Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020Q0717(01)

Deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 tas-26 ta’ Mejju 2020 li tistabbilixxi regoli interni rigward restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet ta’ suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-funzjonament tal-FCH 2 JU

ĠU L 230, 17.7.2020, p. 29–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/717/oj

17.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 230/29


DEĊIŻJONI TAL-BORD TA’ TMEXXIJA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA TAĊ-ĊELLOLI TAL-FJUWIL U L-IDROĠENU 2

tas-26 ta’ Mejju 2020

li tistabbilixxi regoli interni rigward restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet ta’ suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-funzjonament tal-FCH 2 JU

IL-BORD TA’ TMEXXIJA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA TAĊ-ĊELLOLI TAL-FJUWIL U L-IDROĠENU 2 (minn hawn 'il quddiem “il-FCH 2 JU”),

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 559/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(3)(r) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Gwida tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) dwar l-Artikolu 25 tar-Regolament il-ġdid u r-regoli interni,

Wara li kkonsulta lill-EDPS fit-12 ta’ Novembru 2019, skont l-Artikolu 41(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (“EDPS”) tat-18 ta’ Diċembru 2019,

Billi:

1.

L-FCH 2 JU twettaq l-attivitajiet tagħha skont ir-Regolament (KE) Nru 559/2014.

2.

F’konformità mal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, ir-restrizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 22, 35 u 36, kif ukoll tal-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u mal-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 22, jenħtieġ li jkunu bbażati fuq regoli interni li jridu jiġu adottati mill-impriża konġunta, meta dawn ma jkunux ibbażati fuq atti legali adottati fuq il-bażi tat-Trattati.

3.

Dawn ir-regoli interni, inklużi d-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità ta’ restrizzjoni, ma għandhomx japplikaw meta att legali adottat fuq il-bażi tat-Trattati jipprevedi restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data.

4.

Meta l-FCH 2 JU twettaq id-dmirijiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tikkunsidra jekk tapplikax xi waħda mill-eżenzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

5.

Fil-qafas tal-funzjonament amministrattiv tagħha, l-FCH 2 JU tista’ twettaq inkjesti amministrattivi, proċedimenti dixxiplinari, twettaq attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF, tipproċessa każijiet ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, tipproċessa proċeduri (formali u informali) ta’ fastidju, tipproċessa lmenti interni u esterni, twettaq awditi interni, twettaq investigazzjonijiet mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u investigazzjonijiet interni tas-sigurtà (tal-IT).

6.

L-FCH 2 JU tipproċessa diversi kategoriji ta’ data personali, inkluż hard data (data“oġġettiva” bħal data ta’ identifikazzjoni, data ta’ kuntatt, data professjonali, dettalji amministrattivi, data riċevuta minn sorsi speċifiċi, komunikazzjonijiet elettroniċi u data tat-traffiku) u soft data (data“suġġettiva” relatata mal-każ bħal data dwar ir-raġunament, data dwar l-imġiba, evalwazzjonijiet, data dwar il-prestazzjoni u l-kondotta u data relatata ma’ jew imressqa b’konnessjoni mas-suġġett tal-proċedura jew tal-attività) (3).

7.

L-FCH 2 JU, rappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, taġixxi bħala l-kontrollur tad-data irrispettivament minn aktar delegazzjonijiet tar-rwol tal-kontrollur fl-FCH 2 JU biex tirrifletti r-responsabbiltajiet operattivi għal operazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar ta’ data personali.

8.

Id-data personali tinħażen b’mod sigur f’ambjent elettroniku jew f’format stampat filwaqt li jiġu evitati l-aċċess illegali jew it-trasferiment ta’ data lil persuni li ma jkollhomx ħtieġa ta’ tagħrif. Id-data personali pproċessata tinżamm għal mhux aktar milli meħtieġ u xieraq għall-finijiet li għalihom id-data tiġi pproċessata għall-perjodu speċifikat fl-avviżi dwar il-protezzjoni tad-data, id-dikjarazzjonijiet ta’ privatezza jew ir-rekords tal-FCH 2 JU.

9.

Ir-regoli interni jenħtieġ li japplikaw għall-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar imwettqa mill-FCH 2 JU fit-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi, proċedimenti dixxiplinari, attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF, proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta’ fastidju, l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni, awditi interni, l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà (tal-IT) ttrattati internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE).

10.

Dawn għandhom japplikaw għal operazzjonijiet ta’ pproċessar imwettqa qabel il-ftuħ tal-proċeduri msemmija hawn fuq, matul dawn il-proċeduri u matul il-monitoraġġ tas-segwitu għall-eżitu ta’ dawn il-proċeduri. Għandhom jiġu inklużi wkoll l-assistenza u l-kooperazzjoni pprovduti mill-FCH 2 JU lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali barra mill-investigazzjonijiet amministrattivi tagħha.

11.

F’każijiet fejn japplikaw dawn ir-regoli interni, l-FCH 2 JU għandha tipprovdi ġustifikazzjonijiet fejn tispjega għalfejn ir-restrizzjonijiet huma strettament neċessarji u proporzjonati f’soċjetà demokratika u jirrispettaw il-qofol tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

12.

F’dan il-qafas l-FCH 2 JU hija marbuta li tirrispetta, sa fejn hu l-aktar possibbli, id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data matul il-proċeduri ta’ hawn fuq, b’mod partikolari, dawk relatati mad-dritt għall-għoti ta’ informazzjoni, aċċess u rettifika, id-dritt għat-tħassir, ir-restrizzjoni tal-ipproċessar, id-dritt għall-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data jew għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1725.

13.

Madankollu, l-FCH 2 JU tista’ tkun obbligata tirrestrinġi l-informazzjoni għas-suġġett tad-data u drittijiet oħra tas-suġġett tad-data biex tipproteġi, b’mod partikolari, l-investigazzjonijiet tagħha stess, l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra, kif ukoll id-drittijiet ta’ persuni oħra relatati mal-investigazzjonijiet tagħha jew ma’ proċeduri oħra.

14.

L-FCH 2 JU tista’ għalhekk tirrestrinġi l-informazzjoni bl-għan li tipproteġi l-investigazzjoni u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ suġġetti oħra tad-data.

15.

L-FCH 2 JU jenħtieġ li timmonitorja perjodikament li l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni jkunu għadhom japplikaw u li tneħħi r-restrizzjoni jekk dawn ma jibqgħux japplikaw.

16.

Il-Kontrollur jenħtieġ li jinforma lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data fil-mument tad-differiment u matul ir-reviżjonijiet,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli relatati mal-kundizzjonijiet skont liema l-FCH 2 JU, fil-qafas tal-proċeduri tagħha stabbiliti fil-paragrafu 2, tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 14 sa 21, 35 u 36, kif ukoll l-Artikolu 4 tagħha, skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   Fil-qafas tal-funzjonament amministrattiv tal-FCH 2 JU, din id-Deċiżjoni tapplika għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar fuq data personali mill-Uffiċċju tal-Programm għall-finijiet tat-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi, proċedimenti dixxiplinari, attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF, l-ipproċessar ta’ każijiet ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, proċeduri (formali u informali) għall-prevenzjoni ta’ fastidju, l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni, it-twettiq ta’ awditi interni, investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà (tal-IT) ttrattati internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE).

3.   Il-kategoriji ta’ data kkonċernati huma hard data (data“oġġettiva” bħal data ta’ identifikazzjoni, data ta’ kuntatt, data professjonali, dettalji amministrattivi, data riċevuta minn sorsi speċifiċi, komunikazzjonijiet elettroniċi u data tat-traffiku) u soft data (data“suġġettiva” relatata mal-każ bħal data dwar ir-raġunament, data dwar l-imġiba, evalwazzjonijiet, data dwar il-prestazzjoni u l-kondotta u data relatata ma’ jew imressqa b’konnessjoni mas-suġġett tal-proċedura jew tal-attività).

4.   Meta l-FCH 2 JU twettaq id-dmirijiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tikkunsidra jekk tapplikax xi waħda mill-eżenzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

5.   Soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, ir-restrizzjonijiet jistgħu japplikaw għad-drittijiet li ġejjin: il-forniment ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data, id-dritt ta’ aċċess, rettifika, tħassir, restrizzjoni tal-ipproċessar, il-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data, jew il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni.

Artikolu 2

Speċifikazzjoni tal-kontrollur

Il-kontrollur tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar huwa l-FCH 2 JU, rappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, li jista’ jiddelega l-funzjoni tal-kontrollur. Is-suġġetti tad-data għandhom jiġu infurmati dwar il-kontrollur delegat permezz tal-avviżi jew ir-rekords tal-protezzjoni tad-data ppubblikati fuq is-sit web u/jew l-intranet tal-FCH 2 JU.

Artikolu 3

Speċifikazzjoni tas-salvagwardji

1.   L-impriża konġunta għandha tqiegħed fis-seħħ is-salvagwardji li ġejjin bl-għan li jiġi evitat li jseħħ abbuż, jew aċċess jew trasferiment illegali ta’ data personali (4):

(a)

Dokumenti stampati għandhom jinżammu f’armarji siguri u għandhom ikunu aċċessibbli għall-persunal awtorizzat biss;

(b)

Id-data elettronika kollha għandha tinħażen f’applikazzjoni sigura tal-IT skont l-istandards tas-sigurtà tal-impriża konġunta, kif ukoll f’folders elettroniċi speċifiċi aċċessibbli biss għall-persunal awtorizzat. Livelli ta’ aċċess xierqa għandhom jingħataw b’mod individwali;

(c)

Il-bażi ta’ data għandha tkun protetta b’password fi ħdan sistema ta’ sign-on uniku u għandha tkun konnessa awtomatikament mal-ID u l-password tal-utent. Is-sostituzzjoni tal-utenti hija strettament ipprojbita. Ir-rekords elettroniċi għandhom jinżammu b’mod sigur biex jiġu salvagwardjati l-kunfidenzjalità u l-privatezza tad-data li tinsab fihom;

(d)

Il-persuni kollha li jkollhom aċċess għad-data huma marbuta bl-obbligu tal-kunfidenzjalità.

2.   Il-perjodu ta’ żamma tad-data personali msemmija fl-Artikolu 1(3) ma għandux ikun itwal milli jkun meħtieġ u xieraq għall-finijiet li għalihom tiġi pproċessata d-data. Fi kwalunkwe każ, ma għandux ikun itwal mill-perjodu ta’ żamma speċifikat fl-avviżi dwar il-protezzjoni tad-data, fl-istqarrijiet ta’ privatezza jew fir-reġistri msemmija fl-Artikolu 6.

3.   Meta l-FCH 2 JU tikkunsidra li tapplika restrizzjoni, ir-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data għandu jintiżen, b’mod partikolari, kontra r-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti oħra tad-data u r-riskju ta’ kanċellazzjoni tal-effett tal-investigazzjonijiet jew il-proċeduri tal-impriża konġunta pereżempju billi tinqered l-evidenza. Ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jikkonċernaw primarjament, iżda mhumiex limitati għal, riskji ta’ reputazzjoni u riskji għad-dritt ta’ difiża u d-dritt li jinstema’.

Artikolu 4

Restrizzjonijiet

1.   Kull restrizzjoni għandha tiġi applikata biss mill-FCH 2 JU biex tissalvagwardja:

(a)

is-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika jew id-difiża tal-Istati Membri;

(b)

il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika;

(c)

objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari l-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni, jew interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inkluż kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali, is-saħħa pubblika u is-sigurtà soċjali;

(d)

is-sigurtà interna tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni, inklużi n-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tagħhom;

(e)

il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ksur tal-etika għal professjonijiet regolati;

(f)

funzjoni ta’ monitoraġġ, ta’ spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, anke jekk okkażjonalment, mal-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali fil-każijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c);

(g)

il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn;

(h)

l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili.

2.   Bħala applikazzjoni speċifika tal-finijiet deskritti fil-paragrafu 1 ta’ hawn fuq, l-FCH 2 JU tista’ tapplika restrizzjonijiet fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

b’rabta ma’ data personali skambjata mas-servizzi tal-Kummissjoni jew ma’ istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni;

meta tali servizz tal-Kummissjoni, istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-Unjoni, ikun intitolat li jirrestrinġi l-eżerċizzju tad-drittijiet elenkati abbażi ta’ atti oħra previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jew f’konformità mal-Kapitolu IX ta’ dan ir-Regolament jew mal-atti kostituttivi ta’ istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni;

meta l-fini ta’ tali restrizzjoni minn dak is-servizz tal-Kummissjoni, istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-Unjoni jkun ipperikolat jekk l-impriża konġunta ma tapplikax restrizzjoni ekwivalenti fir-rigward tal-istess data personali.

(b)

b’rabta ma’ data personali skambjata mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;

meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu intitolati li jirrestrinġu l-eżerċizzju tad-drittijiet elenkati abbażi tal-atti msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jew taħt miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 13(3), 15(3) jew 16(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

meta l-fini ta’ tali restrizzjoni minn dik l-awtorità kompetenti jkun ipperikolat jekk l-impriża konġunta ma tapplikax restrizzjoni ekwivalenti fir-rigward tal-istess data personali.

(c)

b’rabta ma’ data personali skambjata ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, fejn ikun hemm evidenza ċara li l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi x’aktarx jipperikola l-kooperazzjoni tal-impriża konġunta ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fit-twettiq tal-kompiti tagħha.

Qabel ma tapplika r-restrizzjonijiet fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, l-FCH 2 JU għandha tikkonsulta s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-aġenziji, tal-uffiċċji tal-Unjoni jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sakemm ma jkunx ċar għall-FCH 2 JU li l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni tkun prevista minn wieħed mill-atti msemmija f’dawk il-punti.

Artikolu 5

Restrizzjonijiet tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data

1.   F’każijiet debitament ġustifikati u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni, id-drittijiet li ġejjin jistgħu jiġu ristretti mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar elenkati fil-paragrafu 2 hawn taħt meta dan ikun meħtieġ u proporzjonat:

(a)

Id-dritt għall-informazzjoni;

(b)

Id-dritt ta’ aċċess;

(c)

Id-dritt ta’ rettifika, tħassir u restrizzjoni ta’ pproċessar;

(d)

Id-dritt għal komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data;

(e)

Id-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi;

2.   F’konformità mal-Artikolu 25(2)(a) tar-Regolament (UE) 2018/1725, f’każijiet ġustifikati u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-deċiżjoni, jistgħu jiġu applikati restrizzjonijiet mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar li ġejjin:

(a)

it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinari;

(b)

attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF;

(c)

proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta;

(d)

proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta’ fastidju (7);

(e)

ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni;

(f)

awditi interni;

(g)

l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(h)

investigazzjonijiet ta’ sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE);

(i)

fil-qafas tal-ġestjoni tal-għotjiet jew il-proċedura tal-akkwist, wara d-data tal-għeluq tal-preżentazzjoni tas-sejħiet għal proposti jew l-applikazzjoni tal-offerti (8);

Ir-restrizzjoni għandha tkompli tapplika dment li jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawha.

3.   Meta l-impriża konġunta tirrestrinġi, b’mod sħiħ jew parzjali, l-applikazzjoni tad-drittijiet fil-paragrafu 1 ta’ hawn fuq, hija għandha tieħu l-passi stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-Deċiżjoni.

4.   Meta s-suġġetti tad-data jitolbu aċċess għad-data personali tagħhom ipproċessata fil-kuntest ta’ każ speċifiku wieħed jew aktar, jew għal operazzjoni ta’ pproċessar partikolari, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-FCH 2 JU għandha tillimita l-valutazzjoni tagħha tat-talba għal din id-data personali biss.

Artikolu 6

Ħtieġa u proporzjonalità tar-restrizzjonijiet

1.   Kull restrizzjoni deskritta fl-Artikolu 5 għandha tkun meħtieġa u proporzjonata, filwaqt li jitqiesu r-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data u li jiġi rrispettat il-qofol tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali f’soċjetà demokratika.

2.   Jekk titqies l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni, għandu jitwettaq test tan-neċessità u tal-proporzjonalità abbażi tar-regoli preżenti. It-test għandu jitwettaq ukoll fil-qafas tar-rieżami perjodiku, wara li ssir valutazzjoni dwar jekk ir-raġunijiet fattwali u legali għal restrizzjoni għadhomx japplikaw. Għandha tkun iddokumentata permezz ta’ nota ta’ valutazzjoni interna għal skopijiet ta’ responsabbiltà abbażi ta’ każ b’każ.

3.   Ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu temporanji u jridu jitneħħew malli ma jkunux għadhom japplikaw iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawhom. B’mod partikolari, meta jitqies li l-eżerċitar tad-dritt ristrett ma jibqax iħassar l-effett tar-restrizzjoni imposta jew jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet jew il-libertajiet ta’ suġġetti tad-data oħra.

L-impriża konġunta għandha tirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjoni kull sitt xhur mill-adozzjoni tagħha u fl-għeluq tal-inkjesta, proċedura jew investigazzjoni rilevanti. Imbagħad, kull sitt xhur, il-kontrollur għandu jimmonitorja l-ħtieġa li tinżamm kwalunkwe restrizzjoni.

4.   Meta l-FCH 2 JU tapplika, b’mod sħiħ jew parzjali, ir-restrizzjonijiet deskritti fl-Anness 5 ta’ din id-Deċiżjoni, hija għandha tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni, ir-raġuni legali skont il-paragrafu 1 ta’ hawn fuq, inkluż valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni.

Għandhom jiġu rreġistrati r-rekord u, fejn applikabbli, id-dokumenti li jinkludu l-elementi fattwali u legali sottostanti. Dawn għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba.

Artikolu 7

Obbligu li tingħata informazzjoni

1.   L-FCH 2 JU għandha tinkludi fl-avviżi tal-protezzjoni tad-data, dikjarazzjonijiet ta’ privatezza jew rekords skont it-tifsira tal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2018/1725, ippubblikati fuq is-sit web tagħha u/jew fuq l-intranet biex tinforma lis-suġġetti tad-data bid-drittijiet tagħhom fil-qafas ta’ proċedura partikolari, informazzjoni relatata mar-restrizzjoni potenzjali ta’ dawn id-drittijiet. L-informazzjoni għandha tkopri liema drittijiet jistgħu jiġu ristretti, ir-raġunijiet u t-tul ta’ żmien potenzjali.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(4), l-FCH 2 JU, fejn proporzjonat, għandha tinforma wkoll individwalment lis-suġġetti kollha tad-data, li huma kkunsidrati bħala persuni kkonċernati fl-operazzjoni speċifika ta’ pproċessar, bid-drittijiet tagħhom b’rabta mar-restrizzjonijiet preżenti jew futuri mingħajr dewmien bla bżonn u bil-miktub.

2.   Meta l-FCH 2 JU tirrestrinġi, b’mod sħiħ jew parzjali, id-drittijiet stipulati fl-Artikolu 5, hija għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tiegħu għat-talba, bir-restrizzjoni applikata u bir-raġunijiet prinċipali għaliha, u bil-possibbiltà li jista’ jressaq ilment lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

Il-forniment ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 ta’ hawn fuq jista’ jiġi differit, jitħalla barra jew jiġi miċħud, jekk dan ikun jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni f’konformità mal-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 8

Rieżami mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

1.   L-FCH 2 JU għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinforma lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (“UPD”) tal-impriża konġunta kull meta l-kontrollur jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, jew jestendi r-restrizzjoni, skont din id-Deċiżjoni. Il-kontrollur għandu jipprovdi aċċess lill-UPD għar-rekord li jinkludi l-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni, u jiddokumenta fir-rekord id-data li fiha jinforma lill-UPD.

2.   L-UPD jista’ jitlob lill-kontrollur bil-miktub biex jirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet. Il-kontrollur għandu jinforma lill-UPD bil-miktub dwar l-eżitu tar-rieżami mitlub.

3.   L-UPD għandu jkun involut matul il-proċedura kollha. Il-kontrollur għandu jinforma lill-UPD meta tkun tneħħiet ir-restrizzjoni.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Mejju 2020.

Għall-Bord ta’ Tmexxija tal-FCH 2 JU

Valérie BOUILLON-DELPORTE

President tal-Bord ta’ Tmexxija


(1)   ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(2)   ĠU L 169, 7.6.2014, p. 108.

(3)  F’każijiet ta’ kontrollur konġunt, id-data jenħtieġ li tiġi pproċessata b’mod konformi mal-mezzi u l-finijiet stabbiliti fil-ftehim rilevanti fost il-kontrolluri konġunti kif definit fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(4)  Din il-lista mhix eżawrjenti.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(7)  Din l-operazzjoni ta’ pproċessar ma għandhiex tapplika għall-Artikolu 5(1)(d).

(8)  Din l-operazzjoni ta’ pproċessar għandha tapplika biss għall-Artikolu 5(1)(c).


Top