Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1177

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1177 tas-7 ta’ Awwissu 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/469 fir-rigward tal-posponiment tad-dati ta’ applikazzjoni ta’ ċerti miżuri fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/5394

    ĠU L 259, 10.8.2020, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1177/oj

    10.8.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 259/12


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1177

    tas-7 ta’ Awwissu 2020

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/469 fir-rigward tal-posponiment tad-dati ta’ applikazzjoni ta’ ċerti miżuri fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-punti (c) u (g) tal-Artikolu 36(1), il-punti (a) u (f) tal-Artikolu 43(1) u l-Artikolu 44(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-miżuri introdotti għall-finijiet tal-konteniment tal-pandemija tal-COVID-19 ixekklu serjament il-kapaċità tal-Istati Membri u tal-industrija tal-avjazzjoni biex jippreparaw għall-applikazzjoni ta’ għadd ta’ Regolamenti ta’ Implimentazzjoni fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

    (2)

    Il-konfinament u t-tibdil fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-disponibbiltà tal-impjegati, flimkien mal-ammont ta’ xogħol addizzjonali meħtieġ biex jiġu ġestiti l-konsegwenzi negattivi sinifikanti tal-pandemija tal-COVID-19 għall-partijiet ikkonċernati kollha, qed ixekklu t-tħejjijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni.

    (3)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/469 (2) se jkun parzjalment applikabbli mill-5 ta’ Novembru 2020. L-adattament tar-rekwiżiti komuni tar-rappurtar u r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-formati SNOWTAM u METAR, skont l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), introdotti b’dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, huwa mxekkel min-nuqqas ta’ riżorsi tal-awtoritajiet kompetenti u tal-operaturi kkonċernati minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 u għalhekk jenħtieġ jiġi pospost ħalli l-awtoritajiet kompetenti u l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jippreparaw għall-implimentazzjoni tagħhom.

    (4)

    L-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea kkonfermat lill-Kummissjoni li l-posponiment tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-premessa 3 huwa possibbli mingħajr ma jkun ta’ detriment għas-sikurezza tal-avjazzjoni, peress li se jkun għal perjodu limitat ħafna u l-miżuri l-ġodda huma mmirati biex jiġu aġġornati dispożizzjonijiet diġà applikabbli skont l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati attwali tal-ICAO.

    (5)

    Bil-għan li l-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati kollha jingħataw sostenn matul il-pandemija tal-COVID-19 u biex ikunu jistgħu jadattaw il-pjanijiet tagħhom biex jippreparaw għall-applikazzjoni posposta tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (6)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/469 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 5

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mis-27 ta’ Jannar 2022.

    Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw mit-12 ta’ Awwissu 2021:

    (a)

    fl-Anness I, il-punt 10(b);

    (b)

    fl-Anness III, il-punt 6: l-Appendiċi 3 “FORMAT SNOWTAM”.

    Il-Punt 5 tal-Anness III għandu japplika mill-5 ta’ Novembru 2020, bl-eċċezzjoni tal-punt 5(v): Il-Mudell għall-METAR fl-Appendiċi 1, li għandu japplika mit-12 ta’ Awwissu 2021.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Awwissu 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/469 tal-14 ta’ Frar 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 923/2012, ir-Regolament (UE) Nru 139/2014 u r-Regolament (UE) 2017/373 fir-rigward tar-rekwiżiti għas-servizzi ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tan-navigazzjoni tal-ajru, id-disinn tal-istrutturi tal-ispazju tal-ajru, il-kwalità tad-data u s-sikurezza tar-runways u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 73/2010 (ĠU L 104, 3.4.2020, p. 1).


    Top