Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R2224

    Regolament (UE) 2020/2224 tal-Parlament Ewropew u tal-kunsill tat-23 ta' Diċembru 2020 dwar regoli komuni li jiżguraw konnettività bażika tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 437, 28.12.2020, p. 74–85 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2224/oj

    28.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 437/74


    REGOLAMENT (UE) 2020/2224 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-23 ta' Diċembru 2020

    dwar regoli komuni li jiżguraw konnettività bażika tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2) (il-"Ftehim dwar il-Ħruġ") ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 (3) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020. Il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li matulu d-dritt tal-Unjoni jkompli japplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ("ir-Renju Unit") u fir-Renju Unit f’konformità mal-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. Fil-25 ta’ Frar 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/266 (4) li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit għal ftehim ta’ sħubija ġdid. Kif jimplikaw id-direttivi ta’ negozjati, l-awtorizzazzjoni tkopri, inter alia, l-elementi meħtieġa biex tiġi indirizzata b’mod komprensiv ir-relazzjoni tat-trasport bit-triq mar-Renju Unit wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Madankollu, mhuwiex ċert jekk ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju Unit li jirregola r-relazzjoni futura tagħhom fil-qasam tat-trasport tal-oġġetti u tal-passiġġieri bit-triq ikunx daħal fis-seħħ sat-tmiem dak il-perjodu.

    (2)

    Fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni speċjali, id-drittijiet u l-obbligi kollha li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-aċċess għas-suq, kif stabbilit bir-Regolamenti (KE) Nru 1072/2009 (5) u (KE) Nru 1073/2009 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ser jintemmu, sa fejn hija kkonċernata r-relazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

    (3)

    F’sitwazzjoni bħal din, it-trasport internazzjonali tal-oġġetti u tal-passiġġieri bit-triq bejn l-Unjoni u r-Renju Unit ser jiġi mfixkel serjament.

    (4)

    Ġibiltà mhijiex inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan ir-Regolament u kwalunkwe referenza għar-Renju Unit fih ma jinkludux lil Ġibiltà.

    (5)

    Is-sistema multilaterali ta’ kwoti tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport (ECMT) hija l-unika qafas ġuridiku ieħor disponibbli li jista’ jipprovdi bażi għat-trasport tal-oġġetti bit-triq bejn l-Unjoni u r-Renju Unit. Madankollu, minħabba l-għadd limitat ta’ permessi attwalment disponibbli taħt is-sistema tal-ECMT u l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tagħha fir-rigward tat-tipi ta’ operazzjonijiet tat-trasport bit-triq koperti, is-sistema attwalment mhijiex adegwata biex tindirizza bis-sħiħ il-ħtiġijiet tat-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.

    (6)

    Huwa mistenni wkoll li jkun hemm tfixkil serju, inkluż fir-rigward tal-ordni pubbliku, fil-kuntest tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq. Il-Ftehim dwar it-trasport internazzjonali okkażjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (7) (il-"Ftehim Interbus") huwa l-uniku qafas ġuridiku disponibbli li jista' jipprovdi bażi għat-trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank u bil-kowċ bejn l-Unjoni u r-Renju Unit wara tmien il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Ir-Renju Unit se jsir Parti Kontraenti għan-nom tiegħu stess għall-Ftehim Interbus fl-1 ta’ Jannar 2021. Madankollu, il-Ftehim Interbus ikopri biss is-servizzi okkażjonali u għalhekk huwa inadegwat biex jindirizza t-tfixkil relatat mas-servizzi internazzjonali bil-kowċ u bix-xarabank bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni li jirriżulta minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Ġie nnegozjat Protokoll għall-Ftehim Interbus rigward it-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabanku r-Renju Unit huwa mistenni li jirratifikah malajr kemm jista’ jkun. Madankollu, mhuwiex mistenni li l-Protokoll ser jidħol fis-seħħ fil-ħin biex joffri soluzzjoni alternattiva vijabbli għall-perjodu immedjatament wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Għalhekk, l-istrumenti disponibbli ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tas-servizzi regolari u tas-servizzi regolari speċjali tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank u bil-kowċ bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.

    (7)

    Sabiex jiġi evitat tfixkil serju kawża ta’ dan, inkluż fir-rigward tal-ordni pubbliku, huwa għalhekk meħtieġ li jiġi stabbilit sett temporanju ta’ miżuri li jippermettu lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u lill-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank liċenzjati fir-Renju Unit iġorru oġġetti u passiġġieri bit-triq bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni, jew mit-territorju tar-Renju Unit għat-territorju tar-Renju Unit bi tranżitu fi Stat Membru wieħed jew aktar. Sabiex jiġi żgurat ekwilibriju ġust bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni, jenħtieġ li d-drittijiet mogħtija jkunu soġġetti għall-għoti ta’ drittijiet ekwivalenti u għal ċerti kundizzjonijiet li jiżguraw kompetizzjoni ġusta.

    (8)

    Id-dritt li jitwettqu operazzjonijiet tat-trasport fit-territorju ta’ Stat Membru u bejn l-Istati Membri huwa kisba fundamentali tas-suq intern u jenħtieġ li, wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni speċjali għal kuntrarju, ma jitħallix jibqa’ disponibbli għall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit. Madankollu, immedjatament wara l-perjodu ta’ tranżizzjoni u fin-nuqqas ta’ ftehim futur li jirregola t-trasport ta’ oġġetti bit-triq bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, huwa probabbli li jkun hemm tfixkil fil-flussi tat-traffiku u theddid sussegwenti għall-ordni pubbliku b’mod partikolari fil-punti ta' qsim tal-fruntiera li huma ftit fin-numru u fejn għandhom jitwettqu kontrolli addizzjonali tal-vetturi u l-merkanzija tagħhom. Diġà kien hemm qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni aktar konġestjoni fil-punti ta' qsim tal-fruntieri mar-Renju Unit. Il-kriżi marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 kellha wkoll effetti negattivi fuq it-trasport bit-triq, b’żieda fit-tagħbijiet vojta, xejra li tista’ tiġi aggravata jekk ma jkun hemm l-ebda flessibbiltà li tippermetti lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit iwettqu, anki b’mod limitat ħafna, operazzjonijiet fl-Unjoni għal perjodu ta’ żmien strettament limitat. Tali tfixkil jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet b’impatt negattiv fuq il-ktajjen tal-provvista kritiċi li huma meqjusa meħtieġa għall-ġestjoni tal-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa. Biex jitnaqqas il-livell ta’ tali tfixkil, jenħtieġ li l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit jitħallew temporanjament iwettqu għadd limitat ta’ operazzjonijiet addizzjonali fit-territorju tal-Unjoni fil-kuntest tal-operazzjonijiet bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni. Il-vetturi tagħhom imbagħad ma jkollhomx għalfejn jirritornaw lejn ir-Renju Unit immedjatament u jkun inqas probabbli li jkunu vojta meta jirritornaw lejn ir-Renju Unit, li jnaqqas l-għadd globali ta’ vetturi u b’hekk il-pressjoni fil-punti ta' qsim tal-fruntiera. Id-dritt li jitwettqu tali operazzjonijiet addizzjonali jenħtieġ li jkun proporzjonat, jenħtieġ li ma jirreplikax l-istess livell ta’ drittijiet bħal dawk li jgawdu l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni skont ir-regoli tas-suq intern u jenħtieġ li jitneħħa gradwalment.

    (9)

    Is-servizzi transfruntiera bil-kowċ u bix-xarabank bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq huma ta’ importanza partikolari għall-komunitajiet li jgħixu fir-reġjuni tal-fruntiera, bil-ħsieb li tiġi żgurata konnettività bażika bejn il-komunitajiet inter alia bħala parti miż-Żona Komuni għall-Ivvjaġġar. Għalhekk, il-ġbir u t-tniżżil ta’ passiġġieri minn operaturi tas-servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tar-Renju Unit jenħtieġ li jkomplu jiġu awtorizzati fir-reġjuni tal-fruntiera tal-Irlanda matul l-għoti ta’ servizzi internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq.

    (10)

    Sabiex jirriflettu l-karattru temporanju tagħhom, filwaqt li ma jiġix stabbilit preċedent, jenħtieġ li s-sett ta’ miżuri previst f’dan ir-Regolament japplika għal perjodu qasir. Fir-rigward ta’ operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, dak il-perjodu qasir huwa maħsub sabiex jippermetti li jsiru arranġamenti possibbli għall-konnettività bażika fis-sistema tal-EMCT, u huwa mingħajr preġudizzju għad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim futur li jirregola t-trasport tal-oġġetti bit-triq bejn l-Unjoni u r-Renju Unit u regoli futuri tal-Unjoni dwar it-trasport. F’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank u bil-kowċ, dak il-perjodu qasirhuwa maħsub biex jippermetti li l-Protokoll għall-Ftehim Interbus rigward it-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank jkun jista’ jidħol fis-seħħ u japplika għar-Renju Unit, bir-ratifika tar-Renju Unit ta’ dak il-Protokoll jew bl-adeżjoni tiegħu fih, u huwa mingħajr preġudizzju għal ftehim futur possibbli dwar il-kwistjoni bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.

    (11)

    Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi miżuri proviżorji li jirregolaw it-trasport tal-merkanzija bit-triq u t-trasport tal-passiġġieri bit-triq bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim li jirregola r-relazzjoni futura tagħhom fil-qasam tat-trasport bit-triq fit-tmien tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista' pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

    (12)

    Minħabba l-urġenza li tirriżulta minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, jitqies li huwa xieraq li ssir eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

    (13)

    Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li japplika mill-jum wara dak ta’ tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit bil-Ftehim dwar il-Ħruġ, sakemm ftehim li jirregola t-trasport bit-triq konkluż mar-Renju Unit ma jkunx daħal fis-seħħ, jew skont il-każ, ma jkunxjapplika b’mod proviżorju sa dik id-data. Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika sal-jum qabel id-dħul fis-seħħ jew sal-jum qabel l-applikazzjoni proviżorja ta’ ftehim internazzjonali li jirregola t-trasport bit-triq għaż-żewġ Partijiet. Bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw fir-reġjun tal-fruntiera tal-Irlanda matul l-għoti ta’ servizzi regolari internazzjonali u servizzi regolari speċjali internazzjonali bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq, id-dritt ta’ twettiq ta’ servizzi regolari u ta’ servizzi regolari speċjali bil-kowċ u bix-xarabank jenħtieġ li jieqaf japplika fid-data tad-dħul fis-seħħ għall-Unjoni u għar-Renju Unit tal-Protokoll għall-Ftehim Interbus rigward it-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank. Fi kwalunkwe każ jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jibqax japplika fit-30 ta’ Ġunju 2021.

    (14)

    Fejn meħtieġ biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-suq, is-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni, fir-rigward tal-istabbiliment mill-ġdid tal-ekwivalenza tad-drittijiet mogħtija mill-Unjoni lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit, kif ukoll lill-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tar-Renju Unit ma’ dawk mogħtija mir-Renju Unit lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni u lill-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tal-Unjoni, inkluż meta d-drittijiet mogħtija mir-Renju Unit jingħataw fuq il-bażi tal-Istat Membru ta’ oriġini jew inkella ma jkunux ugwalment disponibbli għall-operaturi kollha tal-Unjoni, u fir-rigward li jiġi offrut rimedju għall-okkorrenzi ta’ kompetizzjoni inġusta li huma għad-detriment tal-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni u tal-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tal-Unjoni.

    (15)

    Dawk l-atti delegati jenħtieġ li jkunu konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, u għalhekk it-termini tagħhom jenħtieġ li jkunu proporzjonati mal-problemi li jinqalgħu bħala riżultat tan-nuqqas ta’ għoti ta’ drittijiet ekwivalenti jew bħala riżultat tal-kundizzjonijiet inġusti ta’ kompetizzjoni. Is-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi prevista mill-Kummissjoni biss fil-każijiet l-aktar serji, fejn l-ebda drittijiet ekwivalenti ma jingħataw lil operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni jew lil operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tal-Unjoni mir-Renju Unit, jew fejn id-drittijiet hekk mogħtija jkunu minimi, jew fejn il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni għall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit jew l-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank fir-Renju Unit ikunu tant differenti minn dawk tal-operaturi tal-Unjoni li l-provvista tas-servizzi inkwistjoni mill-operaturi tal-Unjoni ma tkunx ekonomikament vijabbli għalihom.

    (16)

    Meta jiġu adottati dawk l-atti delegati, huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (8). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe tali atti delegati adottati ma jaffettwawx bla bżonn il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

    (17)

    Sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet mogħtija mir-Renju Unit lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni u lill-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tal-Unjoni ekwivalenti għal dawk mogħtija minn dan ir-Regolament lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit u lill-operaturi ta’ servizz tal-kowċ u x-xarabank tar-Renju Unit ikunu disponibbli bl-istess mod għall-operaturi kollha tal-Unjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 1072/2009 u (KE) Nru 1073/2009 jenħtieġ li jiġi estiż temporanjament. Dawk ir-Regolamenti diġà jkopru l-parti ta’ vjaġġ bejn Stat Membru u pajjiż terz fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru li wieħed jgħaddi minnu fi tranżitu. Madankollu, huwa meħtieġ li jiġi żgurat, f’tali każijiet, li r-Regolament (KE) Nru 1072/2009 japplika wkoll għall-parti tal-vjaġġ fit-territorju tal-Istat Membru tat-tagħbija jew tal-ħatt, u li r-Regolament (KE) Nru 1073/2009 japplika għall-parti tal-vjaġġ fit-territorju tal-Istat Membru ta’ ġbir jew ta’ tniżżil tal-passiġġieri. Tali estensjoni għandha l-għan li tiżgura li l-operaturi tal-Unjoni jkunu jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta’ trasport transfruntier minn terzi lejn jew mir-Renju Unit, kif ukoll waqfiet addizzjonali fl-operazzjoni tagħhom tat-trasport tal-passiġġieri,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Kamp ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri temporanji li jirregolaw it-trasport ta' oġġetti bit-triq, kif ukoll il-provvista ta’ servizzi regolari u ta’ servizzi regolari speċjali tat-trasport ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank, bejn l-Unjoni u r-Renju Unit wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “vettura” tfisser:

    (a)

    fir-rigward tat-trasport tal-oġġetti, vettura bil-mutur irreġistrata fir-Renju Unit jew vetturi kkombinati, li tal-anqas il-vettura bil-mutur tagħhom tkun irreġistrata fir-Renju Unit, użata esklużivament għat-trasport tal-oġġetti, li tkun jew proprjetà tal-impriża, wara li tkun inxtrat minnha b’kundizzjonijiet differiti jew li tkun ġiet mikrija, sakemm, fil-każ tal-aħħar, tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2006/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

    (b)

    fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri, xarabank jew kowċ;

    (2)

    “trasport awtorizzat ta’ oġġetti” tfisser:

    (a)

    vjaġġ bit-tagħbija li jsir minn vettura mit-territorju tal-Unjoni għat-territorju tar-Renju Unit, jew viċe versa, li jgħaddi jew bla ma jgħaddi minn Stat Membru wieħed jew aktar jew minn pajjiżi terzi;

    (b)

    wara vjaġġ bit-tagħbija mit-territorju tar-Renju Unit għat-territorju tal-Unjoni, kif imsemmi fil-punt (a) ta’ dan il-punt, il-prestazzjoni fi żmien sebat ijiem mill-ħatt fit-territorju tal-Unjoni sa żewġ operazzjonijiet addizzjonali ta’ tagħbija u ħatt fit-territorju tal-Unjoni għal perijodu ta’ xahrejn mill-ewwel jum ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(2), u operazzjoni waħda fi żmien sebat ijiem mill-ħatt fit-territorju tal-Unjoni, matul it-tliet xhur ta’ wara;

    (c)

    vjaġġ bit-tagħbija li jsir minn vettura mit-territorju tar-Renju Unit għat-territorju tar-Renju Unit bi tranżitu fit-territorju tal-Unjoni;

    (d)

    vjaġġ bla tagħbija flimkien mat-trasport imsemmi fil-punti (a) u (c);

    (3)

    “trasport awtorizzat ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank” tfisser:

    (a)

    vjaġġ li jsir b’xarabank jew b’kowċ biex jipprovdi trasport tal-passiġġieri mit-territorju tal-Unjoni għat-territorju tar-Renju Unit, jew viċe versa, bi tranżitu jew bla tranżitu li jgħaddi minn Stat Membru wieħed jew aktar jew minn pajjiżi terzi;

    (b)

    vjaġġ li jsir b’xarabank jew b’kowċ biex jipprovdi trasport tal-passiġġieri mit-territorju tar-Renju Unit għat-territorju tar-Renju Unit bi tranżitu fit-territorju tal-Unjoni;

    (c)

    vjaġġ li ma jittrasportax passiġġieri flimkien mat-trasport imsemmi fil-punti (a) u (b);

    (d)

    il-ġbir u t-tniżżil ta’ passiġġieri fir-reġjun tal-fruntiera tal-Irlanda matul l-għoti ta’ servizzi regolari internazzjonali u servizzi regolari speċjali internazzjonali bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq;

    (4)

    “reġjun tal-fruntiera tal-Irlanda” tfisser il-kontej tal-Irlanda li jmissu mal-fruntiera tal-art bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq;

    (5)

    “operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni” tfisser impriża, involuta fit-trasport tal-oġġetti bit-triq, li jkollha liċenzja Komunitarja valida, f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009;

    (6)

    “operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit” tfisser impriża stabbilita fir-Renju Unit li hija awtorizzata li teżerċita t-trasport tal-oġġetti bit-triq u li għandha liċenzja valida maħruġa għall-finijiet tat-trasport internazzjonali fir-rigward tat-trasport awtorizzat tal-oġġetti;

    (7)

    “liċenzja tar-Renju Unit”, meta maħruġa lil operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit, tfisser liċenzja maħruġa mir-Renju Unit għall-finijiet ta’ trasport internazzjonali fir-rigward tat-trasport awtorizzat tal-oġġetti, u, meta maħruġa lil operatur ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tar-Renju Unit, liċenzja maħruġa mir-Renju Unit għall-finijiet ta’ trasport internazzjonali fir-rigward ta trasport awtorizzat ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank;

    (8)

    “xarabank jew kowċ” tfisser vettura rreġistrata fir-Renju Unit, li tkun, minħabba l-kostruzzjoni u t-tagħmir tagħha, adattata u maħsuba biex tittrasporta aktar minn disa’ passiġġieri, inkluż is-sewwieq;

    (9)

    “servizzi regolari” tfisser servizzi li jipprevedu l-ġarr ta’ passiġġieri f’intervalli speċifikati f’rotot speċifiċi, filwaqt li l-passiġġieri jitrikkbu u jitniżżlu f’punti ta’ waqfien predeterminati;

    (10)

    “servizzi regolari speċjali” tfisser servizzi regolari, irrispettivament minn min jorganizzahom, li jipprevedu t-trasport ta’ kategoriji speċifikati ta’ passiġġieri, bl-esklużjoni ta’ passiġġieri oħra;

    (11)

    “operatur ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tal-Unjoni” tfisser impriża, involuta fit-trasport ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank li jkollha liċenzja Komunitarja valida f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009;

    (12)

    “operatur ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tar-Renju Unit” tfisser impriża stabbilita fir-Renju Unit u li hija awtorizzata li teżerċita t-trasport ta’ passiġġier bil-kowċ u bix-xarabank u li għandha liċenzja valida għall-finijiet tat-trasport internazzjonali fir-rigward tat-trasport awtorizzat tal-passiġġier bil-kowċ u bix-xarabank;

    (13)

    “operatur” tfisser jew operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jew operatur ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank;

    (14)

    “liġi dwar il-kompetizzjoni” tfisser kwalunkwe liġi li tindirizza l-imġiba li ġejja, meta din tista’ taffettwa s-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jew is-servizzi bil-kowċ u bix-xarabank:

    (a)

    imġiba li tikkonsisti fi:

    (i)

    ftehimiet bejn operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jew operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank, rispettivament, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jew minn operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank, u prattiki miftiehma li għandhom bħala skop tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni jew li jaffettwawhom;

    (ii)

    abbużi ta’ pożizzjoni dominanti minn operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jew ta’ operatur ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank wieħed jew aktar;

    (iii)

    miżuri meħuda jew miżmuma fis-seħħ mir-Renju Unit fil-każ ta’ impriżi pubbliċi u impriżi li r-Renju Unit jagħtihom drittijiet speċjali jew esklużivi u li jmorru kontra l-punt (i) jew (ii);

    (b)

    konċentrazzjonijiet bejn operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jew operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank, li jimpedixxu b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva, b’mod partikolari b’riżultat tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti;

    (15)

    “sussidju” tfisser kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija lil operatur mill-gvern jew minn kwalunkwe korp pubbliku ieħor fi kwalunkwe livell, li jikkonferixxi benefiċċju, u li jinkludi:

    (a)

    it-trasferiment dirett ta’ fondi bħalma huma għotjiet, self jew infużjoni tal-kapital ta’ ekwità, it-trasferiment dirett potenzjali ta’ fondi, it-teħid ta’ obbligazzjonijiet, bħalma huma garanziji fuq is-self, l-injezzjonijiet ta’ kapital, is-sjieda, il-protezzjoni kontra l-falliment jew l-assigurazzjoni;

    (b)

    ir-rinunzja jew in-nuqqas ta’ ġbir tad-dħul li kieku jkun dovut;

    (c)

    il-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi għajr l-infrastruttura ġenerali, jew ix-xiri ta’ oġġetti jew ta’ servizzi;

    (d)

    li jsiru pagamenti lil mekkaniżmu ta’ fondi, jew l-inkariga jew id-direzzjoni lil korp privat sabiex iwettaq funzjoni waħda jew iktar imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) li normalment jiġu vestiti fil-gvern jew korp pubbliku ieħor u l-prattika f’ebda sens ma tkun differenti mill-prattiki normalment segwiti mill-gvernijiet.

    L-ebda benefiċċju ma jitqies li jkun ġie mogħti minn kontribuzzjoni finanzjarja li tkun saret minn gvern jew korp pubbliku ieħor jekk operatur tas-suq privat immotivat biss mill-prospett ta’ profitt, li jinsab fl-istess sitwazzjoni bħal korp pubbliku inkwistjoni, ikun wettaq l-istess kontribuzzjoni finanzjarja;

    (16)

    “awtorità tal-kompetizzjoni indipendenti” tfisser awtorità li hija responsabbli mill-applikazzjoni u mill-infurzar tal-liġi dwar il-kompetizzjoni kif ukoll mill-kontroll tas-sussidji, u li tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-awtorità hija operazzjonalment indipendenti u hija mgħammra b’mod adegwat bir-riżorsi meħtieġa biex twettaq il-kompiti tagħha;

    (b)

    fit-twettiq tad-dmirijiet tagħha u waqt li teżerċita s-setgħat tagħha, l-awtorità tgawdi mill-garanziji neċessarji ta’ indipendenza minn indħil politiku jew minn kwalunkwe influwenza esterna oħra u taġixxi b’mod imparzjali;

    (c)

    id-deċiżjonijiet tal-awtorità huma soġġetti għal rieżami ġudizzjarju;

    (17)

    “diskriminazzjoni” tfisser divrenzjar ta’ kull tip mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva fir-rigward tal-provvista ta’ oġġetti jew servizzi, inkluż is-servizzi pubbliċi, użati għall-operazzjoni ta’ servizzi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jew ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank, jew fir-rigward tat-trattament tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti għat-tali servizzi;

    (18)

    “territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorju tal-Istati Membri li għalih japplikaw it-TUE u t-TFUE, bil-kundizzjonijiet stipulati f’dawk it-Trattati.

    Artikolu 3

    Dritt li jitwettaq trasport awtorizzat ta’ oġġetti

    1.   L-operaturi tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq tar-Renju Unit jistgħu, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, iwettqu trasport awtorizzat ta’ oġġetti.

    2.   It-trasport awtorizzat ta’ oġġetti tat-tipi li ġejjin jistgħu jitwettqu minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi stabbiliti fir-Renju Unit, mingħajr il-ħtieġa għal liċenzja tar-Renju Unit:

    (a)

    it-trasport tal-posta bħala servizz universali;

    (b)

    it-trasport ta’ vetturi li jkunu ġarrbu ħsarat jew li m’għadhomx jaħdmu;

    (c)

    it-trasport ta’ oġġetti f’vetturi bil-mutur li l-massa mgħobbija permissibbli tagħhom, inkluż dik tal-karrijiet, ma taqbiżx it-3,5 tunnellati;

    (d)

    it-trasport ta’ prodotti mediċinali, apparat, tagħmir jew artikoli oħra li huma meħtieġa għall-kura medika f’assistenza ta’ emerġenza, partikolarment fil-każi ta’ diżastri naturali;

    (e)

    it-trasport ta' oġġetti sakemm:

    (i)

    l-oġġetti li jinġarru jkunu l-proprjetà tal-impriża jew ikunu ġew mibjugħa, mixtrija, mikrija lil jew mikrija minn, prodotti, estratti, ipproċessati jew imsewwija mill-impriża;

    (ii)

    l-iskop tal-vjaġġ għandu jkun il-ġarr tal-oġġetti lejn jew mill-impriża jew biex jiġu mċaqalqa, kemm jekk ġewwa l-impriża kif ukoll ’il barra minnha, għall-ħtiġijiet tagħha stess;

    (iii)

    il-vetturi bil-mutur użati għat-tali trasport ikunu misjuqa mill-persunal impjegat mill-impriża jew imqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha taħt obbligu kuntrattwali;

    (iv)

    il-vetturi li jġorru l-oġġetti jkunu proprjetà tal-impriża jew ikunu nxtraw minnha b’termini differiti jew ikunu nkrew, sakemm fil-każ tal-aħħar, dawn ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2006/1/KE; u

    (v)

    dan it-trasport ma jkunx ħlief anċillari għall-attivitajiet ġenerali tal-impriża.

    Artikolu 4

    Dritt li jitwettqu servizzi regolari u servizzi regolari speċjali bil-kowċ u bix-xarabank

    1.   L-operaturi tas-servizzi tal-kowċ u bix-xarabank tar-Renju Unit jistgħu, taħt kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, iwettqu trasport awtorizzat ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank li jikkostitwixxi servizzi regolari u servizzi regolari speċjali.

    2.   L-operaturi ta’ servizz tal-kowċ u bix-xarabank tar-Renju Unit għandhom ikunu fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni maħruġa qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikoli 6 sa 11 tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 biex iwettqu servizzi regolari u servizzi regolari speċjali awtorizzati bil-kowċ u bix-xarabank f’isem ħaddieħor.

    3.   L-awtorizzazzjonijiet li jibqgħu validi skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jkomplu jintużaw għall-finijiet speċifikati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jekk ikunu ġew imġedda taħt l-istess termini u kundizzjonijiet, jew ikunu nbidlu f’termini ta’ waqfiet, nollijiet jew skeda biss, u soġġetti għar-regoli u l-proċeduri tal-Artikoli 6 sa 11 tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 għal perjodu ta’ validità li ma jestendix lil hinn mit-30 ta’ Ġunju 2021.

    4.   It-trasport awtorizzat tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank imwettaq minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi stabbiliti fir-Renju Unit, għal skopijiet mhux kummerċjali u mingħajr profitt jistgħu jitwettqu mingħajr il-ħtieġa ta’ liċenzja, fejn:

    (a)

    l-attività tat-trasport tkun biss attività anċillari għal dik il-persuna fiżika jew ġuridika; u

    (b)

    il-vetturi użati jkunu l-proprjetà ta’ dik il-persuna fiżika jew ġuridika jew ikunu nkisbu minn dik il-persuna b’kundizzjonijiet differiti jew ikunu soġġetti għal kuntratt ta’ kiri fit-tul, u jinsaqu minn membru tal-persunal tal-persuna fiżika jew ġuridika, jew mill-persuna fiżika nnifisha, jew minn persunal impjegat mill-impriża jew imqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha taħt obbligu kuntrattwali.

    Dawk l-operazzjonijiet tat-trasport għandhom ikunu eżentati minn kwalunkwe sistema ta’ awtorizzazzjoni fl-Unjoni, sakemm il-persuna li twettaq l-attività tkun fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni nazzjonali maħruġa qabel l-ewwel jum tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009.

    5.   Il-bdil ta’ vettura, jew l-interruzzjoni tat-trasport biex ikun possibbli li parti mill-vjaġġ isir b’mezz ieħor ta’ trasport, ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 5

    Ftehimiet jew arranġamenti bilaterali

    L-Istati Membri ma għandhom la jinnegozjaw u lanqas jidħlu fi kwalunkwe ftehim jew arranġamenti bilaterali mar-Renju Unit dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Mingħajr preġudizzju għal arranġamenti multilaterali eżistenti, dawn ma għandhom jagħtu lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit jew lill-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tar-Renju Unit ebda dritt mod ieħor għajr dawk id-drittijiet mogħtija f’dan ir-Regolament.

    Artikolu 6

    Regoli soċjali u tekniċi

    Matul it-trasport awtorizzat ta’ oġġetti jew passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank f’konformità ma’ dan ir-Regolament, ir-regoli li ġejjin għandhom jiġu osservati:

    (a)

    fir-rigward ta’ ħaddiema mobbli u sewwieqa li jaħdmu għal rashom, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Istati Membri f’konformità mad-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10);

    (b)

    fir-rigward ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali marbuta mat-trasport bit-triq, ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11);

    (c)

    fir-rigward ta’ takografi fit-trasport bit-triq, ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12);

    (d)

    fir-rigward tal-kwalifika inizjali u tat-taħriġ perjodiku tas-sewwieqa, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Istati Membri f’konformità mad-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13);

    (e)

    fir-rigward tad-dimensjonijiet u l-piżijiet massimi awtorizzati ta’ ċerti vetturi tat-triq, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Istati Membri f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE (14);

    (f)

    fir-rigward tal-installazzjoni u tal-użu ta’ apparat li jillimita l-veloċità għal ċerti kategoriji ta’ vetturi bil-mutur, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Istati Membri f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 92/6/KEE (15);

    (g)

    fir-rigward tal-użu obbligatorju taċ-ċintorini tas-sigurtà u tas-sistemi ta’ trażżin għat-tfal fil-vetturi, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Istati Membri f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 91/671/KEE (16);

    (h)

    fir-rigward tal-istazzjonar tal-ħaddiema, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Istati Membri f’konformità mad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17);

    (i)

    fir-rigward tad-drittijiet tal-passiġġieri, ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).

    Artikolu 7

    Ekwivalenza tad-drittijiet

    1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja d-drittijiet mogħtija mir-Renju Unit lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u lill-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tal-Unjoni u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħhom.

    2.   Fejn il-Kummissjoni tiddetermina li d-drittijiet mogħtija mir-Renju Unit lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni jew lill-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank mhumiex, de jure jew de facto, ekwivalenti għal dawk mogħtija lill-operaturi tar-Renju Unit taħt dan ir-Regolament, jew li dawk id-drittijiet mhumiex disponibbli b’mod ugwali għall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni jew għall-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank kollha tal-Unjoni, għandha, mingħajr dewmien u sabiex terġa’ tistabbilixxi l-ekwivalenza, tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 11 sabiex:

    (a)

    tissospendi l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 jew tal-Artikolu 4(1) sa (4) meta l-ebda dritt ekwivalenti ma jingħata lill-operaturi tal-Unjoni, jew meta d-drittijiet mogħtija jkunu minimi;

    (b)

    tistabbilixxi limiti għall-kapaċità permissibbli disponibbli għall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit, jew għall-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tar-Renju Unit jew għall-għadd ta’ vjaġġi, jew għat-tnejn; jew

    (c)

    tadotta restrizzjonijiet operattivi relatati mat-tipi ta’ vetturi jew mal-kundizzjonijiet ta’ ċirkolazzjoni.

    Artikolu 8

    Kompetizzjoni ġusta

    1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-kundizzjonijiet li taħthom l-operaturi tal-Unjoni jikkompetu mal-operaturi tar-Renju Unit għall-provvista ta’ servizzi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank koperti minn dan ir-Regolament.

    2.   Fejn il-Kummissjoni tiddetermina li, bħala riżultat ta’ kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-kundizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkunu sostanzjalment inqas favorevoli minn dawk li jgawdu l-operaturi tar-Renju Unit, għandha tadotta, mingħajr dewmien u bħala rimedju għal dik is-sitwazzjoni, atti delegati f’konformità mal-Artikolu 11 biex:

    (a)

    tissospendi l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 jew tal-Artikolu 4(1) sa (4) fejn il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni għall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit, jew għall-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tar-Renju Unit, tant ikunu differenti minn dawk li japplikaw għall-operaturi tal-Unjoni li l-provvista ta’ servizzi minn dawn tal-aħħar ma tkunx ekonomikament vijabbli għalihom;

    (b)

    tistabbilixxi limiti għall-kapaċità permissibbli disponibbli għall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit, jew għall-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tar-Renju Unit jew għall-għadd ta’ vjaġġi, jew għat-tnejn; jew

    (c)

    tadotta restrizzjonijiet operattivi relatati mat-tipi ta’ vetturi jew mal-kundizzjonijiet ta’ ċirkolazzjoni.

    3.   L-atti delegati msemmijin fil-paragrafu 2 għandhom, taħt il-kundizzjonijiet speċifikati f’dak il-paragrafu, jiġu adottati bħala rimedju għas-sitwazzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-għoti ta’ sussidji mir-Renju Unit;

    (b)

    in-nuqqas mir-Renju Unit li jkollu fis-seħħ jew li japplika b’mod effettiv il-liġi dwar il-kompetizzjoni;

    (c)

    in-nuqqas mir-Renju Unit li jistabbilixxi jew iżomm awtorità ta’ kompetizzjoni indipendenti;

    (d)

    l-applikazzjoni mir-Renju Unit ta’ standards dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema, is-sikurezza, is-sigurtà jew l-ambjent li huma inferjuri għal dawk stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni jew, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet rilevanti fid-dritt tal-Unjoni, inferjuri għal dawk applikati mill-Istati Membri jew, fi kwalunkwe każ, inferjuri għall-istandards internazzjonali rilevanti;

    (e)

    l-applikazzjoni mir-Renju Unit ta’ standards relatati mal-għoti ta’ liċenzji tar-Renju Unit lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jew lill-operaturi ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank li huma inferjuri għal dawk stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19);

    (f)

    l-applikazzjoni mir-Renju Unit ta’ standards relatati mal-kwalifika u mat-taħriġ tas-sewwieqa professjonisti li huma inferjuri għal dawk stabbiliti fid-Direttiva 2003/59/KE;

    (g)

    l-applikazzjoni mir-Renju Unit ta’ regoli fir-rigward tal-pedaġġi tat-triq u tat-tassazzjoni li jkunu differenti mir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20); u

    (h)

    kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni kontra l-operaturi tal-Unjoni.

    4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit jew mill-operaturi tar-Renju Unit. Meta ma jipprovdux l-informazzjoni mitluba fi żmien il-perjodu raġonevoli preskritt mill-Kummissjoni, jew jipprovdu informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni tista’ tipproċedi f’konformità mal-paragrafu 2.

    Artikolu 9

    Estensjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 1072/2009 u (KE) Nru 1073/2009

    1.   Fil-kuntest tat-trasport tal-oġġetti bejn it-territorju tal-Unjoni u t-territorju tar-Renju Unit imwettqa minn operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni li jiddependi fuq id-drittijiet mogħtija mir-Renju Unit, kif imsemmi fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, ekwivalenti għal dawk mogħtija skont dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 għandu japplika għall-parti tal-vjaġġ fit-territorju tal-Istat Membru tat-tagħbija jew tal-ħatt.

    2.   Fil-kuntest tat-trasport tal-passiġġieri bejn it-territorju tal-Unjoni u t-territorju tar-Renju Unit imwettqa minn operatur ta’ servizzi bil-kowċ u bix-xarabank tal-Unjoni li jiddependi fuq id-drittijiet mogħtija mir-Renju Unit, kif imsemmi fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, ekwivalenti għal dawk mogħtija skont dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 għandu japplika għall-parti tal-vjaġġ fit-territorju tal-Istat Membru ta’ ġbir jew ta’ tniżżil.

    Artikolu 10

    Konsultazzjoni u kooperazzjoni

    1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkonsultaw u jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit kif meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Fuq talba, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed, bi kwalunkwe informazzjoni miksuba skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew bi kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 7 u 8.

    Artikolu 11

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 7(2) u 8(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2021.

    2.   Qabel ma tadotta att delegat skont l-Artikolu 7(2) jew 8(2), il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    3.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Artikolu 12

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.   Dan ir-Regolament għandu japplika mill-għada tal-jum li fih id-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih skont l-Artikoli 126 u 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

    Madankollu, ma għandux japplika jekk sa dik id-data ikun daħal fis-seħħ, jew skont il-każ, ikun japplika b’mod proviżorju, ftehim internazzjonali li jirregola t-trasport bit-triq, konkluż bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.

    3.   Dan ir-Regolament għandu japplika sal-jum qabel id-dħul fis-seħħ jew, skont il-każ, sal-jum qabel l-applikazzjoni proviżorja ta’ ftehim internazzjonali li jirregola t-trasport bit-triq, konkluż bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.

    Bl-eċċezzjoni tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank imsemmi fl-Artikolu 2(3)(d), id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li japplikaw għat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank għandhom jieqfu japplikaw fid-data tad-dħul fis-seħħ għall-Unjoni u għar-Renju Unit tal-Protokoll għall-Ftehim Interbus rigward it-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali ta' passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank.

    4.   Dan ir-Regolament għandu fi kwalunkwe każ jieqaf japplika l-aktar tard fit-30 ta’ Ġunju 2021.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Diċembru 2020.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    D. M. SASSOLI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. ROTH


    (1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2020.

    (2)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/266 tal-25 ta’ Frar 2020 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għal ftehim ta’ sħubija ġdid (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 53).

    (5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72).

    (6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88).

    (7)  ĠU L 321, 26.11.2002, p. 13.

    (8)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (9)  Id-Direttiva 2006/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar l-użu ta’ vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 82).

    (10)  Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35).

    (11)  Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1).

    (12)  Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).

    (13)  Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għall-ġarr ta’ merkanzija jew passiġġieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4).

    (14)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal-25 ta’ Lulju 1996 li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità id-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (ĠU L 235, 17.9.1996, p. 59).

    (15)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/6/KEE tal-10 ta’ Frar 1992 dwar l-istallazzjoni u l-użu ta’ apparat li jillimita l-veloċità għal ċerti kategoriji ta’ vetturi tal-mutur fil-Komunità (ĠU L 57, 2.3.1992, p. 27).

    (16)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/671/KEE tas-16 ta’ Diċembru 1991 dwar l-użu obbligatorju taċ-ċintorini tas-sigurtà u s-sistemi tat-trażżin għat-tfal fil-vetturi (ĠU L 373, 31.12.1991, p. 26).

    (17)  Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1).

    (18)  Ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 1).

    (19)  Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51).

    (20)  Id-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU L 187, 20.7.1999, p. 42).


    Top