazzjonali u tal-Unjoni biex isaħħu l-kapaċità tal-awtoritajiet fil-livell ċentrali u lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jgħinu biex ikun hemm skambju ta' prassi tajba bejniethom, sabiex dawk l-awtoritajiet u organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta' miżuri biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni tar-Rom billi jitħaffef il-pass tal-ugwaljanza u l-inklużjoni, inkluż billi jiġġieldu s-segregazzjoni u jippromwovu l-parteċipazzjoni tar-Rom. |
37. |
L-Istati Membri għandhom jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-livell lokali, inkluż dawk ta’ żoni urbani, fejn rilevanti, sabiex jappoġġaw ir-Rom mobbli tal-UE, inkluż billi jipprovdu taħriġ fil-lingwa, edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità, skola, servizzi pubbliċi tal-impjiegi, ħaddiema soċjali, medjaturi, eċċ. |
Monitoraġġ u rappurtar dwar l-oqfsa strateġiċi nazzjonali tar-Rom
38. |
L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jevalwaw l-implimentazzjoni tal-oqfsa strateġiċi nazzjonali billi jużaw, kif xieraq, il-portafoll ta' indikaturi żviluppati mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (l-"Aġenzija"), il-punti ta' kuntatt nazzjonali tar-Rom, l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika u l-Kummissjoni fil-kuntest tal-grupp ta' ħidma dwar l-indikaturi ta' integrazzjoni tar-Rom u r-rappurtar dwar dan, ikkoordinat mill-Aġenzija (25). L-Istati Membri jistgħu jużaw ukoll indikaturi nazzjonali, f’konformità mal-iżvilupp tal-oqfsa legali nazzjonali u l-approċċi ta’ politika tagħhom u s-sitwazzjoni tal-persuni Rom fit-territorju tagħhom. |
39. |
Fid-dawl tal-objettivi u l-miri ewlenin tal-Unjoni stabbiliti fil-Komunikazzjoni, l-Istati Membri għandhom, kif rilevanti, jinkludu miri kwantitattivi u/jew kwalitattivi nazzjonali fl-oqfsa strateġiċi nazzjonali tar-Rom, imfassla speċifikament għaċ-ċirkostanzi nazzjonali u għall-għażliet disponibbli għall-ġbir tad-data dwar l-ugwaljanza, li jistgħu jinkludu, pereżempju, jew data diżaggregata etnikament jew data proxy soċjodemografika rilevanti, jew taħlita tat-tnejn. |
40. |
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe miżura meħuda taħt din ir-Rakkomandazzjoni sa Ġunju 2023. Wara dan, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni fuq bażi biennali dwar miżuri li jkunu għaddejjin u ġodda, inkluża informazzjoni dwar kwalunkwe progress miksub f'kull qasam tematiku fl-implimentazzjoni ta' oqfsa strateġiċi nazzjonali tar-Rom. Ir-rapporti mill-Istati Membri ser jintużaw biex jikkontribwixxu għar-rapporti ta' evalwazzjoni u biennali tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni. |
41. |
L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw id-divulgazzjoni pubblika sħiħa tar-rapporti nazzjonali dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom sabiex tiżdied it-trasparenza u jingħata lok għall-apprendiment tal-politika, u jorganizzaw, fejn ikun rilevanti, għall-istrateġija nazzjonali u r-rapporti ta' implimentazzjoni finalizzati biex jiġu diskussi fil-parlamenti nazzjonali. |
42. |
L-Aġenzija għandha twettaq stħarriġ regolari dwar ir-Rom fl-2020, l-2024 u l-2028, biex tipprovdi d-data meħtieġa għal riżultati f'xenarju bażi, f'nofs it-terminu u fi tmiem it-terminu, li jirriflettu kwalunkwe bidla fis-sitwazzjoni tar-Rom. L-Aġenzija għandha tappoġġa wkoll lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiġbru d-data rilevanti dwar l-ugwaljanza, tappoġġa lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ u l-analiżi, u tappoġġa lill-punti ta' kuntatt nazzjonali tar-Rom fir-rappurtar, bl-assistenza tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-indikaturi u r-rappurtar tar-Rom. |
B'DAN JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:
43. |
Tiżgura li l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri sservi bħala bażi għat-tħejjija tar-rapporti tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-oqfsa strateġiċi nazzjonali tar-Rom. |
44. |
Tkompli tagħmel sforzi biex tintegra l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-inizjattivi ewlenin rilevanti kollha tal-Kummissjoni u tkompli wkoll timmonitorja l-politiki għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom fil-qafas tas-Semestru Ewropew u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. |
45. |
Tkompli trawwem is-sħubija u l-iskambju tranżnazzjonali billi tappoġġa n-network tal-punti ta' kuntatt nazzjonali tar-Rom, in-network UE-Rom, il-Pjattaforma Ewropea tar-Rom, l-Azzjoni Preparatorja tal-Parlament Ewropew għall-monitoraġġ tas-soċjetà ċivili u n-Network Ewropew għall-Korpi Nazzjonali tal-Ugwaljanza (Equinet).
Din ir-Rakkomandazzjoni tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri effettivi ta' integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri. |
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Marzu 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
A. P. ZACARIAS
(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22).
(2) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55).
(3) Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).
(4) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri ta’ integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri (ĠU C 378, 24.12.2013, p. 1).
(5) L-Ewrobarometru Speċjali 493. Id-diskriminazzjoni fl-UE (l-ewwel riżultati maħruġa f'Settembru 2019).
(6) Ir-razziżmu mifrux ikompli jiflaġella l-Ewropa. L-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, 20 ta' Ġunju 2019, pubblikazzjoni bbażata fuq Ir-Rapport għall-2019 dwar id-Drittijiet Fundamentali, L-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, 6 ta' Ġunju 2019.
(7) Ir-Rakkomandazzjoni Nru 3 tal-Politika Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza ("ECRI") dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-intolleranza kontra r-Rom/Żingari, adottata fis-6 ta' Marzu 1998. Il-preambolu tar-Rakkomandazzjoni Nru 13 tal-Politika Ġenerali tagħhom dwar il-ġlieda kontra l-antiżingariżmu u d-diskriminazzjoni kontra r-Rom, tenna mill-ġdid li "l-antiżingariżmu huwa forma ta' razziżmu partikolarment persistenti, vjolenti, rikorrenti u komuni."
(8) Dokument ta' Referenza tal-Alleanza Kontra l-Antiżingariżmu tal-2017. Meħud minn http://antigypsyism.eu/?page_id=17
(9) Dokument ta' konklużjoni tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-UE biex jiġu miġġielda r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza ta' Novembru 2018. Antiżingariżmu: Ngħarfuh dejjem iżjed biex Nifhmu u nindirizzaw aħjar il-manifestazzjonijiet tiegħu.
(10) https://www.holocaustremembrance.com/resources/working-definitions-charters/working-definition-antigypsyism-anti-roma-discrimination
(11) Li jappartjenu għal diversi kuntesti, pereżempju, li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin, li l-vittmi tagħhom huma prinċipalment nisa u tfal Rom.
(12) It-terminu "diskriminazzjoni multipla" jintuża bħala kunċett kumplessiv għall-każijiet kollha ta' diskriminazzjoni abbażi ta' diversi raġunijiet u li tidher f'żewġ modi possibbli. Dawn jistgħu jkunu f'forma ta' "diskriminazzjoni addittiva", fejn id-diskriminazzjoni sseħħ abbażi ta' diversi raġunijiet ta' diskriminazzjoni li joperaw separatament, u dik ta' "diskriminazzjoni intersezzjonali", fejn żewġ raġunijiet ta' diskriminazzjoni jew aktar joperaw u jinteraġixxu ma' xulxin b'tali mod li jkunu inseparabbli jew indissolubbli. L-indirizzar tad-Diskriminazzjoni Multipla. Prattiċi, politiki u liġijiet. Rapport mill-Kummissjoni Ewropea (2007). Multiple Discrimination in EU Law: Opportunities for Legal Responses to Intersectional Gender Discrimination (Id-diskriminazzjoni multipla fil-liġi tal-UE: Opportunitajiet għal Risposti Legali għad-Diskriminazzjoni Intersezzjonali bejn il-Ġeneri). In-Network Ewropew ta' Esperti Legali fil-Qasam tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri. Il-Kummissjoni Ewropea (2009).
(13) Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).
(14) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(15) Linji gwida dwar it-titjib tal-ġbir u l-użu tad-data dwar l-ugwaljanza( 2018). Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri rrakkomandat l-iżvilupp ta' metodoloġiji xierqa biex tinġabar data rilevanti dwar l-inklużjoni tar-Rom fl-Istati Membri kollha. Inizjattivi ta' politika u appoġġ finanzjarju tal-UE għall-integrazzjoni tar-Rom: sar progress sinifikanti fl-aħħar 10 snin, iżda sforzi addizzjonali huma meħtieġa fil-prattika. Ir-Rapport Speċjali Nru 14/2016.
(16) Il-Prinċipji Bażiċi Komuni ġew diskussi fl-ewwel Pjattaforma Ewropea għall-Inklużjoni tar-Rom f'April 2009 u approvati mill-Kunsill EPSCO fit-8 ta' Ġunju 2009 f'sett ta' konklużjonijiet li appellaw lill-Istati Membri biex jieħdu kont tal-Prinċipji Bażiċi Komuni, fejn adatt, meta jfasslu u jimplimentaw il-politiki. Konklużjonijiet tal-Kunsill EPSCO dwar l-Inklużjoni tar-Rom (8 ta' Ġunju 2009).
(17) Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).
(18) Id-diskriminazzjoni sistematika jew strutturali hija mifhuma bħala evidenti fl-inugwaljanzi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni, il-politika u l-prattika, mhux b'intenzjoni iżda li jirriżultaw minn firxa ta' fatturi istituzzjonali fit-tfassil, l-implimentazzjoni u r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni, il-politika u l-prattika. "Roma and Traveller Inclusion: Lejn Qafas ġdid tal-UE, Nitgħallmu mill-ħidma tal-korpi tal-ugwaljanza", Perspettiva tal-Equinet'', Ġunju 2020.
(19) Iċ-ċittadini tal-UE ta' etniċità Rom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
(20) Roma women in nine EU Member States (In-nisa Rom f'disa' Stati Membri tal-UE) (2019), rapport mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, jiddeskrivi l-isfidi li jiffaċċjaw in-nisa u l-bniet Rom.
(21) Skont dak li ġie deskritt fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Ottubru 2020 dwar Pont għall-Impjiegi - It-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li tissostitwixxi r- Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar l-istabbiliment ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ (ĠU C 372, 4.11.2020, p. 1).
(22) Ara l-Artikolu 16, flimkien mal-Premessa 31, tad-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 435, 23.12.2020, p. 1).
(23) Ara, b'mod partikolari, l-Artikolu 4(1) (v u viii) tal-proposta għall-FSE+ għall-2021-2027.
(24) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
(25) L-Anness 2 tal-Komunikazzjoni tas-7 ta’ Ottubru 2020, u l-Qafas ta' monitoraġġ għal qafas strateġiku tal-UE għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni tar-Rom – Objettivi u indikaturi).