EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0884

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/884 tat-30 ta’ Mejju 2020 li jidderoga fir-rigward tas-sena 2020 mir-Regolament Delegat (UE) 2017/891 fir-rigward tas-settur tal-frott u l-ħxejjex u mir-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 fir-rigward tas-settur tal-inbid b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19

ĠU L 205, 29.6.2020, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 16/10/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/884/oj

29.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 205/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/884

tat-4 ta’ Mejju 2020

li jidderoga fir-rigward tas-sena 2020 mir-Regolament Delegat (UE) 2017/891 fir-rigward tas-settur tal-frott u l-ħxejjex u mir-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 fir-rigward tas-settur tal-inbid b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 62(1) u 64(6),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 37, 53 u 173 flimkien mal-Artikolu 227 tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment li rriżultaw, l-Istati Membri kollha u l-bdiewa fl-Unjoni kollha ħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna stabbiliti fl-Artikoli 32 sa 36 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u fl-Artikoli 39 sa 52 ta’ dak ir-Regolament għas-settur tal-inbid. Il-problemi loġisitiċi u n-nuqqas ta’ ħaddiema għamlu lil dawk il-bdiewa vulnerabbli għat-tfixkil ekonomiku kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari għandhom diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ likwidità. Is-sitwazzjoni rriżultat fi tfikxil u taqlib tal-funzjonament tal-katina tal-provvista f’dawk is-setturi.

(2)

Fid-dawl tan-natura bla preċedent ta’ dawk iċ-ċirkostanzi kkombinati, huwa meħtieġ li jittaffew dawk id-diffikultajiet billi tingħata deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Delegati applikabbli fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fis-settur tal-inbid.

(3)

Kien hemm diffikultajiet eċċezzjonali fl-Istati Membri kollha fl-ippjanar, fil-ġestjoni u fl-implimentazzjoni tal-programmi operattivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti fis-settur tal-frott u l-ħxejjex. Dan jista’ jkollu l-konsegwenza li jdewwem l-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi operattivi u għalhekk l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti legali tal-Unjoni, stabbiliti għal dawk il-programmi operattivi b’mod partikolari fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 (3). L-organizzazzjonijiet tal-produtturi huma wkoll vulnerabbli għat-tfixkil u għat-taqlib ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 u qegħdin jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ likwidità kkawżati minn tfixkil tal-ktajjen tal-provvista, l-għeluq ta’ ċerti ħwienet b’mod partikolari fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa u fis-settur tal-ospitalità. Qegħdin jesperjenzaw problemi loġistiċi u diffikultajiet fil-ħsad tal-prodotti tagħhom minħabba nuqqas ta’ ħaddiema u diffikultajiet biex jilħqu l-konsumaturi minħabba tfixkil tal-katina tal-provvista. Dan qed ikollu impatt dirett fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u fuq il-kapaċità tagħhom biex jimplimentaw il-programmi operattivi mhux biss fis-sena 2020 iżda wkoll fis-snin sussegwenti, minħabba li l-valur tal-produzzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni għas-sena 2020 jaffettwa l-kalkolu tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għas-snin sussegwenti. Dan qed ikompli jinfluwenza l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jintroduċu miżuri u azzjonijiet li jimmiraw lejn l-effetti ta’ din il-kriżi. Barra minn hekk, it-tnaqqis tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 ifixkel il-kontinwità u l-vijabbiltà futuri tal-programmi operattivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, minħabba li l-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għas-sena 2020 jaffettwa wkoll il-kalkolu tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għas-snin sussegwenti.

(4)

L-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jridu jissodisfaw il-kriterju ta’ rikonoxximent tar-responsabbiltà demokratika, soġġett għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2), il-perċentwal massimu tad-drittijiet tal-vot u tal-ishma jew tal-kapital ta’ kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika trid tkun inqas minn 50 % tad-drittijiet tal-vot totali u inqas minn 50 % tal-ishma jew tal-kapital. Għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, jista’ jirriżulta li xi membri produtturi jtemmu l-attività tagħhom u, għal dik ir-raġuni, ċerti organizzazzjonijiet tal-produtturi jew assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu ma jissodisfawx dan il-kriterju fis-sena 2020. It-tali irregolarità tista’ twassal għas-sospensjoni jew għat-telf tar-rikonoxximent, għas-sospensjoni tal-pagamenti tal-għajnuna, għal penali finanzjarji u għall-irkupru tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni. Fid-dawl ta’ dan, għas-sena 2020, jenħtieġ li jiġi previst li l-perċentwal tad-drittijiet tal-vot u tal-ishma jew tal-kapital ta’ kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika jista’ jitħalla jaqbeż il-50 % tad-drittijiet tal-vot totali u 50 % tal-ishma jew tal-kapital fl-organizzazzjoni tal-produtturi. Madankollu, sabiex jiġu evitati l-abbużi tal-poter tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li temporanjament jaqbżu dawn il-limiti tad-drittijiet tal-vot u tal-ishma jew tal-kapital, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jipproteġu lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi mill-abbużi tal-poter. It-tali miżuri jistgħu jikkonċernaw deċiżjonijiet dwar l-użu tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni u bidliet tal-programmi operattivi li jistgħu jibbenefikaw b’mod sproporzjonat lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi uniċi.

(5)

It-telf fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata fis-settur tal-frott u l-ħxejjex ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 se jkollu impatt kbir fuq l-ammont ta’ għajnuna tal-Unjoni li jirċievu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-sena sussegwenti, billi l-ammont ta’ għajnuna tal-Unjoni jrid jiġi kkalkulat bħala perċentwal tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ kull organizzazzjoni tal-produtturi. Jekk iseħħ telf sostanzjali fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata fl-2020 għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jirriskjaw li jitilfu r-rikonoxximent tagħhom bħala organizzazzjonijiet tal-produtturi, peress li wieħed mill-kriterji għat-tali rikonoxximent huwa li jilħqu ċertu valur minimu ta’ produzzjoni kkummerċjalizzata stabbilit f’livell nazzjonali. Dan ipoġġi f’riskju l-istabbiltà fit-tul tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Għalhekk, jekk ikun hemm tnaqqis ta’ mill-inqas 35 % fil-valur ta’ prodott fis-sena 2020 għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 u jekk dan iseħħ barra mir-responsabbiltà u mill-kontroll tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, jenħtieġ li l-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għall-2020 jiġi stabbilit bħala 100 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għall-perjodu preċedenti. Il-livell limitu ta’ 65 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata fil-perjodu preċedenti, stabbilit fl-Artikolu 23(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891, huwa insuffiċjenti biex tinkiseb l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja fiċ-ċirkostanzi tal-pandemija tal-COVID-19 għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi kkonċernati minn tali telf tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata. Jenħtieġ li għas-sena 2020 dan jiżdied għal 100 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata fil-perjodu preċedenti fid-dawl tal-impatt ekonomiku estensiv tal-pandemija tal-COVID-19 fis-settur tal-frott u l-ħxejjex.

(6)

Bil-ħsieb li jittejbu l-istrateġija, l-ippjanar, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi approvati sabiex jiġu indirizzati l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, jenħtieġ li fis-sena 2020 l-Istati Membri jkunu jistgħu jemendaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom imsemmijin fl-Artikolu 27 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891 anki wara li l-programmi operattivi jkunu ġew sottomessi għall-approvazzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-kontinwità u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet pluriennali u li għaddejjin bħalissa li huma parti mill-programmi operattivi approvati ma jiġux imfixkla.

(7)

Jenħtieġ ukoll li fis-sena 2020 l-Istati Membri jiġu eżentati mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 27(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, biex jistabbilixxu fl-istrateġija nazzjonali l-perċentwali massimi tal-fond operattiv li jistgħu jintefqu fuq miżuri individwali jew tipi ta’ azzjoni. Dan għandu jiżgura aktar flessibbiltà għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi biex jieħdu miżuri li jindirizzaw l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 fis-settur tal-frott u l-ħxejjex.

(8)

Fid-dawl tad-durata tas-severità tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, u soġġett għall-approvazzjoni mill-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jemendaw il-programmi operattivi tagħhom għas-snin sussegwenti jew anki matul is-sena ta’ implimentazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891. Sabiex jiġu indirizzati l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li fis-sena 2020 ikunu jistgħu jissospendu temporanjament il-programmi operattivi tagħhom, bis-sħiħ jew parzjalment.

(9)

Skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, jekk organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi tieqaf timplimenta l-programm operattiv tagħha qabel it-tmiem tad-durata skedata tagħha, ma jridux isiru aktar pagamenti lil dik l-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni għall-azzjonijiet implimentati wara d-data tal-waqfien ta’ dak il-programm operattiv. Sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-għajnuna rċevuta għall-azzjonijiet eliġibbli mwettqa qabel il-waqfien tal-programm operattiv ma għandhiex tiġi rkuprata jekk l-organizzazzjoni tal-produtturi jew l-assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi turi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li l-waqfien ta’ dak il-programm operattiv seħħ fis-sena 2020 għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 u kien barra mill-kontroll u mir-responsabbiltà tal-organizzazzjoni tal-produtturi.

(10)

Sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, jenħtieġ li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni rċevuta għall-impenji pluriennali fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, bħal pereżempju azzjonijiet ambjentali, ma tiġix irkuprata favur il-FAEG jekk l-objettivi fit-tul tagħhom ma setgħux jitwettqu minħabba l-interruzzjoni tagħhom fl-2020 għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19.

(11)

Meta jitqies it-tfixkil u t-taqlib li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19, b’mod partikolari n-nuqqas tal-ħaddiema għall-ħsad tal-prodotti u t-tfixkil fil-loġistika fis-sena 2020 kif ukoll id-deterjorabbiltà tal-prodotti tas-settur tal-frott u l-ħxejjex, jenħtieġ li tingħata flessibbiltà lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi għall-implimentazzjoni tal-miżura ta’ nuqqas ta’ ħsad imsemmija fl-Artikolu 48(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891. Għalhekk, fis-sena 2020, jenħtieġ li jkun possibbli li jsiru operazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ħsad anki meta l-produzzjoni kummerċjali tkun ittieħdet miż-żona kkonċernata matul iċ-ċiklu ta’ produzzjoni normali jew anki meta l-istess żona kienet preċedentement soġġetta għal miżura ta’ ħsad bikri.

(12)

Skont l-Artikoli 54(b) u 58(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi operattivi u l-iskemi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex għall-valutazzjoni tal-effettività u tal-effiċjenza tagħhom kemm mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi kif ukoll mill-Istati Membri huma soġġetti għal evalwazzjoni li trid tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Novembru 2020. Fid-dawl tat-tfixkil fl-operazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li l-perjodu għall-komunikazzjoni tar-rapport tal-eżerċizzju tal-evalwazzjoni għall-2020 imsemmi fl-Artikolu 58 ta’ dak ir-Regolament jiġi estiż sat-30 ta’ Ġunju 2021.

(13)

It-tfixkil fis-settur tal-frott u l-ħxejjex għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 qed jaffettwa l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi li fis-sena 2020 jieħdu l-miżuri korrettivi msemmijin fl-Artikolu 59(1) u (4) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891 fil-limitu massimu ta’ żmien ta’ erba’ xhur. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu awtorizzati jestendu dawn il-limiti ta’ żmien lil hinn mil-limitu massimu ta’ erba’ xhur fis-sena 2020.

(14)

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, sabiex iżżomm ir-rikonoxximent, organizzazzjoni tal-produtturi trid tissodisfa b’mod kontinwu r-rekwiżit ta’ għadd minimu ta’ membri stabbilit minn Stat Membru. Meta l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jonqsu milli jissodisfaw dan ir-rekwiżit, skont l-Artikolu 59(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, l-Istati Membri jridu jissospendu r-rikonoxximent tal-organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernata, iżommu l-pagamenti ta’ għajnuna u jnaqqsu bi 2 % l-ammont annwali ta’ għajnuna għal kull xahar kalendarju jew għal parti minnu li matulu r-rikonoxximent jiġi sospiż. Fid-dawl tat-tfixkil ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jissospendux il-pagamenti tal-għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jonqsu milli jissodisfaw l-għadd minimu ta’ membri fl-2020 fis-settur tal-frott u l-ħxejjex.

(15)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jestendu l-perjodu ta’ żmien għall-miżuri korrettivi matul is-sospensjoni tar-rikonoxximent imsemmi fl-Artikolu 59(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891 lil hinn mill-perjodu ta’ 12-il xahar mid-data tal-wasla tal-ittra ta’ twissija minn organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernata meta dik l-organizzazzjoni tal-produtturi ma setgħetx tieħu l-miżuri korrettivi għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19. Jenħtieġ li t-tali estensjonijiet ma jmorrux lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2020, u dan għandu jiżgura li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkollhom biżżejjed żmien biex jieħdu l-miżuri korrettivi.

(16)

Fid-dawl tat-tfixkil ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, jenħtieġ li l-Istati Membri ma japplikawx it-tnaqqis ta’ 2 % tal-ammont annwali ta’ għajnuna għal kull xahar kalendarju jew għal parti minnu, stabbilit fl-Artikolu 59(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, meta organizzazzjoni tal-produtturi b’rikonoxximent sospiż ma tkunx tista’ tieħu miżuri korrettivi fis-sena 2020 għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-Istati Membri ma japplikawx it-tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont annwali ta’ għajnuna għal kull xahar kalendarju jew għal parti minnu, stabbilit fl-Artikolu 59(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891.

(17)

Skont l-Artikolu 59(6) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, l-Istati Membri jridu jirtiraw ir-rikonoxximent jekk organizzazzjoni tal-produtturi ma turix il-konformità mal-valur jew mal-volum minimu tal-kriterji dwar il-produzzjoni kkummerċjalizzata sal-15 ta’ Ottubru tat-tieni sena wara s-sena li fiha ma kienx hemm konformità ma’ dawk il-kriterji. Minħabba l-impatt tat-tfixkil ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 fis-settur tal-frott u l-ħxejjex fuq il-valur u l-volum tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, jenħtieġ li s-sena 2020 ma titqiesx għall-finijiet tal-istabbiliment tal-konformità mal-valur jew mal-volum minimu tal-produzzjoni kkummerċjalizzata skont l-Artikolu 59(6) ta’ dak ir-Regolament.

(18)

Hemm il-possibbiltà li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jimplimentaw il-programmi operattivi li jintemmu fis-sena 2020 ma jkunux jistgħu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 33(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19. F’dawn iċ-ċirkostanzi, it-tnaqqis tal-ammont totali ta’ appoġġ imsemmi fl-Artikolu 61(6) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891 jenħtieġ li ma jiġix applikat għall-programmi operattivi kkonċernati fl-2020 fis-settur tal-frott u l-ħxejjex.

(19)

Kien hemm diffikultajiet eċċezzjonali fl-Istati Membri li jipproduċu l-inbid fl-ippjanar, fil-ġestjoni u fl-implimentazzjoni tal-operazzjoni taħt il-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid. Dan jista’ jkollu l-konsegwenza li jdewwem l-implimentazzjoni ta’ dawk l-operazzjonijiet u għalhekk dawk l-operazzjonijiet jistgħu jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti legali tal-Unjoni, stabbiliti b’mod partikolari fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 (4). L-operaturi fis-settur tal-inbid huma wkoll vulnerabbli għat-tfixkil u għat-taqlib ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 u qegħdin jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ likwidità kkawżati minn tfixkil tal-ktajjen tal-provvista, l-għeluq ta’ ċerti ħwienet b’mod partikolari fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u fis-settur tal-catering. Qegħdin jesperjenzaw problemi loġistiċi u diffikultajiet fil-ġestjoni tal-produzzjoni tagħhom minħabba nuqqas ta’ ħaddiema u diffikultajiet biex jilħqu l-konsumaturi minħabba tfixkil tal-katina tal-provvista. Dan qed ikollu impatt dirett fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-operaturi tal-inbid u fuq il-kapaċità tagħhom li jimplimentaw l-operazzjonijiet taħt il-programmi ta’ appoġġ għall-inbid fl-2020.

(20)

Il-miżuri meħuda mill-gvernijiet matul l-aħħar xhur sabiex jindirizzaw il-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, b’mod partikolari l-għeluq tal-lukandi, tal-bars u tar-ristoranti, il-limitazzjoni taċ-ċirkolazzjoni tal-persuni u tal-oġġetti li huma mnaqqsa għall-essenzjali, l-għeluq ta’ ċerti fruntieri fl-Unjoni, qed ikollhom impatt negattiv fuq is-settur tal-inbid tal-Unjoni u qed jikkawżaw tfixkil fis-suq.

(21)

Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ ħaddiema, marbut ukoll mal-pandemija tal-COVID-19, u d-diffikultajiet loġistiċi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 qed ipoġġu pressjoni fuq il-produtturi tal-inbid u fuq is-settur kollu tal-inbid li qegħdin jiffaċċjaw problemi dejjem akbar għall-ħsad li ġej: prezzijiet baxxi, konsum imnaqqas, diffikultajiet fit-trasport u fil-bejgħ. Dawn il-fatturi kollha qed jikkontribwixxu għal tfixkil serju fis-suq tal-inbid.

(22)

Fl-istess ħin, is-suq tal-inbid tal-Unjoni kien diġà soġġett għal kundizzjonijiet aggravanti matul l-2019 u l-ħażniet tal-inbid jinsabu fl-ogħla livell tagħhom mill-2009. Dan l-iżvilupp huwa primarjament dovut għal kombinament ta’ ħsad rekord fl-2018 u tnaqqis ġenerali fil-konsum tal-inbid fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-impożizzjoni mill-Istati Uniti tal-Amerka, is-suq ewlieni tal-esportazzjoni tal-inbid tal-Unjoni, ta’ tariffi tal-importazzjoni addizzjonali fuq l-inbejjed Ewropej kellha impatt fuq l-esportazzjonijiet. Il-pandemija tal-COVID-19 tat daqqa ta’ ħarta lil settur fraġli li ma għadux kapaċi jikkummerċjalizza jew jiddistribwixxi l-prodotti tiegħu b’mod effettiv, l-aktar minħabba l-għeluq tas-swieq ta’ esportazzjoni ewlenin u minħabba l-miżuri meħuda biex jiġi żgurat konfinament u lockdown xierqa, b’mod partikolari l-interruzzjoni tal-attivitajiet kollha tal-catering u l-impossibbiltà li jiġu fornuti l-klijenti tas-soltu. Barra minn hekk, id-diffikultà fil-provvista ta’ inputs ewlenin bħal pereżempju fliexken u tappijiet tas-sufra meħtieġa għall-produzzjoni tal-inbid qed tixħet pressjoni fuq l-attivitajiet tal-operaturi fis-settur tal-inbid għax qed iżżommhom milli jqiegħdu fis-suq inbid lest għall-bejgħ.

(23)

F’dan il-kuntest, għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, huwa meħtieġ li jittieħdu miżuri temporanji urġenti sabiex jiġi kkumpensat it-tfixkil fis-suq. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, li b’mod temporanju jiġu permessi modifiki għall-objettiv ta’ operazzjoni magħżula u jitħallsu l-azzjonijiet li jkunu tlestew anki jekk l-operazzjoni globali ma tkunx ġiet implimentata b’mod sħiħ. Jenħtieġ li jiġu permessi wkoll l-implimentazzjoni parzjali tar-ristrutturar u tal-konverżjoni tal-vinji, l-investimenti u l-operazzjonijiet ta’ innovazzjoni mingħajr sanzjoni.

(24)

Sabiex l-operaturi jiġu megħjuna biex jirrispondu għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali u jindirizzaw din is-sitwazzjoni imprevedibbli u prekarja, huwa xieraq li titħalla aktar flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-miżuri skont l-Artikoli 22, 26, 53(1) u 54 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149.

(25)

Fir-rigward tal-appoġġ għall-ħsad bikri, l-Artikolu 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 ma jippermettix li jitwettaq ħsad bikri għal sentejn konsekuttivi mill-istess roqgħa art. Fid-dawl tal-inċertezza rigward id-durata u s-serjetà tal-pandemija tal-COVID-19, sabiex il-produtturi jkunu jistgħu jirregolaw aħjar il-produzzjoni tagħhom u jkunu f’pożizzjoni aħjar sabiex jadattaw ruħhom għas-sitwazzjoni tas-suq fuq perjodu itwal, jenħtieġ li din il-limitazzjoni titneħħa temporanjament sal-15 ta’ Ottubru 2020.

(26)

L-Artikolu 26 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 jillimita l-appoġġ għall-istabbiliment ta’ fondi mutwi mogħtija taħt il-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid għal tliet snin. Meta titqies il-kriżi attwali li tirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19, sabiex jitħeġġeġ ulterjorment approċċ responsabbli għas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi, jitqies xieraq li temporanjament jitneħħa dak il-limitu ta’ tliet snin. Dan jipprovdi appoġġ lill-produtturi fuq perjodu itwal u jipprovdi opportunitajiet aħjar biex iżommu l-introjti tagħhom f’dan iż-żmien ta’ kriżi.

(27)

Ir-regoli relatati ma’ bidliet possibbli fl-operazzjonijiet taħt il-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 huma stabbiliti fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149. Sabiex il-benefiċjarji jkunu jistgħu jirreaġixxu b’mod xieraq u effiċjenti għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali relatati mal-pandemija tal-COVID-19 u jadattaw il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni, jenħtieġ li tiġi permessa aktar flessibbiltà temporanja għal dawn ir-regoli. Għalhekk, huwa xieraq li l-Istati Membri jiġu awtorizzati temporanjament li jidderogaw minn dawk ir-regoli billi l-benefiċjarji jiġu permessi jissottomettu bidliet fl-operazzjoni approvata inizjalment mingħajr l-approvazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali. B’dan il-mod, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li jsiru bidliet fl-operazzjonijiet taħt dawn il-miżuri fi ħdan l-ammont approvat inizjalment ta’ appoġġ eliġibbli li jridu jiġu implimentati mingħajr approvazzjoni minn qabel. It-tali deroga tista’ tgħin lill-benefiċjarji li ma jkunux jistgħu jlestu ċerti operazzjonijiet bħala riżultat tal-kriżi u li jixtiequ jibdluhom sabiex jevitaw aktar telf ekonomiku jew biex jindirizzaw aħjar is-sitwazzjoni tas-suq. Barra minn hekk, huwa wkoll xieraq li temporanjament tiġi permessa bidla fl-objettiv tal-operazzjoni magħżula għall-miżuri relatati mal-promozzjoni, mar-ristrutturar u mal-konverżjoni tal-vinji, mal-investimenti u mal-innovazzjoni minħabba li, għall-kuntrarju ta’ miżuri oħra taħt il-programmi ta’ appoġġ għall-inbid, l-objettivi ta’ dawn il-miżuri jistgħu jkunu multipli, pereżempju l-investimenti f’fabbrika tal-inbid u f’kantina tal-inbid. Fit-tali każijiet, meta benefiċjarju ma jkunx jista’ jwettaq l-objettiv ta’ operazzjoni bis-sħiħ, jenħtieġ li l-benefiċjarju jitħalla jnaqqas l-iskala tal-objettivi ta’ dik l-operazzjoni. Madankollu, it-tali bidliet jenħtieġ li jkomplu jiġu approvati mill-awtorità kompetenti.

(28)

Sabiex jiġi evitat li l-benefiċjarji jiġu penalizzati talli jużaw il-flessibbiltà introdotta li tippermetti bidliet fl-operazzjonijiet approvati mingħajr l-approvazzjoni minn qabel, talli ma jkunux implimentaw l-operazzjoni globali tagħhom kif inizjalment approvata mill-awtorità kompetenti jew talli jkunu biddlu l-objettiv tal-operazzjoni, huwa wkoll meħtieġ li ssir deroga temporanja mill-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149, li jipprevedi li l-appoġġ irid jitħallas ladarba jiġi aċċertat li operazzjoni globali jew l-azzjonijiet individwali tal-operazzjoni globali jkunu ġew implimentati bis-sħiħ. Dan jiżgura li l-appoġġ jitħallas għall-azzjonijiet individwali, kif previst minn dan ir-Regolament, sakemm dawk l-azzjonijiet jiġu implimentati bis-sħiħ.

(29)

Għall-operazzjonijiet appoġġati skont l-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, sabiex jiġi evitat li l-benefiċjarji jiġu penalizzati talli ma implimentawx, bħala riżultat tal-kriżi, l-operazzjonijiet tagħhom fuq is-superfiċje totali li għaliha jkun ġie approvat l-appoġġ, huwa wkoll meħtieġ li tingħata deroga temporanja mill-Artikolu 54(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149, sabiex jiġi żgurat li jitħallas l-appoġġ, mingħajr sanzjoni, għall-parti tal-operazzjoni li tkun ġiet implimentata.

(30)

Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

FROTT U ĦXEJJEX

Artikolu 1

Derogi temporanji mir-Regolament Delegat (UE) 2017/891

1.   Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2), għas-sena 2020 il-perċentwal massimu tad-drittijiet tal-vot u tal-ishma jew tal-kapital li jista’ jkollha kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika f’organizzazzjoni tal-produtturi jista’ jaqbeż il-50 % tad-drittijiet tal-vot totali u 50 % tal-ishma jew tal-kapital, għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu adottati miżuri sabiex jiġi evitat abbuż ta’ poter minn kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika li jkollha drittijiet tal-vot u ishma jew kapital li jaqbżu l-50 % tad-drittijiet tal-vot totali u li jaqbżu l-50 % tal-ishma jew tal-kapital.

2.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 23(4), jekk fis-sena 2020, tnaqqis ta’ mill-inqas 35 % fil-valur ta’ prodott ġie marbut mal-pandemija tal-COVID-19 u seħħ għal raġunijiet barra mir-responsabbiltà u mill-kontroll tal-organizzazzjoni tal-produtturi, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ dak il-prodott għandu jitqies li jirrappreżenta 100 % tal-valur tiegħu fil-perjodu ta’ referenza preċedenti. L-organizzazzjoni tal-produtturi għandha turi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfati.

3.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 27(4), għas-sena 2020, l-Istati Membri jistgħu jemendaw l-istrateġija nazzjonali, wara s-sottomissjoni annwali tal-abbozzi tal-programmi operattivi. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontinwità u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet pluriennali u li għaddejjin bħalissa li huma parti mill-programmi operattivi approvati tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi ma jiġux imfixkla.

4.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 27(5), għas-sena 2020, l-obbligu li fl-istrateġija nazzjonali l-Istati Membri jistabbilixxu l-perċentwali massimi tal-fond operattiv li jistgħu jintefqu fuq kwalunkwe miżura individwali jew tip ta’ azzjoni sabiex jiżguraw bilanċ bejn miżuri differenti, ma għandux japplika.

5.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 34(2), għas-sena 2020 l-Istati Membri jistgħu wkoll jawtorizzaw lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, li għas-sena 2020 jissospendu l-programmi operattivi tagħhom bis-sħiħ jew parzjalment.

6.   Għas-sena 2020, l-għajnuna riċevuta għall-azzjonijiet eliġibbli mwettqa qabel il-waqfien tal-programm operattiv ma għandhiex tiġi rkuprata, diment li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 36(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891 jintlaħqu u diment li l-waqfien tal-programm operattiv kien marbut mal-pandemija tal-COVID-19 u seħħ għal raġunijiet barra mill-kontroll u mir-responsabbiltà tal-organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernata.

7.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 36(3), l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-impenji pluriennali, bħala pereżempju l-azzjonijiet ambjentali, meta l-objettivi fit-tul u l-benefiċċji mistennija tagħhom ma jkunux jistgħu jitwettqu fis-sena 2020 minħabba l-interruzzjoni ta’ dawk l-impenji għas-sena 2020 għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, ma għandhiex tiġi rkuprata u rimborżata favur il-FAEG.

8.   Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(3), għas-sena 2020, il-miżuri ta’ nuqqas ta’ ħsad jistgħu jittieħdu meta l-produzzjoni kummerċjali tkun ittieħdet miż-żona kkonċernata matul iċ-ċiklu normali tal-produzzjoni. Permezz ta’ deroga mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 48(3), għas-sena 2020, il-ħsad bikri u n-nuqqas ta’ ħsad jistgħu jiġu applikati għall-istess prodott u fl-istess żona partikolari.

9.   Permezz ta’ deroga mill-Artikoli 54(b) u 58(3), ir-rapport tal-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni mwettaq fl-2020 għandu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2021.

10.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 59(1) u (4), meta fis-sena 2020 għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 organizzazzjoni tal-produtturi ma tkunx tista’ tieħu miżuri korrettivi fil-perjodi ta’ żmien stabbiliti għal dak l-iskop, l-Istati Membri jistgħu jestendu dawk il-perjodi ta’ żmien lil hinn mill-erba’ xhur imsemmija fl-Artikolu 59(1) u (4).

11.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 59(1), meta fis-sena 2020 organizzazzjoni tal-produtturi tonqos milli tirrispetta l-kriterji tar-rikonoxximent marbuta mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5 għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma għandhomx jissospendu l-pagament tal-għajnuna lill-organizzazzjoni tal-produzzjoni kkonċernata.

12.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 59(2), meta fis-sena 2020 organizzazzjoni tal-produtturi ma tkunx tista’ tieħu miżuri korrettivi matul is-sospensjoni tar-rikonoxximent għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodu ta’ żmien iffissat għat-teħid ta’ dawk il-miżuri korrettivi lil hinn minn 12-il xahar mid-data tal-wasla tal-ittra ta’ twissija mill-organizzazzjoni tal-produtturi, iżda mhux lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2020.

13.   Permezz ta’ deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 59(2), it-tnaqqis tal-ammont tal-għajnuna annwali bi 2 % għal kull xahar kalendarju jew għal parti minnu li matulu jkun ġie sospiż ir-rikonoxximent ta’ organizzazzjoni tal-produtturi ma għandux japplika meta fis-sena 2020 dik l-organizzazzjoni tal-produtturi ma setgħetx tieħu miżuri korrettivi għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19.

14.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 59(5), it-tnaqqis tal-ammont tal-għajnuna annwali b’1 % għal kull xahar kalendarju jew għal parti minnu, ma għandux japplika meta fis-sena 2020 l-organizzazzjoni tal-produtturi ma setgħetx tieħu miżuri korrettivi għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19.

15.   Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 59(6), is-sena 2020 ma għandhiex titqies meta tiġi stabbilita l-konformità mal-volum jew mal-valur minimu tal-produzzjoni kkummerċjalizzata kif meħtieġ mill-Artikolu 154(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

16.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 61(6), meta l-programm operattiv jintemm fis-sena 2020 u meta l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 33(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma jkunux ġew issodisfati fis-sena 2020 għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, l-ammont totali ta’ appoġġ għall-aħħar sena tal-programm operattiv ma għandux jitnaqqas.

TITOLU II

INBID

Artikolu 2

Derogi temporanji mir-Regolament Delegat (UE) 2016/1149

1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149, matul is-sena 2020, il-ħsad bikri jista’ jiġi applikat fuq l-istess roqgħa art għal sentejn konsekuttivi jew aktar.

2.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 26 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149, fil-każijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 u meta l-benefiċjarji jitolbu dan mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2020, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodu ta’ appoġġ għall-istabbiliment ta’ fondi mutwi bi 12-il xahar għall-operazzjonijiet li għalihom il-perjodu ta’ appoġġ ikun intemm fl-2019.

3.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 53(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149, l-Istati Membri jistgħu, fil-każijiet debitament ġustifikati relatati mal-pandemija tal-COVID-19, jippermettu l-implimentazzjoni tal-bidliet li jseħħu mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2020, mingħajr approvazzjoni minn qabel diment li ma jaffettwawx l-eliġibbiltà ta’ kwalunkwe parti mill-operazzjoni u l-objettivi ġenerali tagħha u diment li ma jinqabiżx l-ammont totali tal-appoġġ approvat għall-operazzjoni. It-tali bidliet għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità kompetenti mill-benefiċjarji sal-iskadenzi stabbiliti mill-Istati Membri.

4.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 53(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149, l-Istati Membri jistgħu, fil-każijiet debitament ġustifikati relatati mal-pandemija tal-COVID-19, jippermettu lill-benefiċjarji jissottomettu bidliet li jseħħu mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2020 u li jimmodifikaw l-objettiv tal-operazzjoni globali li diġà tkun ġiet approvata skont il-miżuri imsemmijin fl-Artikoli 45, 46, 50 u 51 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, diment li titlesta kwalunkwe azzjoni individwali li tkun għaddejja u li tkun parti minn operazzjoni globali. It-tali bidliet għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità kompetenti mill-benefiċjarji sal-iskadenza stabbilita mill-Istati Membri u għandhom jiġu approvati minn qabel mill-awtorità kompetenti.

5.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149, meta bidla f’operazzjoni li diġà tkun ġiet approvata tkun ġiet innotifikata lill-awtorità kompetenti f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, għandu jitħallas appoġġ għall-azzjonijiet individwali diġà implimentati taħt din l-operazzjoni jekk dawn l-azzjonijiet ikunu ġew implimentati bis-sħiħ u jkunu ġew soġġetti għal verifiki amministrattivi u, fejn applikabbli, fuq il-post, f’konformità mat-Taqsima 1 tal-Kapitolu IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 (5).

6.   Permezz ta’ deroga mit-tielet, mir-raba’, mill-ħames u mis-sitt subparagrafi tal-Artikolu 54(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149, għat-talbiet għall-ħlas sottomessi mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2020, meta l-operazzjonijiet appoġġati skont l-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma jkunux implimentati fuq s-superfiċje totali li għaliha ntalab l-appoġġ għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri għandhom jikkalkolaw l-appoġġ li jrid jitħallas abbażi taż-żona determinata mill-verifiki fuq il-post wara l-implimentazzjoni.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-4 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-penali li jridu jiġu applikati f’dawk is-setturi u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 4).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 tal-15 ta’ April 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda l-programmi ta’ appoġġ nazzjonali fis-settur tal-inbid u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 tal-15 ta’ April 2016 li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 23).


Top