Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020H1052

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1052 tas-16 ta’ Lulju 2020 li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni

    ST/9596/2020/INIT

    ĠU L 230, 17.7.2020, p. 26–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2020/1052/oj

    17.7.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 230/26


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1052

    tas-16 ta’ Lulju 2020

    li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni

    KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(b) u (e) u l-Artikolu 292, l-ewwel u t-tieni sentenza tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fit-30 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (1) (“Rakkomandazzjoni tal-Kunsill”).

    (2)

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tipprevedi li jenħtieġ li l-Istati Membri jneħħu gradwalment ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE mill-1 ta’ Lulju 2020 b’mod ikkoordinat fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Jenħtieġ li l-lista tal-pajjiżi terzi msemmija fl-Anness I tkun riveduta kull ġimagħtejn u, jekk meħtieġ, aġġornata mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-aġenziji u s-servizzi rilevanti tal-UE wara valutazzjoni ġenerali bbażata fuq il-metodoloġija, il-kriterji u l-informazzjoni msemmija fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

    (3)

    Minn dak iż-żmien ’l hawn saru diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-aġenziji u s-servizzi rilevanti tal-UE, dwar ir-rieżami tal-lista ta’ pajjiżi terzi stabbilita fl-Anness I għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u fl-applikazzjoni tal-kriterji u l-metodoloġija stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Bħala riżultat ta’ dawn id-diskussjonijiet, il-lista ta’ pajjiżi terzi stabbilita fl-Anness I jenħtieġ li tiġi emendata. B’mod partikolari, is-Serbja u l-Montenegro jenħtieġ li jitħassru mil-lista.

    (4)

    Il-kontrolli fuq il-fruntieri mhumiex biss fl-interess tal-Istat Membru li fil-fruntieri esterni tiegħu jsiru dawn il-kontrolli, iżda tal-Istati Membri kollha li abolixxew il-kontrolli fil-fruntieri interni. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri meħuda fil-fruntieri esterni jkunu kkoordinati sabiex jiżguraw żona Schengen li tiffunzjona tajjeb. Għal dak il-għan, mis-16 ta’ Lulju 2020, jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jneħħu r-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE b’mod koordinat fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill kif emendat b’din ir-Rakkomandazzjoni.

    (5)

    F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-TFUE, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Peress li din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jenħtieġ li d-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur, wara li l-Kunsill ikun ħa deċiżjoni dwar din ir-Rakkomandazzjoni, jekk hijiex ser timplimentaha.

    (6)

    Din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (2); Għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (7)

    Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (3).

    (8)

    Fir-rigward tal-Iżvizzera, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (4) moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (5).

    (9)

    Fir-rigward tal-Liechtenstein, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (6), moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/350/UE (7).

    ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-ewwel paragrafu tal-punt 1 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.

    Mis-16 ta’ Lulju 2020, l-Istati Membri għandhom ineħħu gradwalment ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE b’mod ikkoordinat fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I.”

    (2)

    L-Anness I għar-Rakkomandazzjoni huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “ANNESS I

    Pajjiżi terzi li r-residenti tagħhom ma għandhomx jiġu affettwati minn restrizzjoni temporanja fil-fruntieri esterni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE

    1.

    L-ALĠERIJA

    2.

    L-AWSTRALJA

    3.

    IL-KANADA

    4.

    IL-GEORGIA

    5.

    IL-ĠAPPUN

    6.

    IL-MAROKK

    7.

    NEW ZEALAND

    8.

    IR-RWANDA

    9.

    IL-KOREA T’ISFEL

    10.

    IT-TAJLANDJA

    11.

    IT-TUNEŻIJA

    12.

    L-URUGWAJ

    13.

    IĊ-ĊINA (*1)

    (*1)  soġġett għall-konferma tar-reċiproċità"

    Magħmul fi Brussell, IS-16 TA’ Lulju 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. ROTH


    (1)  ĠU L 208 I, 1.7.2020, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

    (3)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (4)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

    (6)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


    Top