Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0797

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/797 tas-17 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward ta’ rekwiżiti għal prodotti sekondarji tal-annimali u għal prodotti derivati li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha, wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/3891

    ĠU L 194, 18.6.2020, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/797/oj

    18.6.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 194/1


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/797

    tas-17 ta’ Ġunju 2020

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward ta’ rekwiżiti għal prodotti sekondarji tal-annimali u għal prodotti derivati li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha, wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 41(3) u l-Artikolu 42(2)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (2) jistabbilixxi miżuri biex jiġu implimentati r-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1069/2009, inkluż ir-regoli dwar is-saħħa pubblika u dwar is-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni jew għat-tranżitu ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti derivati fl-Unjoni jew li jintbagħtu fi tranżitu mill-Unjoni, sabiex jiġu evitati u minimizzati r-riskji għas-saħħa pubblika u għas-saħħa tal-annimali li jirriżultaw minn dawk il-prodotti.

    (2)

    L-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE (3) jistabbilixxi r-regoli dwar il-verifiki veterinarji li jridu jitwettqu biex tiġi awtorizzata l-importazzjoni mill-ġdid ta’ kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-Unjoni u li jirritornaw lejha wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz. Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) iħassar u jissostitwixxi d-Direttiva 97/78/KE b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2019.

    (3)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2074 (5) jistabbilixxi r-regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq kunsinni ta’ annimali u oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2017/625 li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha, wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz, fosthom prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati.

    (4)

    Ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika għad-dħul fl-Unjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti derivati li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha, wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz jenħtieġ li jiġu stabbiliti skont l-Artikoli 41 u 42 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009.

    (5)

    Fin-nuqqas ta’ rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika rilevanti għar-ritorn ta’ kunsinni rrifjutati ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti derivati, dawk il-kunsinni jkunu soġġetti għar-regoli ġenerali dwar l-importazzjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u għar-rekwiżiti speċifiċi għall-importazzjoni għall-prodotti stabbiliti fl-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011, li jistgħu jimpedixxu r-ritorn fl-Unjoni ta’ ċerti kunsinni li joriġinaw mill-UE wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz, pereżempju minħabba n-nuqqas tad-dokument kummerċjali speċifiku għall-prodott jew taċ-ċertifikat tas-saħħa meħtieġ għad-dħul.

    (6)

    Madankollu, ir-riskju għas-saħħa tal-annimali u għas-saħħa pubblika li jirriżulta minn prodotti sekondarji tal-annimali u minn prodotti derivati li joriġinaw mill-Unjoni huwa differenti mir-riskji maħluqa minn dawk il-prodotti bażiċi li joriġinaw minn pajjiżi terzi. Għalhekk, kunsinna ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti derivati li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha, wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiżi terzi ma teħtieġx li tkun akkumpanjata minn dokument kummerċjali, minn ċertifikat tas-saħħa jew, meta jkun xieraq, minn dikjarazzjoni li tikkorrispondi għal mudell stabbilit fil-preżent skont il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 kif meħtieġ għall-kunsinni li joriġinaw minn pajjiżi terzi.

    (7)

    Il-kunsinna msemmija hawn fuq jenħtieġ li titħalla tidħol fl-Unjoni u li tintbagħat lil kwalunkwe stabbiliment jew impjant approvat f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 għall-Kategorija u għat-tip ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti derivati, dment li l-awtorità kompetenti tal-post tad-destinazzjoni fl-Unjoni tkun qablet li taċċetta dik il-kunsinna.

    (8)

    Ċerti kunsinni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew ta’ prodotti derivati maħsuba għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jistgħu jkunu soġġetti għall-kontrolli minn awtorità kompetenti fl-Unjoni li ma tkunx l-awtorità responsabbli għall-prodotti sekondarji tal-annimali jew għall-prodotti derivati. Jekk is-siġill oriġinali jkun ġie sostitwit waqt dawk il-kontrolli, in-numru tas-siġill il-ġdid jenħtieġ li jiġi indikat fid-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament.

    (9)

    Għalhekk, sabiex jiġu żgurati l-ġestjoni x-xierqa tar-riskju tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika u ċ-ċertezza legali, jeħtieġ jiġu previsti l-kundizzjonijiet għar-ritorn fl-Unjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti derivati li joriġinaw mill-Unjoni wara li dawn ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz.

    (10)

    Sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-kunsinni rritornati tal-prodotti sekondarji tal-annimali u tal-prodotti derivati, it-trasport tagħhom mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni lejn l-istabbiliment tad-destinazzjoni jenħtieġ li jiġi mmonitorjat skont il-proċedura prevista fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1666 (6).

    (11)

    Jenħtieġ li l-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jiġi emendat skont dan.

    (12)

    Billi r-Regolament Delegat (UE) 2019/2074 japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019, jenħtieġ li r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament japplikaw ukoll minn dik id-data.

    (13)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 142/2011 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 25(3), jiżdied dan il-punt:

    “(c)

    ir-rekwiżiti speċifiċi għall-prodotti sekondarji tal-annimali u għall-prodotti derivati li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha, wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz, stabbiliti fil-Kapitolu VI ta’ dak l-Anness.”

    (2)

    Fl-Artikolu 26 jiżdied dan il-punt:

    “(e)

    il-materjali li joriġinaw minn Stat Membru u li jirritornaw f’dak l-Istat Membru wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fil-Kapitolu VI tal-Anness XIV.”

    (3)

    Fl-Artikolu 31 jiżdied dan is-subparagrafu:

    “B’deroga mill-ewwel subparagrafu, il-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha, wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fil-Kapitolu VI tal-Anness XIV.”

    (4)

    L-Anness XIV huwa emendat skont it-test mogħti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2074 tat-23 ta’ Settembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dwar kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq kunsinni ta’ ċerti annimali u oġġetti li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz (ĠU L 316, 6.12.2019, p. 6).

    (6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1666 tal-24 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-monitoraġġ tat-trasport u l-wasla ta’ kunsinni ta’ ċerti oġġetti mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla sal-istabbiliment fil-post ta’ destinazzjoni fl-Unjoni (ĠU L 255, 4.10.2019, p. 1).


    ANNESS

    Fl-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011, jiżdied il-Kapitolu VI li ġej:

    “KAPITOLU VI

    REKWIŻITI GĦAD-DĦUL TA’ KONSENJI TA’ PRODOTTI SEKONDARJI TAL-ANNIMALI U TA’ PRODOTTI DERIVATI LI JORIĠINAW MILL-UNJONI, U LI JIRRITORNAW LEJHA, WARA LI MA JITĦALLEWX JIDĦLU F’PAJJIŻ TERZ

    Taqsima 1

    Prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati mhux ippakkjati jew bil-kwantità li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha, wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz li mhuwiex elenkat fl-Anness XIV jew li ma għandux parti mit-territorju tiegħu elenkata f’dak l-Anness

    1.

    L-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera għandha tawtorizza d-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew ta’ prodotti derivati mhux ippakkjati jew bil-kwantità li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha, wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz li ma jkunx elenkat fl-Anness XIV jew li ma jkollux parti mit-territorju tiegħu elenkata f’dak l-Anness għad-dħul fl-Unjoni tat-tip ta’ prodott, meta u fil-każ biss li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    meta l-konsenja tkun akkumpanjata miċ-ċertifikat jew mid-dokument uffiċjali maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-esportazzjoni, fil-verżjoni oriġinali tiegħu jew bħala kopja awtentikata, jew mill-verżjoni elettronika ekwivalenti tat-tali ċertifikat jew tat-tali dokument iġġenerata bl-użu tal-IMSOC (1);

    (b)

    meta l-konsenja tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tad-destinazzjoni li fiha dik l-awtorità taqbel li tirċievi l-konsenja u tindika l-post tad-destinazzjoni;

    (c)

    meta l-konsenja tkun konformi maż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

    (i)

    meta din tkun baqgħet issiġillata b’siġill oriġinali intatt, meta l-applikazzjoni ta’ siġill qabel it-tluq mill-Unjoni kienet imsemmija fiċ-ċertifikat oriġinali msemmi fil-punt 1(a) jew f’dokument uffiċjali ieħor maħruġ minn awtorità fl-Unjoni;

    (ii)

    meta din tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti jew ta’ awtorità pubblika oħra tal-pajjiż terz li tkun irrifjutat id-dħul tal-konsenja li tindika r-raġuni għar-rifjut.

    2.

    B’deroga mill-punt 1(a), f’każ li l-konsenja tkun ġiet esportata mingħajr ċertifikat jew dokument uffiċjali ta’ akkumpanjament, l-oriġini tal-konsenja għandha tiġi awtentikata b’mod ieħor abbażi ta’ evidenza dokumentata ppreżentata mill-operatur responsabbli għall-konsenja.

    3.

    It-trasport tal-konsenji tal-prodotti msemmija fil-punt 1 mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera lejn il-post tad-destinazzjoni għandu jiġi mmonitorjat f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/1666.

    Taqsima 2

    Prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati mhux ippakkjati jew bil-kwantità li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha, wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz li huwa elenkat fl-Anness XIV jew li għandu parti mit-territorju tiegħu elenkat f’dak l-Anness

    1.

    L-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera għandha tawtorizza d-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew ta’ prodotti derivati mhux ippakkjati jew bil-kwantità li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha, wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz li jkun elenkat fl-Anness XIV jew li jkollu parti mit-territorju tiegħu elenkata f’dak l-Anness għad-dħul fl-Unjoni tat-tip ta’ prodott, meta u fil-każ biss li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 1(a), (b) u (c)(ii), 2 u 3 tat-Taqsima 1.

    2.

    Meta l-prodotti msemmija fil-punt 1 ikunu nħattu, inħażnu jew tgħabbew mill-ġdid jew meta s-siġill oriġinali jkun ġie sostitwit fil-pajjiż terz jew f’parti mit-territorju tiegħu elenkat fl-Anness XIV jew mad-dħul tagħhom fihom, il-konsenja għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti jew ta’ awtorità pubblika oħra ta’ dak il-pajjiż terz jew ta’ dak it-territorju:

    (a)

    li tindika l-post u d-data tal-ħatt, tal-ħażna u tat-tagħbija mill-ġdid u n-numru tas-siġill imqiegħed fuq il-kontejner wara t-tagħbija mill-ġdid;

    (b)

    li tikkonferma:

    (i)

    li s-siġill fuq il-vettura jew fuq il-kontejner tal-konsenja nkiser biss għall-finijiet tal-kontrolli uffiċjali;

    (ii)

    li l-prodotti ġew immanipulati biss sa fejn kien meħtieġ u, b’mod partikolari, li dan sar:

    fit-temperatura x-xierqa meħtieġa għat-tipi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew ta’ prodotti derivati rilevanti; kif ukoll

    b’mod li jimpedixxi l-kontaminazzjoni kroċjata tal-prodotti waqt il-kontrolli;

    (iii)

    li l-vettura jew il-kontejner ġew issiġillati minnufih mill-ġdid wara li saru l-kontrolli uffiċjali;

    (c)

    li tindika r-raġunijiet għall-ħatt u għall-ħażna.

    Taqsima 3

    Prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati ppakkjati li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha, wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz

    1.

    L-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera għandha tawtorizza d-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew ta’ prodotti derivati ppakkjati li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha, wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz biss meta jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima 1 u meta l-ippakkjar individwali tal-prodotti jkun baqa’ intatt meta mqabbel mal-istat tiegħu qabel l-esportazzjoni.

    2.

    Meta l-prodotti msemmija fil-punt 1 ikunu nħattu f’pajjiż terz, il-konsenja għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti jew ta’ awtorità pubblika oħra tal-pajjiż terz li tiċċertifika li l-prodotti:

    (a)

    ma ġewx soġġetti għal xi manipulazzjoni għajr il-ħatt, il-ħażna u t-tagħbija mill-ġdid;

    (b)

    ġew immanipulati fit-temperatura meħtieġa għat-tipi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew ta’ prodotti derivati rilevanti.”


    (1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 tat-30 ta’ Settembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għall-funzjonament tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali u l-komponenti tas-sistema tagħha (“ir-Regolament dwar l-IMSOC”) (ĠU L 261, 14.10.2019, p. 37).


    Top