EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1095

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1095 tat-2 ta’ Lulju 2021 li tistabbilixxi l-metodoloġija għall-allokazzjoni tal-kostijiet relatati mal-operazzjonijiet mutwatarji u tal-ġestjoni tad-dejn permezz tan-NextGenerationEU

C/2021/4864

ĠU L 236, 5.7.2021, p. 75–85 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 22/12/2022; Imħassar b' 32022D2545

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/1095/oj

5.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 236/75


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1095

tat-2 ta’ Lulju 2021

li tistabbilixxi l-metodoloġija għall-allokazzjoni tal-kostijiet relatati mal-operazzjonijiet mutwatarji u tal-ġestjoni tad-dejn permezz tan-NextGenerationEU

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-kuntest tar-rispons għall-kriżi tal-COVID-19, il-pakkett għall-irkupru tan-NextGenerationEU (“NGEU”) ġie adottat biex jiffinanzja inizjattivi ta’ rkupru, filwaqt li jiffaċilita t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomija tal-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, il-programmi tal-NGEU huma dawk iffinanzjati skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 (3), dment li jimplimentaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissellef fondi mis-swieq kapitali f’isem l-Unjoni, sa EUR 750 000 miljun fi prezzijiet tal-2018, li minnhom sa EUR 360 000 miljun fi prezzijiet tal-2018 jistgħu jintużaw għall-għoti ta’ self u sa EUR 390 000 miljun fi prezzijiet tal-2018 jistgħu jintużaw għan-nefqa.

(3)

Skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053, il-ħlas lura tal-kapital tal-fondi missellef biex jintuża għan-nefqa u l-imgħax relatat dovut għandu jsir mill-baġit tal-Unjoni.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 u mal-Artikolu 220(5), il-punt (e) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-kostijiet relatati mas-self ta’ fondi għas-self ipprovdut skont ir-Regolament (UE) 2021/241 jenħtieġ li jitħallsu mill-Istat Membru benefiċjarju.

(5)

Bl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet mutwatarji tal-NGEU u l-operazzjonijiet tal-ġestjoni tad-dejn tal-NGEU, il-kapital ma għadux jinġabar abbażi tat-tranżazzjoni li tkun. Skont dan il-mudell, il-kostijiet tal-finanzjament kienu identifikabbli b’mod ċar u marbuta ma’ tranżazzjoni speċifika ta’ teħid ta’ self, u l-kostijiet relatati setgħu jiġu ttrasferiti lill-benefiċjarju tas-self flimkien mar-rikavat mit-tranżazzjoni ta’ teħid ta’ self. Min-naħa l-oħra, bl-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata tal-NGEU, l-iżborżi permezz tal-NGUE għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ rikors għal ġabra unika ta’ fondi, magħmula minn strumenti ta’ finanzjament ta’ terminu qasir u twil, li minnhom jittieħdu r-riżorsi meta jkun meħtieġ li jsiru żborżi favur il-benefiċjarji. L-istrateġija diversifikata ta’ finanzjament tiżgura l-aktar termini vantaġġużi meta jittieħed self ta’ ammonti sinifikanti ta’ fondi b’maturitajiet differenti. Għaldaqstant, huwa meħtieġ approċċ speċifiku biex jiġu kkalkulati u assenjati l-kostijiet kondiviżi marbuta ma’ kull żborż fuq bażi ġusta, ekwa u trasparenti.

(6)

Sabiex jiġi żgurat dan l-approċċ ġust, ekwu u trasparenti, jenħtieġ li l-Kummissjoni timplimenta metodoloġija komuni u unifikata għall-ispejjeż, applikabbli kemm għall-iżborżi relatati mas-self kif ukoll għal dawk relatati mad-dħul assenjat estern skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/2094.

(7)

Għandha tintuża metodoloġija ġdida għall-allokazzjoni tal-ispejjeż li tiżgura li ma jkun hemm l-ebda sussidju inkroċjat għall-kostijiet minn kategorija waħda ta’ benefiċjarji li jintuża minn kategorija oħra. Il-kostijiet tat-teħid b’self attribwiti għas-self jenħtieġ li jiġu imputati b’mod sħiħ lill-Istati Membri li jibbenefikaw minn self skont ir-Regolament (UE) 2021/241. Il-kostijiet tat-teħid b’self attribwiti għad-dħul assenjat estern skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/2094 għandhom jiġu attribwiti bis-sħiħ lill-baġit tal-Unjoni abbażi tal-ispejjeż reali mġarrba għall-ġbir u l-iżborż tas-sehem rispettiv tar-rikavati lill-benefiċjarji differenti. Il-metodoloġija jenħtieġ li tkopri l-kostijiet kollha mġarrba mill-Kummissjoni għas-self permezz tal-NGEU, inklużi l-ispejjeż amministrattivi kollha, u għandha tiżgura li kategoriji differenti ta’ kostijiet jiġu kkalkulati għal kull żborż.

(8)

Dan il-kalkolu tal-kostijiet u l-metodoloġija tal-allokazzjoni jenħtieġ li jiddistingwu bejn tliet kategoriji ta’ kostijiet. L-ewwel wieħed huwa l-kost tal-finanzjament li jirriżulta mill-imgħax u tariffi oħra li l-Kummissjoni trid tħallas fuq l-istrumenti differenti maħruġa biex tiffinanzja l-iżborżi inkwistjoni. It-tieni huma l-kostijiet tal-ġestjoni tal-likwidità li huma l-kostijiet imġarrba bħala riżultat tal-ammonti miżmuma temporanjament fil-kontijiet tal-likwidità bħala riżervi biex jiġu ssodisfati l-pagamenti li ġejjin. It-tielet huma l-ispejjeż amministrattivi tal-bini u ż-żamma tal-kapaċità teknika u operazzjonali biex tiġi implimentata strateġija diversifikata ta’ finanzjament.

(9)

Il-kalkolu tal-kost tal-finanzjament li jirriżulta minn tranżazzjonijiet ta’ teħid ta’ self fit-tul jenħtieġ li jkun abbażi tal-kostijiet li jirriżultaw mill-operazzjonijiet kollha ta’ teħid ta’ self imwettqa matul il-perjodu ta’ sitt xhur li matulu, bħala regola, ikun hemm id-data tal-iżborż. Din il-kompartimentalizzazzjoni f’perjodi ta’ sitt xhur hija ġustifikata mill-ħtieġa li jiġi żgurat li l-kostijiet ta’ finanzjament iddebitati għall-iżborż ikunu marbutin mill-qrib mar-rati prevalenti tas-suq fiż-żmien ta’ meta dan isir, u mhux abbażi tal-kostijiet ta’ finanzjament li jiġġarrbu f’xi perjodu ta’ żmien ’l bogħod. B’dan il-mod, l-istrumenti ta’ finanzjament, u l-kostijiet relatati, jiġu allokati lil kompartimenti rilevanti. Il-ġabra preċiża ta’ strumenti ta’ finanzjament hija stabbilita biss fl-għeluq tal-perjodu ta’ sitt xhur. Dan għandu jippermetti l-applikazzjoni tal-istess kost tal-finanzjament għal kwalunkwe żborż simultanju attribwit għall-istess perjodu ta’ żmien u għandu jiżgura b’mod partikolari approċċ ġust, ekwu u trasparenti bejn l-Istati Membri. L-Istati Membri u l-baġit tal-Unjoni għad-dħul assenjat estern skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2020/2094 jenħtieġ li jħallsu sehemhom. Dan jevita l-arbitrarjetà jew il-ħtif ta’ opportunità li kienu jikkaratterizzaw is-sistema tradizzjonali back-to-back fejn il-kostijiet għal xi benefiċjarju partikolari kienu t-termini li setgħu jinkisbu f’jum partikolari li fih jkun sar is-self. Minbarra l-ewwel perjodu ta’ żmien, li jenħtieġ li jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ġunju 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021, kull perjodu ta’ żmien jenħtieġ li jkopri perjodu ta’ sitt xhur li jibda mill-1 ta’ Jannar jew mill-1 ta’ Lulju. L-aħħar perjodu ta’ żmien attiv jenħtieġ li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2026, li jirriżulta fi ħdax-il perjodu ta’ żmien. Il-perjodi taż-żmien jenħtieġ li ma jibqgħux jeżistu ladarba jseħħ il-ħlas lura kollu tal-iżborżi ffinanzjati.

(10)

Filwaqt li r-rati tal-imgħax mitluba lill-benefiċjarji tas-self se jkunu stabbli, se jkun hemm ir-rikalkolu perjodiku u marġinali tar-rati meta l-istrumenti li jimmaturaw fil-finanzjament kollettiv jeħtieġ li jiġu sostitwiti. Il-Kummissjoni se tiżviluppa l-kapaċità tagħha li tuża derivattivi bħal swaps biex timmaniġġja kwalunkwe riskju tal-imgħax li jifdal u toffri l-opzjoni ta’ self b’rata tal-imgħax fissa lill-Istati Membri. Il-kostijiet ta’ din il-faċilità b’rata tal-imgħax fissa jenħtieġ li jiġġarrbu b’mod sħiħ u esklużiv mill-Istati Membri li jeżerċitaw din l-opzjoni.

(11)

L-ammonti ta’ żborżi f’perjodu ta’ żmien jenħtieġ li jkunu daqs l-ammont tal-istrumenti ta’ finanzjament fit-tul attribwiti għal dak il-perjodu ta’ żmien. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-iżborżi tar-rikavati jseħħu u jiġu attribwiti għall-istess perjodu ta’ żmien tal-ħruġ tal-istrumenti ta’ finanzjament fit-tul użati biex jiġi ġġenerat id-dħul. Madankollu, dewmien mhux previst biex isiru l-iżborżi jista’ jirriżulta f’sitwazzjonijiet fejn id-dħul tal-finanzjament fit-tul jkun ġie ġġenerat, iżda ma jkunx jista’ jiġi żborżat kif skedat inizjalment. F’dan il-każ, l-iżborż jista’ jiġi ttardjat u jseħħ matul il-perjodu ta’ żmien ta’ wara. Madankollu, jekk il-fondi għal dawn il-ħtiġijiet ta’ finanzjament partikolari jkunu diġà nġabru u ġew attribwiti għal perjodu ta’ żmien preċedenti, dawn ma jistgħux jintużaw għal ħtiġijiet oħra f’dan il-perjodu ta’ żmien. F’dawn iċ-ċirkostanzi, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu attribwiti l-iżborżi relatati għall-perjodu ta’ żmien li għalih ikunu ġew attribwiti l-istrumenti ta’ finanzjament. Jenħtieġ li jkun ugwalment possibbli li l-istrumenti ta’ finanzjament fit-tul tal-perjodu ta’ żmien li jkun imiss jiġu attribwiti għall-perjodu ta’ żmien preċedenti f’każ li l-ammont ta’ strumenti ta’ finanzjament fit-tul ta’ dak il-perjodu ta’ żmien ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-ammont ta’ żborżi.

(12)

Il-Kummissjoni se jkollha wkoll tantiċipa, fil-perjodi ta’ żmien preċedenti, il-ħtiġijiet tal-iżborżi li jinqalgħu kmieni fil-ħajja tal-perjodu ta’ żmien li jmiss. Sabiex ikunu koperti sitwazzjonijiet bħal dawn u jiġi żgurat li l-Kummissjoni jkollha r-riżorsi disponibbli b’termini vantaġġużi biex tagħmel l-iżborżi li jseħħu qrib it-tranżizzjoni bejn il-perjodi ta’ żmien, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha l-possibbiltà li tattribwixxi l-istrumenti ta’ finanzjament fit-tul għall-perjodu ta’ żmien li jkun jmiss.

(13)

Il-kapaċità li tiġi ġestita l-likwidità tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament permezz ta’ aċċess għal self għal terminu qasir u ż-żamma ta’ flus għal finijiet prudenzjali hija karatteristika ċentrali u li tiddefinixxi l-istrateġija diversifikata ta’ finanzjament. Din il-ġestjoni tal-likwidità se tippermetti lill-Kummissjoni biex tissodisfa l-ħtiġijiet kollha ta’ pagament u tadatta l-ħruġ għall-kundizzjonijiet tas-suq. Din il-kapaċità twassal għall-kostijiet ta’ ġbir ta’ rikavati permezz tal-ħruġ ta’ kambjala ta’ terminu qasir, u ż-żamma ta’ xi rikavati fuq bażi temporanja fuq kont tal-likwidità sabiex tiġi garantita l-kapaċità li jsiru l-pagamenti kollha meta jkun hemm talba. Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tistabbilixxi bażi għall-kalkolu ta’ dawn il-kostijiet ta’ likwidità u l-impożizzjoni tagħhom fuq bażi ġusta u ekwa fuq il-benefiċjarji rilevanti kollha tar-rikavati matul is-sena inkwistjoni.

(14)

Ħtiġijiet ta’ żborż ogħla mill-ammont ta’ strumenti ta’ finanzjament fit-tul allokati għall-perjodu ta’ żmien rispettiv jew għall-pagamenti tal-imgħax jistgħu jirriżultaw f’defiċit ta’ likwidità għall-perjodu ta’ żmien. Ħtiġijiet ta’ żborż aktar baxxi mill-ammont tal-istrumenti ta’ finanzjament fit-tul allokati għall-perjodu ta’ żmien rispettiv jew pagamenti ta’ tifdija riċevuti mill-NGEU fir-rigward tal-iżborżi pendenti allokati għall-perjodu jistgħu jirriżultaw f’surplus ta’ likwidità. Il-kumpens ta’ dawn is-surpluses jew defiċits tal-likwidità huwa rekwiżit inevitabbli tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament tal-NGEU. Jenħtieġ li dawn il-kostijiet ma jiġġarrbux mill-kompartimenti tal-perjodi ta’ żmien rispettivi, iżda jenħtieġ li jiġu iżolati u ġestiti bħala parti minn kostijiet distinti tal-ġestjoni tal-likwidità. Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu biex jitneħħew l-ispejjeż li jirriżultaw minn defiċits jew surpluses ta’ likwidità sabiex ikunu jistgħu jiġu assorbiti mill-programm ta’ finanzjament usa’ fil-forma ta’ kostijiet tal-ġestjoni ta’ likwidità. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża l-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità biex jiġi bbilanċjat kwalunkwe bilanċ ta’ flus pożittiv jew negattiv fil-perjodi ta’ żmien għall-ammont totali ta’ żborżi.

(15)

L-implimentazzjoni tal-istrateġija diversifikata ta’ finanzjament teħtieġ l-akkwist ta’ kapaċitajiet ġodda meħtieġa biex jinkiseb l-aktar aċċess vantaġġuż għas-swieq kapitali u biex tiġi żgurata l-manutenzjoni ta’ tali infrastruttura b’mod kontinwu u effettiv. Dan jinkludi l-kostijiet meħtieġa biex jinżammu l-kontijiet tal-likwidità, biex tinkiseb il-kapaċità biex isiru rkanti għall-kambjali u l-bonds tal-UE u biex jiġu implimentati kapaċitajiet interni ġodda għall-ipproċessar tad-data. Tali kostijiet li jirriżultaw direttament mill-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet mutwatarji u ta’ żborż tal-NGEU jenħtieġ li jiġu ttrattati bħala spejjeż ġenerali li jiddistingwu l-kostijiet relatati mal-istabbiliment u l-manutenzjoni tal-infrastruttura ta’ self u pagament tal-NGEU. Dawn il-kostijiet għandhom jiġu koperti mill-kost tas-servizz għall-ispejjeż amministrattivi.

(16)

Il-kost tas-servizz għall-ispejjeż amministrattivi jiġbor fih l-ispejjeż amministrattivi kollha mġarrba direttament bl-implimentazzjoni tal-NGEU. Dawn il-kostijiet għandhom jiġġarrbu jew bħala kostijiet tal-istabbiliment, relatati ma’ kostijiet ta’ darba għall-bini ta’ ċerti kapaċitajiet operazzjonali jew bħala kostijiet rikorrenti li huma kostijiet inevitabbli direttament attribwibbli għall-operazzjonijiet tal-NGEU u li jseħħu maż-żmien.

(17)

Filwaqt li l-kostijiet rikorrenti jenħtieġ li jiffurmaw il-parti ewlenija tal-kostijiet annwali regolari ddebitati għall-iżborżi li jseħħu f’sena partikolari, il-kostijiet tal-istabbiliment jenħtieġ li jkunu tariffi ta’ darba.

(18)

L-ispejjeż amministrattivi inklużi fil-kost tas-servizz għall-ispejjeż amministrattivi jenħtieġ li jkunu limitati għal lista magħluqa ta’ kostijiet relatati direttament mal-NGEU. Il-kost aggregat tas-servizz għall-ispejjeż amministrattivi jirrappreżenta sehem limitat ħafna tal-kostijiet aggregati mill-operazzjonijiet tal-NGEU. Il-Kummissjoni għandha twettaq konsultazzjoni xierqa, inkluż mal-esperti tal-Istati Membri, qabel ma testendi l-lista tal-ispejjeż amministrattivi jekk tinqala’ xi ħtieġa ġustifikata fil-futur. Tali konsultazzjoni għandha wkoll ssir qabel il-modifika ta’ aspetti oħra ta’ din il-metodoloġija li jinfluwenzaw il-kostijiet li għandhom jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni jew mill-Istati Membri.

(19)

Il-proċess ta’ fatturazzjoni ex post jenħtieġ li jitfassal b’tali mod li jiżgura li l-kostijiet jiġu rkuprati mill-2022 u sal-mument li l-ispejjeż ma jibqgħux jiġu ġġenerati minn operazzjonijiet mutwatarji u tal-ġestjoni tad-dejn tal-NGEU.

(20)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li toħroġ avviż ta’ konferma fir-rigward ta’ kull żborż, kemm jekk għad-dħul assenjat estern skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/2094 kif ukoll għal self mogħti lill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2021/241 (“is-self permezz tal-RRF”).

(21)

Is-self skont ir-Regolament (UE) 2021/241 għandu jiġi implimentat fuq termini finanzjarji standard (il-profil ta’ maturità u ta’ ripagament) għal kull żborż li jsir lill-Istati Membri. Għall-iżborżi għal dħul assenjat esternament skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/2094, l-avviż ta’ konferma jenħtieġ li jkun l-element ewlieni ta’ appoġġ li jiddetermina dawn it-termini finanzjarji għall-Baġit tal-UE. L-avviż ta’ konferma għandu jiddetermina t-talba għall-kostijiet fuq il-bażi tat-termini finanzjarji tiegħu. Dawn it-termini jenħtieġ li jinkludu d-data tal-iżborż, l-ammont ta’ appoġġ finanzjarju, id-data tal-pagamenti tal-kost tal-finanzjament tad-dħul assenjat estern skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/2094.

(22)

Ir-referenzi xierqa fil-ftehimiet tas-self iffirmati mill-Istati Membri jispeċifikaw li l-kostijiet tal-iżborżi huma ddeterminati bl-applikazzjoni tal-metodoloġija stabbilita b’din id-Deċiżjoni.

(23)

Il-metodoloġija għall-allokazzjoni tal-kostijiet tiddetermina l-metodu tal-kalkolu tal-kostijiet tas-self imġarrba kemm mill-baġit f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 kif ukoll mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) 2021/241. Għaldaqstant, dan jikkostitwixxi arranġament għall-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ għoti u teħid b’self skont it-tifsira tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 u tal-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2021/241.

(24)

Sabiex tiġi żgurata l-allokazzjoni uniformi tal-kostijiet fil-pakkett ta’ rkupru tal-NGEU, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mill-1 ta’ Ġunju 2021. Peress li din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal tranżazzjonijiet ta’ teħid b’self u żborżi permezz tal-programm tal-NGEU li jkunu seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni għal self skont ir-Regolament (UE) 2021/241 lill-Istati Membri jenħtieġ li sseħħ mad-dħul fis-seħħ tal-ftehimiet ta’ self rilevanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

TAQSIMA 1

SUĠĠETT, DEFINIZZJONIJIET U REGOLI ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u prinċipji regolatorji

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi metodoloġija unika u unifikata biex jiġu allokati l-kostijiet tal-finanzjament, tal-ġestjoni tal-likwidità u tas-servizzi għall-ispejjeż amministrattivi mġarrba b’riżultat tal-operazzjonijiet mutwatarji u tal-ġestjoni tad-dejn imwettqa permezz tal-programmi ffinanzjati skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2020/2094, dment li jimplimentaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dak ir-Regolament.

2.   L-implimentazzjoni tal-metodoloġija għall-allokazzjoni tal-kostijiet għandha tkun iggwidata mill-prinċipji tal-ġustizzja u tat-trattament ugwali, billi jiġi żgurat li l-kostijiet jiġu allokati fuq il-bażi tas-sehem relattiv tal-appoġġ riċevut.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“strumenti ta’ finanzjament” tfisser bonds, noti, kambjali kummerċjali, kambjali tat-teżor jew kwalunkwe tranżazzjoni finanzjarja xierqa oħra fuq terminu qasir u/jew twil maħruġa skont l-istrateġija ta’ finanzjament tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet mutwatarji u tal-ġestjoni tad-dejn tal-NGEU;

(2)

“ftehim ta’ self permezz tal-RRF” tfisser ftehim bejn il-Kummissjoni u Stat Membru skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2021/241;

(3)

“żborż” tfisser kwalunkwe żborż lil Stat Membru skont il-ftehim ta’ self permezz tal-RRF skont l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament (UE) 2020/2094 jew bħala dħul assenjat estern skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/2094;

(4)

“perjodu ta’ mgħax” tfisser perjodu ta’ 12-il xahar, jew perjodu ieħor bħal dan li jista’ jiġi speċifikat fl-avviż ta’ konferma, li jibda mid-data tal-iżborż jew mid-data preċedenti tal-ħlas tal-imgħax;

(5)

“ġestjoni tal-likwidità” tfisser il-ġestjoni tal-flussi tal-flus relatati mal-istrumenti ta’ finanzjament u l-iżborżi;

(6)

“operazzjonijiet mutwatarji tal-NGEU” tfisser operazzjonijiet fis-swieq, b’mod partikolari l-ħruġ ta’ dejn, biex jittieħed b’self ammont ta’ mhux aktar minn EUR 750 000 miljun fi prezzijiet tal-2018, skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053, inkluż self riportat;

(7)

“Operazzjonijiet tal-ġestjoni tad-dejn tal-NGEU” tfisser operazzjonijiet tas-suq relatati mad-dejn li jirriżulta mill-operazzjonijiet mutwatarji tal-NGEU biex tiġi ottimizzata l-istruttura tad-dejn pendenti u biex jittaffew ir-riskju tal-imgħax, il-likwidità u riskji finanzjarji oħra;

(8)

“strument ta’ finanzjament fuq terminu qasir” tfisser finanzjament minn operazzjonijiet mutwatarji tal-NGEU għal terminu ta’ sena jew inqas;

(9)

“strument ta’ finanzjament fit-tul” tfisser finanzjament minn operazzjonijiet mutwatarji tal-NGEU għal perjodu ta’ aktar minn sena.

TAQSIMA 2

KOMPARTIMENTI U L-KALKOLU TAL-KOSTIJIET

Artikolu 3

Perjodi ta’ żmien

1.   Kull perjodu ta’ żmien jenħtieġ li jkun attiv għal perjodu ta’ sitt xhur, li jibda mill-1 ta’ Jannar jew mill-1 ta’ Lulju. Madankollu, l-ewwel perjodu ta’ żmien għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ġunju 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021. L-aħħar perjodu ta’ żmien ta’ attività għandu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2026.

2.   Il-perjodu ta’ żmien għandu jkun magħmul mill-iżborżi magħmula matul il-perjodu attiv tiegħu u mill-istrumenti ta’ finanzjament relatati allokati għalih. Kwalunkwe żborż għandu jiġi attribwit għall-perjodu ta’ żmien attiv fid-data ta’ dak l-iżborż.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, f’każ li l-ammont tar-rikavati tal-istrumenti ta’ finanzjament fit-tul attribwit għall-perjodu ta’ żmien preċedenti jaqbeż l-ammont ta’ żborżi attribwiti għal dak il-perjodu preċedenti f’konformità mal-ewwel subparagrafu, l-iżborżi għandhom jiġu allokati għall-perjodu ta’ żmien preċedenti sakemm l-ammont totali ta’ żborżi ta’ dak il-perjodu ta’ żmien preċedenti jilħaq l-ammont ta’ rikavati tal-istrument ta’ finanzjament fit-tul attribwit lilu.

3.   L-istrumenti ta’ finanzjament fit-tul għajr dawk imsemmijin fil-paragrafu 4 għandhom jiġu attribwiti għall-perjodu ta’ żmien li jkun attiv fil-mument tal-konklużjoni tal-operazzjoni mutwatarja tal-NGEU li ġġenerathom.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu:

(a)

strumenti ta’ finanzjament stabbiliti bil-ħsieb li jiġi ffinanzjat żborż fil-perjodu ta’ żmien li jkun imiss jistgħu jiġu attribwiti għal dak il-perjodu ta’ żmien;

(b)

f’każ li l-ammont ta’ żborżi fi tmiem il-perjodu ta’ żmien attiv jaqbeż l-ammont ta’ rikavat tal-istrumenti ta’ finanzjament fit-tul, l-istrumenti ta’ finanzjament fit-tul iġġenerati mill-operazzjonijiet mutwatarji tal-NGEU konklużi wara t-tmiem tal-perjodu attiv tal-perjodu ta’ żmien għandhom jiġu attribwiti għal dak il-perjodu ta’ żmien sakemm l-ammont ta’ rikavati tal-istrumenti ta’ finanzjament fit-tul jilħaq l-ammont ta’ żborżi ta’ dak il-perjodu ta’ żmien.

4.   L-istrumenti ta’ finanzjament fit-tul li jissostitwixxu strumenti ta’ finanzjament fit-tul li jimmaturaw għandhom jiġu attribwiti għall-istess perjodu ta’ żmien.

Artikolu 4

Kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità

1.   Il-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità għandu jopera sakemm il-fondi msemmija fl-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 jitħallsu kollha lura.

2.   Il-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità għandu jkun magħmul minn strumenti ta’ finanzjament għal terminu qasir.

Artikolu 5

Kalkolu tal-kostijiet

Il-kostijiet tal-finanzjament, il-kostijiet tal-ġestjoni tal-likwidità u l-kostijiet tas-servizzi għall-ispejjeż amministrattivi għandhom jiġu kkalkulati skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

TAQSIMA 3

FATTURAZZJONI

Artikolu 6

Avviż ta’ konferma

1.   Fir-rigward ta’ kull żborż, il-Kummissjoni għandha toħroġ avviż ta’ konferma li jistabbilixxi t-termini tat-talba għall-ispejjeż.

2.   L-avviż ta’ konferma għandu jiddetermina t-termini għall-pagament tal-kostijiet tal-finanzjament u tar-ripagament tal-kapital fir-rigward ta’ kull żborż.

3.   L-avviż ta’ konferma msemmi fil-paragrafu 1 għandu b’mod partikolari jkun fih l-elementi li ġejjin:

(a)

l-ammont tal-iżborż;

(b)

id-data ta’ maturità;

(c)

l-iskeda ta’ ripagament;

(d)

l-allokazzjoni tal-iżborż għal perjodu ta’ żmien;

(e)

il-perjodu tal-imgħax u d-data tal-pagament indikata tal-kost tal-finanzjament.

4.   L-avviż ta’ konferma għas-self għandu jkun fih ukoll elementi addizzjonali indikati fil-ftehimiet ta’ self permezz tal-RRF.

Artikolu 7

Fatturazzjoni tal-kostijiet ta’ finanzjament

Il-Kummissjoni għandha toħroġ fattura tal-ispejjeż tal-finanzjament fi tmiem il-perjodu tal-imgħax imsemmi fl-Artikolu 2(4). Fir-rigward tal-iżborżi bħala dħul assenjat estern skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/2094, il-fatturi jistgħu jinġabru f’kull trimestru tas-sena kalendarja.

Artikolu 8

Fatturazzjoni tal-kostijiet tal-ġestjoni tal-likwidità

Il-Kummissjoni għandha toħroġ fattura tal-kostijiet tal-ġestjoni tal-likwidità fil-bidu ta’ kull sena kalendarja għall-kostijiet imġarrba matul is-sena kalendarja preċedenti.

Artikolu 9

Fatturazzjoni tal-kostijiet tas-servizz għall-ispejjeż amministrattivi

Il-Kummissjoni għandha toħroġ fattura lill-Istati Membri li jibbenefikaw minn self permezz tal-RRF għall-kost tas-servizz għall-ispejjeż amministrattivi mġarrba matul is-sena kalendarja preċedenti.

TAQSIMA 4

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Ġunju 2021.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.

(2)  ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 23).

(4)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


ANNESS

1.   Kalkolu tal-kost tal-finanzjament

Il-kost tal-finanzjament għandu jiġi kkalkulat fil-fażijiet li ġejjin:

 

Fażi 1: Kalkolu tal-kostijiet totali ta’ kuljum ta’ strument ta’ finanzjament individwali f’perjodu ta’ żmien jew f’kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità

Id-dovuti ta’ kuljum għandhom jiġu kkalkulati:

 

Image 1

Għal kull strument ta’ finanzjament, l-agio/id-disagio għandhom jitqassmu b’mod lineari tul ħajjet l-istrument:

 

Image 2

meta l-prezz tal-ħruġ = Prezz li jinkludi kollox (inklużi t-tariffi bankarji)

Għal kull strument ta’ finanzjament, il-kostijiet totali ta’ kuljum għandhom jiġu kkalkulati:

 

Image 3

 

Fażi 2: Kalkolu tal-kostijiet totali aggregati ta’ kuljum tal-finanzjament

Għal kull perjodu ta’ żmien (TC1-TC11), il-kostijiet totali ta’ kuljum għall-kompartiment qabel ma jiġu bbilanċjati l-bilanċi tal-likwidità għandhom ikunu s-somma tal-kostijiet totali ta’ kuljum kollha ta’ kull strument ta’ finanzjament attribwit għall-perjodu ta’ żmien:

 

Image 4

Għall-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità l-kost ta’ kuljum tal-finanzjament għandu jkun:

Image 5

 

Fażi 3: Il-kalkolu tal-bilanċ tal-likwidità ta’ kuljum fil-perjodi ta’ żmien

Il-livell tal-bilanċ tal-likwidità ta’ kuljum f’perjodu ta’ żmien għandu jiġi kkalkulat ta’ kuljum kif ġej:

 

Image 6

 

Fażi 4: Il-kalkolu tal-kost ta’ kuljum tas-sehem tal-istrumenti ta’ finanzjament bħala surplus ta’ likwidità ta’ parjodu ta’ żmien

Il-kostijiet ta’ kuljum tal-finanzjament relatati mas-sehem tal-istrumenti ta’ finanzjament ta’ riżultat pożittiv tal-fażi 3 (“surplus ta’likwidità”) għandhom jiġu kkalkulati kif ġej:

 

Image 7

 

Fażi 5: Il-kalkolu tal-kost tal-finanzjament ta’ perjodu ta’ żmien u l-kost tal-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità f’każ ta’ perjodu ta’ żmien b’surplus ta’ likwidità

Is-surplus tal-likwidità għandu jiġi ttrasferit mill-perjodu ta’ żmien rispettiv għall-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità.

Il-kostijiet tal-finanzjament ta’ dak il-perjodu ta’ żmien minn fejn jiġi ttrasferit is-surplus tal-likwidità għandhom jiġu kkalkulati kif ġej:

 

Image 8

Il-kost tal-surplus tal-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità li jirċievi s-surplus tal-likwidità għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

Image 9

 

Fażi 6: Il-kalkolu tal-kost tal-finanzjament tal-perjodu ta’ żmien b’defiċit ta’ likwidità

Ir-riżultat negattiv tal-fażi 3 (“defiċit ta’ likwidità”) f’perjodu ta’ żmien għandu jiġi bbilanċjat bi trasferiment ta’ likwidità mill-kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità skont il-kostijiet tal-finanzjament tiegħu ta’ kuljum (Fażi 5).

Image 10

 

Fażi 7: Il-kalkolu tal-kost ta’ kuljum tal-finanzjament tal-iżborż

Il-kost ta’ kuljum tal-finanzjament tal-iżborż għandu jkun il-kost ta’ kuljum tal-finanzjament tal-perjodu ta’ żmien wara l-ibbilanċjar immultiplikat bis-sehem relattiv tal-iżborż apparagun tal-perjodu ta’ żmien li għalih jiġi allokat.

Image 11

2.   Kalkolu tal-Kost tal-Ġestjoni tal-Likwidità

Il-kost tal-ġestjoni tal-likwidità (LIQM) għandu jiġu kkalkulat kull trimestru ta’ sena kalendarja kif ġej:

Image 12

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, il-kostijiet tal-ġestjoni tal-likwidità matul il-perjodu mill-1 ta’ Ġunju 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 għandhom jiġu kkalkulati għal dan il-perjodu kollu kif ġej.

Image 13

Il-LIQM ta’ kull trimestru għandu jiġi attribwit għal kull żborż kif ġej:

 

Image 14

3.   Kalkolu tal-Kost tas-Servizz għall-ispejjeż amministrattivi

Il-kostijiet tas-servizz għall-ispejjeż amministrattivi għandhom jinkludu spejjeż amministrattivi rikorrenti u spejjeż ta’ stabbiliment għal self permezz tal-RRF.

3.1.   Kalkolu tal-ispejjeż amministrattivi rikorrenti

L-ispejjeż amministrattivi rikorrenti għandhom jinkludu kwalunkwe kost li ġġarrab mill-Kummissjoni fl-eżekuzzjoni tal-operazzjonijiet mutwatarji u tal-ġestjoni tad-dejn tal-NGEU, li jinkludu t-tipi li ġejjin:

(a)

tariffi legali, inklużi tariffi mġarrba għal opinjonijiet legali;

(b)

spejjeż rikorrenti għall-ġestjoni tal-kont;

(c)

spejjeż għall-awditjar estern;

(d)

tariffi għall-manutenzjoni tal-pjattaforma tal-irkant;

(e)

tariffi tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni;

(f)

tariffi għall-elenkar, it-taxxi, ir-reġistrazzjoni, il-pubblikazzjoni u s-saldu;

(g)

tariffi għat-teknoloġija tal-informazzjoni;

(h)

spejjeż relatati mar-riċerka tas-suq.

Sa fejn dawn il-kostijiet ikunu komuni għall-operazzjonijiet mutwatarji tal-NGEU implimentati għal programmi oħra ta’ assistenza finanzjarja, il-kostijiet inklużi fil-kalkolu għandhom jiġu kkalkulati bħala s-sehem pro rata attribwit għall-operazzjonijiet mutwatarji tal-NGEU u għall-operazzjonijiet tal-ġestjoni tad-dejn tal-NGEU fis-sena kalendarja rilevanti. Dawn l-ispejjeż ma għandhomx ikunu dovuti fir-rigward ta’ self permezz tal-RRF għas-sena 2021.

L-ispejjeż amministrattivi rikorrenti għandhom jiġu kkalkulati kif ġej:

 

Image 15

L-ispejjeż amministrattivi rikorrenti għandhom jiġu allokati kif ġej:

Image 16

3.2.   Kalkolu u allokazzjoni tal-kostijiet ta’ stabbiliment

Il-kostijiet tal-istabbiliment għandhom jinkludu kwalunkwe kost imġarrab mill-Kummissjoni fit-twettiq ta’ operazzjonijiet mutwatarji u operazzjonijiet ta’ ġestjoni tad-dejn tal-NGEU jew għall-assistenza teknika fir-rigward ta’ dawn l-operazzjonijiet, inkluż il-kost relatat ma’:

(a)

l-istabbiliment ta’ kontijiet tal-NGEU;

(b)

l-istabbiliment ta’ pjattaforma tal-irkant;

(c)

l-istabbiliment ta’ għodda għall-ġestjoni tal-investituri;

(d)

kostijiet oħra tat-teknoloġija tal-informazzjoni;

(e)

ir-riċerka tas-suq;

(f)

it-tariffi ta’ konsulenza.

Il-kostijiet tal-istabbiliment għal kull benefiċjarju ta’ self permezz tal-RRF għandhom jiġu kkalkulati fil-fażijiet li ġejjin:

i.

Il-kostijiet ta’ stabbiliment għal self permezz tal-RRF għandhom jiġu kkalkulati kif ġej:

 

Image 17

ii

Il-kostijiet tal-istabbiliment għas-self permezz tal-RRF għandhom jiġu allokati għas-snin 2021, 2022 u 2023 għal kull Stat Membru li jkun iffirma ftehim ta’ self permezz tal-RRF fis-sena tal-iffirmar tiegħu, kif ġej:

 

Image 18

iii.

Mill-1 ta’ Jannar 2024, kwalunkwe kost ta’ stabbiliment mhux allokat għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

 

Image 19

Dawn għandhom jiġu allokati bħala kostijiet ta’ stabbiliment addizzjonali għall-iżborżi lill-Istati Membri skont il-ftehim ta’ self permezz tal-RRF kif ġej:

Image 20

3.3.   Kalkolu tal-Kost tas-Servizz għal kull benefiċjarju

Image 21

4.   Glossarju tal-akronimi

ACCdaily

Kostijiet tal-imgħax akkumulat għal kull strument ta’ finanzjament imqassam skont il-jum

ADMIN CoSAnnwalment

Total tal-ispejjeż amministrattivi matul is-sena kalendarja

agio/disagiota’ kuljum

Agio jew disagio bbażati fuq il-prezz ta’ ħruġ kumplessiv imqassam skont il-jum

Benefiċjarju

L-Istati Membri li jirċievu żborż għal self permezz tal-RRF u l-baġit tal-Unjoni li jirċievi żborż bħala dħul assenjat estern skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2020/2094

COF ta’ pretensjoni individwali f’TC(x)

COF ta’ pretensjoni f’perjodu ta’ żmien X

CoFta’ kuljum għal kull strument

COF ta’ kuljum għal kull strument ta’ finanzjament

CoFLMC ta’ kuljum wara l-ibbilanċjar

COF ta’ kuljum għal-LMC wara l-ibbilanċjar

CoFLMC ta’ kuljum qabel l-ibbilanċjar

COF ta’ kuljum għal-LMC qabel l-ibbilanċjar

CoFTC ta’ kuljum (defiċit) wara l-ibbilanċjar

CoF ta’ kuljum wara l-ibbilanċjar tal-kompartimenti b’defiċit ta’ likwidità inizjali

CoFTC ta’ kuljum (surplus) wara l-ibbilanċjar

CoF ta’ kuljum wara l-ibbilanċjar tal-kompartimenti b’surplus ta’ likwidità inizjali

CoFTC ta’ kuljum (x) qabel l-ibbilanċjar

CoF ta’ kuljum qabel l-ibbilanċjar tal-kompartiment X

CoFsurplus tal-likwidità ta’ kuljum ta’ TC (surplus)

CoF ta’ kuljum relatat mas-surplus tal-likwidità fil-perjodu ta’ żmien

CoFtransferiment ta’ likwidità ta’ kuljum mil-LMC

CoF ta’ kuljum relatat mal-likwidità li tiġi ttrasferita lil-LMC

Kupun

Imgħaxijiet imħallsa mill-emittent fuq il-bond

LikwiditàTC(x)

Ammont ta’ likwidità fil-perjodu ta’ żmien X

LMC

Kompartiment tal-ġestjoni tal-likwidità

LIQMta’ trimestru

Kostijiet tal-ġestjoni tal-likwidità matul trimestru

nozzjonali

Ammont nominali

ROI tal-parteċipazzjonijiet tal-likwiditàta’ trimestru

Redditu fuq l-investiment tal-parteċipazzjonijiet tal-likwidità matul trimestru

TC(x)

Is-somma totali tal-pretensjonijiet u l-likwidità tal-perjodu ta’ żmien X


Top