Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1407

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1407 tas-26 ta’ Awwissu 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/919 fir-rigward tal-istandards armonizzati għall-pajpijiet flessibbli tal-fjuwil li jirreżistu n-nar, għall-pajpijiet flessibbli tal-fjuwil li ma jirreżistux in-nar, għall-valvs u għat-tagħmir fil-buq li minnhom jgħaddi likwidu li jkun fuq il-ġewwa tal-inġenju, għall-komponenti tal-fjuwil, taż-żejt u elettriċi mmuntati fuq il-magni diżil abbord, u għar-roti tal-istering

C/2021/6147

ĠU L 303, 27.8.2021, pp. 8–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 16/10/2022; Impliċitament imħassar minn 32022D1954

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/1407/oj

27.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 303/8


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1407

tas-26 ta’ Awwissu 2021

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/919 fir-rigward tal-istandards armonizzati għall-pajpijiet flessibbli tal-fjuwil li jirreżistu n-nar, għall-pajpijiet flessibbli tal-fjuwil li ma jirreżistux in-nar, għall-valvs u għat-tagħmir fil-buq li minnhom jgħaddi likwidu li jkun fuq il-ġewwa tal-inġenju, għall-komponenti tal-fjuwil, taż-żejt u elettriċi mmuntati fuq il-magni diżil abbord, u għar-roti tal-istering

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-prodotti li jkunu konformi ma’ standards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, huma preżunti konformi mar-rekwiżiti koperti minn dawk l-istandards jew minn partijiet minnhom, stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2013/53/UE u fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8736 (3), il-Kummissjoni talbet lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) għall-abbozzar u għar-reviżjoni tal-istandards armonizzati b’appoġġ għad-Direttiva 2013/53/UE li tindirizza rekwiżiti essenzjali aktar stretti stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2013/53/UE u fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva, meta mqabbla mad-Direttiva 94/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li ġiet imħassra.

(3)

Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2015) 8736, is-CEN u s-Cenelec intalbu wkoll jirrevedu standards li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati permezz tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2015/C 087/01 (5).

(4)

Abbażi tat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2015) 8736, is-CEN irreveda l-istandards armonizzati li ġejjin, li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/919 (6): EN ISO 7840:2018 dwar pajpijiet flessibbli tal-fjuwil li jirreżistu n-nar, EN ISO 8469:2018 dwar pajpijiet flessibbli tal-fjuwil li ma jirreżistux in-nar, l-istandards armonizzati EN ISO 9093-1:2018 u EN ISO 9093-2:2018 dwar il-valvs u t-tagħmir fil-buq li minnhom jgħaddi likwidu li jkun fuq il-ġewwa tal-inġenju, u EN ISO 16147:2017 dwar komponenti tal-fjuwil, u elettriċi mmuntati fuq il-magni diżil abbord. Dan irriżulta fl-adozzjoni tal-istandards armonizzati li ġejjin: EN ISO 7840:2021, EN ISO 8469:2021, EN ISO 9093:2021 u EN ISO 16147:2021.

(5)

Abbażi tat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2015) 8736, is-CEN abbozza wkoll standard armonizzat ġdid EN ISO 23411:2021 dwar ir-roti tal-istering.

(6)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk dawk l-istandards kif ġew abbozzati jew reveduti mis-CEN jikkonformawx mat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2015) 8736.

(7)

L-istandard EN ISO 7840:2021 jistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali u t-testijiet fiżiċi għall-pajpijiet flessibbli tal-fjuwil li jirreżistu n-nar biex minnhom jgħaddi petrol jew petrol imħallat bl-etanol, u fjuwil tad-diżil jew fjuwil tad-diżil imħallat bil-FAME, iddisinjati għal pressjoni tat-tħaddim li ma taqbiżx iż-0,34 MPa għall-pajpijiet flessibbli b’dijametru intern sa u inkluż 10 mm, u ż-0,25 MPa għall-pajpijiet flessibbli b’dijametru intern sa 63 mm f’inġenji żgħar.

(8)

L-istandard EN ISO 8469:2021 jistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali u t-testijiet fiżiċi għall-pajpijiet flessibbli tal-fjuwil li ma jirreżistux in-nar biex minnhom jgħaddi petrol jew petrol imħallat bl-etanol, u fjuwil tad-diżil jew fjuwil tad-diżil imħallat bil-FAME, iddisinjati għal pressjoni tat-tħaddim li ma taqbiżx iż-0,34 MPa għall-pajpijiet flessibbli b’dijametru intern sa u inkluż 10 mm, u ż-0,25 MPa għall-pajpijiet flessibbli b’dijametru intern sa 63 mm f’inġenji żgħar sa 24 m.

(9)

L-istandard EN ISO 9093:2021 jistabbilixxi r-rekwiżiti għat-tagħmir fil-buq li minnu jgħaddi likwidu li jkun fuq il-ġewwa tal-inġenju, għall-valvs, għall-konnessjonijiet tal-pajpijiet flessibbli, għat-tagħmir tagħhom u għall-installazzjoni tagħhom f’inġenji żgħar sa 24 m.

(10)

L-istandard EN ISO 16147:2021 jistabbilixxi r-rekwiżiti għad-disinn u għall-installazzjoni ta’ komponenti tal-fjuwil, taż-żejt u elettriċi mmuntati fuq magni diżil abbord biex jimminimizzaw it-tnixxija tal-fjuwil, ir-riskju ta’ xokk elettriku u r-riskju u/jew it-tifrix ta’ nar fuq inġenji żgħar sa 24 m.

(11)

L-istandard EN ISO 23411:2021 jistabbilixxi r-rekwiżiti għad-disinn u għall-ittestjar għar-roti tal-istering għal inġenji żgħar sa 24 m.

(12)

L-istandards EN ISO 7840:2021, EN ISO 8469:2021, EN ISO 9093:2021, EN ISO 16147:2021 u EN ISO 23411:2021 jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom l-għan li jkopru u li huma stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2013/53/UE, kif ukoll fil-Parti A tal-Anness I ta’ dik id-Direttiva. Għalhekk jixraq li r-referenzi ta’ dawk l-istandards jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(13)

L-istandard EN ISO 7840:2021 se jissostitwixxi l-istandard EN ISO 7840:2018. L-istandard EN ISO 8469:2021 se jissostitwixxi l-istandard EN ISO 8469:2018. L-istandard EN ISO 9093:2021 se jissostitwixxi l-istandards EN ISO 9093-1:2018 u EN ISO 9093-2:2018. L-istandard EN ISO 16147:2021 se jissostitwixxi l-istandard EN ISO 16147:2017. L-istandard EN ISO 23411:2021 se jissostitwixxi l-istandards EN ISO 9775:2017 u EN ISO 15652:2017 ippubblikati permezz tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2018/C 209/05 (7).

(14)

Għalhekk, jeħtieġ li r-referenzi tal-istandards EN ISO 7840:2018, EN ISO 8469:2018, EN ISO 9093-1:2018, EN ISO 9093-2:2018, EN ISO 9775:2017, EN ISO 15652:2017 u EN ISO 16147:2017 jiġu rtirati minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (8).

(15)

Sabiex il-manifatturi jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw il-prodotti tagħhom għall-verżjonijiet reveduti tal-istandards armonizzati EN ISO 7840:2018, EN ISO 8469:2018, EN ISO 9093-1:2018, EN ISO 9093-2:2018, EN ISO 9775:2017, EN ISO 15652:2017 u EN ISO 16147:2017, jeħtieġ li l-irtirar tar-referenzi ta’ dawk l-istandards jiġi differit.

(16)

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/919 jelenka r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2013/53/UE. Ir-referenzi tal-istandards armonizzati EN ISO 7840:2021, EN ISO 8469:2021, EN ISO 9093:2021, EN ISO 16147:2021, u EN ISO 23411:2021 jenħtieġ li jiġu inklużi f’dak l-Anness. Ir-referenzi tal-istandards armonizzati EN ISO 7840:2018, EN ISO 8469:2018, EN ISO 9093-1:2018, EN ISO 9093-2:2018 jenħtieġ li jitħassru minn dak l-Anness.

(17)

L-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/919 jelenka r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2013/53/UE li huma rtirati minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ir-referenzi tal-istandards armonizzati EN ISO 9775:2017, EN ISO 15652:2017 u EN ISO 16147:2017 jenħtieġ li jiġu inklużi f’dak l-Anness.

(18)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/919 tiġi emendata skont dan.

(19)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/919 hija emendata kif ġej:

(1)

l-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni;

(2)

l-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt (2) tal-Anness I għandu japplika mis-27 ta’ Frar 2023.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(2)  Id-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali u li tħassar id-Direttiva 94/25/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 90).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8736 tal-15 ta’ Diċembru 2015 fuq talba ta’ standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali b’appoġġ għad-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali u li tħassar id-Direttiva 94/25/KE (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Id-Direttiva 94/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mad-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni (ĠU L 164, 30.6.1994, p. 15).

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 94/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mad-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni (Pubblikazzjoni ta’ titoli u referenzi ta’ standards armonizzati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni) (ĠU C 87, 13.3.2015, p. 1).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/919 tal-4 ta’ Ġunju 2019 dwar l-istandards armonizzati għall-inġenji li jintużaw għar-rikreazzjoni u għall-inġenji tal-ilma personali abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 146, 5.6.2019, p. 106).

(7)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali u li tħassar id-Direttiva 94/25/KE (Pubblikazzjoni ta’ titoli u referenzi ta’ standards armonizzati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni) (ĠU C 209, 15.6.2018, p. 137).

(8)   ĠU C 209, 15.6.2018, p. 137.


ANNESS I

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/919 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

Nru

Referenza tal-istandard

“35.

EN ISO 7840:2021

 

Inġenji żgħar – Pajpijiet flessibbli tal-fjuwil li jirreżistu n-nar

36.

EN ISO 8469:2021

 

Inġenji żgħar – Pajpijiet flessibbli tal-fjuwil li ma jirreżistux in-nar

37.

EN ISO 9093:2021

 

Inġenji żgħar – Valvs u tagħmir fil-buq li minnhom jgħaddi likwidu li jkun fuq il-ġewwa tal-inġenju

38.

EN ISO 16147:2021

 

Inġenji żgħar – Magni diżil abbord – Komponenti tal-fjuwil, taż-żejt u elettriċi mmuntati fuqil-magni

39.

EN ISO 23411:2021

 

Inġenji żgħar – Roti tal-istering”;

(2)

l-entrati Nri 5, 6, 9 u 10 jitħassru.


ANNESS II

Fl-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/919, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

Nru

Referenza tal-istandard

Data tal-irtirar

“33.

EN ISO 9775:2017

Inġenji żgħar – Sistemi remoti tal-ikkwartjar għal magni uniċi mhux abbord b’potenza ta’ 15 kW sa 40 kW (ISO 9775:1990)

Is-27 ta’ Frar 2023.

34

EN ISO 15652:2017

Inġenji żgħar – Sistemi remoti tal-ikkwartjar għal dgħajjes żgħar bil-ġett bil-magna abbord (ISO 15652:2003)

Is-27 ta’ Frar 2023.

35

EN ISO 16147:2017

Inġenji żgħar – Magni diżil abbord – Komponenti tal-fjuwil u elettriċi mmuntati fuq il-magni (ISO 16147:2002, A1:2013)

Is-27 ta’ Frar 2023.”.


Top