EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1209

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1209 tat-13 ta’ Awwissu 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1352/2013 li jistabbilixxi l-formoli previsti fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

C/2020/5511

ĠU L 274, 21.8.2020, p. 3–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1209/oj

21.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1209

tat-13 ta’ Awwissu 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1352/2013 li jistabbilixxi l-formoli previsti fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (1), u partikolarment l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 12(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1352/2013 (2) jistabbilixxi l-formoli li jridu jintużaw biex tiġi ppreżentata applikazzjoni li titlob lill-awtoritajiet doganali jieħdu azzjoni fir-rigward ta’ oġġetti suspettati li qed jiksru dritt tal-proprjetà intellettwali msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, u biex jippreżentaw talba għal estensjoni tal-perjodu li matulu l-awtoritajiet doganali jridu jieħdu l-azzjoni msemmija fl-Artikolu 12 ta’ dak ir-Regolament (“il-formoli”).

(2)

Il-formoli jeħtieġ li jiġu adattati biex iqisu l-introduzzjoni tal-Portal tan-Negozjanti Doganali tal-UE għall-preżentazzjoni elettronika tal-formoli. Sabiex jingħata aċċess sikur għal dan il-portal, huwa importanti li l-applikanti u r-rappreżentanti tagħhom jiġu identifikati b’mod uniku. Biex dan iseħħ, in-numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI) se jsir qasam obbligatorju fil-kaxxa għall-applikant u r-rappreżentant fil-formoli.

(3)

Is-sistema EORI diġà tipprovdi numri uniċi ta’ identifikazzjoni għall-operaturi ekonomiċi. Huwa xieraq li dik is-sistema tiġi applikata wkoll għal persuni oħra għajr l-operaturi ekonomiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446/ (3).

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 386/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2)(b) tiegħu, jassenja lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) il-kompitu li jiġbor, janalizza u jxerred data oġġettiva rilevanti, komparabbli u affidabbli dwar il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

(5)

Skont l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 386/2012, il-Kummissjoni tibgħat lill-EUIPO kull informazzjoni rilevanti pprovduta mill-Istati Membri skont l-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 u relatata mas-sospensjoni tar-rilaxx jew is-sekwestru ta’ oġġetti ssuspettati li qed jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

(6)

Sabiex tkun tista’ ssir analiżi aktar fil-fond tad-data dwar il-ksur u biex jitjieb il-fehim tal-ambitu ġeografiku u tal-impatt tal-ksur, huwa importanti li s-sospensjoni tar-rilaxx u s-sekwestru ta’ tali oġġetti tkun tista’ tiġi attribwita lid-detentur tad-deċiżjoni. Malli l-formoli jiġu ppreżentati, huwa importanti wkoll li dik il-persuna tkun infurmata bil-fatt li d-data personali tiegħu jew tagħha se tiġi pprovduta lill-EUIPO, u li tagħti l-kunsens tagħha għal dak it-trasferiment tad-data. Għalhekk, il-formoli jeħtieġ li jiġu adattati skont dan.

(7)

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti (UE) 2016/679 (5) u (UE) 2018/1725 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, se jkun hemm bżonn li r-referenzi fil-formoli għad-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-data jiġu aġġornati.

(8)

Meta jitqies li, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, l-iskambji kollha ta’ data dwar deċiżjonijiet marbuta ma’ applikazzjonijiet u sekwestri bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jridu jsiru permezz ta’ bażi ta’ data ċentrali tal-Kummissjoni u li dik il-bażi ta’ data trid tiġi aġġustata skont il-formoli l-ġodda, l-emendi fl-Annessi I sa III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1352/2013 jenħtieġ li japplikaw mill-15 ta’ Settembru 2020.

(9)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1352/2013 jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fl-24 ta’ Ġunju 2020.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1352/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa sostitwit bit-test fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(2)

L-Anness II huwa sostitwit bit-test tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(3)

L-Anness III huwa emendat skont l-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-15 ta’ Settembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 181, 29.6.2013, p. 15.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1352/2013 tal-4 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-formoli previsti fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 341, 18.12.2013, p. 10).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 386/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2012 li permezz tiegħu l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) jiġi fdat b’ċerti kompiti relatati mal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż it-tlaqqigħ ta’ rappreżentanti mis-settur pubbliku u privat bħala Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (ĠU L 129, 16.5.2012, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill‐istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS I

“ANNESS I

Image 1

Image 2

Image 3

Image 4

Image 5

Image 6

Image 7

Image 8

Image 9

Image 10


ANNESS II

“ANNESS II

Image 11

Image 12

Image 13

Image 14


ANNESS III

“ANNESS III

L-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1352/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-Parti I hija emendata kif ġej:

(a)

fin-nota dwar il-mili tal-kaxxa 1 (“Applikant”), it-test huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Id-dettalji dwar l-applikant għandhom jiddaħħlu f’din il-kaxxa. Din għandha tinkludi informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz sħiħ tal-applikant, in-Numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (Nru EORI) tiegħu jew tagħha, li huwa numru uniku fl-Unjoni kollha u jiġi assenjat lill-Applikant minn awtorità doganali fi Stat Membru, in-numru tat-telefown, tal-mowbajl jew tal-faks tiegħu jew tagħha u l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu jew tagħha. L-applikant jista’ jdaħħal ukoll, fejn xieraq, in-Numru ta’ Identifikazzjoni tat-Taxxa tiegħu, kwalunkwe numru ta’ reġistrazzjoni nazzjonali ieħor u l-indirizz tas-sit web tiegħu jew tagħha.”;

(b)

fin-nota dwar it-tlestija tal-kaxxa 4 (“Rappreżentant li jippreżenta l-applikazzjoni f’isem l-applikant”), it-test huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Meta l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mill-applikant permezz ta’ rappreżentant, id-dettalji dwar dak ir-rappreżentant għandhom jiddaħħlu f’din il-kaxxa. Dawn id-dettalji għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz sħiħ tar-rappreżentant, in-Numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (Nru EORI) tiegħu jew tagħha, li huwa numru uniku fl-Unjoni kollha, assenjat minn awtorità doganali fi Stat Membru lir-rappreżentant, in-numru tat-telefown, tal-mowbajl jew tal-faks tiegħu jew tagħha u l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu jew tagħha. Ir-rappreżentant jista’ jdaħħal ukoll, fejn xieraq, isem il-kumpanija fejn jaħdem u l-indirizz tas-sit web tal-kumpanija. L-applikazzjoni għandha tinkludi evidenza tas-setgħat tiegħu jew tagħha biex jaġixxi bħala rappreżentant skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih tiġi ppreżentata l-applikazzjoni filwaqt li għandha tiġi mmarkata l-kaxxa korrispondenti.”;

(2)

Il-Parti II hija sostitwita b’dan li ġej:

“II.   SPEĊIFIKAZZJONIJIET TAL-KAXXI TAL-FORMOLA TAT-TALBA GĦAL ESTENSJONI STIPULATI FL-ANNESS II BIEX JIMTLEW MID-DETENTUR TAD-DEĊIŻJONI

Oqsma fil-formola mmarkati b’asterisk (*) huma oqsma obbligatorji u jridu jimtlew.

Fil-kaxxi fejn hemm oqsma mmarkati b’sinjal ta’ plus (+) għandu jimtela mill-inqas wieħed minn dawn l-oqsma.

Iddaħħalx data fil-kaxxi mmarkati “għal użu uffiċjali”.

Kaxxa 1:Dettalji dwar id-detentur tad-deċiżjoni

Dettalji dwar id-detentur tad-deċiżjoni għandhom jiddaħħlu f’din il-kaxxa.

Kaxxa 2: Rappreżentant tad-detentur tad-deċiżjoni

Meta t-talba tiġi ppreżentata mid-detentur tad-deċiżjoni permezz ta’ rappreżentant, id-dettalji dwar dak ir-rappreżentant jiddaħħlu f’din il-kaxxa. Dawn id-dettalji għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz sħiħ tar-rappreżentant, in-Numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (Nru EORI) tiegħu jew tagħha, li huwa numru uniku fl-Unjoni kollha, assenjat minn awtorità doganali fi Stat Membru lir-rappreżentant, in-numru tat-telefown, tal-mowbajl jew tal-faks tiegħu jew tagħha u l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu jew tagħha. Ir-rappreżentant jista’ jdaħħal ukoll, fejn xieraq, isem il-kumpanija fejn jaħdem u l-indirizz tas-sit web tal-kumpanija. Jekk ma tkunx ippreżentata mal-applikazzjoni inizjali, it-talba għandha tinkludi evidenza tas-setgħa tiegħu jew tagħha li jaġixxi bħala rappreżentant skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn tkun ġiet adottata d-deċiżjoni inizjali u għandha tiġi mmarkata l-kaxxa korrispondenti.”

Kaxxa 3: Talba għal estensjoni

F’din il-kaxxa jiddaħħal in-numru tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni inklużi l-ewwel żewġ ċifri mal-kodiċi iso/alpha-2 tal-Istat Membru ta’ konċessjoni. Id-detentur tad-deċiżjoni bl-istess mod jindika jekk hija jew huwa jkunx qed jitlob modifiki għat-tagħrif inkluż fl-applikazzjoni billi jimmarka l-kaxxa adattata.

Kaxxa 4: Firma

Fil-kaxxa 4, id-detentur tad-deċiżjoni jew ir-rappreżentant tad-detentur tad-deċiżjoni għandu jdaħħal il-post u d-data tat-tlestija tat-talba u jiffirma. Isem il-firmatarju għandu jitniżżel b’ittri kbar.


Top