This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021D1012
Council Decision (CFSP) 2021/1012 of 21 June 2021 appointing the European Union Special Representative for the Horn of Africa
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1012 tal-21 ta’ Ġunju 2021 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1012 tal-21 ta’ Ġunju 2021 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika
ST/9348/2021/INIT
ĠU L 222, 22.6.2021, pp. 27–32
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version:
26/07/2024
|
22.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 222/27 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/1012
tal-21 ta’ Ġunju 2021
li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-8 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/819/PESK (1) li taħtar lis-Sur Alexander RONDOS bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Qarn tal-Afrika. |
|
(2) |
Fil-25 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/905 (2) li testendi l-mandat tas-Sur RONDOS bħala r-RSUE għall-Qarn tal-Afrika. Dik id-Deċiżjoni ġiet emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/352 (3). Il-mandat tar-RSUE ser jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2021. |
|
(3) |
Jenħtieġ li jinħatar RSUE ġdid għall-Qarn tal-Afrika għal perijodu ta’ 14-il xahar. |
|
(4) |
Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea
1. Is-Sa Annette WEBER hija b’dan maħtura bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Qarn tal-Afrika mill-1 ta’ Lulju 2021 sal-31 ta’ Awwissu 2022. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jiġi estiż jew jintemm qabel, abbażi ta’ valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ).
2. Għall-finijiet tal-mandat tar-RSUE, il-Qarn tal-Afrika huwa definit li jinkludi l-fokus primarju tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea fil-Qarn tal-Afrika (l-“Istrateġija”) kif adottata mill-konklużjonijiet tal-Kunsill fl-10 ta’ Mejju 2021, jiġifieri l-Djibouti, l-Eritrea, l-Etjopja, il-Kenja, is-Somalja, is-Sudan t’Isfel, is-Sudan u l-Uganda. Ir-RSUE għandu jaħdem flimkien ukoll mal-pajjiżi tal-Baħar l-Aħmar, tal-Baċir tan-Nil u oħrajn kif ukoll mal-entitajiet reġjonali jew internazzjonali rilevanti fil-Qarn tal-Afrika u lil hinn minnu, inkluż il-peniżola tal-Golf u l-Afrika ta’ Fuq, kif xieraq.
Artikolu 2
Objettivi ta’ politika
1. Abbażi tal-objettivi ta’ politika tal-Istrateġija, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li jikkontribwixxi b’mod attiv għall-isforzi reġjonali u internazzjonali għall-kisba ta’ koeżistenza paċifika u paċi, sigurtà u żvilupp dejjiema ġewwa u bejn il-pajjiżi fir-reġjun. Barra minn hekk, ir-RSUE għandu jimmira biex isaħħaħ il-kwalità, l-intensità, l-impatt u l-viżibilità tal-parteċipazzjoni f’diversi aspetti tal-Unjoni fil-Qarn tal-Afrika.
2. Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-isforzi tal-Unjoni fir-reġjun b’approċċ integrat, inkluż fl-oqsma politiċi, ta’ sigurtà u ta’ żvilupp, jikkoordina l-istrumenti u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha għal azzjonijiet tal-Unjoni. L-involviment tar-RSUE għandu jiġi segwit f’kooperazzjoni u f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-Kummissjoni, l-Istati Membri u atturi u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra tal-Unjoni. Ir-RSUE għandu jsaħħaħ l-influwenza tal-Unjoni fir-reġjun u jiżgura l-koerenza tal-approċċ tal-Unjoni fil-livell reġjonali.
3. Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-involviment tal-Unjoni li tapprofondixxi r-relazzjoni strateġika u s-sħubija tagħha mar-reġjun tal-Qarn tal-Afrika u l-pajjiżi tiegħu, bl-objettiv li tappoġġa l-paċi u s-sigurtà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-prinċipji umanitarji u d-Dritt Umanitarju Internazzjonali (IHL), l-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir ekonomiku, l-azzjoni klimatika u l-kooperazzjoni reġjonali.
4. L-objettivi ta’ politika ġenerali li għalihom għandu jikkontribwixxi r-RSUE jinkludu, fost oħrajn:
|
(a) |
l-istabbilizzazzjoni tal-Qarn tal-Afrika, b’enfasi fuq dinamiċi reġjonali usa’, inkluż fil-livell tal-pajjiż, meta rilevanti għall-istabbiltà tar-reġjun; |
|
(b) |
it-tranżizzjonijiet politiċi eż. fl-Etjopja u s-Sudan, il-proċessi ta’ paċi u bini tal-istat fis-Somalja u s-Sudan t’Isfel kif ukoll il-prevenzjoni u t-twissija bikrija ta’ konflitti potenzjali bejn jew fi ħdan il-pajjiżi fir-reġjun, inkluż tilwim transkonfinali, u l-kontribut għall-medjazzjoni u r-riżoluzzjoni tagħhom; |
|
(c) |
il-kooperazzjoni reġjonali ekonomika sostenibbli, politika u tas-sigurtà, u l-azzjoni multilaterali konġunta, b’mod partikolari man-Nazzjonijiet Uniti (NU), l-Unjoni Afrikana (UA) u l-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD); |
|
(d) |
soluzzjoni negozjata dwar id-Diga l-Kbira għar-Rinaxximent tal-Etjopja (GERD) u l-promozzjoni ta’ kooperazzjoni transkonfinali fil-Baċir tan-Nil kollu kemm hu; |
|
(e) |
is-sigurtà, l-istabbiltà u l-kooperazzjoni madwar il-Baħar l-Aħmar. |
Artikolu 3
Mandat
1. Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika fir-rigward tal-Qarn tal-Afrika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:
|
(a) |
jikkontribwixxi b’mod attiv għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija u jtejjeb il-koerenza u l-effettività ġenerali tal-attivitajiet tal-Unjoni bil-ħsieb li jkompli japprofondixxi u jsaħħaħ ir-relazzjoni u s-sħubija tal-UE mal-Qarn tal-Afrika, il-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet tiegħu; |
|
(b) |
jaħdem flimkien mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fir-reġjun, l-atturi nazzjonali governattivi u mhux governattivi, l-awtoritajiet reġjonali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, is-soċjetà ċivili, iż-żgħażagħ, is-settur privat u d-dijaspori, bil-ħsieb tat-tkomplija tal-objettivi tal-Unjoni, u jikkontribwixxi għal fehim aħjar tar-rwol tal-Unjoni fir-reġjun. F’dan il-kuntest, ir-RSUE għandu jivvjaġġa b’mod regolari lejn il-pajjiżi kollha fir-reġjun; |
|
(c) |
jaħdem flimkien mal-atturi rilevanti barra r-reġjun, fl-interess li jindirizza kwistjonijiet ta’ stabbiltà reġjonali usa’, inkluż il-GERD, il-Baħar l-Aħmar, l-Oċean Indjan tal-Punent u l-finanzjament tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) u l-ħidma flimkien sussegwenti ta’ sigurtà mmexxi mill-UA. Il-kuntatti għandhom jinkludu involviment bilaterali ma’, kif xieraq, l-Istati Uniti tal-Amerka, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, il-pajjiżi tal-Golf, l-Eġittu, kuntatti reġjonali mal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf, il-Kunsill tal-Istati Għarab u Afrikani dwar il-Baħar l-Aħmar u l-Golf ta’ Aden u atturi internazzjonali rilevanti oħra; |
|
(d) |
jirrappreżenta u jippromwovi l-interessi u l-viżibbiltà tal-Unjoni fil-fora reġjonali u internazzjonali rilevanti; |
|
(e) |
iħeġġeġ u jappoġġa l-kooperazzjoni politika u ta’ sigurtà effettiva kif ukoll l-integrazzjoni ekonomika sostenibbli fir-reġjun permezz tas-sħubija tal-UE mal-UA u ma’ organizzazzjonijiet reġjonali, b’mod partikolari l-IGAD. Ir-RSUE għandu jagħti bidu/jidderieġi, jappoġġa u jippromwovi mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni ta’ konflitti, b’mod partikolari dawk li jappartjenu lill-Afrika kif ukoll dawk tal-Lvant Nofsani/l-Afrika ta’ Fuq, bil-ħsieb li jkun hemm prevenzjoni, tnaqqis tat-tensjoni u riżoluzzjoni paċifika ta’ tilwim aktar effettivi u għar-rikonċiljazzjoni billi jitħeġġu d-djalogu, in-negozjar u l-medjazzjoni; |
|
(f) |
isegwi l-iżviluppi politiċi u ta’ sigurtà fir-reġjun u jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-politika tal-Unjoni lejn ir-reġjun, bil-ħsieb li jagħti pariri dwar proposti konkreti għal azzjoni u jifformulahom, inkluż fir-rigward tal-Eritrea, l-Etjopja, is-Somalja, is-Sudan, is-Sudan t’Isfel, it-tilwima dwar il-fruntiera bejn is-Sudan u l-Etjopja, it-tensjonijiet bejn is-Somalja u l-Kenja, ir-rwol reġjonali tal-Kenja, it-tilwima dwar in-Nil, is-sigurtà madwar il-Baħar l-Aħmar, il-promozzjoni tal-integrazzjoni reġjonali u tħassib ieħor fir-reġjun li jkollu impatt fuq is-sigurtà, l-istabbiltà u l-iżvilupp paċifiku u inklużiv tiegħu. Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi wkoll għar-rispons bikri tal-Unjoni u l-viżjoni strateġika u fit-tul tal-Unjoni fil-Qarn tal-Afrika; |
|
(g) |
ikompli jimmobilizza l-appoġġ reġjonali u internazzjonali għal tranżizzjonijiet politiċi eż. fl-Etjopja u s-Sudan f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-missjonijiet tal-Istati Membri. Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-appoġġ tal-isforzi għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni madwar il-pajjiż kollu abbażi ta’ djalogu inklużiv u trasparenti. Ir-RSUE għandu jsegwi sforzi li jindirizzaw il-konsegwenzi reġjonali tad-diversi kriżijiet fl-Etjopja inkluż f’Tigray, b’mod partikolari billi jinkoraġġixxi riżoluzzjoni paċifika tat-tensjonijiet fil-fruntieri mas-Sudan. Fir-rigward tas-Sudan, l-isforzi tar-RSUE għandhom jiffukaw ukoll fuq l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Paċi ta’ Juba u n-negozjati u l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet sussegwenti; |
|
(h) |
ikomplu jħeġġeġ appoġġ aktar b’saħħtu mill-partijiet ikkonċernati reġjonali u internazzjonali, għall-proċessi kritiċi ta’ paċi u bini tal-istat fis-Somalja u fis-Sudan t’Isfel. Bħala kumpliment għall-isforzi tal-Kap tad-delegazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri, ir-RSUE għandu jappoġġa l-isforzi tal-Unjoni għall-bini tal-Istat fis-Somalja, inkluż l-iżvilupp tas-settur tas-sigurtà. F’dan ir-rigward, ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għar-riflessjonijiet relatati mal-użu tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, u għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) fir-reġjun. Fir-rigward tas-Sudan t’Isfel, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kap tad-delegazzjoni tal-Unjoni, ir-RSUE għandu jkompli jaħdem mill-qrib man-NU, l-IGAD, l-UA u ma’ sħab internazzjonali rilevanti oħra biex isostni l-appoġġ tagħhom għall-isforzi għall-paċi u l-istabbilizzazzjoni ġenerali tal-pajjiż; |
|
(i) |
jaħdem flimkien mal-Eritrea, filwaqt li jinsisti fuq aġenda kostruttiva fil-livell reġjonali, inkluż dwar l-irtirar tat-truppi Eritreani mill-Etjopja; |
|
(j) |
ikompli jirrappreżenta lill-Unjoni fil-kapaċità tagħha ta’ osservatur fit-taħditiet immexxija mill-UA dwar il-GERD. Filwaqt li jaħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-missjonijiet tal-Istati Membri għall-Eġittu, is-Sudan u l-Etjopja, ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-appoġġ tad-djalogu kif ukoll il-kooperazzjoni bejn il-partijiet li jibnu l-fiduċja u jiżviluppaw miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja li jistgħu jgħinu biex tiġi inċentivata soluzzjoni għat-tilwima dwar il-GERD. B’mod aktar ġenerali, ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-isforz tal-Unjoni biex iżżid il-ħidma flimkien fid-diplomazija fil-qasam tal-ilma fil-Baċir tan-Nil kollu kemm hu; |
|
(k) |
iħeġġeġ il-kooperazzjoni, id-djalogu u s-soluzzjoni paċifika tat-tilwim madwar il-Baħar l-Aħmar u jibnu relazzjonijiet privileġġati ma’ inizjattivi li jappartjenu għar-reġjun. F’koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-missjonijiet tal-Istati Membri fir-reġjun, ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ approċċ integrat għar-reġjun usa’ tal-Baħar l-Aħmar u jgħin fil-bini ta’ aġenda inklużiva ta’ kooperazzjoni dwar il-Baħar l-Aħmar fost l-atturi reġjonali u internazzjonali rilevanti; |
|
(l) |
isegwi mill-qrib u jippromwovi l-kooperazzjoni għall-indirizzar tal-isfidi transkonfinali li jaffettwaw lill-Qarn tal-Afrika, b’mod partikolari dwar ir-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu, is-sigurtà marittima u l-piraterija, it-tilwim dwar il-fruntieri, il-forom kollha ta’ traffikar, inkluż it-traffikar ta’ bnedmin, il-flussi finanzjarji illeċiti, u kwalunkwe konsegwenza politika u ta’ sigurtà tal-kriżijiet umanitarji; |
|
(m) |
jippromwovi l-aċċess umanitarju u r-rispett għal-IHL u l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili; |
|
(n) |
jikkontribwixxi f’kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem permezz tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK (4) u l-politika tal-Unjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż il-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar it-tfal u l-konflitt armat kif ukoll dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontrihom, u l-politika tal-Unjoni dwar ir-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) u riżoluzzjonijiet sussegwenti dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà kif ukoll ir-Riżoluzzjoni 2250 (2015) tal-KSNU dwar iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà. Dan għandu jinkludi skambji mal-Qorti Kriminali Internazzjonali, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; |
|
(o) |
jikkontribwixxi għall-indirizzar tal-impatt dejjem jikber tat-tibdil fil-klima fuq il-paċi u s-sigurtà. Dan għandu jinkludi l-iżgurar li attivitajiet ta’ prevenzjoni u ta’ konsolidazzjoni tal-paċi jieħdu kont tar-riskji għas-sigurtà relatati mal-klima u l-ambjent. |
(2) Għall-fini tat-twettiq tal-mandat tar-RSUE, ir-RSUE għandu, fost oħrajn:
|
(a) |
jagħti pariri u jirrapporta dwar il-formulazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni f’fora reġjonali u internazzjonali, kif xieraq, sabiex jippromwovi proattivament azzjoni bbażata fuq sħubija u kontabbiltà reċiproka u jsaħħaħ l-approċċ integrat tal-Unjoni lejn il-Qarn tal-Afrika; |
|
(b) |
jikkontribwixxi għaż-żamma ta’ perspettiva ġenerali tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni u jikkoopera u jikkoordina mill-qrib mad-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri. |
Artikolu 4
Implimentazzjoni tal-mandat
1. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.
2. Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġjat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta’ kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.
3. Ir-RSUE għandu jikkoopera u jaħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mas-SEAE u mad-dipartimenti rilevanti tiegħu.
Artikolu 5
Finanzjament
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2021 sal-31 ta’ Awwissu 2022 għandu jkun ta’ EUR 2 750 000.
2. In-nefqa għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont lill-Kummissjoni għal kull nefqa.
Artikolu 6
Formazzjoni u kompożizzjoni tat-tim
1. Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jitpoġġew għad-dispożizzjoni, ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-formazzjoni ta’ skwadra. It-tim għandu jinkludi t-tagħrif espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim.
2. L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu wkoll jiġu assenjati sabiex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.
3. Il-persunal kollu ssekondat għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li jibagħtu, l-istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.
4. Il-persunal tar-RSUE għandu jiġi kollokat mad-dipartimenti rilevanti tas-SEAE jew id-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.
Artikolu 7
Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tar-RSUE
Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-pajjiżi ospitanti, skont kif ikun meħtieġ. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ kollu neċessarju għal dan l-għan.
Artikolu 8
Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE
Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (5).
Artikolu 9
Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku
1. L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.
2. Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u/jew l-Istati Membri għandhom, skont il-każ, jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.
Artikolu 10
Sigurtà
F’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta’ persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operattiva skont it-Titlu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat tar-RSUE u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ta’ responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b’mod partikolari billi:
|
(a) |
jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi, li jirregolaw il-ġestjoni taċ-ċaqliq mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona ta’ responsabbiltà, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà, u inkluż pjan ta’ kontinġenza u pjan ta’ evakwazzjoni tal-missjoni; |
|
(b) |
jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli, kif ikunu jeħtieġu l-kundizzjonijiet fiż-żona ta’ responsabbiltà; |
|
(c) |
jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew it-taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu, jew kif jaslu, fiż-żona ta’ responsabbiltà, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati lil dik iż-żona mis-SEAE; |
|
(d) |
jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet miftehmin kollha li jsiru wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà u jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta’ progress regolari u ta’ rapport komprensiv finali dwar l-implementazzjoni tal-mandat. |
Artikolu 11
Rappurtar
Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment rapporti bil-fomm u bil-miktub lir-RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu jipprovdi rapport ukoll lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill kif ikun neċessarju. Għandhom jiġu ċċirkolati rapporti regolari permezz tan-netwerk COREU. F’konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. Ir-RSUE jista’ jkun involut f’informazzjoni mogħtija lill-Parlament Ewropew.
Artikolu 12
Koordinazzjoni
1. Fil-qafas tal-Istrateġija, ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiżgura konsistenza fl-użu tal-istrumenti kollha tal-Unjoni u fl-indirizz tal-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri, biex jintlaħqu l-objettivi politiċi tal-Unjoni. Għandu jintalab kuntatt mal-Istati Membri fejn xieraq. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tas-SEAE, id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u l-Kummissjoni, kif ukoll dawk ta’ RSUE oħra attivi fir-reġjun. Ir-RSUE għandu jipprovdi aġġornamenti regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.
2. Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tal-missjonijiet tal-Istati Membri, mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kapijiet tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet rilevanti tal-PSDK. Huma għandhom jagħmlu kull sforz biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE, f’koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni, għandu jipprovdi lill-Kmandant tal-Forzi tal-EUNAVFOR Atalanta, lill-Kmandant tal-Missjoni tal-EUTM Somalia u lill-Kap tal-Missjoni tal-EUCAP Somalia bi gwida politika lokali. Ir-RSUE, il-Kmandanti tal-Operazzjonijiet tal-UE u l-Kmandanti tal-Operazzjonijiet Ċivili għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kuntatt ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fil-kamp.
Artikolu 13
Assistenza rigward pretensjonijiet
Ir-RSUE u l-persunal tar-RSUE għandhom jassistu fl-għoti ta’ elementi sabiex tingħata risposta għal kwalunkwe pretensjoni u kwalunkwe obbligu li jkunu jirriżultaw mill-mandati tar-RSUE preċedenti għall-Qarn tal-Afrika, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal dawn l-għanijiet.
Artikolu 14
Rieżami
L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħrajn mill-Unjoni għar-reġjun għandhom jinżammu taħt rieżami regolari. Ir-RSUE għandu jippreżenta rapporti ta’ progress regolari lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u rapport komprensiv finali dwar l-implementazzjoni tal-mandat sal-31 ta’ Mejju 2022.
Artikolu 15
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/819/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2011 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika (ĠU L 327, 9.12.2011, p. 62).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/905 tal-25 ta’ Ġunju 2018 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika (ĠU L 161, 26.6.2018, p. 16).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/352 tal-25 ta’ Frar 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2018/905 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika (ĠU L 68, 26.2.2021, p. 187).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK tal-21 ta’ Marzu 2011 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2003/444/PESK (ĠU L 76, 22.3.2011, p. 56).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tal-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).