EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D2063

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2063 tas-7 ta’ Diċembru 2020 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit il-Protokoll 2 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

ĠU L 424, 15.12.2020, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/2063/oj

15.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 424/29


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2063

tas-7 ta’ Diċembru 2020

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit il-Protokoll 2 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/998 (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2015.

(2)

Il-Ftehim jinkludi l-Protokoll 2 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (“il-Protokoll 2”). Skont l-Artikolu 3 tal -Protokoll 2, il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bl-Artikolu 115 tal-Ftehim (“il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni”) jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 2.

(3)

Fil-laqgħa li jmiss tiegħu, qabel tmiem l-2023, il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni ser jadotta deċiżjoni li temenda l-Ftehim billi tissostiwixxi l-Protokoll 2 (“deċiżjoni”).

(4)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni peress li d-deċiżjoni ser ikollha effetti legali vinkolanti fl-Unjoni.

(5)

Il-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE (2) u daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2012. Din tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-oġġetti nnegozjati skont il-ftehimiet bilaterali rilevanti ta’ kummerċ ħieles konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni, li japplikaw mingħajr preġudizzju għall-prinċipji stabbiliti f’dawk il-ftehimiet bilaterali.

(6)

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprevedi li kull Parti Kontraenti trid tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b’mod effettiv. Għal dak l-għan, id-deċiżjoni ser tintroduċi referenza dinamika għall-Konvenzjoni fil-Protokoll 2, sabiex dejjem issir referenza għall-aħħar verżjoni tal-Konvenzjoni fis-seħħ.

(7)

Id-diskussjonijiet dwar l-emenda tal-Konvenzjoni wasslu għal sett ġdid ta’ regoli tal-oriġini iżjed moderni u iżjed flessibbli li jridu jiġu inkorporati fil-Konvenzjoni. Sakemm tiġi konkluża u tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni l-Unjoni u l-Bożnija-Ħerzegovina qablu li japplikaw kemm jista’ jkun malajr sett alternattiv ta’ regoli tal-oriġini bbażati fuq dawk tal-Konvenzjoni emendata, li jistgħu jintużaw b’mod bilaterali bħala regoli tal-oriġini alternattivi għal dawk stabbiliti fil-Konvenzjoni (“Regoli tranżitorji”). Għal dak il-għan, id-deċiżjoni ser tipprevedi wkoll ir-Regoli tranżitorji

(8)

Fiż-żona tal-akkumulazzjoni kostitwita mill-Istati tal-EFTA, il-Gżejjer Faeroe, l-Unjoni Ewropea, r-Repubblika tat-Turkija, il-parteċipanti fil-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Georgia u l-Ukrajna, jenħtieġ li tinżamm il-possibbiltà li jintużaw iċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 jew dikjarazzjoni tal-oriġini minflok iċ-ċertifikati EUR-MED jew id-dikjarazzjoni tal-oriġini EUR-MED bħala deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni applikabbli għall akkumulazzjoni dijagonali fost dawk il-parteċipanti,

(9)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit il-Protokoll 2 tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni (3).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha u għandha tiskadi fit-31 ta’ Diċembru 2023.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/998 tal-21 ta’ April 2015 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (ĠU L 164 30.6.2015, p. 548).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE tas-26 ta’ Marzu 2012 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L 54, 26.2.2013, p. 3).

(3)  Ara d-dokument ST 11065/20 fuq is-sit web http://register.consilium.europa.eu


Top