EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0132

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/132 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jistabbilixxi miżura ta’ emerġenza fil-forma ta’ deroga mill-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-miżura ta’ promozzjoni fis-settur tal-inbid

C/2020/421

ĠU L 27, 31.1.2020, p. 20–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 03/02/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/132/oj

31.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/20


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/132

tat-30 ta’ Jannar 2020

li jistabbilixxi miżura ta’ emerġenza fil-forma ta’ deroga mill-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-miżura ta’ promozzjoni fis-settur tal-inbid

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 221(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-2 ta’ Ottubru 2019, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ħarġet id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ fil-Komunitajiet Ewropej u f’Ċerti Stati Membri – Miżuri li Jaffettwaw il-Kummerċ f’Inġenji tal-Ajru Ċivili Kbar (Measures Affecting Trade in Large Civil Aircraft), WT/DS316/ARB. Id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ intitolat lill-Istati Uniti tal-Amerka (USA) jitolbu awtorizzazzjoni biex jiġu imposti kontromiżuri f’livell li ma jaqbiżx USD 7,5 biljun fis-sena b’reazzjoni għas-sussidji tal-Unjoni għal Airbus. Fit-18 ta’ Ottubru 2019, l-Istati Uniti tal-Amerka imponew dazju fuq l-importazzjoni ad valorem ta’ 25 % fuq, fost l-oħrajn, inbejjed bla gass esportati lejn l-Istati Uniti tal-Amerka, mill-Ġermanja, minn Spanja, minn Franza u mir-Renju Unit. Din is-sitwazzjoni eċċezzjonali, inġusta u imprevedibbli qed ikollha impatt qawwi u detrimentali fuq il-kummerċ globali tal-inbejjed kollha tal-Unjoni. L-Istati Uniti tal-Amerka heddew ukoll li japplikaw dazji tal-importazzjoni ad valorem ta’ 100 % fuq l-inbejjed frizzanti Franċiżi b’reazzjoni għat-Taxxa Franċiża fuq is-Servizzi Diġitali (it-taxxa GAFA).

(2)

Id-dazji tal-importazzjoni imposti mill-Istati Uniti tal-Amerka qed ikollhom impatt dirett u qawwi fuq il-kummerċ tal-inbid tal-Unjoni fis-suq tal-Istati Uniti tal-Amerka, li huwa l-akbar suq ta’ esportazzjoni tal-Unjoni għall-prodotti agrikoli, u b’mod partikolari għall-inbid, kemm f’termini ta’ valur kif ukoll f’termini ta’ volum ta’ esportazzjonijiet. Fl-2018, l-esportazzjonijiet tal-inbid tal-Unjoni lejn l-Istati Uniti tal-Amerka ammontaw għal total ta' 6,5 miljun ettolitru, li jammontaw għal EUR 4 biljun. L-esportazzjonijiet tal-inbid tal-Unjoni lejn l-Istati Uniti tal-Amerka tipikament jirrappreżentaw bejn 30 u 40 % tal-valur globali tal-esportazzjoni tal-inbid tal-Unjoni.

(3)

Iż-żieda tad-dazji tal-importazzjoni imposti mill-Istati Uniti tal-Amerka qed ikollha effett ta’ ħsara fuq l-inbid kollu tal-Unjoni, mhux biss fuq inbejjed bla gass li joriġinaw mill-erba’ Stati Membri li huma soġġetti għaż-żieda tad-dazji tal-importazzjoni. B’riżultat ta’ dan, ir-reputazzjoni u l-kummerċ tal-inbid kollu tal-Unjoni preżenti fis-suq tal-Istati Uniti tal-Amerka qed jintlaqat ħażin. Ir-reputazzjoni tal-inbid hija ddeterminata mhux biss mill-kwalità tiegħu iżda wkoll mill-prezz tiegħu u mill-proporzjon perċeput bejn il-prezz u l-kwalità. Dan japplika b’mod partikolari għall-inbejjed bi prezz baxx sa medju, li, f’termini assoluti, jiġu affettwati aktar b’dazju ta’ importazzjoni ta’ 25 % minn inbejjed aktar għoljin li jinxtraw minn esperti li għalihom iż-żieda fil-prezz mhijiex ta' deterrent. L-inbejjed tal-Unjoni jikkompetu fis-suq tal-Istati Uniti tal-Amerka ma’ nbejjed minn oriġini oħra bħall-Amerika t’Isfel, l-Awstralja jew l-Afrika t’Isfel. Fid-dawl ta’ kompetizzjoni ħarxa u qawwija bħal din, il-perċezzjoni tal-livelli ġenerali tal-prezzijiet għandha rwol sinifikanti. Jekk il-konsumatur ikun konxju li l-prezz tal-inbid minn ċerti oriġini fl-Unjoni huwa soġġett għal żieda tad-dazju ta' importazzjoni, dan ser ikollu impatt negattiv fuq il-perċezzjoni ġenerali tal-livell tal-prezz tal-inbejjed tal-Unjoni u b’hekk jidderieġi d-domanda tal-konsumatur għal prodotti ta’ oriġini oħra. Fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq identifikati u t-tnaqqis fir-redditi ġenerali għall-produtturi, huma meħtieġa miżuri immedjati biex jindirizzaw l-effetti tad-dazji tal-importazzjoni li jkopru l-inbejjed kollha li joriġinaw fl-Istati Membri kollha u mhux biss f’dawk li huma direttament fil-mira tad-dazji tal-importazzjoni.

(4)

Minn perspettiva ta’ stabbiltà tas-suq, is-sistema tad-dazju tal-importazzjoni imposta mill-Istati Uniti tal-Amerka ma tirrappreżentax miżura nazzjonali iżolata b’effetti limitati għall-kummerċ mal-Istati Uniti tal-Amerka. Is-suq dinji tal-inbid huwa suq globali fejn miżuri uniċi meħuda minn atturi ekonomiċi importanti bħall-Istati Uniti tal-Amerka għandhom riperkussjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-kummerċ internazzjonali tal-inbid b’mod ġenerali. Kwalunkwe bidla negattiva fil-kundizzjonijiet f’suq ewlieni ta’ destinazzjoni għall-inbejjed tal-Unjoni, bħall-Istati Uniti tal-Amerka, inevitabbilment taffettwa swieq oħra peress li l-prodotti li ma jkunux jistgħu jinbiegħu fl-Istati Uniti tal-Amerka, minħabba li jkunu saru għaljin wisq, jeħtieġ li jintbagħtu band’oħra. Konsegwentement, il-konsumaturi f’dawk is-swieq l-oħra, peress li huma konxji sew mill-kundizzjonijiet tas-suq, ser jeżerċitaw pressjoni addizzjonali fuq il-prezzijiet u l-kompetizzjoni ser tkun ukoll ħafna aktar ħarxa mis-soltu. Għalhekk, id-dazji attwali tal-importazzjoni imposti mill-Istati Uniti tal-Amerka mistennija li jikkawżaw staġnar fl-esportazzjonijiet tal-inbid tal-Unjoni madwar id-dinja. Ir-rapporti mis-settur tal-inbid urew li diġà ġew ikkanċellati ordnijiet sinifikanti ta’ nbejjed Franċiżi fis-suq tal-Istati Uniti tal-Amerka.

(5)

Is-suq tal-inbid tal-Unjoni ilu soġġett għal kundizzjonijiet aggravanti tul l-2019 kollha u l-ħażniet tal-inbid jinsabu fl-ogħla livell tagħhom mill-2009. Dan l-iżvilupp huwa dovut primarjament għal kombinazzjoni tal-ħsad rekord fl-2018 u l-konsum tal-inbid li qed jonqos fl-Unjoni. Jekk l-inbejjed affettwati mid-dazji tal-importazzjoni imposti mill-Istati Uniti tal-Amerka ma jinbigħux fis-swieq tal-esportazzjoni barra mill-Unjoni, dan ser iwassal biss biex jiġu amplifikati l-urġenza u l-gravità tas-sitwazzjoni fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-urġenza tas-sitwazzjoni hija aggravata miż-żmien tal-applikazzjoni tad-dazji tal-importazzjoni. Dawn huma applikabbli mit-18 ta’ Ottubru 2019, data li taħbat eżatt f’nofs il-kampanja tal-ħsad u l-produzzjoni tal-inbid tal-2019 u eżatt qabel tmiem l-istaġun tal-festi tal-aħħar tas-sena; tnejn mill-aktar perjodi importanti ta’ bejgħ tas-sena għas-settur tal-inbid tal-Unjoni. F’dan l-isfond, huwa għalhekk meħtieġ li jittieħdu miżuri immedjati biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni.

(6)

Fost il-miżuri ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid stabbiliti fl-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-miżura ta’ promozzjoni biss skont l-Artikolu 45(1)(b) ta’ dan ir-Regolament hija mmirata direttament għall-promozzjoni ta’ nbejjed tal-Unjoni f’pajjiżi terzi sabiex tittejjeb il-kompetittività tagħhom. Matul is-snin, il-miżura ta’ promozzjoni kienet ferm effettiva biex tirbaħ u tikkonsolida s-swieq f’pajjiżi terzi. Din uriet li kienet l-aktar għodda effettiva għall-appoġġ tal-inbejjed tal-Unjoni fis-swieq ta’ pajjiżi terzi billi saħħet ir-reputazzjoni tagħhom u billi qajmet kuxjenza dwar il-kwalità tagħhom. Is-suq internazzjonali tal-inbid huwa suq globali u kwalunkwe operazzjoni ta’ promozzjoni tal-inbid tal-Unjoni fis-swieq ta’ pajjiżi terzi hija ta’ benefiċċju għall-inbejjed kollha tal-Unjoni. Dan jagħti opportunitajiet lill-operaturi li sussegwentement ser jidħlu fis-suq inkwistjoni ma’ nbejjed oħra tal-Unjoni. Il-promozzjonijiet individwali għandhom effett “multiplikatur” fuq il-bejgħ peress li jkopru firxiet sħaħ ta’ nbejjed jew reġjuni sħaħ ta’ produzzjoni tal-inbid u mhux biss marka individwali waħda jew tip ta’ nbid wieħed. Għalhekk huwa essenzjali li jitkomplew, jitnedew u jiġu intensifikati l-attivitajiet ta’ promozzjoni fis-swieq kollha sabiex jinstabu postijiet għall-inbejjed li ma jinbigħux fis-suq tal-Istati Uniti tal-Amerka u biex tiġi preservata r-reputazzjoni tal-inbejjed tal-Unjoni f’dawk is-swieq l-oħra, kif ukoll biex jagħmlu tajjeb għall-pressjoni fuq il-prezzijiet.

(7)

Għalhekk, biex l-operaturi jiġu megħjuna jwieġbu għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali fis-swieq tal-esportazzjoni madwar id-dinja kollha wara s-sistema tad-dazju tal-importazzjoni imposta mill-Istati Uniti tal-Amerka u biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni imprevedibbli u prekarja, jixraq li tkun permessa aktar flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-miżura ta’ promozzjoni skont l-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Huwa għalhekk meħtieġ, bħala miżura eċċezzjonali, li tiġi prevista deroga mill-Artikolu 45(3) ta’ dak ir-Regolament u li l-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għall-miżuri ta’ promozzjoni tiżdied temporanjament skont l-Artikolu 45(1)(b) ta’ dan ir-Regolament minn 50 % għal 60 % tan-nefqa eliġibbli.

(8)

Din il-miżura hija meħtieġa minħabba li l-operaturi inevitabbilment ikollhom kostijiet addizzjonali li jirriżultaw mill-ħtieġa li jidderieġu l-promozzjonijiet lejn pajjiżi differenti jew li jorganizzaw promozzjonijiet ġodda f’pajjiżi oħra, li kollha kemm huma jeħtieġu jitwettqu b’urġenza biex jiġi żgurat li l-istokkijiet jinbiegħu. Iż-żieda tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal miżuri ta’ promozzjoni għal 60 % u konsegwentement it-tnaqqis tal-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju, jippermettu lill-benefiċjarji jieħdu azzjonijiet aktar ambizzjużi u jippreservaw pożizzjonijiet li ma kinux faċli biex jinkisbu fis-swieq barranin. Din ser tipprovdi wkoll inċentiv għal operaturi ġodda biex japplikaw għal appoġġ għal operazzjonijiet ta’ promozzjoni f’ċirkostanzi li kieku ma kinux jagħmlu hekk, fejn il-kontribuzzjoni tal-Unjoni tibqa’ f'livell ta' 50 %, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawn l-operaturi li qabel ma setgħux jaffordjaw li jagħmlu dan. It-tnaqqis tal-piż finanzjarju tagħhom għal 40 % ser jgħinhom ilaħħqu mal-impatt tad-dazji tal-importazzjoni imposti mill-Istati Uniti tal-Amerka.

(9)

Il-flessibbiltà introdotta biż-żieda tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni tirrappreżenta forma ta’ appoġġ finanzjarju, li, madankollu, ma teħtieġx finanzjament addizzjonali mill-Unjoni peress li l-limiti baġitarji għall-programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid stipulati fl-Anness VI tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għadhom japplikaw. L-Istati Membri jistgħu għalhekk jiddeċiedu li jallokaw ammonti ogħla għall-miżura ta’ promozzjoni biss fil-baġit annwali previst fl-Anness VI ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, il-miżura hija mmirata biex tipprovdi appoġġ lis-settur fis-sitwazzjoni partikolari tas-suq instabbli mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu mmobilizzati iżjed fondi fl-ewwel lok. Barra minn hekk, din il-flessibilità jenħtieġ li ma jkollhiex impatt negattiv fuq il-baġit allokat għal miżuri oħra ta’ appoġġ skont dak ir-Regolament, peress li xi wħud mill-miżuri, bħar-ristrutturar u l-konverżjoni tal-vinji, qed isiru inqas rilevanti u qed jikkunsmaw inqas baġit għall-Istati Membri. Barra minn hekk, l-istatistiċi tas-snin riċenti juru nuqqas ta’ nfiq tal-baġit massimu disponibbli għal kull Stat Membru.

(10)

Id-dazji tal-importazzjoni imposti mill-Istati Uniti tal-Amerka u d-diffikultajiet li jirriżultaw għall-kummerċ tal-inbid tal-Unjoni jikkostitwixxu problema speċifika skont it-tifsira tal-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Din il-problema speċifika ma tistax tiġi indirizzata mill-miżuri meħuda skont l-Artikolu 219 jew 220 ta’ dak ir-Regolament. Min-naħa l-waħda, dan mhuwiex marbut ma’ disturb fis-suq li diġà jeżisti minħabba li d-dazji tal-importazzjoni imposti mill-Istati Uniti tal-Amerka bħalissa qed ikollhom impatt serju fuq ir-reputazzjoni tal-inbid tal-Unjoni u huma mistennija li jikkawżaw deterjorazzjoni rapida tal-kundizzjonijiet tas-suq tal-inbid fil-futur jekk is-sitwazzjoni ma tiġix indirizzata immedjatament. Din il-problema speċifika bħalissa mhijiex marbuta wkoll ma’ theddida speċifika biżżejjed ta’ disturb fis-suq li hija probabbli li tkompli fil-forma attwali tiegħu minħabba li d-dazji tal-importazzjoni mill-Istati Uniti tal-Amerka mistennija li jinbidlu maż-żmien u b'hekk x’aktarx ser ikollhom effetti oħra imprevedibbli fuq is-suq globali tal-inbid. Min-naħa l-oħra, din il-problema speċifika lanqas mhi marbuta ma’ miżuri li jiġġieldu t-tixrid tal-mard tal-annimali jew telf ta’ fiduċja tal-konsumatur minħabba riskji għas-saħħa pubblika, tal-annimali jew tal-pjanti kif meħtieġ mill-Artikolu 220 ta’ dan ir-Regolament.

(11)

Barra minn hekk, din il-miżura flimkien ma’ żieda fil-flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-miżura ta’ promozzjoni stabbilita fl-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, hija parti minn sensiela ta’ miżuri maħsuba biex jgħinu, fil-livell tal-Unjoni, lill-operaturi milquta mid-dazji tal-importazzjoni imposti fuq inbejjed tal-Unjoni mill-Istati Uniti tal-Amerka. Madankollu, fost dawn il-miżuri, din il-miżura hija l-unika waħda li tipprovdi xi għajnuna finanzjarja li hija meħtieġa biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-operaturi milquta mid-dazji tal-importazzjoni imposti mill-Istati Uniti tal-Amerka bħala riżultat tat-telf mid-dħul u taż-żieda fl-ispejjeż li jirriżultaw mill-ħtieġa li jinstabu swieq ġodda għall-inbejjed tagħhom.

(12)

Jenħtieġ li l-miżura tkun strettament limitata għal dak li huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali fis-swieq tal-esportazzjoni kemm fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll tal-perjodu tal-applikazzjoni.

(13)

Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni tista’ tingħata biss mill-Istati Membri abbażi ta’ applikazzjoni li tintgħażel skont il-miżura ta’ promozzjoni stabbilita fl-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Din jenħtieġ li tkun disponibbli għall-operaturi kollha magħżula skont il-miżura, b’nuqqas ta’ osservanza tal-kategorija speċifika tal-inbid jew l-oriġini tal-inbid tal-Unjoni, minħabba l-fatt li l-applikazzjoni tad-dazji tal-importazzjoni mill-Istati Uniti tal-Amerka qed tagħmel ħsara lill-esportazzjonijiet kollha tal-inbid tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri biex titjieb il-kompetittività tal-esportazzjoni tal-inbejjed kollha tal-Unjoni. Sabiex dan jiġi żgurat, b'hekk il-miżura ta’ emerġenza preżenti jenħtieġ li tapplika għall-benefiċjarji kollha irrispettivament mis-swieq fil-mira tal-operazzjonijiet tagħhom. Jenħtieġ li din tkun disponibbli bl-istess mod għall-operaturi li qed jipprevedu li jpoġġu fil-mira tagħhom is-suq tal-Istati Uniti tal-Amerka iżda wkoll għal dawk li ser jidderieġu l-isforzi tagħhom lejn suq ta’ pajjiż terz ieħor fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali fis-suq dinji tal-inbid. Barra minn hekk, ikun diffiċli ħafna li fi ħdan operazzjoni ta’ promozzjoni waħda jiġu sseparati l-azzjonijiet li jikkonċernaw l-inbejjed bla gass mill-azzjonijiet li jikkonċernaw inbejjed oħra billi l-operazzjonijiet ta’ promozzjoni huma tipikament imfassla biex jippromwovu firxa sħiħa ta’ prodotti u mhux biss kategorija speċifika. Bosta kampanji ta’ promozzjoni jikkonċernaw l-inbejjed kollha ta’ reġjun jew ta’ varjetà wiesgħa ta’ nbejjed mibjugħa minn operatur partikolari. Il-fatt li jiġu sseparati l-azzjonijiet li jikkonċernaw inbejjed oħra mill-azzjonijiet li jikkonċernaw l-inbejjed bla gass fi ħdan kampanja ta’ promozzjoni, ikun jirrappreżenta piż amministrattiv kbir u jdgħajjef l-effetti pożittivi tal-operazzjoni ta’ promozzjoni.

(14)

Jenħtieġ li l-miżura ta’ emerġenza tkun limitata għal perjodu massimu ta’ 12-il xahar li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Dan il-perjodu huwa meħtieġ biex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti kampanji ta’ promozzjoni. Il-proċess jinkludi diversi passi amministrattivi bħal bidliet fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ, it-tħejjija u t-tnedija ta’ sejħiet għas-sottomissjonijiet, l-għażla tal-applikazzjonijiet u l-konklużjoni ta’ kuntratti, u normalment dan idum aktar minn 6 xhur. Għalhekk, sabiex id-deroga tiġi implimentata b’mod effiċjenti, jenħtieġ li d-deroga ddum 12-il xahar. L-applikazzjonijiet magħżula wara l-perjodu ta’ 12-il xahar jenħtieġ li ma jibbenefikawx miż-żieda fil-kontribuzzjoni tal-Unjoni.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kategoriji ta’ prodotti koperti

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-promozzjoni tal-inbid skont it-tifsira tal-punti (1) sa (9), (15) u (16) tal-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

Artikolu 2

Kontribuzzjoni tal-Unjoni għal miżuri ta’ promozzjoni

B’deroga mill-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-miżuri ta’ promozzjoni msemmija fl-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma għandhiex taqbeż is-60 % tan-nefqa eliġibbli.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika matul perjodu ta’ 12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Jannar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


Top