Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021C0512(01)

    Dikjarazzjonijiet dwar ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1.) 2021/C 185/01

    ST/6692/2021/ADD/2

    ĠU C 185, 12.5.2021, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.5.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 185/1


    Dikjarazzjonijiet dwar ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (1)

    (2021/C 185/01)

    Dikjarazzjoni politika konġunta dwar l-użu mill-ġdid ta’ fondi diżimpenjati f’Orizzont Ewropa

    Fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-użu mill-ġdid ta’ fondi diżimpenjati fir-rigward tal-programm ta’ riċerka (2), il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu li jerġgħu jagħmlu disponibbli għall-benefiċċju tal-programm ta’ riċerka approprjazzjonijiet ta’ impenn, li jikkorrispondu għall-ammont sa EUR 0,5 biljun (fi prezzijiet tal-2018) fil-perijodu 2021–2027 ta’ diżimpenji, li jirriżulta minn nuqqas ta’ implimentazzjoni totali jew parzjali ta’ proġetti li jappartjenu għall-Programm Qafas “Orizzont Ewropa” jew il-predeċessur tiegħu “Orizzont 2020” (3), kif previst fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja u għas-setgħat tal-Kummissjoni li timplimenta l-baġit, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li d-distribuzzjoni indikattiva ta’ dak l-ammont ser tkun kif ġej sa:

    EUR 300 000 000 fi prezzijiet kostanti tal-2018 għall-cluster “Diġitali, Industrija u Spazju” b’mod partikolari għar-riċerka tal-kwantum;

    EUR 100 000 000 fi prezzijiet kostanti tal-2018 għall-cluster “Klima, Enerġija u Mobbiltà”; u

    EUR 100 000 000 fi prezzijiet kostanti tal-2018 għall-cluster “Kultura, Kreattività u Soċjetà Inklużiva”.

    Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Premessa 47

    Il-Kummissjoni biħsiebha timplimenta l-baġit tal-Aċċelleratur tal-EIC b’mod li tiżgura li l-appoġġ ta’ għotja biss lill-SMEs, inklużi n-negozji ġodda, jikkorrispondi għall-appoġġ ipprovdut taħt il-baġit tal-istrument għall-SMEs tal-Programm Orizzont 2020, f’konformità mat-termini stabbiliti fl-Artikolu 48, il-paragrafu 1 u l-premessa 47 tar-Regolament Orizzont Ewropa.

    Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Artikolu 6

    Wara talba, il-Kummissjoni biħsiebha tiskambja fehmiet mal-Kumitat responsabbli fil-Parlament Ewropew dwar: (i) il-lista ta’ kandidati għas-sħubijiet potenzjali abbażi tal-Artikoli 185 u 187 tat-TFUE li se jkunu koperti mill-valutazzjonijiet tal-impatt (tal-bidu); (ii) il-lista ta’ missjonijiet tentattivi identifikati mill-bordijiet tal-Missjoni; (iii) ir-riżultati tal-Pjan Strateġiku qabel l-adozzjoni formali tiegħu, u (iv) se tippreżenta u tikkondividi dokumenti relatati mal-programmi ta’ ħidma.

    Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-etika/dwar ir-riċerka taċ-ċelloli staminali — l-Artikolu 19

    Għall-Programm Qafas Orizzont Ewropa, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tissokta bl-istess qafas etiku tal-Programm Qafas Orizzont 2020 biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-finanzjament tal-UE għar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem.

    Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi l-issoktar ta’ dan il-qafas etiku minħabba li dan żviluppa, abbażi tal-esperjenza, approċċ responsabbli għal qasam promettenti ħafna tax-xjenza u wera li jaħdem b’mod sodisfaċenti fil-kuntest ta’ programm tar-riċerka li fih jipparteċipaw riċerkaturi minn bosta pajjiżi b’sitwazzjonijiet regolatorji differenti ħafna.

    1.

    Id-deċiżjoni dwar il-Programm Orizzont Ewropa espliċitament teskludi tliet oqsma ta’ riċerka mill-finanzjament tal-Unjoni:

    attività ta’ riċerka li timmira għall-klonazzjoni tal-bniedem għall-finijiet ta’ riproduzzjoni;

    attivitajiet ta’ riċerka maħsuba għall-modifika tal-wirt ġenetiku tal-bnedmin li tista’ tagħmel mod li tali tibdil ikun jista’ jintiret;

    attivitajiet ta’ riċerka maħsuba sabiex joħolqu embrijuni tal-bniedem għall-fini biss ta’ riċerka jew għall-fini tal-kisba ta’ ċelloli staminali, anke permezz ta’ trasferiment ta’ nuklei ta’ ċelloli somatiċi.

    2.

    Ma jingħata l-ebda finanzjament fl-Istati Membri kollha fejn attività tkun ipprojbita. Fejn attività tkun ipprojbita fi Stat Membru, din mhix ser tiġi ffinanzjata f'dak l-Istat Membru.

    3.

    Id-deċiżjoni dwar Orizzont Ewropa u d-dispożizzjonijiet għall-qafas etiku li jirregola l-finanzjament tal-Unjoni tar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem bl-ebda mod ma tinvolvi ġudizzju ta’ valur dwar il-qafas regolatorju jew etiku li jirregola din ir-riċerka fl-Istati Membri.

    4.

    Meta l-Kummissjoni Ewropea tagħmel sejħa għal proposti, hija ma tissolleċitax b’mod espliċitu l-użu ta’ ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem. L-użu possibbli ta’ ċelloli staminali tal-bniedem, sew jekk ikunu dderivati minn adulti jew minn embrijuni, jiddependi mill-ġudizzju tax-xjenzjati, fid-dawl tal-objettivi li jkunu jridu jilħqu. Fil-prattika, bil-bosta l-akbar parti tal-fondi tal-Unjoni għar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali hija ddedikata għall-użu ta’ ċelloli staminali adulti. Ma hemm l-ebda raġuni għaliex dan għandu jinbidel sostanzjalment f’Orizzont Ewropa.

    5.

    Kull proġett li jipproponi li juża ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem irid jgħaddi b’suċċess minn evalwazzjoni xjentifika li matulha esperti xjentifiċi indipendenti jivvalutaw il-ħtieġa li jintużaw tali ċelloli staminali biex jintlaħqu l-objettivi xjentifiċi.

    6.

    Il-proposti li jgħaddu b’suċċess mill-evalwazzjoni xjentifika mbagħad ikunu soġġetti għal analiżi tal-etika stretta organizzata mill-Kummissjoni Ewropea. F’din l-analiżi tal-etika, jitqiesu l-prinċipji riflessi fil-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina, iffirmata f’Oviedo fl-4 ta’ April 1997, u l-protokolli addizzjonali tagħha, kif ukoll id-Dikjarazzjoni Universali dwar il-Ġenoma tal-Bniedem u d-Drittijiet tal-Bniedem adottata mill-UNESCO. L-analiżi tal-etika sservi wkoll biex tivverifika li l-proposti jirrispettaw ir-regoli tal-pajjiżi fejn tkun se titwettaq ir-riċerka.

    7.

    F’każijiet partikolari, l-analiżi tal-etika tista’ titwettaq matul il-perjodu kemm idum il-proġett.

    8.

    Qabel ma jibdew, il-proġetti kollha li jipproponu l-użu ta’ ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem iridu jiksbu l-approvazzjoni tal-kumitat tal-etika nazzjonali jew lokali rilevanti. Ir-regoli u l-proċeduri nazzjonali kollha jridu jiġu osservati, inkluż f’dak li jirrigwarda kwistjonijiet bħall-kunsens tal-ġenituri, in-nuqqas ta’ inċitament finanzjarju, eċċ. Se jsiru kontrolli dwar jekk il-proġett jinkludix referenzi għal miżuri ta’ liċenzjar u ta’ kontroll li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn se titwettaq ir-riċerka.

    9.

    Proposta li tgħaddi b’suċċess mill-evalwazzjoni xjentifika, mill-analiżijiet tal-etika nazzjonali jew lokali u mill-analiżi tal-etika Ewropea se tiġi ppreżentata għall-approvazzjoni, fuq bażi ta’ każ b’każ, lill-Istati Membri, imlaqqgħin bħala kumitat li jaġixxi f’konformità mal-proċedura ta’ eżami. L-ebda proġett li jinvolvi l-użu ta’ ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem u li ma jiksibx l-approvazzjoni mill-Istati Membri mhu se jiġi ffinanzjat.

    10.

    Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli taħdem biex ir-riżultati tar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali, li tkun ġiet iffinanzjata mill-Unjoni, ikunu ġeneralment aċċessibbli għar-riċerkaturi kollha, għall-benefiċċju aħħari tal-pazjenti fil-pajjiżi kollha.

    11.

    Il-Kummissjoni Ewropea se tappoġġa azzjonijiet u inizjattivi li jikkontribwixxu għall-koordinazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni, f’approċċ etiku responsabbli, tar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa reġistru Ewropew ta’ linji ta’ ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem. Appoġġ għal tali reġistru se jippermetti monitoraġġ taċ-ċelloli staminali eżistenti tal-embrijuni tal-bniedem fl-Ewropa, se jikkontribwixxi għall-massimizzazzjoni tal-użu tagħhom mix-xjenzjati u jista’ jgħin biex jiġu evitati derivazzjonijiet mhux meħtieġa ta’ linji ġodda ta’ ċelloli staminali.

    12.

    Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli bil-prattika attwali u mhix se tippreżenta lill-kumitat li jaġixxi f’konformità mal-proċedura ta’ eżami proposti għal proġetti li jinkludu attivitajiet ta’ riċerka li jeqirdu l-embrijuni tal-bniedem, inkluż biex jinkisbu ċelloli staminali. L-esklużjoni tal-finanzjament ta’ dan il-pass ta’ riċerka mhux se tipprevjeni l-finanzjament tal-Unjoni ta’ passi sussegwenti li jinvolvu ċ-ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem.

    (1)  ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1.

    (2)  ĠU C 444 I, 22.12.2020, p. 3.

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014–2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).


    Top