EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0105

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/105 tat-23 ta’ Jannar 2020 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indoneżja soġġetti għar-reġistrazzjoni

C/2020/231

ĠU L 19, 24.1.2020, p. 10–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/105/oj

24.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 19/10


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/105

tat-23 ta’ Jannar 2020

li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indoneżja soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 24(5) tiegħu,

Wara li informat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-notifika ta’ bidu”), il-bidu ta’ proċediment antisussidji (“il-proċediment”) fir-rigward ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) u mill-Indoneżja wara lment imressaq fis-26 ta’ Awwissu 2019 mill-Eurofer, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar (“l-ilmentatur”) f’isem erba’ produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw il-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana.

(2)

Fit-12 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni Ewropea kienet diġà ħabbret il-bidu ta’ investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea tal-istess prodott li joriġina mir-RPĊ, mit-Tajwan u mill-Indoneżja (3) (“il-proċediment anti-dumping parallel”) skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (“ir-Regolament anti-dumping bażiku”).

1.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(3)

Il-prodott soġġett għal reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa prodotti tal-azzar inossidabbli ċatti rrumblati, kemm jekk ikunu f’kojls u kemm jekk ma jkunux (inklużi l-prodotti maqtugħin skont id-daqs u li jkunu strixxi dojoq), li ma jibqgħux jinħadmu wara li jiġu llaminati bis-sħana u li jeskludu prodotti, mhux f’kojl, b’wisa’ ta’ 600 mm jew aktar u ta’ ħxuna li taqbeż 10 mm. Dawn il-prodotti bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet SA 7219 11, 7219 12, 7219 13, 7219 14, 7219 22, 7219 23, 7219 24, 7220 11 u 7220 12. Dawn il-kodiċijiet SA qed jingħataw biss għall-informazzjoni.

2.   TALBA

(4)

Fl-ilment tiegħu, l-ilmentatur diġà talab ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet. Fil-31 ta’ Ottubru 2019, l-ilmentatur ippreżenta talba ta’ reġistrazzjoni separata, fir-rigward tal-importazzjonijiet li huma soġġetti għal dan il-proċediment skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku. L-ilmentatur talab li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni sabiex sussegwentement ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ tali reġistrazzjoni. Komunikazzjoni ulterjuri b’appoġġ għal din it-talba ġiet ippreżentata fit-22 ta’ Novembru u fl-10 ta’ Diċembru 2019.

(5)

Fl-14 ta’ Novembru 2019, Marcegaglia Specialties (“Marcegaglia”), utent tal-prodott ikkonċernat, li qed jikkoopera fil-proċediment antisussidji, ippreżenta kummenti fir-rigward tat-talba tal-ilmentatur għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet.

3.   RAĠUNIJIET għar-reġistrazzjoni

(6)

Skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-awtoritajiet tad-dwana jieħdu l-passi meħtieġa għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, sabiex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu sussegwentement applikati fuq dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ dik ir-reġistrazzjoni. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjoni li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika din l-azzjoni.

(7)

Skont l-ilmentatur ir-reġistrazzjoni hija ġġustifikata peress li l-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ u mill-Indoneżja qed ikun oġġett ta’ dumping. Huwa rraġuna li qed ikun ikkawżat dannu sinifikanti għall-industrija tal-Unjoni b’żieda rapida ta’ importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi li se jdgħajfu l-effett ta’ rimedju tad-dazji definittivi potenzjali billi jippermetti l-ħżin eċċessiv.

(8)

Il-Kummissjoni eżaminat it-talba fid-dawl tal-Artikolu 16(4) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni vverifikat jekk hemmx ċirkustanzi kritiċi fejn, għall-prodott issussidjat inkwistjoni, l-importazzjonijiet massivi f’perjodu relattivament qasir ta’ prodott li jibbenefika minn sussidji kumpensabbli jikkawżawx dannu li jkun diffiċli jiġi rimedjat u jekk huwiex meqjus meħtieġ li jiġu vvalutati dazji kumpensatorji b’mod retrospettiv fuq dawn l-importazzjonijiet sabiex tiġi evitata r-rikorrenza ta’ dan id-dannu.

3.1.   Sussidju tal-prodott ikkonċernat

(9)

Il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ u mill-Indoneżja qed ikunu ssussidjati.

(10)

Fir-rigward tar-RPĊ, il-prattiki ta’ sussidju allegati jikkonsistu speċifikament fi trasferiment dirett ta’ fondi, dħul tal-gvern mitluf jew mhux miġbur, u forniment ta’ prodotti jew servizzi mill-gvern għal remunerazzjoni inqas minn adegwata. Dan jinkludi, pereżempju, self preferenzjali u l-provvista ta’ linji ta’ kreditu minn banek tal-Istat, programmi ta’ sussidju ta’ krediti għall-esportazzjoni, garanziji ta’ esportazzjoni u assigurazzjonijiet u programmi ta’ għotjiet; tnaqqis fit-taxxa għal Impriżi tat-Teknoloġija Avvanzata u Ġdida, kumpens fiskali għal riċerka u żvilupp, deprezzament aċċellerat ta’ tagħmir użat minn intrapriżi tat-Teknoloġija Avvanzata għal żvilupp u produzzjoni ta’ Teknoloġija Avvanzata, eżenzjoni mid-dividendi bejn intrapriżi residenti kkwalifikati, tnaqqis tat-taxxa minn ras il-għajn għal dividendi minn intrapriżi Ċiniżi b’investiment barrani lill-kumpaniji omm mhux Ċiniżi tagħhom, eżenzjonijiet mit-taxxa fuq l-użu tal-art u rifużjoni tat-taxxa fuq l-esportazzjoni; u l-forniment mill-gvern ta’ art u enerġija għal remunerazzjoni inqas milli adegwat.

(11)

Fir-rigward tal-Indoneżja, il-prattiki ta’ sussidju allegati jikkonsistu speċifikament fi trasferiment dirett ta’ fondi, dħul tal-gvern mitluf jew mhux miġbur, u forniment ta’ prodotti jew servizzi mill-gvern għal remunerazzjoni inqas minn adegwata. Dan jinkludi, pereżempju, self preferenzjali ta’ poloz u benefiċċji fiskali skont il-liġijiet Indoneżjani u eżenzjoni mid-dazju tal-importazzjoni fuq l-importazzjoni ta’ materja prima u tagħmir ta’ produzzjoni.

(12)

Huwa allegat li dawk il-miżuri huma sussidji peress li jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tar-RPĊ mill-Gvern tal-Indoneżja jew minn gvernijiet reġjonali jew lokali oħra (inklużi korpi pubbliċi) u jikkonferixxu benefiċċju lill-produtturi esportaturi tal-prodott ikkonċernat. Huwa allegat li dawn huma kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni u/jew fuq l-użu ta’ prodotti domestiċi minflok ta’ dawk importati u/jew huma limitati għal ċerti setturi u/jew għal ċerti tipi ta’ intrapriżi u/jew postijiet, u għalhekk huma speċifiċi u kumpensabbli.

(13)

L-evidenza tas-sussidjar tqiegħdet għad-dispożizzjoni fil-verżjoni miftuħa tal-ilment u kompliet tiġi analizzata fil-memorandum dwar is-suffiċjenza tal-evidenza.

(14)

Għalhekk, f’dan l-istadju l-evidenza disponibbli x’aktarx li tindika li l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat qed jibbenefikaw minn sussidji kumpensabbli.

3.2.   L-eżistenza ta’ importazzjonijiet massivi f’perjodu relattivament qasir

(15)

Fl-ilment u l-preżentazzjonijiet sussegwenti relatati mat-talba ta’ reġistrazzjoni, l-evidenza rigward il-volum tal-importazzjonijiet turi żieda kbira fl-importazzjonijiet f’termini assoluti u f’termini tas-sehem mis-suq fil-perjodu bejn l-2015 u Ġunju 2019. B’mod speċifiku, l-evidenza pprovduta fl-ilment turi li l-esportaturi Ċiniżi u Indoneżjani żiedu sew il-volum tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni, u dan wassal għal żieda qawwija fis-sehem mis-suq għal 28,7 % fit-tieni nofs tal-2018.

(16)

Analiżi tal-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet għall-perjodu sħiħ ikkunsidrat u ta’ wara l-bidu, jiġifieri l-addizzjoni tad-data ta’ Surveillance 2 li tkopri l-prodott speċifiku kkonċernat mad-data tal-ilment, ma tissuġġerix li ż-żieda massiva fl-importazzjonijiet waqfet:

Il-volumi ta’ importazzjoni mill-pajjiżi konċernati (f’tunnellati)

Oriġini

2016

2017

2018

Perjodu ta’ Investigazzjoni (PI)

Medja kull xahar PI

Medja kull xahar wara l-bidu  (5)

Ir-RPĊ

194 963

263 858

250 626

220 705

18 392

26 338

L-Indoneżja

105

17

44 863

107 107

8 926

4 270

Il-Pajjiżi kkonċernati

195 068

263 874

295 489

327 812

27 318

30 607

Sors:

2016-2018: ilment

il-PI u wara l-PI Il-bażi tad-data Surveillance 2

(17)

Abbażi ta’ din id-data statistika, il-Kummissjoni sabet li l-importazzjonijiet massivi mill-pajjiżi kkonċernati ġew ikkonfermati anke fix-xahrejn mill-bidu tal-investigazzjoni, jiġifieri matul Ottubru u Novembru 2019, meta l-volum medju ta’ kull xahar tal-importazzjonijiet matul dawn ix-xhur kien 12 % ogħla mil-livell għoli li kien ġie osservat fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Id-data statistika disponibbli għall-Kummissjoni wara l-bidu tal-investigazzjoni turi xejra dejjem tikber ta’ volumi ta’ importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati. Dawn iż-żidiet, flimkien mal-ishma mis-suq rispettivi taż-żewġ pajjiżi esportaturi matul il-perjodu kkunsidrat, jammontaw għal importazzjonijiet massivi f’perjodu relattivament qasir ta’ żmien, fis-sens tal-Artikolu 16(4) tar-Regolament bażiku.

3.3.   Id-dannu, li huwa diffiċli jiġi rimedjat, huwa kkawżat minn dawn l-importazzjonijiet

(18)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li l-prattiki ta’ sussidju tal-esportaturi qed jikkawżaw dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni. Il-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat kellhom impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa u fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba fis-suq tal-Unjoni u s-sehem mis-suq li kellha l-industrija tal-Unjoni. Dan qed jirriżulta f’effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali u l-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni. L-evidenza dwar il-fatturi ta’ dannu stabbiliti fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament bażiku tikkonsisti f’data li tinsab fl-ilment u l-preżentazzjonijiet sussegwenti rigward ir-reġistrazzjoni u hija sostnuta minn data disponibbli pubblikament mill-Eurostat. L-ilment fost l-oħrajn wera li l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil partijiet mhux relatati kien naqas b’6 % mill-2015 sal-2018, li s-sehem mis-suq tagħha f’dak il-perjodu kien naqas b’4,3 % u li l-profittabbiltà fl-2018 kienet baxxa u inqas minn nofs il-profittabilità miksuba fl-2017. Barra minn hekk, il-profittabbiltà kienet naqset b’mod drammatiku matul l-2018 u kienet biss 2,2 % matul it-tieni nofs ta’ dik is-sena. L-ilment wera wkoll li r-rata tal-impjieg naqset bi 3 % mill-2015 ’l hawn.

(19)

Barra minn hekk, fit-talba ta’ reġistrazzjoni tiegħu, l-ilmentatur ġibed l-attenzjoni għall-fatt li s-sitwazzjoni ta’ deterjorament rapidu tal-industrija tal-Unjoni osservata fl-ilment matul it-tieni nofs tal-2018 kompliet fl-ewwel nofs tal-2019, bi tnaqqis ulterjuri fil-livelli ta’ produzzjoni u aktar twaqqigħ tal-prezzijiet minħabba l-importazzjonijiet. Fit-talba tiegħu ta’ reġistrazzjoni, l-ilmentatur ipprovda wkoll evidenza li turi li minn dak iż-żmien ’l hawn is-sitwazzjoni marret mill-ħażin għall-agħar, fost l-oħrajn billi indika erba’ avviżi importanti ta’ ristrutturar ta’ tipi differenti mid-diversi manifatturi tal-Unjoni minn Lulju 2019, li kellhom impatt fuq l-impjiegi ta’ mijiet ta’ ħaddiema tagħhom. Tnejn minn dawn l-avviżi kienu saħansitra f’Ottubru 2019.

(20)

Barra minn hekk, f’dan l-istadju l-Kummissjoni kkalkulat jekk kienx diffiċli li d-dannu mġarrab jiġi rimedjat. Ladarba l-fornituri Ċiniżi u Indoneżjani jkunu integrati fil-katini ta’ provvista tal-klijenti tal-industrija tal-Unjoni, dawn tal-aħħar jaf ma jkunux iridu jibdlu l-fornituri tagħhom favur il-produtturi tal-Unjoni. Barra dan, il-klijenti tal-industrija tal-Unjoni x’aktarx li ma jaċċettawx prezzijiet ogħla mill-industrija tal-Unjoni anki jekk, b’mod ipotetiku, il-Kummissjoni kellha timponi miżuri kumpensatorji mingħajr effett retroattiv fil-futur. Din it-theddida ta’ telf permanenti tas-sehem mis-suq jew ta’ tnaqqis mid-dħul tikkostitwixxi dannu li huwa diffiċli li jiġi rimedjat.

3.4.   Preklużjoni ta’ rikorrenza tad-dannu

(21)

Fl-aħħar nett, minħabba d-data stabbilita fit-taqsima 3.3 hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li kien hemm bżonn li tħejji l-impożizzjoni retroattiva potenzjali tal-miżuri billi timponi reġistrazzjoni sabiex tipprekludi r-rikorrenza ta’ dannu bħal dan. Tabilħaqq, il-kundizzjonijiet tas-suq ta’ wara l-PI pjuttost jikkonfermaw li s-sitwazzjoni tal-industrija domestika diġà kienet qed tiddeterjora minħabba ż-żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet sussidjati bi prezzijiet baxxi.

4.   PROĊEDURA

(22)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza sabiex tiġġustifika li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku.

(23)

Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn jeħtieġ li jinstemgħu.

5.   REĠISTRAZZJONI

(24)

Skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jeħtieġ li jkunu soġġetti għar-reġistrazzjoni bl-iskop li jiżguraw li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’konklużjonijiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji kompensatorji, dawn id-dazji jistgħu, jekk il-kundizzjonijiet neċessarji jintlaħqu, jiġu imposti b’mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

(25)

Kull responsabbiltà futura tiġi minn x’jirriżulta mill-investigazzjoni antisussidju.

(26)

F’dan l-istadju tal-investigazzjoni għadu mhuwiex possibbli li jiġi stmat l-ammont ta’ sussidju fir-RPĊ u fl-Indoneżja. L-ilment ma jipprevedix stima eżatta tal-ammont ta’ sussidju, li normalment jeħtieġ jintuża bħala l-bażi biex jiġu stabbiliti d-dazji kompensatorji. L-ilment jinkludi biss stima tal-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ 29,1 % għar-RPĊ u 39,8 % għall-Indoneżja. F’konformità mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, dan l-ammont stmat ta’ responsabbiltà jkun rilevanti biss f’każ li dazju bbażat fuq l-ammont ta’ sussidji kompensatorji jkun ogħla u l-Kummissjoni tikkonkludi b’mod ċar li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li timponi dan id-dazju ogħla.

6.   IPPROĊESSAR TA’DATA PERSONALI

(27)

Kull data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2016/1037, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli ċatti rrumblati, kemm jekk ikunu f’kojls u kemm jekk ma jkunux (inklużi l-prodotti maqtugħin skont id-daqs u li jkunu strixxi dojoq), li ma jibqgħux jinħadmu wara li jiġu llaminati bis-sħana u li jeskludu prodotti, mhux f’kojl, b’wisa’ ta’ 600 mm jew aktar u ta’ ħxuna li taqbeż 10 mm. li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet SA 7219 11, 7219 12, 7219 13, 7219 14, 7219 22, 7219 23, 7219 24, 7220 11 and 7220 12 u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indoneżja.

Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, jipprovdu evidenza ta’ sostenn jew jitolbu li jinstemgħu fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Jannar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula vON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(2)  Notifika ta’ bidu ta’ proċediment kontra s-sussidji li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indoneżja (2019/C 342/09) (ĠU C 342, 10.10.2019, p. 18).

(3)  Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mit-Tajwan u mill-Indoneżja (2019/C 269 I/01) (ĠU C 269, 12.8.2019, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21).

(5)  Ottubru 2019 – Novembru 2019.

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


Top