Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1625

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1625 tal-25 ta’ Awwissu 2020 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/5730

    ĠU L 366, 4.11.2020, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/1625/oj

    4.11.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 366/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1625

    tal-25 ta’ Awwissu 2020

    li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 118(1) u (2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard trażmissibbli lejn l-annimali jew lejn il-bniedem, inklużi, fost l-oħrajn, ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u r-regoli għat-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis fl-Unjoni. Jagħti s-setgħa wkoll lill-Kummissjoni sabiex tadotta regoli li jissupplimentaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dak ir-Regolament permezz ta’ atti delegati.

    (2)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 (2) jistabbilixxi regoli addizzjonali għal stabbilimenti rreġistrati u approvati għal annimali terrestri miżmuma u bajd għat-tifqis, u għat-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u bajd għat-tifqis. B’mod partikolari t-Titolu II tal-Parti III ta’ dak ir-Regolament Delegat jistabbilixxi regoli dwar it-traċċabbiltà tal-annimali ovini u kaprini miżmuma, inklużi l-obbligi fuq l-operaturi fir-rigward tal-mezzi u l-metodi ta’ identifikazzjoni ta’ dawk l-annimali.

    (3)

    Barra minn hekk, l-Artikolu 46 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jipprevedi ċerti derogi mir-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà għall-annimali ovini u kaprini miżmuma stabbiliti fl-Artikolu 45 ta’ dak l-att. Dan jinkludi l-possibbiltà li l-operaturi jżommu l-annimali ovini u kaprini inqas minn 12-il xahar biex jidentifikaw l-annimali tagħhom permezz ta’ tikketta ta’ ċomba tal-widna unika elettronika fejn jidher in-numru uniku tar-reġistrazzjoni u l-kodiċi ta’ identifikazzjoni, fejn dawk l-annimali jkunu maħsuba biex jiġu ttrasportati f’biċċerija fl-istess Stat Membru, wara li jkunu għaddew minn operazzjoni ta’ assemblaġġ jew operazzjoni ta’ tismin. Wara l-adozzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, il-Kummissjoni rċeviet diversi kummenti minn ċerti partijiet ikkonċernati u minn ċerti Stati Membri dwar l-implikazzjonijiet potenzjali tal-applikazzjoni ta’ dik id-deroga li kienet meqjusa ta’ piż żejjed għan-nissiela tan-nagħaġ u tal-mogħoż, b’mod partikolari meta jitqies il-prezz tas-suq baxx miksub minn dawk in-nissiela għall-annimali maqtula għall-konsum mill-bniedem. Filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 118(3) tar-Regolament (UE) 2016/429, iċ-ċomba tal-widna konvenzjonali jew il-faxxa tal-pastur konvenzjonali tista’ titqies li tiżgura livell suffiċjenti ta’ traċċabbiltà meta annimali ovini u kaprini żgħar miżmuma minn stabbilimenti differenti ta’ oriġini jiġu mċaqalqa, wara operazzjoni ta’ tismin, lejn biċċerija. Barra minn hekk, jista’ biss jiġi żgurat livell suffiċjenti ta’ traċċabbiltà jekk tali movimenti jiġu rreġistrati f’bażi ta’ data waħda, u għalhekk isiru fl-istess Stat Membru, li huwa wkoll rekwiżit għall-biċċa l-kbira tad-derogi l-oħra previsti fl-Artikolu 46 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035.

    (4)

    Filwaqt li jitqiesu dawk il-kunsiderazzjonijiet, huwa xieraq li r-Regolament (UE) 2019/2035 jiġi emendat billi tiżdied deroga addizzjonali għal annimali ovini u kaprini miżmuma ta’ età żgħira, b’tali mod li ma jiġux imposti piżijiet u spejjeż sproporzjonati fuq l-operaturi, filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-annimali ovini u kaprini miżmuma u l-funzjonament bla xkiel tas-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ dawk l-annimali.

    (5)

    Barra minn hekk, l-Artikolu 108 tar-Regolament (UE) 2016/429 jeħtieġ li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali terrestri miżmuma, inklużi annimali ovini u kaprini miżmuma. Dik is-sistema jenħtieġ li jkollha proċeduri stabbiliti għat-tħaddim tajjeb tagħha, inkluż għall-ġestjoni tad-derogi, li huma applikati fl-Istati Membri. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-saħħa tal-annimali, u sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-annimali ovini u kaprini miżmuma, meta jiġu applikati ċerti derogi previsti fl-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2019/2035, jenħtieġ li jkun hemm obbligu fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu proċeduri dwar l-applikazzjoni ta’ dawn id-derogi.

    (6)

    Minħabba li r-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 japplika mill-21 ta’ April 2021, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika wkoll minn dik id-data,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 45(4), il-punt (a) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    wieħed mill-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, f’konformità mad-derogi previsti fl-Artikolu 46;”

    (2)

    Fl-Artikolu 46, jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

    “5.   B’deroga mill-Artikolu 45(2), l-operaturi li jżommu annimali ovini u kaprini maħsuba biex jiġu ttrasportati lejn il-biċċerija jew wara li jkunu għaddew minn operazzjoni ta’ tismin fi stabbiliment ieħor jistgħu jidentifikaw kull annimal tal-inqas b’ċomba tal-widna konvenzjonali jew b’faxxa tal-pastur konvenzjonali kif elenkat fil-punti (a) u (b) tal-Anness III li fuqha, in-numru tar-reġistrazzjoni uniku tal-istabbiliment tat-twelid tal-annimal u l-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ dak l-annimal jkunu jidhru, jinqraw u ma jitħassrux, dment li dawk l-annimali:

    (a)

    mhuwiex ippjanat li dawn jinġarru lejn Stat Membru ieħor;

    kif ukoll

    (b)

    jiġu skarnati qabel l-età ta’ 12-il xahar.”

    (3)

    Fl-Artikolu 48(4), jiżdied il-punt (c) li ġej:

    “(c)

    l-operaturi għall-applikazzjoni tad-derogi previsti fl-Artikolu 46(4) u (5).”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu jibda japplika mill-21 ta’ April 2021.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Awwissu 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 tat-28 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 115).


    Top