Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R2145

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2145 tal-1 ta’ Settembru 2020 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 876/2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ bidliet fil-kompożizzjoni, il-funzjonament u l-ġestjoni tal-kulleġġi għall-kontropartijiet ċentrali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/5888

    ĠU L 428, 18.12.2020, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/2145/oj

    18.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 428/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2145

    tal-1 ta’ Settembru 2020

    li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 876/2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ bidliet fil-kompożizzjoni, il-funzjonament u l-ġestjoni tal-kulleġġi għall-kontropartijiet ċentrali

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijie (1)t, u b’mod partikolari l-Artikolu 18(6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Regolament (UE) Nru 648/2012 ġie emendat reċentement bir-Regolament (UE) 2019/2099 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fir-rigward, fost l-oħrajn, tal-proċeduri għall-awtorizzazzjoni tas-CCPs u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni, u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi. Dawk l-emendi jinkludu bidliet fil-kompożizzjoni, il-funzjonament u l-ġestjoni tal-kulleġġi tas-CCPs. Dawk il-bidliet jenħtieġ li jiġu riflessi fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 876/2013 (3).

    (2)

    Skont l-Artikolu 18(2), il-punti (ca) u (i), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tipprovdi raġunijiet sħaħ u dettaljati bil-miktub jekk ma tagħtix kunsens lil awtorità kompetenti jew bank ċentrali ta’ ħruġ li jipparteċipaw fil-kulleġġ fuq talba tagħhom. Għal raġunijiet ta’ effiċjenza u ta’ ċertezza legali, huwa importanti li dawn ir-raġunijiet jingħataw f’terminu ta’ żmien raġonevoli.

    (3)

    F’konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, il-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”) għandu żewġ voti meta jkun membru ta’ CCP tal-kulleġġ kemm fil-qafas tal-kompiti tiegħu dwar is-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fi ħdan il-mekkaniżmu superviżorju uniku kif ukoll bħala l-bank ċentrali tal-ħruġ ta’ waħda mill-aktar muniti rilevanti tal-Unjoni tal-istrumenti finanzjarji kklerjati. Sabiex tkun riflessa r-rappreżentanza xierqa tal-BĊE, għandu jiġi stabbilit li f’każijiet bħal dawn, il-BĊE għandu jkollu żewġ parteċipanti bi drittijiet tal-vot.

    (4)

    Huwa meħtieġ li jkun żgurat fluss effiċjenti ta’ dokumentazzjoni bejn il-membri tal-kulleġġ u li l-membri tal-kulleġġ jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju għal-laqgħat tal-kulleġġ. L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha għalhekk tiċċirkola l-aġenda tal-laqgħa tal-kulleġġ u l-informazzjoni kollha rilevanti għat-tħejjija ta’ dik il-laqgħa ħafna minn qabel.

    (5)

    Sabiex jiġi żgurat funzjonament xieraq tal-kulleġġi u biex jiġi żgurat li l-kulleġġ jiltaqa’ fuq bażi regolari, għandha ssir laqgħa ta’ kulleġġ tas-CCPs mill-inqas kull sena. Il-membri tal-Kulleġġ jistgħu jitolbu wkoll li jkun hemm laqgħa tal-kulleġġ tas-CCPs meta jqisu li tali laqgħa tkun meħtieġa.

    (6)

    Mhux dejjem ikun possibbli li ssir laqgħa fiżika tal-kulleġġ. Għalhekk, jenħtieġ li l-kulleġġ tas-CCP ikun jista’ jivvota permezz ta’ proċedura bil-miktub fejn jitqies xieraq mill-awtorità kompetenti tas-CCP jew fuq talba ta’ membru tal-kulleġġ.

    (7)

    L-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/2099 jattribwixxi responsabbiltajiet ġodda lill-kulleġġi tas-CCPs, inkluż għal arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni. L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha għalhekk tipprovdi lill-membri tal-kulleġġ informazzjoni dwar kwalunkwe bidla fl-arranġamenti tal-esternalizzazzjoni tas-CCP għal attivitajiet kbar marbuta mal-ġestjoni tar-riskju.

    (8)

    Sabiex tippermetti lill-kulleġġ iwettaq id-dmirijiet tiegħu, l-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tipprovdi lill-membri tal-kulleġġ informazzjoni dwar bidliet fir-rekwiżiti ta’ parteċipazzjoni tas-CCP, mudelli ta’ sħubija tal-ikklirjar, mudelli ta’ segregazzjoni tal-kontijiet, bidliet fil-proċeduri ta’ ġestjoni tal-inadempjenza tas-CCP u bidliet fl-arranġamenti ta’ pagament u saldu tas-CCP, u b’rapporti dwar it-test tas-CCP dwar il-proċeduri ta’ inadempjenza tagħha mwettqa f’konformità mal-Artikolu 49(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

    (9)

    Sabiex tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali u sabiex jiġi żgurat li l-membri tal-kulleġġ jiġu infurmati fuq bażi ugwali, l-informazzjoni kunfidenzjali għandha tiġi skambjata b’mezzi siguri.

    (10)

    Sabiex il-membri tal-kulleġġ jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju għal-laqgħa tal-kulleġġ tas-CCP u sabiex dawn ikunu jistgħu jqajmu kwalunkwe punt ta’ interess jew tħassib rigward l-eżami mill-ġdid jew l-evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti kif imsemmi fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dak l-Artikolu għandha tiġi ppreżentata lill-membri tal-kulleġġ kmieni biżżejjed għalihom biex jirrevedu u jiddiskutu dik l-informazzjoni minn qabel.

    (11)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) Nru 876/2013 jiġi emendat skont dan.

    (12)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wara konsultazzjoni mas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali.

    (13)

    L-emendi huma limitati fl-ambitu u jikkonċernaw biss lill-awtoritajiet kompetenti mingħajr ma jimponu rekwiżiti addizzjonali fuq il-parteċipanti fis-suq. Barra minn hekk, huwa importanti li l-kulleġġi tas-CCPs ikunu jistgħu jaġġustaw kemm jista’ jkun malajr għar-rekwiżiti l-ġodda introdotti bir-Regolament (UE) 2019/2099. Minħabba l-ambitu limitat u l-impatt tal-emendi u l-urġenza tal-applikazzjoni tagħhom, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq qisitha sproporzjonata ħafna li twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, u biex tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati. L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq madankollu talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi fir-Regolament Delegat (UE) Nru 876/2013

    Ir-Regolament Delegat (UE) Nru 876/2013 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 2, jiddaħħal il-paragrafu 4 a li ġej:

    “4a.   L-awtoritajiet kompetenti kif imsemmijin fl-Artikolu 18(2), punt (ca), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, u l-banek ċentrali tal-ħruġ kif imsemmi fl-Artikolu 18(2), punt (i), ta’ dak ir-Regolament, li jixtiequ jipparteċipaw fil-kulleġġ għandhom jissottomettu talba raġunata lill-awtorità kompetenti tas-CCP. L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha, fi żmien 20 jum kalendarju minn meta tirċievi t-talba, jew tipprovdi lill-awtorità kompetenti jew lill-bank ċentrali rikjedenti b’kopja tal-ftehim bil-miktub għar-rieżami u l-approvazzjoni, jew tissostanzja bil-miktub għaliex ġiet miċħuda t-talba.”;

    (2)

    fl-Artikolu 3, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Meta awtorità jkollha d-dritt tipparteċipa fil-kulleġġ taħt aktar minn punt wieħed minn (c) sa (i) tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, tista’ taħtar parteċipanti oħra mingħajr dritt tal-vot.”;

    (3)

    fl-Artikolu 3, għandu jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:

    “6.   B’deroga mill-paragrafi 4 u 5, il-BĊE jista’ jinnomina żewġ parteċipanti bi drittijiet tal-vot fejn ikun membru tal-kulleġġ skont iż-żewġ punti (c) u (h) tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.”;

    (4)

    fl-Artikolu 4(4), jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

    “Għall-finijiet tal-punt (b), l-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tiċċirkola abbozz ta’ aġenda għal kull laqgħa tal-kulleġġ, ħlief għal laqgħat imsejħa f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, ħafna qabel kull laqgħa, sabiex il-membri tal-kulleġġ ikunu jistgħu jikkontribwixxu għat-tfassil tal-aġenda, b’mod partikolari billi jżidu punti mal-aġenda.

    L-aġenda għandha tiġi ffinalizzata u mqassma mill-awtorità kompetenti tas-CCP lill-membri tal-kulleġġ fi żmien suffiċjenti qabel laqgħa tal-kulleġġ. L-awtorità kompetenti tas-CCP u membri oħra tal-kulleġġ għandhom iqassmu kwalunkwe informazzjoni li għandha tiġi kkunsidrata waqt laqgħa tal-kulleġġ ferm qabel il-laqgħa.

    Għall-finijiet tal-punt (c), l-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tqassam il-minuti tal-laqgħat lill-membri tal-kulleġġ hekk kif ikun prattikabbli wara l-laqgħat u tagħtihom biżżejjed żmien biex jikkummentaw.”;

    (5)

    fl-Artikolu 4(5), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Il-membri tal-kulleġġ jistgħu jitolbu li l-awtorità kompetenti tas-CCP ikollha laqgħa tal-kulleġġ. L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tipprovdi raġunijiet xierqa għal kwalunkwe rifjut ta’ tali talba.”;

    (6)

    fl-Artikolu 4, għandu jiżdied il-paragrafu 8 li ġej:

    “8.   Il-Kulleġġ jista’ jivvota permezz ta’ proċedura bil-miktub fejn propost mill-awtorità kompetenti tas-CCP jew fuq talba ta’ membru tal-kulleġġ.”;

    (7)

    L-Artikolu 5(2) huwa emendat kif ġej:

    (a)

    is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

    “L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tipprovdi mill-inqas l-informazzjoni segwenti lill-kulleġġ;”;

    (b)

    jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “(r)

    bidliet fi kwalunkwe arranġament ta’ esternalizzazzjoni tas-CCP għal attivitajiet maġġuri marbuta mal-ġestjoni tar-riskju;

    (s)

    bidliet fir-rekwiżiti ta’ parteċipazzjoni, il-mudelli ta’ sħubija tal-ikklerjar u l-mudelli ta’ segregazzjoni tal-kontijiet tas-CCP;

    (t)

    bidliet fil-proċeduri ta’ inadempjenza tas-CCP, u rapporti dwar it-test tal-proċeduri ta’ inadempjenza tas-CCP imwettqa mis-CCP f’konformità mal-Artikolu 49(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

    (u)

    bidliet fl-arranġamenti ta’ pagament u saldu tas-CCP.”;

    (8)

    fl-Artikolu 5, għandu jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:

    “6.   Il-membri tal-kulleġġ għandhom jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali b’mezzi siguri ta’ komunikazzjoni u fuq bażi ugwali.”;

    (9)

    għandu jiddaħħal l-Artikolu 5a li ġej:

    “Artikolu 5a

    Input tal-Kulleġġ dwar eżami mill-ġdid u evalwazzjoni

    1.   L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandha titressaq lill-membri tal-kulleġġ fil-ħin biex ikunu jistgħu jirrevedu u jiddiskutu dik l-informazzjoni qabel il-laqgħa li jmiss tal-kulleġġ.

    2.   Il-membri tal-Kulleġġ jistgħu jqajmu kwalunkwe punt ta’ interess jew ta’ tħassib li jista’ jkollhom fir-rigward tar-rieżami jew l-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti tas-CCP imsemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tqis tali punti ta’ interess jew ta’ tħassib sa fejn ikun possibbli u għandha tinforma lill-membru tal-kulleġġ li jkun qajjimhom kif ġew ikkunsidrati.”.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Settembru 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2019/2099 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni tas-CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi (ĠU L 322, 12.12.2019, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 876/2013 tat-28 ta’ Mejju 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar il-kulleġġi għall-kontropartijiet ċentrali (ĠU L 244, 13.9.2013, p. 19).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


    Top